Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2148(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0359/2008

Testi mressqa :

A6-0359/2008

Dibattiti :

PV 08/10/2008 - 15
CRE 08/10/2008 - 15

Votazzjonijiet :

PV 09/10/2008 - 7.14
CRE 09/10/2008 - 7.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0476

Testi adottati
PDF 502kWORD 122k
Il-Ħamis, 9 ta' Ottubru 2008 - Brussell
Is-segwitu tal-proċess Lamfalussy: l-istruttura futura ta' sorveljanza
P6_TA(2008)0476A6-0359/2008
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-proċess Lamfalussy: l-istruttura futura ta' sorveljanza (2008/2148(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji(1),

–   wara li kkunsidra s-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra(3),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta" intrapriżi tal-assigurazzjoni(4),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta" Mejju 1994 dwar skemi ta" garanzija għal depożiti(5),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 dwar ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu(6),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju(7),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji(8),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat(9),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-istabbiliment u l-eżerċizzju tal-attività ta" istituzzjonijiet ta" kreditu (riformulazzjoni)(10),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji tal-investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu (riformulazzjoni)(11),

–   wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-insegwiment tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (riformulazzjoni) (COM(2008)0119),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2004 dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra Mġiba Ħażina Korporattiva u Finanzjarja (COM(2004)0611),

   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/913/KE tal-14 ta' Diċembru 2004 dwar it-trawwim ta' reġim xieraq għar-rimunerazzjoni tad-diretturi ta' kumpaniji kkwotati fil-borża(12),

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji (2005-2010 - White Paper(13) ), tal-4 ta' Lulju 2006 dwar il-konsolidazzjoni tal-industrija tas-servizzi finanzjarji(14), tat-28 ta' April 2005 dwar l-istat attwali tal-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-UE(15) u tal-21 ta' Novembru 2002 dwar ir-regoli ta' sorveljanza prudenti ta' l-Unjoni Ewropea(16),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Forum ta' Stabilità Finanzjarja dwar it-Titjib tar-Reżiljenza tas-Swieq u ta' dik Istituzzjonali tas-7 ta' April 2008,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-arranġamenti tal-UE għall-qafas ta' sorveljanza u l-istabbiltà finanzjarja, adottati fl-14 ta' Mejju 2008, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kwistjonijiet relatati wara l-laqgħat tiegħu tat-3 ta' Ġunju 2008, l-4 ta' Diċembru 2007 u d-9 ta' Ottubru 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 192(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0359/2008),

A.   billi għadha għaddejja r-reviżjoni tad-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE u saret proposta mhix mistennija dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu,

B.   billi l-Kummissjoni ma indirizzatx sensiela ta' talbiet mill-Parlament, fosthom dawk li saru fir-riżoluzzjonijiet tagħha msemmija hawn fuq u billi l-lista ta' rakkomandazzjonijiet dwar kif tista' titjieb il-funzjoni tas-sorveljanza tas-swieq finanzjarji tidher fl-Anness,

C.   billi s-sorveljanza finanzjarja ma żammitx il-pass mal-integrazzjoni tas-swieq u l-evoluzzjoni globali tas-swieq finanzjarji titlob li s-sistemi ta' regolamentazzjoni u ta' sorveljanza attwali jiġu aġġornati sabiex ikunu indirizzati r-riskji sistematiċi, jipprovdu stabilità finanzjarja, jilħqu l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea u jagħtu kontribut biex titjieb il-governanza finanzjarja globali,

D.   billi kull suġġeriment tal-Parlament Ewropew għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji, u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fl-Anness jeħtieġ li jkunu żviluppati b'konsultazzjoni mal-awtoritajiet ta' sorveljanza, mal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u ma' entitajiet rilevanti oħra,

E.   billi qiegħed jikber l-għadd ta' banek pan-Ewropej li l-attivitajiet tagħhom huma mifruxa f'bosta Stati Membri; billi r-rabta mill-qrib bejn bosta awtoritajiet nazzjonali ħolqot kumplessità u ċajpret il-linji ta' responsabilità, b'mod speċjali għas-sorveljanza prudenzjali fil-livell makro u għall-immaniġġjar tal-kriżijiet,

F.   billi l-kriżi finanzjarja attwali, li faqqgħet minħabba l-ipoteki subprime fl-Istati Uniti u prodotti li ġejjin minnhom, issa nfirxet mad-dinja kollha minħabba n-natura dejjem aktar integrata tas-swieq, u dan isaħħaħ l-indikazzjoni li r-regolamentazzjoni u s-sorveljanza attwali tas-swieq finanzjarji mhijiex konverġenti biżżejjed kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak internazzjonali; billi riforma tar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tas-swieq finanzjarji għalhekk għandha tintlaqa' tajjeb,

