Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar il-bini ta' Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw li huma l-aktar vulnerabbli għat-tibdil fil-klima (2008/2131(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2007 bit-titolu "Il-bini ta' Alleanza Globali dwar il-Bidla fil-Klima (GCCA) bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qed jiżviluppaw u li huma l-aktar vulnerabbli għall-bidla fil-klima" (COM(2007)0540),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta" l-20 ta" Novembru 2007 dwar L-Alleanza Globali għall-Bidla fil-Klima bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi fqar li qegħdin jiżviluppaw u li huma l-iktar vulnerabbli għall-bidla fil-klima,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-11 Marzu 2003 intitolata "Il-Bidla fil-Klima fil-Kuntest tal-Koperazzjoni għall-Iżvilupp (COM(2003)0085),
– wara li kkunsidra ir-Rapport ta" Progress 2007 tal-Kummissjoni (2004-2006) dwar il-Pjan ta" Azzjoni tal-UE dwar il-Bidla fil-Klima u l-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra l-Karta tal-14 ta' Marzu 2008 tar-Rappreżentant Għoli u tal-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill Ewropew intitolata "Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali",
– wara li kkunsidra l-Green Paper mill-Kummissjoni tad-29 ta" Ġunju 2007 bl-isem "Nadattaw għall-Bidla fil-Klima fl-Ewropa – l-għażliet ta" azzjoni għall-UE" (COM(2007)0354),
– wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħa fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni għall-Politika tal-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea: ? "Il-Konsensus Ewropew"(1),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effettività tal-Għajnuna adottata fit-2 ta' Marzu 2005, wara l-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effettività tal-Għajnuna ("id-Dikjarazzjoni ta" Pariġi"),
– wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri imlaqqgħa fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni: "Il-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja"(2),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1992 dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC),
– wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Iżvilupp Uman 2007/2008 intitolat "Il-ġlieda kontra l-bidla fil-klima: Is-solidarjetà umana f'dinja maqsuma", imniedi mill-Programm għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta" Male" dwar id-Dimensjoni Umana tal-Bidla fil-Klima Globali adottata f'Male" (Repubblika tal-Maldivi) fl-14 ta' Novembru 2007,
– wara li kkunsidra l-pjan gwida ta' Bali adottat mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima fuq il-gżira ta" Bali (Indoneżja) f'Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra r-Raba' Rapport ta" Evalwazzjoni intitolat "Il-Bidla fil-Klima 2007: Impatti, Adattament u Vulnerabilità", imħejji mill-Grupp ta" Ħidma II tal-Panel Intergovernattiv dwar il-Bidla fil-Klima (IPCC),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-2006 ta' Nicholas Stern intitolat "L-Ekonomiji tal-Bidla fil-Klima. L-Evalwazzjoni Stern",
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar l-Integrazzjoni tal-Adattament għall-Bidla fil-Klima fil-Koperazzjoni għall-Iżvilupp, adottata mill-Ministri għall-Iżvilupp u l-Ambjent tal-Pajjiżi Membri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvulupp Ekonomiċi (OECD) fl-4 ta" April 2006,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-OECD tal-2007 intitolat "L-Inventarju tal-Progress dwar l-Integrazzjoni tal-Adattament għall-Bidla fil-Klima fl-Attivitajiet tal-Koperazzjonigħall-Iżvilupp",
– wara li kkunsidra "Il-Qafas Hyogo għal Azzjoni 2005-2015: Il-Bini ta" Kapaċità ta' Rkupru ta" Nazzjonijiet u Komunitajiet għad-Diżastri" adottata mill-Konferenza Dinjija dwar it-Tnaqqis tad-Diżastri li saret f'Jannar 2005 f'Hyogo (il-Ġappun),
– wara li kkunsidra r-rapport bijennali tal-Organizzazzjoni Alimentari u Agrikola (FAO) tan-NU intitolata "L-Istat tal-Foresti tad-Dinja 2007",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0366/2008),
A. billi l-bidla fil-klima tippreżenta theddida serja għat-tnaqqis fil-faqar, għad-drittijiet tal-bniedem, għall-paċi u għas-sigurtà, għad-disponibilità tal-ilma u l-ikel u għall-kisba ta" l-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp (MDGs) f'bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw,
B. billi f'diversi pajjiżi li qed jiżviluppaw il-foresti qegħdin jinqerdu minħabba l-uċuħ tar-raba" tal-bijofjuwil,
C. billi l-pajjiżi industrijalizzati għandhom responsabilità storika għall-bidla fil-klima u huma moralment obbligati li jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jadattaw għall-konsegwenzi tagħha,
D. billi minkejja li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ftit li xejn taw kontribut għall-bidla fil-klima, dawn se jkunu l-iżjed pajjiżi li se jbatu b'mod sever mill-konsegwenzi tagħha, li fost oħrajn jinkludu n-nuqqas ta' sigurtà tal-ilma u tal-ikel minħabba n-nuqqas ta' xita u d-deżertifikazzjoni, it-tlugħ fil-livell tal-baħar, sfidi ġodda għall-agrikoltura, riskji ġodda għas-saħħa, avvenimenti meteoroloġiċi estremi u pressjonijiet ta' migrazzjoni; billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma l-inqas pajjiżi mgħammrin biex ikampaw ma" dawn dawn il-konsegwenzi,
E. billi f'bosta pajjiżi industrijalizzati l-miżuri dwar l-adattament għall-bidla fil-klima u dwar it-tnaqqis tar-riskji riċentement ingħataw attenzjoni kunsiderevoli, u billi l-biċċa l-kbira tal-istess bżonnijiet urġenti ġew injorati fil-kuntest ta" pajjiżi bi dħul baxx,
F. billi l-importazzjonijiet ta" qtugħ insostenibbli fl-UE huma kawża sinifikanti tad-deforestazzjoni u huma stmati li jtellgħu spejjeż ta" biljuni ta" euro kull sena,
G. billi d-deforestazzjoni tikkontribwixxi b'kemm huwa stmat 20% tat-totalità tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra (GHG), li jwassal għal stima ta" qerda ta" 13-il miljun ettaru ta" foresti tropikali fis-sena; u billi d-deforestazzjoni fil-foresti tropikali hija theddida serja għall-bijodiversità u għall-għixien ta" iżjed minn biljun persuna fqira li tgħix f'dawn il-foresti u tiddependi minnhom,
H. billi l-konsegwenzi konkreti tal-bidla fil-klima spiss ikollhom jiġu ttrattati fuq livell lokali mill-awtoritajiet lokali; billi l-irbit tajjeb tal-livelli internazzjonali, nazzjonali u lokali tat-tfassil tal-politika huwa għalhekk sfida ewlenija fit-tfassil ta" adattament u strateġiji ta" mitigazzjoni effettivi fir-rigward tal-tibdil fil-klima; u billi għandhom isiru bidliet strutturali fuq skala kbira, mingħajr ma jiġi ssagrifikat approċċ li jkun ibbażat fuq il-komunità u favur il-foqra,
I. billi issa hemm rikonoxximent ikbar tat-theddid għas-sigurtà li qed jirriżultaw mill-bidla fil-klima, inklużi kunflitti dwar riżorsi materjali skarski, diżastri naturali kkaġunati mill-klima u flussi ta" migrazzjoni fuq skala kbira; u billi l-iżvilupp ta" strateġiji biex jiġu ffaċċjati l-isfida tal-bidla fil-klima/għas-sigurtà se jkunu vitali sabiex sabiex jiġi żgurat li fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw ikun hemm reazzjoni ta' adattament effettiva,
J. billi l-isforzi internazzjonali fil-qasam tal-adattament għall-bidla fil-klima u fil-qasam tat-tnaqqis tar-risku tad-diżastri (DDR) s'issa kienu limitati, frammentati, ikkoordinati ħażin u f'bosta każi problematiċi fl-aċċess għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li huwa f'kuntrast dirett mal-objettivi msemmija fil-Kunsens Ewropew u fid-Dikjarazzjoni ta" Pariġi,
K. billi l-miżuri ta" adattament għall-bidla fil-klima, id- DRR u l-bini tal-kapaċità għall-iżvilupp għandhom ikun kemm jista" jkun interkonnessi, iżda s'issa kienu integrati ħażin fl-attivitajiet tal-aġenziji ta" koperazzjoni għall-iżvilupp u fl-istituzzjonijiet internazzjonali; u billi approċċ konġunt u koerenti jkun kruċjali għal implimentazzjoni b'suċċess tal-GCCA,
L. billi jeħtieġ li jitwaqqfu timijiet multi-dixxiplinarji ta" maniġers tad-diżastri, speċjalisti fl-iżvilupp, esperti fl-ippjanar u esperti xjentifiċi fl-adattament għall-bidla fil-klima, li għandhom jadottaw l-aqwa prattika għall-iżvilupp reġjonali;
M. billi azzjoni bikrija rigward l-adattament għall-bidla fil-klima u d-DRR jirrappreżentaw fid-dieher soluzzjoni effettiva għall-investiment magħmul; billi l-istimi qed ibassru li kull dollaru minfuq fid-DRR għandu l-potenzjal li jiffranka sa seba" dollari minfuqa f'reazzjoni għad-diżastri, u b'hekk jipprovdi wkoll argument sod favur li l-biċċa l-kbira tan-nefqa għall-għajnuna ssir fil-bidu,
N. billi, konsegwentement, għandu jiġi miċħud kwalunkwe sforz biex isiru kalkoli doppji tal-fondi tal-UE għall-ilħuq tal-objettivi tal-MDG u wegħdi fil-qafas tal-UNFCCC,
O. billi kwalunkwe dewmien fit-teħid ta" deċiżjonijiet sodi rigward il-miżuri meħtieġa biex jitnaqqsu l-kawżi u l-effetti tal-bidla fil-klima se jirriżultaw fi spejjeż ferm ogħla,