G.   billi l-kriżi wasslet għal restrizzjoni ta' kreditu li ġiebet magħha żieda fil-prezz tal-kreditu għal ħafna operaturi tas-swieq; billi t-taqlib attwali fis-swieq finanzjarji jista' jagħmel pressjoni fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi,

H.   billi l-medjazzjoni fis-swieq kapitali u forom ġodda ta' vetturi finanzjarji ġiebu magħhom kemm benefiċċji kif ukoll sorsi ġodda ta' riskju sistematiku b'mod globali,

I.   billi l-mudell "mill-produzzjoni sad-distribuzzjoni" saħħaħ il-kompetizzjoni u firex ir-riskji; billi madankollu dak il-mudell dgħajjef l-inċentivi għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskju u wassal biex f'xi każijiet titkisser id-diliġenza dovuta,

J.   billi prattiki mhux xierqa bħall-immaniġġjar inadegwat tar-riskju, is-self irresponsabbli, id-dejn eċċessiv (leverage), id-diliġenza dovuta dgħajfa u l-irtirar tal-likwidità bla mistenni jippreżentaw riskji sinifikanti għall-istituzzjonijiet finanzjarji u jistgħu jheddu l-istabilità finanzjarja,

K.   billi t-tekniki innovattivi, li kienu mfassla biex inaqqsu r-riskju fuq il-livell mikro u kienu konformi mar-regolamenti stess, jistgħu jwasslu għall-konċentrazzjoni tar-riskju u u r-riskju sistematiku,

L.   billi jrid ikun evitat l-arbitraġġ regolatorju li jagħmel il-ħsara,

M.   billi l-banek fl-Ewropa qed isiru dejjem aktar trans-konfinali u l-ħtieġa li jkun hemm risposta koordinata għax-xokkijiet serji, kif ukoll il-ħtieġa li r-riskji lis-sistema jkunu indirizzati b'mod effikaċi, jeżiġu li jkun hemm tnaqqis sinjifikattiv fid-divrenzjar bejn is-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri; billi hemm ħtieġa li wieħed imur lil hinn mill-istudji diġa mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea f'dan ir-rigward u sabiex tkun emendata d-Direttiva 94/19/KE malajr kemm jista' jkun sabiex jingħata l-istess livell ta' protezzjoni għad-depożiti bankarji fl-Unjoni Ewropea kollha sabiex tkun ippreservata l-istabbilita finanzjarja u l-fiduċja ta' dawk li jagħmlu d-depożiti u sabiex ikun evitat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni,

N.   billi livelli xierqa ta' trasparenza lejn il-pubbliku, l-investituri u l-awtoritajiet ta' sorveljanza jridu jkunu ggarantiti,

O.   billi l-iskemi ta' kumpens li jirriflettu r-rendiment individwali u tal-intrapriżi m'għandhomx jippremjaw ir-riskju eċċessiv għal żmien qasir, bi ħsara għar-rendiment u l-prudenza meħtieġa għal żmien itwal,

P.   billi l-kunflitti ta' interess, li jistgħu joħorġu mill-mudell ta' negozju li jintuża minn xi istituzzjonijiet finanzjarji, mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, u mill-kumpaniji tal-awdituri u tal-avukati, għandhom ikunu indirizzati u mmonitorjati,

Q.   billi l-fallimenti tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu rigward il-prodotti ta' struttura kumplessa u l-kunċett żbaljat tat-tifsira ta' klassifikazzjoni min-naħa tal-parteċipanti fis-swieq kienu fatturi li wasslu għal ekonomiji esterni sostanzjalment negattivi u għal inċertezzi fis-swieq; billi jeħtieġ li l-proċeduri tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jkunu riveduti,

R.   billi proposti ta' awtoregolazzjoni li saru mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għad ma kinux ittestjati u x'aktarx li mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu mal-irwol ċentrali li għandhom fis-sistema finanzjarja,

S.   billi l-integrazzjoni tas-swieq, li hija ta' benefiċċju b'mod ġenerali, għandha tkun akkumpanjata minn strateġija integrata b'mod xieraq għas-sorveljanza, u dan jevita wkoll il-burokrazija żejda u hu konsistenti ma' politiki ta' regolamentazzjoni aħjar,

T.   billi l-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni komprensiva tal-impatt ta' proposta leġiżlattiva,

U.   billi l-Unjoni Ewropea trid regolamentazzjoni u sorveljanza li jkunu implimentati b'mod iktar konsistenti u effikaċi, imma li ma jkunux ta' piż żejjed, sabiex timmitiga r-riskju ta' kriżijiet finanzjarji futuri u biex tiżgura kundizzjonijiet indaqs bejn pajjiż u ieħor u bejn il-parteċipanti kollha fis-suq; billi l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol internazzjonali minn ta' quddiem u għandha ssaħħaħ l-implimentazzjoni u l-konverġenza konsistenti tar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tagħha,