P. billi l-biċċa l-kbira tal-problemi ambjentali, inklużi dawk li jirriżultaw mill-bidla fil-klima, għandhom it-tendenza li jiġu aggravati miż-żieda fil-popolazzjoni u minn daqs ta" popolazzjoni ikbar, filwaqt li d-dinamiki tal-popolazzjoni, f'termini ta" tkabbir, distribuzzjoni u kompożizzjoni huma parti integrali mill-proċess ta" żvilup minħabba li dawn jaffettwaw il-bidliet ambjentali u jiġu wkoll affettwati minnhom; u billi l-Konferenza Internazzjonali tal-1994 dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp li saret fil-Kajr enfasizzat b'mod ċar id-diversi benefiċċji li jirriżultaw minn politika tal-popolazzjoni li tkun iddedikata, orjentata lejn il-lokal u mhux imponuta bil-forza, u billi, madankollu, il-kwistjonijiet tal-popolazzjoni fil-biċċa l-kbira tagħhom s'issa baqgħu ma ġewx inkorporarti fl-ippjanar għall-iżvilupp jew għall-adattament,
Q. billi l-linji politiċi dwar il-biedja, l-ilma, il-ġestjoni tar-riżorsi tal-foresti, l-infrastruttura, l-edukazzjoni u l-popolazzjoni għandhom kollha jiġu ttrattati bil-ħsieb li tinkiseb l-armonizzazzjoni fl-adattament għall-bidla fil-klima u l-mitigazzjoni fl-iżvilupp,
R. billi t-tnaqqis tal-korruzzjoni għandu jżid l-effettività tal-adattament għall-bidla fil-klima u tal-isforzi tal-mitigazzjoni,
S. billi r-Rapport ta' Progress tal-2007 tal-Pjan t'Azzjoni tal-UE dwar il-Bidla fil-Klima u l-Iżvilupp juri li l-progress fl-Integrazzjoni tal-bidla fil-klima fil-politiki għall-iżvilupp ta" l-UE - b'mod speċifiku fid-Dokumenti Strateġiċi tal-Pajjiżi (CSPs) u d-Dokumenti Strateġiċi Reġjonali (RSPs) - ma kienx biżżejjed u kien kajman wisq,
T. billi bħalissa hemm lakuna enormi fil-finanzjament ta' dan l-adattament fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw; billi filwaqt li l-istima ta" l-ispejjeż annwali għall-adattament tvarja minn USD 50 għal 80 biljun fis-sena, l-ammont totali ta' fondi ddedikati permezz tal-mekkaniżmi ta' finanzjament multilaterali f'nofs l-2007 ammonta għal inqas minn 0,5 % ta" dawn iċ-ċifri,
U. billi, minkejja li l-UE ffissat l-objettiv li ssir mexxej fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, il-baġit tal-UE ma jirriflettix il-prijorità mogħtija lill-politika u lill-miżuri adottati mill-UE għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima,
V. billi parti mill-finanzjament tal-GCC għandu jiġi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) u mill-Programm Tematiku għall-Ambjent u l-Ġestjoni Sostenibbli tar-Riżorsi Naturali (ENRTP) (b'konformità mal-Artikolu 13 tal-Istrument Komunitarju għall-Iżvilupp (DCI)(3)),
W. billi l-EDF intuża l-iżjed għall-finanzjament ta" inizjattivi ġodda; billi l-Kummissjoni għandha tirrispetta l-impenn tagħha lejn is-sejba ta" sorsi ta" finanzjament ġodda sabiex tippreserva l-EDF; billi l-Kumitat għall-Iżvilupp ikkonkluda bosta drabi li l-EDF għandu jkun integrat fil-baġit tal-UE sabiex jiġi żgurat li jkun hemm kontroll demokratiku fuq il-mod kif dan jintuża,
X. billi skont l-Artikolu 21 dwar l-adozzjoni tad-dokumenti strateġiċi u tal-programmi indikattivi plurjennali u l-Artikolu 35(2) tad-DCI, il-Parlament għandu d-dritt li jagħmel skrutinju fuq il-Kummissjoni kif stipulat fl-Artikoli 5 u 8 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE,
Y. billi l-Mekkaniżmu tal-Iżvilupp Nadif (CDM) s'issa ftit li xejn kien adegwat biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-pajjiżi l-iżjed foqra għal investimenti f'teknoloġija nadifa, bl-Afrika involuta f'inqas minn 3% tal-proġetti kollha tas-CDM, u bi kważi 90% tat-Tnaqqis Iċċertifikat fl-Emissjonijiet (CERs) jingħata għal proġetti magħmula fiċ-Ċina, fl-Indja, fil-Korea u fil-Brażil,
1. Jilqa" l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tniedi GCCA, li tirrappreżenta għarfien importanti tal-effetti tal-bidla fil-klima fuq l-iżvilupp; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara iżjed il-valur miżjud distint tal-GCCA; f'dan il-kuntest jenfasizza li l-koordinazzjoni u l-koperazzjoni ma" setturi prinċipali oħrajn għandhom ikunu parti integrali tal-aġenda tal-GCCA, sabiex ikun żgurat li jkun hemm l-aqwa kumplimentarjetà bejn l-inizjattivi;
2. Iqis l-GCCA bħala pilastru importanti tal-azzjoni esterna tal-UE dwar il-bidla fil-klima, u jqis li l-GCAA tikkonsisti fi pjattaforma kumplimentari u ta" sostenn għall-proċess attwali fil-kuntest tal-UNFCCC u l-Protokoll ta" Kyoto, billi tħaffef il-pass tal-implimentazzjoni tagħhom u tal-ftehimiet marbuta magħhom;
3. Itenni l-konklużjonijiet allarmanti tal-karta fuq imsemmija dwar bit-titolu "Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali", li wissiet li l-bidla fil-klima qiegħda tintensifika r-risji għas-sigurtà għall-UE, thedded li tgħabbi ħafna responsabilitajiet fuq stati u reġjuni tad-dinja li diġà huma fraġli u suxxettibbli għall-kunflitti, u xxekkel l-isforzi biex jintlaħqu l-MDGs;
4. Jinnota li jeħtieġ li l-isforzi fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima jkunu bbażati mhux biss fuq impetu politiku iżda wkoll fuq is-soċjetà ċivili, kemm fil-pajjiżi żviluppati u kemm f'dawk li qed jiżviluppaw; iqis li għandhom jiġu mnedija kampanji ta" informazzjoni pubblika, u li għandhom jiġu adottati wkoll programmi edukattivi fl-iskejjel u fl-universitajiet kemm biex iċ-ċittadini jingħataw analiżijiet u evalwazzjonijiet dwar l-istat tal-bidla fil-klima u kemm biex jitressqu risposti adegwati, b'mod speċjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-bidla fl-istil ta' ħajja li jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet;
5. Jenfasizza li fil-qasam tal-politika ta" l-UE dwar il-bidla fil-klima u l-iżvilupp huwa kruċjali li tissaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; huwa tal-fehma li l-GCCA tirrappreżenta opportunità unika biex jinżammu fil-prattika l-prinċipji li jriffdu l-Konsensus Ewropew u d-Dikjarazzjoni ta" Pariġi, kif ukoll il-Programm ta" Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali tal-1994 dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp li saret fil-Kajr (ICPD); barra minn dan, huwa konvint li wieħed mill-irwoli ewlenin tal-GCCA għandu jkun li jipprovdi "clearing house" għall-inizjattivi ta" l-Istati Membri;
6. Jitlob lill-UE biex tpoġġi l-bidla fil-klima fil-qalba tal-politika tagħha dwar il-koperazzjoni għall-iżvilupp; jemmen ukoll li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima għandha tindirizza kawżi strutturali, u jitlob li ssir evalwazzjoni sistematika tar-riskju rigward il-bidla fil-klima li tkopri l-aspetti kollha tal-ippjanar tal-politika u tat-teħid tad-deċiżjonijiet – kemm fl-UE u kemm fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw – inkluż dwar il-kummerċ, l-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel;
7. Jenfasizza li l-GCCA għandha tieħu miżuri konkreti biex tittratta l-koerenza bejn l-impatt tal-bidla fil-klima fuq l-iżvilupp, inklużi l-politika tal-UE dwar il-biedja, il-kummerċ u s-sajd fuq naħa, u l-problemi konnessi mas-sussidji fuq l-esportazzjoni, bħat-"tied aid", il-piż tad-dejn, il-krediti tal-esportazzjoni u l-użu kummerċjali tal-għajnuna tal-ikel, il-privatizzazzjoni sfurzata u l-liberalizzazzjoni ta" seturi ekonomiċi vitali;
8. Jirrimarka li ladarba l-GCCA - b'finanzjament ta' EUR 60 miljun għall-perjodu 2008-2010 - għandha tkun kumplimentari mal-proċess kurrenti fil-UNFCCC, għandhom jiġi evitati d-duplikazzjoni tal-azzjonijiet u li l-fondi għandhom ikunu kkonċentrati fuq azzjonijiet li jipprovdu l-ogħla valur miżjud; jemmen li wara li tkun intlaħqet ftehima dwar il-bidla fil-klima għal wara l-2012, l-objettivi u l-tal-GCCA għandhom jiġu riveduti fid-dawl tar-riżultat tal-ftehima;
9. Huwa tal-fehma li l-fondi li huma barra mill-UNFCCC ma jistgħux jingħadu bħala parti mill-implimentazzjoni tal-impenji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw taħt dik il-Konvenzjoni;
10. Iqis li s-EUR 60 miljun li ġew iddedikati għall-GCCA s'issa m'humiex adegwati; jitlob lill-Kummissjoni biex twaqqaf mira ta' finanzjament għat-tul għall-GCCA ta' mill-inqas EUR 2 biljun fis-sena sa l-2010 u EUR 5-10 biljun fis-sena sa l-2020;
11. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni dettaljata fuq il-mekkaniżmi finanzjarji eżistenti għall-bidla fil-klima u l-iżvilupp fuq livelli nazzjonali u internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni, abbażi ta" din l-informazzjoni, biex tipproponi b'mod urġenti liema miżuri għandhom jintużaw biex jiżdied l-appoġġ finanzjarju tal-UE għall-bidla fil-klima u l-iżvilupp, billi tiżgura l-aqwa koordinazzjoni u kumplimentarjetà possibbli mal-inizjattivi eżistenti;
12. Jenfasizza li, jekk il-bidla fil-klima se tittieħed bis-serjetà, għandu jsir disponibbli finanzjament ġdid permezz ta" linji baġitarji differenti u sorsi ġodda ta' finanzjament, bħall-fondi umanitarji bħala risposta għall-katastrofijiet relatati mal-klima, il-fondi tal-Politika Barranija u ta" Sigurtà Komuni (CFSP) flimkien mal-Istrument għall-Istabilità fil-kuntest tal-politika ta" sigurtà preventiva jew bħala risposta għal theddid għas-sigurtà jew kunflitti relatati mal-klima, fondi oħrajn ta" azzjoni esterna kull meta jiġu approprjati, kif ukoll taxxi ekoloġiċi, sħubijiet pubbliċi-privati (PPP) u mekkaniżmi finanzjarji innovattivi oħrajn li jkunu maħsubin għal dan il-għan;