V.   billi tinħtieġ reviżjoni komprensiva tal-arranġamenti regolatorji u ta' sorveljanza attwali fl-UE, kif ukoll inizjattivi għat-titjib tal-koperazzjoni globali fis-sorveljanza li jkopru l-qafas tal-adegwatezza tal-kapital, it-trasparenza u l-governanza bħala rekwiżiti fundamentali għall-arranġamenti regolatorji u ta' sorveljanza effikaċi b'mod li jkun ikkoordinat,

W.   billi l-istrateġija ta' sorveljanza għandha tkun adattata għall-ispeċifiċitajiet tan-negozju u ta' xi aspetti tiegħu li huma diġà regolati; billi l-għanijiet tas-sorveljanza tas-swieq finanzjarji u tas-sorveljanza prudenzjali ta' istituzzjonijiet partikulari huma differenti,

X.   billi l-proposti għandhom iqisu n-negozjati dwar il-proposta tas-Solvency II u r-reviżjoni tad-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE,

Y.   billi jeħtieġ li l-koperazzjoni dwar is-sorveljanza tqis id-dimensjoni ta' pajjiżi terzi għas-sorveljanza tal-gruppi internazzjonali billi l-biċċa l-kbira tal-gruppi finanzjarji l-kbar fl-Unjoni Ewropea, jekk mhux kollha, għandhom interessi f'pajjiżi terzi,

Z.   billi wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2008, tal-4 ta' Diċembru 2007 u tad-9 ta' Ottubru 2007, diġà qiegħed isir programm kbir ta' ħidma biex isir titjib speċifiku għall-arranġamenti għall-koperazzjoni dwar is-sorveljanza fl-UE; billi qegħdin isiru wkoll programmi estensivi ta' ħidma fl-Unjoni Ewropea u mad-dinja kollha bil-għan li jinftiehmu l-kawżi tat-taqlib fis-swieq u biex issir reazzjoni xierqa,

AA.   billi għandu jitwaqqaf grupp ta' għorrief sal-ħarifa tal-2008 li jgħaqqad flimkien il-partijiet interessati differenti bħal kontrolluri, regolaturi u rappreżentanti tal-industrija, u li joħroġ b'viżjoni ta' sorveljanza għal żmien itwal; billi dan il-grupp għandu jkollu l-impenn li jiżviluppa mappa u pjan direzzjonali għal riforma radikali aktar fit-tul bil-għan li jkun hemm integrazzjoni istituzzjonali sħiħa; billi jmur lil hinn mill-arkitettura tas-sorveljanza finanzjarja, il-grupp għandu jindirizza wkoll kwistjonijiet bħal sett ta' regoli uniċi għas-sorveljanza finanzjarja, skema ta' garanzija ta' depożitu u reġim komuni ta' falliment li jikkorrispondu għal sistema finanzjarja u ta' sorveljanza integrata,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq quddiem il-Parlament, sal-31 ta" Diċembru 2008, fuq il-bażi tal-Artikolu 44, l-Artikolu 47(2), l-Artikolu 55, l-Artikolu 95, l-Artikolu 105(6), l-Artikolu 202, l-Artikolu 211 jew l-Artikolu 308 tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva, jew proposti, li tkopri l-kwistjonijiet imsemmija fir-rakkomandazzjonijiet dettaljati ta' hawn taħt;

2.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

3.  Iqis li, fejn ikun xieraq, l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta jew proposti mitluba għandhom ikunu koperti minn allokazzjonijiet tal-baġit tal-UE;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.
(2) ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.
(3) ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1.
(4) ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7.
(5) ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5.
(6) ĠU L 125, 5.5.2001, p. 15.
(7) ĠU L 35 , 11.2.2003, p. 1.
(8) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.
(9) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.
(10) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.
(11) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.
(12) ĠU L 385, 29.12.2004, p. 55.
(13) ĠU C 175E, 10.7.2008, .p. 392.
(14) ĠU C 303E, 13.12.2006, p. 110.
(15) ĠU C 45E, 23.2.2006, p. 140.
(16) ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 394.


ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

1.  Rakkomandazzjoni 1 - Prerekwiżiti bażiċi għall-arranġamenti regolatorji u ta' sorveljanza effettivi

Il-Parlament Ewropew iqis li l-atti leġiżlattivi li għandhom jiġu adottati għandu jkollhom l-għan li jirregolaw:

1.1.  Miżuri għat-titjib tal-qafas regolatorju għas-servizzi finanzjarji fl-UE:

Il-qafas tal-adegwatezza tal-kapital, b'mod partikulari:

   a) reviżjoni tar-regoli tar-rekwiżiti ta' kapital billi jsaħħu d-dispożizzjonijiet dwar l-immaniġġjar tar-riskju, il-likwidità u l-espożizzjoni b'mod konsistenti u, fejn ikun il-każ, b'mod antiċikliku għall-entitajiet kollha li joperaw fis-swieq finanzjarji, u jiżgura li jkun hemm rekwiżiti ta' kapital xierqa għall-entitajiet kollha li joperaw fis-swieq finanzjarji, filwaqt li jitqies ir-riskju sistematiku;
   b) titjib tar-reżiljenza tal-qafas tal-adegwatezza tal-kapital sabiex jilqa' għat-taħwid fis-swieq finanzjarji, filwaqt li jkunu osservati r-responsabilitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali għall-immaniġġjar tal-kriżijiet;
   c) garanzija li r-regoli jkunu antiċikliċi sakemm ikun possibbli;
   d) riforma tal-qafas biex itejjeb l-immaniġġjar tar-riskju; garanzija tal-adegwatezza tal-mudelli matematiċi u, skond il-każ, iwessa' l-firxa tax-xenarju u l-frekwenza tal-ittestjar tal-istress;
   e) garanzija ta' rekwiżiti ta' kapital xierqa għall-prodotti finanzjarji u derivattivi kumplessi;
   f) garanzija tar-rivelazzjoni ta' operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ, vetturi ta' investiment strutturat (SIVs) u kwalunkwe faċilità ta' għajnuna għal-likwidità, u garanzija ta' evalwazzjoni kif suppost tar-riskji li dawn jippreżentaw, sabiex il-parteċipanti fis-swieq ikunu jafu bl-eżistenza ta' dawn il-vetturi u kif jaħdmu.

1.2.  Miżuri għat-titjib tat-trasparenza:

   (a) Titolizzazzjoni: trawwim tat-trasparenza, iċ-ċarezza, u l-għoti ta' dejta (kull tliet xhur) dwar prodotti finanzjarji kumplessi u l-proċess ta' titolizzazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi tal-industrija li għaddejjin bħalissa; garanzija li t-titolizzazzjoni u l-proċess ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ma jirriżultawx f'żieda mhix ġustifikata fil-valur totali tal-prodott titolizzat lil hinn mill-valur tal-assi bażi;
   (b) Prodotti Finanzjarji Kumplessi (CFS): garanzija li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jużaw terminoloġija ta' klassifikazzjoni konsistenti u xierqa li tikkjarifika kif prodotti bħal dawn huma differenti minn xulxin, b'mod speċjali rigward il-volatilità, il-kumplessità u l-vulnerabilità għall-istress tas-swieq, filwaqt li titqies il-ħtieġa għall-investituri li jiżviluppaw proċeduri għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta' prodotti strutturati bla ma wieħed jistrieħ biss fuq il-klassifikazzjonijiet;
  (c) Regoli ta' kontabilità, klassifikazzjoni u pprezzar:
   i) garanzija ta' trattament ta' kontabilità xieraq tal-vetturi ta' titolizzazzjoni materjali, sabiex il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji ma jkunux jistgħu jħallu barra mill-karta tal-bilanċ, b'mod artifiċjali, vetturi bi skop speċjali jew SIVs, eċċ.;
   ii) garanzija li r-regoli dwar l-istandards ta' klassifikazzjoni u l-ipprezzar ta' prodotti finanzjarji kumplessi jkunu xierqa, b'mod partikulari fil-kuntest tal-IAS 39, għandhom ikunu implimentati b'koperazzjoni mal-IASB u ma' entitajiet internazzjonali oħra kompetenti;
   (d) Swieq mhux regolati: iż-żieda fit-trasparenza fis-swieq over-the-counter (OTC) rigward il-likwidità tagħhom, l-indirizzar ta' sorsi ewlenin ta' riskju sistematiku (jiġifieri, riskju ta' konċentrazzjoni mill-kontroparti) u, fejn ikun xieraq, kuraġġ biex il-parteċipanti fis-swieq japprovaw in-negozju OTC fil-kmamar tal-ikklerjar.