13. Jinnota b'interess li l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta" Ġunju 2008 u l-implikazzjonijiet baġitarji; iqis li dawn ir-rekwiżiti baġitarji jistgħu jiġu ttrattati biss permezz ta' rikors għall-mezzi pprovduti mill-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta" Mejju 2006 dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja tajba(4); jenfasizza mill-ġdid li għandhom jiġu pprovduti approprjazzjonijiet ġodda għal ħidmiet ġodda;
14. Jinnota, f'dan il-kuntest, li l-Għajnuna għall-Iżvilupp Uffiċjali (ODA) għadha lura mill-mira ta' 0,56% tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-UE (GNI) sal-2010 u li huwa diffiċli li wieħed jara kif l-UE se tkun tista' tissodisfa l-impenji kollha tagħha bla ma ddur fuq riżorsi ġodda;
15. Jitlob lill-Kummissjoni biez iżżid il-finanzjament immedjat għall-GCCA, li bħala kwistjoni ta" urġenza għall-bidu jista" jsir permezz tal-ENRTP u tal-għaxar EDF; fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal iżjed fondi li ma jkunux tal-ODA, għall-adozzjoni u għall-iżvilupp ta" mekkaniżmi finanzjarji innovattivi għal dan il-għan;
16. Ifakkar lill-Kummissjoni li jekk jittieħdu xi fondi mill-ENRTP jew mill-EDF biex jiffinanzjaw il-GCCA, dawn għandhom, bħala fondi għall-iżvilupp, jintużaw biss għal azzjonijiet kumpatibbli mal-għajnuna għall-iżvilupp kif iddefinita mill-Kumitat għall-Assistenza għall-Iżvilupp (DAC) tal-OECD; jinsisti li dan għandu jkun sors ta" finanzjament ta' darba, u li kull riforniment ulterjuri għandu jinstab minn sorsi alternattivi;
17. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-finanzjament tal-GCCA permezz tal-ENRTP u l-EDF ma jsir qatt a spejjeż ta" objettivi importanti oħrajn tal-koperazzjoni għall-iżvilupp, bħal dawk li għandhom x'jaqsmu mal-edukazzjoni, is-saħħa, l-ugwaljanza bejn is-sessi jew l-aċċess għall-ilma;
18. Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jieħdu responsabilità ħafna ikbar għall-finanzjament tal-attivitajiet ta" żvilupp li jieħdu u biex iġibuhom konformi mal-GCCA;
19. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaqblu li 25% tad-dħul mistenni mill-kontabilità fi ħdan l-Iskema ta' Skambju tal-Emissjonijiet tal-UE (EU ETS) fil-perjodu ta" skambji li jmiss, jiġi allokat għall-finanzjament tal-GCCA u għal miżuri oħrajn dwar il-bidla fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li għandhom jinkludu l-isforzi biex jitħarsu il-foresti u biex jitnaqqsu l-emmissjonijiet mid-deforestazzjoni u mid-degradazzjoni tal-foresti;
20. Jitlob lill-Kummissjoni biex tuża r-reviżjoni li ġejja tal-baġit tal-UE bħala opportunità biex issir evalwazzjoni mill-ġdid tal-prijoritajiet ġenerali tal-infiq tal-UE u biex jiġu kkanalizzati fondi addizzjonali għall-bidla fil-klima u l-iżvilupp b'mod ġenerali u għall-GCCA b'mod partikulari; inkluża l-allokament mill-ġdid tal-fondi għall-Politika Agrikola Komuni (CAP);
21. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod urġenti l-idea ta" mekkaniżmu ta" finanzjament għall-bidla fil-klima, billi jibnu fuq il-mudell tal-Faċilità Internazzjonali għall-Finanzjament tat-Tilqim (IFFIm) u fuq il-kunċett ta" għajnuna "front-load", sabiex jiġu żgurati ammonti sinifikanti ta" finanzjament għall-GCCA f'perjodu ta' żmien relattivament qasir;
22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tistieden lis-settur privat biex joqrob iżjed bħala sieħeb lejn il-GCCA, permezz tar-rijonoxximent li l-fondi pubbliċi jistgħu jkollhom irwol ewlieni bl-inċentivar ta' investimenti u fil-provvediment tal-aċċess għas-suq u għat-teknoloġija; jinkuraġġixxi b'mod speċjali lill-Kummissjoni biex tinvesti fl-iżvilupp ta" mudelli ta" PPP f'zoni ewlenin bil-għan li jkun hemm provediment tas-sigurtà tal-ilma u tal-infrastruttura f'zoni vulnerabbli, fejn bħalissa l-lakuni ta" finanzjament huma sostanzjali, l-iżjed minħabba li l-bidla fil-klima tolqot diversi oqsma ta" politika (bħall-aċċess għall-ilma, is-saħħa pubblika, il-provvista tal-enerġija, eċċ) li jinvolvu intervent mill-Istat u mill-awtoritajiet lokali; ifakkar li l-prijorità tal-UE għandha tkun li tirrinforza l-kapaċità għal azzjoni pubblika f'dawn l-oqsma;
23. Jitlob lill-Kummissjoni biex tidħol fi sħubijiet mal-industrija tal-assikurazzjoni privata u biex tesplora metodi biex iżżid l-iskemi pilota tal-assigurazzjoni biex tiffinanzja l-adattament/DRR, billi tindirizza kemm il-livell nazzjonali u reġjonali u kemm il-livell individwali ta" l-assigurazzjoni;