1.3.  Miżuri ta' governanza:

   (a) Titolizzazzjoni: Rekwiżit li l-emittenti jevalwaw u jimmonitorjaw ir-riskju u jiggarantixxu t-trasparenza tad-dejn jew l-ipoteki li joħorġu huma biex jippermettu lill-investituri li jwettqu d-diliġenza dovuta suffiċjenti;
   (b) Skemi ta' rimunerazzjoni: garanzija li l-istituzzjonijiet finanzjarji jiżvelaw il-politika ta' rimunerazzjoni tagħhom, inkluż id-dritt li wieħed ibigħ jew jixtri titoli bi prezz fiss fi żmien speċifikat (stock options), b'mod partikulari r-rimunerazzjoni u l-pakketti ta' kumpens tad-diretturi; garanzija li t-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu d-diretturi jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji; garanzija li l-kontrolluri prudenzjali jinkludu fl-evalwazzjoni tagħhom tal-immaniġġjar tar-riskju l-influwenza tal-iskemi ta' rimunerazzjoni, l-iskemi ta' bonus u t-tassazzjoni, biex ikun żgurat li dawn ikun fihom inċentivi bilanċjati u ma jinkoraġġux it-teħid ta' riskji estremi;
   (c) Reġim ta' responsabilità tal-intrapriżi: garanzija li jkunu stabbiliti r-reġimi ta' responsabilità li jipprovdu għal multi u pieni oħra xierqa għal min jonqos li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji, u li jippermettu li l-istaff eżekuttiv fl-istituzzjonijiet finanzjarji jiġi sospiż jew skwalifikat milli jaħdem mis-settur finanzjarju kollu, jew partijiet minnu, fil-każ ta' ksur ta' dmirijiet jew ta' negozju illeċitu;
   (d) L-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu: miżuri li jindirizzaw, pereżempju, kunflitti ta' interess, sistemi ta' assigurazzjoni ta' kwalità u ta' superviżjoni b'manjiera konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet meqjusa tal-Forum għall-Istabilità Finanzjarja, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titolizzazzjoni, il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titolizzazzjoni u l-Grupp ta' Esperti Ewropej tat-Titolizzazzjoni tas-Swieq dwar it-titjib potenzjali tal-proċessi ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, filwaqt li jittieħdu lezzjonijiet skond il-każ mis-superviżjoni tal-awdituri; jitqiesu b'mod partikulari: it-trasparenza fil-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni, tal-premessi u t-testijiet ta' prova; biex il-kontrolluri jkunu jistgħu jitolbu "sekwenza ta' verifika" tal-korrispondenza tal-emittent jew tal-aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu u biex jiġu notifikati fil-każ ta' tħassib sinifikanti dwar il-mudelli; garanzija li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jgħaddu tagħrif imtejjeb dwar il-karatteristiċi partikulari ta' prodotti tad-dejn kumplessi, prodotti marbuta mal-ipoteki u d-dejn tradizzjonali, u li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni japplikaw simboli differenti għall-klassifikazzjoni ta' prodotti kumplessi ta' dejn, prodotti marbuta mal-ipoteki u d-dejn tradizzjonali; garanzija li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jipprovdu trasparenza mtejba dwar il-metodoloġija u l-kriterji rilevanti għall-klassifikazzjoni partikulari ta' prodotti kumplessi tad-dejn, prodotti marbuta mal-ipoteki u dejn tradizzjonali.

2.  Rakkomandazzjoni 2 - Stabilità finanzjarja u miżuri ta' riskju sistematiku

Il-Parlament Ewropew iqis li l-atti leġiżlattivi li għandhom jiġu adottati għandu jkollhom l-għan li jirregolaw:

   (a) L-istabilità finanzjarja u r-riskji sistemiċi: twaqqif ta' bażijiet tad-dejta, xenarji li jħarsu lejn il-ġejjieni, politiki għas-sorveljanza prudenzjali fil-livell makro u l-istabilità finanzjarja, kif ukoll sistema ta' twissija bikrija u garanzija li l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ESCB) u l-Kumitat tal-Kontrolluri Bankarji tal-ESCB (BSC) jieħdu sehem attiv fl-inizjazzjoni, fit-twettiq u fit-tħaddim tagħhom; garanzija li l-kontrolluri f'isem l-UE u l-banek ċentrali għandhom jipprovdu informazzjoni prudenzjali fil-livell mikro li tkun miġbura, mhux pubblika u kunfidenzjali lill-BĊE, permezz tal-Kumitat tal-Kontrolluri Bankarji (BSC), sabiex dan ikun jista' jwettaq il-funzjoni tiegħu u jevita r-riskju sistematiku;
  (b) Arranġamenti tal-UE biex ikunu evitati, immaniġġjati u solvuti l-kriżijiet: b'mod partikulari:
  i) titjib kif meħtieġ tal-arranġamenti biex ikunu evitati u mmaniġġjati l-kriżijiet fil-livell tal-UE, inklużi:
   - il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' riskji finanzjarji sistemiċi fil-livell tal-UE;
   - it-twaqqif ta' sistema ta' twissija bikrija u mekkaniżmu ta' intervent minn kmieni min-naħa tal-UE biex tittratta ma' entitajiet li jkunu dgħajfa jew qegħdin ifallu, fejn ikun ikkonċernat grupp finanzjarju transkonfinali tal-UE jew meta l-istabilità finanzjarja tal-UE tkun mhedda; mekkaniżmu bħal dan għandu jkun definit b'mod tajjeb u ċar, għandu jkun kapaċi jagħti spinta lill-azzjoni, u jikkonforma mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE;
   - il-faċilitazzjoni ta' trasferimenti ta' fondi transkonfinali fi ħdan grupp f'sitwazzjonijiet estremi billi jitqiesu l-interessi tal-kredituri tal-entitajiet individwali tal-grupp u b'kunsiderazzjoni għad-Direttiva 2001/24/KE;
   - il-ġestjoni ta' kriżijiet transkonfinali u l-kjarifika tar-regoli tal-għajnuna tal-Istat f'każijiet ta' kriżijiet transkonfinali;
   ii) titjib tal-arranġamenti għas-soluzzjoni ta' kriżijiet permezz tat-titjib tar-regoli tal-UE għall-istralċ u l-istipular tal-arranġamenti dwar il-qsim tal-piż fost l-Istati Membri rilevanti fil-każ ta' falliment fil-gruppi finanzjarji transkonfinali;
   c) garanzija li r-regoli tal-UE dwar il-garanziji ta' depożitu jkunu kkoordinati biżżejjed biex jiggarantixxu l-istess kundizzjonijiet għall-istituzzjonijiet finanzjarji; ir-regoli tal-UE dwar il-garanziji ta' depożitu għandhom ikunu riveduti b'urġenza sabiex ikun evitat d-divrenzjar arbitrarju bejn livelli ta' garanzija fl-Istati Membri li jistgħu iżidu aktar il-volatilità u jdagħjfu l-istabbilità finanzjarja minflok ma jżidu s-sigurtà u l-fiduċja tal-investituri biex ikomplu jagħtu appoġġ lill-iżvilupp ta' skemi ex-ante ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji; il-livell ta' rimborż għandu jiżdied b'mod sinifikanti u d-disponibilità tar-rimborżi lil klijenti tax-xiri bl-imnut fil-każ ta' istituzzjoni finanzjarja li tkun qiegħda tfalli għandha tkun iggarantita fi żmien raġonevoli fis-sitwazzjonijiet transkonfinali wkoll;
   d) regoli simili għandhom ikunu promossi għall-garanziji ta' assigurazzjoni, filwaqt li tiġi rikonoxxuta n-natura differenti tal-assigurazzjoni u l-operazzjonijiet bankarji;
   e) garanzija ta' diversità tas-swieq u kuraġġ lill-istituzzjonijiet li għandhom finanzjament jew obbligazzjonijiet għat-tul biex jiddiversifikaw is-swieq u r-riskji tal-likwidità.

3.  Rakkomandazzjoni 3 - Qafas ta' sorveljanza

Il-Parlament Ewropew iqis li l-atti leġiżlattivi li jiġu adottati għandu jkollhom l-għan li jintegraw u jikkompletaw is-sistema regolatorja u ta' sorveljanza attwali permezz tal-linji ta' gwida li ġejjin:

3.1.  Is-sorveljanza ta' gruppi finanzjarji transkonfinali kbar:

   a) sal-31 ta' Diċembru 2008, għandu jidħol regolament li jirrikjedi kulleġġi ta' kontrolluri għall-ikbar gruppi finanzjarji jew kumpaniji possedenti transkonfinali li joperaw fl-UE. Ir-regolament għandu jinkludi kriterji ċari għall-identifikazzjoni ta' gruppi finanzjarji jew kumpaniji possedenti transkonfinali li għalihon se jkunu obbligatorji kulleġġi bħal dawn. Fil-każ tal-involviment sostanzjali ta' pajjiżi terzi, għandhom ikunu evitati l-istrutturi paralleli separati, u l-kontrolluri tal-pajjiżi terzi jistgħu jkunu mistiedna biex jinvolvu ruħhom sakemm ikun raġonevoli u prattiku;
   b) il-kulleġġi għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti ta' awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza li jittrattaw is-sorveljanza prudenzjali. Ir-regolament għandu jinkludi prinċipji ċari biex jiġi deċiż liema awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza għandhom id-dritt li jkunu rappreżentati fil-kulleġġi mandatorji, b'kunsiderazzjoni għad-daqs tal-grupp fis-suq ta' Stat Membru, il-volum ta' operazzjonijiet transkonfinali, il-volum u l-valur tal-assi biex jirriflettu l-importanza tal-attivitajiet tal-grupp, filwaqt li jkun żgurat li jkunu rappreżentati l-Istati Membri kollha li fihom ikunu qegħdin joperaw l-intrapriża ewlenija, il-kumpaniji sussidjarji u l-fergħat importanti, u wkoll titqies il-ħtieġa li jiġu involuti kontrolluri minn pajjiżi terzi fejn ikun raġonevoli u prattiku. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-isfidi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-kontrolluri f'ekonomiji li qegħdin jirkupraw bil-ħeffa. Biex tinkiseb l-integrazzjoni fl-operazzjonijiet, il-kontrollur ewlieni għandu jkollu t-tmexxija tal-proċess sħiħ fil-kulleġġ, jiġifieri għandu jkun il-punt ċentrali ta' kuntatt għall-grupp finanzjarju, u jiżgura li l-kompiti u r-responsabilitajiet fil-kulleġġ jiġu ddelegati b'mod xieraq;
   c) il-kulleġġi għandhom ikunu preseduti normalment mill-kontrollur ta' konsolidazzjoni fis-sorveljanza minn Stat Membru fejn hi stabbilita l-amministrazzjoni ċentrali jew l-uffiċċju prinċipali fl-UE tal-gruppi finanzjarji jew kumpaniji possedenti transkonfinali. Il-kontrollur ewlieni għandu jospita u primarjament jipprovdi l-istaff għas-segretarjat;
   d) garanzija tal-ġbir, l-iskambju u l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti fost il-membri tal-kulleġġ u fost il-kontrolluri kollha involuti fl-UE u jsiru arranġamenti biex isir l-akbar skambju ta' informazzjoni possibbli mal-kontrolluri tal-pajjiżi terzi;
   e) il-kulleġġi għandhom jiddeċiedu, fejn ikun xieraq, permezz tas-sistema ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata bbażata fuq il-prinċipji u l-għanijiet li jiżguraw li jkun hemm konsistenza, trattament ġust u xieraq kif ukoll l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd.

3.2.  Konfigurazzjoni tas-sorveljanza tal-UE: Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3:

   a) sal-31 ta' Diċembru 2008, huwa meħtieġ regolament biex isaħħaħ u jikkjarifika l-istatus u r-responsabilità tal-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3, billi jagħtihom status legali proporzjonat mad-dmirijiet tagħhom, u jikkoordina u jissimplifika l-azzjonijiet tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-setturi differenti, isaħħilhom il-kompiti tagħhom u jiżgura li jkollhom staff u riżorsi xierqa.
   b) flimkien mad-dmirijiet ta' konsulenza, il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 għandhom jingħataw il-kompitu (u l-għodda u r-riżorsi) li jippromwovu b'mod attiv il-konverġenza fis-sorveljanza u kundizzjonijiet ugwali fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Il-kontrolluri nazzjonali għandhom ikunu impenjati fl-eżekuzzjoni tal-kompiti u d-deċiżjonijiet tal-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3. Dan għandu jkun inkluż fil-mandati tal-kontrolluri nazzjonali u l-mandati tagħhom għandhom ikunu konformi bejniethom.
   c) il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 għandhom iressqu pjan ta' ħidma annwali. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom japprovaw il-pjanijiet u r-rapporti ta' ħidma annwali.
   d) il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet fuq il-bażi tas-sistema ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata li tkun ġusta u xierqa li tieħu kont tad-daqs relattiv tas-settur finanzjarju u l-GDP ta' kull Stat Membru , kif ukoll tal-importanza sistematika tas-settur finanzjarja għall-Istat Membru; din il-proċedura għandha tintuża kemm fid-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' konverġenza ta' sorveljanza kif ukoll għall-pariri lill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni u r-regolamentazzjoni.
  (e) Il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 għandhom:
   i) jiżviluppaw proċeduri għall-forniment tad-dejta f'sitwazzjonijiet transkonfinali;
   ii) joħorġu rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi (makro) ta' prattiki ta' sorveljanza;
   iii) joħorġu linji gwida biex jiżguraw li l-prattiki ta' sorveljanza tal-kulleġġi jkunu koerenti u simplifikati;
   iv) jiżviluppaw proċeduri ta' medjazzjoni ta' kunflitti li jistgħu jqumu bejn il-membri tal-kulleġġi;
   v) ifasslu standards komuni għar-rappurtaġġ u rekwiżiti għall-forniment ta' dejta għall-gruppi, l-aħjar f'format li jista' jintuża għal ħafna skopijiet, bħall-XBRL (Extensible Business Reporting Language);
   vi) jirrappreżentaw lill-UE fil-korpi ta' kontrolluri tas-settur internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli;
   vii) jistabbilixxu proċess ta' bord ta' reviżjoni darba kull sena għal kull kulleġġ sabiex ikun żgurat li jkun hemm konverġenza fil-proċessi tal-kulleġġi. Il-bord ta' reviżjoni għandu jitwaqqaf bħala grupp konġunt tal-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 u tal-Kumitat tas-Sorveljanza Bankarja, b'dan tal-aħħar idaħħal il-perspettiva prudenzjali fil-livell makro li hija kruċjali sabiex tkun żgurata l-koperazzjoni mill-qrib bejn il-kontrolluri u l-banek ċentrali u sabiex ikunu mmaniġġjati tajjeb is-sitwazzjonijiet ta' kriżi.
   f) iċ-chairmen tal-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 għandhom jiltaqgħu b'mod regolari biex tissaħħaħ il-koperazzjoni u l-koerenza transkonfinali bejn it-tliet Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3. Safejn ikun possibbli għandha tintuża l-medjazzjoni biex ikunu solvuti kwistjonijiet fl-ewwel istanza mal-medjatur(i) miftiehma mill-partijiet involuti fil-kwistjoni kkunsidrata. Fin-nuqqas ta" dan, grupp magħmul miċ-chairmen tal-Kumitati tal-Lamfalussy tal-Livell 3, flimkien ma" chairman u viċi-chairman indipendenti, għandhom jingħataw is-setgħat legali biex imexxu medjazzjoni u fejn ikun xieraq, jintervjenu biex isolvu kunflitti bejn is-superviżuri fl-istruttura ta" kulleġġi u kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 settorjali; Iċ-chairman u l-viċi-chairman għal dak il-grupp ta" koordinazzjoni tal-Kumitat Lamfalussy Livell 3 għandhom ikunu nnominati mill-Kummissjoni u approvati mill-Parlament għal terminu ta" ħames snin.
  g) flimkien għandhom:
   i) jikkoordinaw il-ħidma bejn il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3;
   ii) jipprovdu dejta u statistika komuni;
   iii) jikkoperaw mal-Kumitat tas-Sorveljanza Bankarja u mal-BĊE bl-għan li jiġu kkoordinati l-kwistjonijiet ta' stabilità finanzjarja;
   iv) fejn jinħtieġ, jistabbilixxu arranġamenti biex jiġu trattati kunflitti li jistgħu jqumu bejn il-kontrolluri nazzjonali u/jew settorjali li jieħdu sehem fil-kulleġġi, jew bejn il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3;
   v) jippromwovu kultura Ewropea ta' sorveljanza għall-ġejjieni li tkun solida u sostenibbli u li tipprovdi integrazzjoni u koordinazzjoni transsettorjali u transkonfinali aħjar;
   h) ifasslu arkitettura ta' sorveljanza li tkun solida u sostenibbli u li tipprovdi integrazzjoni u koordinazzjoni transsettorjali u transkonfinali aħjar.