24. Jiddispjaċih li tul il-proċess ta" l-ipprogrammar tal-GCCA, l-involviment ġenerali tal-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet lokali ma kienx adegwat; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura t-teħid ta' deċiżjonijiet tul il-proċessi tal-elaborazzjoni, tal-implimentazzjoni u tad-distribuzzjoni tal-fondi jsir fi sħubija mal-partijiet interessati;
25. Jitlob lill-Kummissjoni biex tuża l-GCCA biex tappoġġja u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tal-pajjiżi li huma sħab tagħha ħalli jidentifikaw, jimmaniġġjaw u jissieltu kontra t-theddid għas-sigurtà ppreżentat mill-bidla fil-klima, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddedika fondi adizzjonali għal dan il-għan; barra minn dan, jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-Direttorat-Ġenerali għar-Relazzjonijiet Esterni jkun involut bis-sħiħ matul il-proċess kollu tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-GCCA, biex tiżgura li jkun hemm koerenza massima bejn il-koperazzjoni għall-iżvilupp, il-bidla fil-klima u l-politiki barranin u tas-sigurtà;
26. Jitlob lill-Kummissjoni biex tuża l-GCCA biex tibda diskussjonijiet mal-komunità donatriċi u mal-pajjiżi msieħba dwar it-tisħiħ tat-tħejjija u l-ippjanar għall-eventwalità possibbli ta' migrazzjoni fuq skala kbira fil-każ li ċerti reġjuni jsiru inabitabbli minħabba l-bidla fil-klima;
27. Jinsisti li l-mekkaniżmi ta" rapportar effettivi, inklużi l-indikaturi dettaljati ta" progress u skemi ta" segwitu, għandhom ikunu konformi mal-GCCA;
28. Jemmen li valur miżjud speċifiku u l-kompetenza tal-GCCA jistgħu jsawru rabta bejn l-azzjoni favur l-adattament lokali u l-oqsfa politiċi dwar il-klima globali u l-iżvilupp; jilqa" b'sodisfazzjon, f'dan il-kuntest, l-iżvilupp tad-"djalogu politiku" tal-GCCA bħala pass importanti fl-irbit tal-aġenda tat-tnaqqis tal-faqar u tal-MDGs mal-aġenda tal-bidla fil-klima; jenfasizza, madankollu, li l-GCCA tista" tkun suċċess biss jekk tkun parti mill-istrateġija ġenerali tal-UE għan-negozjati ta" wara l-2012, fejn l-appoġġ qawwi għall-attivitajiet ta' mitigazzjoni u ta' adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma prijorità primarja;
29. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tuża d-djalogu politiku u d-Dikjarazzjoni Konġunta maħsuba bejn l-UE u l-Inqas Pajjiżi Żviluppati (LDCs)/l-Istati-Gżejjer Żgħar li qed Jiżviluppaw (SIDS) bħala forum biex titressaq l-idea ta" "Kuntratt Globali", fejn il-koperazzjoni għall-iżvilupp u l-attivitajiet relatati mal-bidla fil-klima huma integrati mill-qrib, bl-attenzjoni fuq il-kwistjonijiet tal-popolazzjoni inkorporata bħala element espliċitu, kif inhu maħsub fl-inizjattiva intitolata "Global Marshal Plan";
30. Jenfasizza l-ħtieġa biex jitħaffu l-isforzi sabiex jiġu integrati l-adattament għall-bidla fil-klima, id-DRR u l-azzjoni fuq il-popolazzjoni u s-saħħa riproduttiva fl-għajnuna għall-iżvilupp tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri, b'mod partikulari fl-istadju tal-implimentazzjoni, peress li mil-lat sistematiku dawn l-oqsma huma tabilħaqq fundamentali; jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu vantaġġ mill-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tas-CSPs li ġejja sabiex isir progress f'dan il-qasam;
31. Jinsisti li l-Kummissjoni, flimkien mal-GCCA, għandha tkompli tiżviluppa r-reazzjoni tagħha għar-Rapport ta' Progress dwar il-Pjan t'Azzjoni tal-UE dwar il-Bidla fil-Klima u l-Iżvilupp, li għandu jkun fiha bosta elementi importanti li m'għandhomx jintilfu, inkluż il-ħolqien ta' "clearing houses" fuq il-post li jtejbu l-koordinazzjoni u l-aċċess għall-informazzjoni;
32. Jenfasizza li l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Programmi Nazzjonali ta" Azzjoni ta'Adattament (NAPAs) permezz tal-fondi tal-Faċilità Ambjentali Globali (GEF) għadda minn diversi nuqqasijiet, minħabba finanzjament inadegwat, stima baxxa tal-ispejjeż ta' adattament, konnessjonijiet dgħajfa mal-iżvilupp uman, kanali ta" aċċess burokratiċi żżejjed u parzjalità bbażata fuq il-proġett; jitlob lill-Kummissjoni biex tittratta dawn in-nuqqasijiet bis-sħiħ meta tipprovdi iżjed appoġġ permezz tal-GCCA għall-implimentazzjoni tan-NAPA fl-LCD u fis-SIDS; f'dan il-kuntest jilqa" b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tesplora rinforzar tal-kapaċitajiet ta" l-istituzzjonijiet ta" governanza abbażi tal-programmi, billi tuża l-appoġġ baġitarju;
33. Jenfasizza li użu b'suċċess mill-appoġġ baġitarju għall-adattament tal-bidla fil-klima li jkun orjentat lejn l-iżvilupp jiddependi fuq użu estensiv tal-mezzi kollha disponibbli fi ħdan l-arranġamenti tal-appoġġ baġitarju, inkluża d-diskussjoni tal-prijoritajiet politiċi, il-monitoraġġ għal perjodu ta' żmien twil, u l-assistenza teknika għat-tfassil u l-eżekuzzjoni tal-baġit; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jkun hemm l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet lokali; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni biex tkun ippreparata biex tuża l-miżuri kumplimentari fejn l-appoġġ baġitarju ma jkunx adegwat jew fejn jonqos li jkun ta' benefiċċju għall-iżjed nies fqar u vulnerabbli;
34. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-riċerka ppjanata tal-GCCA dwar l-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikollha perspettiva mill-qiegħ 'il fuq ("bottom-up"), li tkun immirata lejn dawk foqra u vulnerabbli, li tkun immexxija mill-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali u li ssir b'koperazzjoni man-nies ikkonċernati; jenfasizza l-importanza li r-riżultati tar-riċerka dwar l-adattament ikunu kkomunikati lill-gruppi rilevanti permezz ta" kanali ta' komunikazzjoni aċċessibbli;
35. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddedika riżorsi biżżejjed għar-riċerka dwar l-aspetti ekonomiċi tal-adattament fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, sabiex jittejjeb il-fehim dwar l-ispejjeż ġejjienin tar-ristrutturar meħtieġ fil-politika u fl-istituzzjonijiet tal-kummerċ, tal-agrikoltura u tas-sigurtà; jirrikonoxxi li l-lakuni fl-għarfien li hemm f'dan il-qasam ixekklu l-azzjoni u l-infiq ta' adattament effettivi mill-parteċipanti pubbliċi u privati;
36. Jenfasizza l-importanza li jsir trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija - inkluża t-teknoloġija li tnaqqas ir-riskju tad-diżastri - lejn il-pajjiżi li huma msieħba mal-GCCA; għal dan il-għan, jitlob lill-Kummissjoni biex tippromwovi 'librerija' bbażata fuq l-internet ta' data dwar l-adattament għall-bidla fil-klima u biex tiffaċilita programm ta' skambju dwar l-adattament għall-klima bejn esperti minn dawn il-pajjiżi;
37. Ifakkar fl-importanza tal-koerenza politika u jitlob lill-Kummissjoni biex tittratta l-kwistjoni tal-integrazzjoni tal-bidla fil-klima mal-isforzi fit-tnaqqis tal-faqar fl-istess żmien tal-evalwazzjoni tal-baġit tal-UE u fiż-żmien tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu ta" diversi strumenti għall-iżvilupp;
38. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiddedika iżjed attenzjoni għall-impatt tal-bidla fil-klima fuq l-agrikoltura u l-forestrija u għall-aġġustament tal-agrikoltura u tal-forestrija għall-bidla fil-klima; jitlob lill-Kummissjoni biex tuża l-GCCA biex tappoġġja l-iżvilupp ta" politika agrikola favur l-ambjent, u jitlobha tagħmel dan billi tati prijorità lill-garanzija tas-sigurtà tal-ikel tan-nies; barra minn dan, jitlob lill-Kummissjoni biex tgħin fil-ħolqien ta' qafas istituzzjonali u finanzjarju adegwat għall-popolazzjonijiet rurali li jiddependu mill-agrikoltura għall-għixien tagħhom;
39. Jenfasizza li l-agrikoltura fil-pajjiżi foqra li qed jiżviluppaw hija affettwata b'mod dirett u qawwi mill-bidla fil-klima, u dan jista' jkollu konsegwenzi drammatiċi fuq is-sigurtà tal-ikel; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex tuża l-GCCA biex tiżviluppa politika agrikola u metodi ta" produzzjoni li jissodisfaw aħjar il-bżonnijiet tal-popolazzjoni lokali u li jkunu jikkonsistu f'soluzzjoni fit-tul għall-problema tal-prezzijiet tal-ikel li qegħdin jogħlew; iħeġġeġ, b'mod partikulari lill-Kummissjoni, biex tappoġġja soluzzjonijiet innovattivi bħall-ħolqien ta" "green belts" madwar l-ibliet biex tirrispondi għall-ħtiġijiet tal-ikel bażiċi tal-popolazzjonijiet urbani fil-pajjiżi li qegħind jiżviluppaw;
40. Jilqa" l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tipproponi Strateġija tal-UE għad-DRR, li tfisser pass importanti biex tingħalaq il-lakuna bejn l-isforzi tad-DRR, l-iżvilupp u l-adattament; f'dan il-kuntest, jitlob lill-Kummissjoni biex tiċċara kif il-GCCA tista' tiffaċilita din l-integrazzjoni fuq livell prattiku;