3.3.  Arranġamenti għas-sorveljanza tal-istabilità finanzjarja tal-UE

   a) sal-31 ta' Diċembru 2008, hija meħtieġa proposta għall-arranġamenti għas-sorveljanza tal-istabilità finanzjarja fil-livell tal-UE. Dawk l-arranġamenti għandhom jiżguraw il-ġbir u l-analiżi effikaċi ta' informazzjoni prudenzjali fil-livelli mikro u makro sabiex ikun identifikat minn kmieni l-potenzjal ta' riskju għall-istabilità finanzjarja, integrat mal-ħidma globali dwar l-istabilità finanzjarja. Dawk l-arranġamenti għandhom jippermettu lill-kontrolluri u lill-banek ċentrali tal-UE biex jirreaġixxu fil-pront u jiżviluppaw forza ta' reazzjoni rapida għal sitwazzjonijiet ta' kriżi b'impatt sistemiku fuq l-Unjoni Ewropea.
   b) l-arranġamenti għas-sorveljanza għandhom, b'mod importanti, jimmiraw lejn it-tisħiħ tar-rabtiet orizzontali bejn il-politika ekonomika fuq livell makro u s-sorveljanza tas-swieq finanzjarji. F'dan ir-rigward, l-irwol tal-BĊE għandu jissaħħaħ. Għandhom ikunu żviluppati l-proċeduri għall-koperazzjoni u għall-qsim tal-informazzjoni bejn il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali/il-Kumitat għas-Sorveljanza Bankarja.
  c) il-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom ikunu indirizzati jinkludu:
   i) it-twaqqif ta' sistema kif suppost għall-ġbir u l-iskambju ta' dejta ta' sorveljanza;
   ii) l-analiżi u l-elaborazzjoni ta' din id-dejta;
   iii) l-iżvilupp ta' proċeduri għall-forniment u l-ġbir ta' dejta kunfidenzjali;
   iv) l-għotja ta' sinjali ta' twissija bikrija dwar id-dinamiki li jistgħu jipperikolaw l-istabilità tas-sistema finanzjarja;
   v) il-mekkaniżmi għal forza ta' reazzjoni rapida fil-każ ta' theddida għall-istabilità finanzjarja;
   vi) ir-rappreżentazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-korpi internazzjonali tal-kontrolluri, bħall-Forum ta' Stabilità Finanzjarja, u l-identifikazzjoni ta' kontroparti tal-UE għall-kontrolluri fi bnadi oħra tad-dinja.

Avviż legali - Politika tal-privatezza