41. Jenfasizza li l-istrateġija tad-DRR mhix se tipproduċi riżultati sinifikanti jekk ma jkollhiex pjan ta' azzjoni konkret u ma tingħatax b'mod sinifikanti direzzjoni ġdida lill-allokazzjonijiet tal-baġit biex jiġu żgurati l-finanzjament għat-tul għad-DRR u l-adattament bħala parti mill-għajnuna regolari għall-iżvilupp, iżjed milli, bħalma qed jiġri llum, tħassib umanitarju bi prijoritajiet foqra fuq perjodu qasir ta' żmien;
42. Jenfasizza li hemm ħtieġa kbira għal iżjed riżorsi umani fi ħdan id-delegazzjonijiet tal-EuropeAid u tal-UE, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni b'suċċess tal-GCCA; jitlob lill-Kummissjoni biex tiddedika riżorsi sostanzjali lil dan il-qasam fil-baġit tal-UE tal-2009; f'sens usa", jitlob ukoll lill-Kummissjoni, biex tiddedika ħafna iżjed riżorsi għat-taħriġ ta" l-istaff dwar l-adattament għall-bidla fil-klima u għad-DRR fid-Direttorati Ġenerali u fid-delegazzjonijiet tal-Kummissjoni rilevanti, billi b'mod partikulari tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kompetenzi prattiċi;
43. Sa fejn il-GCCA teħtieġ azzjoni dwar il-mitigazzjoni, jenfasizza li l-LDCs u s-SIDS jeħtieġu il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika sabiex ikunu jistgħu jsaħħu l-parteċipazzjoni tagħhom fis-CDM; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvolvi ruħha b'mod attiv fin-negozjati internazzjonali dwar il-bidla fil-klima bil-għan li ssaħħaħ s-CDM, sabiex tiżgura l-addizzjonalità u l-koerenza mal-objettivi tal-iżvilupp u tal-klima; barra minn dan, jitlob lill-Kummissjoni biex ma tiffokax biss fuq s-CDM bħala l-għodda politika aħħarija, iżda biex tipprovdi appoġġ alternattiv għal azzjoni ta' mitigazzjoni li tkun iżjed xierqa għall-iżjed pajjiżi foqra, filwaqt li tingħata prijorità għall-attivitajiet ta" l-użu tal-art, ta' bdil fl-użu tal-art u ta' forestrija (LULUCF) u lit-teknoloġiji b'karbonju baxx;
44. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa b'mod urġenti inizjattivi politiċi ambizzjużi u kumplimentari, partikularment fl-oqsma tal-protezzjoni tal-forestrija u tal-baħar, tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u tal-koperazzjoni fit-teknoloġija tal-mitigazzjoni, fejn il-ħtiġijiet finanzjarji jkunu jaqbżu fil-wisa" dak li hemm previst bħalissa fi ħdan l-GCCA; b'mod speċifiku jitlob azzjoni soda mill-UE fil-forma ta' appoġġ finanzjarju, assistenza teknika u trasferiment ta" teknoloġija u kooperazzjoni mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jitħaffef l-użu - fl-iżjed stadju bikri possibbli - ta" teknoloġiji li ftit li xejn jarmu GHG u ta' metodi ta' produzzjoni li jkunu favur l-ambjent;
45. Jitlob lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-proposta tagħha għal kriterji ta" sostenibilità għall-bijofjuwils, sabiex tistabbilixxi rekwiżiti iżjed stretti għall-klima u għall-benefiċċji tal-ekosistema, u biex tqis l-effetti tal-bidla indiretta fl-użu tal-art u tal-konsegwenzi tal-iżvilupp fuq il-komunitajiet lokali; jenfasizza li l-kriterji ta" sostenibilità m'għandhomx isiru miżuri protezzjonisti ġdida iżda għandhom ikunu mfassla fi djalogu mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
46. Jemmen li f'dan il-qafas il-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u għall-Enerġija Rinnovabbli li hemm maħsub huwa strument notevoli, u li dan jista' jkollu sehem importanti fil-proġetti tal-effiċjenza enerġetika u fil-promozzjoni tal-enerġija li tiġġedded fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;
47. Jitlob lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tiżviluppa aġenda kumprensiva biex titnaqqas id-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li tinkludi l-Ftehimiet ta" Sħubija Volontarja taħt il-programmi tal-Infurzar tal-Liġi dwar il-Foresti, it-Tmexxija u l-Kummerċ (FLEGT), u proposti konkreti dwar il-finanzjament ta" mekkaniżmi li għandhom jitressqu fil-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni dwar il-Bidla fil-Klima (COP 14) f'Pozann f'Diċembru 2008; itenni l-importanza ta" mekkaniżmi bħal dawn fil-għoti ta' kumpens mhux biss għal emissjonijiet ta' GHG li jkunu ġew evitati, iżda wkoll għall-bijodiversità u għall-benefiċċji ta" żvilupp tal-foresti;
48. Jisgħobbih li l-Kummissjoni għadha ma resqitx bi proposti ċari u rigorużi favur il-projbizzjoni tal-importazzjoni ta' injam maqtugħ illegalment u ta" prodotti dderivati fis-suq tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposti bħal dawn mingħajr iżjed dewmien;
49. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kunsill.
Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta" Diċembru 2006 li jwaqqaf strument finanzjarju għall-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p. 41.).