Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2064(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0356/2008

Testi mressqa :

A6-0356/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 21/10/2008 - 8.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0492

Testi adottati
PDF 400kWORD 81k
It-Tlieta, 21 ta' Ottubru 2008 - Strasburgu
Governanza u s-sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali
P6_TA(2008)0492A6-0356/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar il-governanza u s-sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali (2008/2064(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikoli 158 u 159 tiegħu,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 15 tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fondi ta' Koeżjoni(1) (minn hawn 'il quddiem ir-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali), u b'mod partikulari l-Artikolu 11 tiegħu, bl-isem "Sħubija",

–   wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea u l-Karta Ewropea ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli u l-ewwel Programm ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-istudju tad-dipartiment tematiku tal-Parlament Ewropew dwar il-politika strutturali u ta' koeżjoni bl-isem "Il-governanza u s-sħubija fil-qasam tal-politika reġjonali",

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (COTER-IV-17) u dik tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-governanza u s-sħubija (EESC 1177/2008),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni esploratorja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bl-isem "Għal evoluzzjoni ekwilibrata tal-ambjent urban: sfidi u opportunitajiet" (EESC 737/2008),

–   wara li kkunsidra "Il-Gwida Prattika dwar il-Finanzjament Ewropew għar-Riċerka, l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni" tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra t-tieni ċiklu tal-Programm URBACT (2007-2013), programm Ewropew li għandu l-għan li jiffavorixxi l-iskambju ta' esperjenzi bejn il-bliet Ewropej, u b'mod partikulari s-seba' networks tematiċi ġodda dwar il-governanza,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A6-0356/2008),

A.   billi l-interess u l-benessri taċ-ċittadini jinsab fiċ-ċentru tal-politiki nazzjonali u reġjonali Ewropej, u billi livell aħjar ta' governanza u ta' sħubija, bil-għan li jkun stabbilit livell ogħla ta' koordinazzjoni u ta' koperazzjoni bejn l-awtoritajiet diversi, hu ta' benefiċċju għaċ-ċittadini kollha ta' l-Unjoni,

B.   billi s-soluzzjonijiet prattiċi mistennija minn sħabna ċ-ċittadini rigward is-servizzi pubbliċi (bħat-trasport pubbliku, l-ilma tax-xorb, id-djar soċjali u l-edukazzjoni pubblika) ma jistgħux jinkisbu ħlief bil-governanza t-tajba fil-livell taż-żewġ sistemi komplementari: l-ewwel nett, is-sistema istituzzjonali li tipprevedi li l-kompetenzi u l-baġits jinqasmu bejn l-Istat u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, u t-tieni, is-sistema tas-sħubija li tgħaqqad parteċipanti pubbliċi u privati differenti li jaqsmu suġġett komuni f'territorju partikulari,

C.   billi għandha tiġi enfasizzata d-definizzjoni ta' sħubija kif tidher fir-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, u skond din id-definizzjoni kull Stat Membru għandu jorganizza "sħubija mal-awtoritajiet u mal-entitajiet bħal:

   a) l-awtoritajiet reġjonali, lokali u urbani kif ukoll awtoritajiet oħra pubbliċi kompetenti;
   b) is-sħab ekonomiċi u soċjali;
   c) kull entità xierqa oħra li tirrappreżenta s-soċjetà ċivili, is-sħab ambjentali, NGOs u entitajiet responsabbli għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa",

D.   billi s-sħubija, li għandha tieħu kont tal-komunitajiet u l-gruppi kollha rilevanti, tista' ġġib kemm benefiċċji kif ukoll valur miżjud għall-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni permezz ta' leġittimità msaħħa, trasparenza garantita u assorbiment aħjar tal-fondi, u wkoll għandha tkun evalwata f'termini tal-valur soċjali u ċiviku li tirrappreżenta,

E.   billi parteċipazzjoni qawwija kemm jista' jkun mis-sħab differenti sabiex jitfasslu programmi operattivi tiggarantixxi l-produzzjoni ta' dokument li jikkunsidra bis-sħiħ il-karatteristiċi speċifiċi ta' territorju partikulari u li jaqdi bl-aħjar mod il-ħtiġijiet u jirreaġixxi għall-isfidi ta' dik iz-zona,

F.   billi ftehim ta' sħubija msaħħaħ ma' universitajiet u istituti ta' edukazzjoni terzjarja jew teknoloġika, kif ukoll il-parteċipazzjoni tas-settur privat, jista' jkunta' benefiċċju għal strateġiji fi ħdan il-qafas tal-Aġenda ta' Liżbona u l-politiki tal-UE li jittrattaw ir-riċerka u l-innovazzjoni,

G.   billi l-kapital soċjali, fl-għamla tal-volontarjat attiv, huwa marbut b'mod pożittiv mat-tkabbir ekonomiku reġjonali u huwa fattur importanti biex jitnaqqsu d-differenzi reġjonali,

H.   billi l-parteċipazzjoni mifruxa tas-sħab imsemmija fir-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali u l-koperazzjoni aħjar bejn il-parteċipanti mdaħħla fl-implimentazzjoni tal-programmi u tal-proġetti ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni tippermetti li l-politika ta' koeżjoni ssir aktar effikaċi u żżid l-effett ta' lieva,

I.   billi strateġija integrata għandha tqis mhux biss l-aspetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-iżvilupp tat-territorji, imma wkoll tfittex li tikkoordina l-interessi tal-parteċipanti differenti kkonċernati li jikkunsidraw l-karatteristiċi territorjali, sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu għall-isfidi lokali u reġjonali,

J.   billi kemm il-koordinazzjoni aħjar tal-politiki pubbliki differenti, fil-livelli kollha amministrattivi, kif ukoll governanza effikaċi huma indispensabbli biex l-iżvilupp sostenibbli tat-territorji jibqa' miexi 'l quddiem,

K.   billi l-kunċett ta' strateġija integrata issa huwa kkunsidrat bħala ħtieġa u li issa jaqbel li dan il-kunċett jitpoġġa fil-prattika,

L.   billi l-politiki strutturali jirrappreżentaw it-tieni l-akbar sehem mill-baġit tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006 u huma l-politiki ewlenin tal-UE għall-perjodu 2007-2013;

M.   billi huwa tajjeb biex isiru arranġamenti sabiex ikun hemm aktar trasparenza u koperazzjoni effiċjenti fost il-parteċipanti kollha fl-awtoritajiet differenti u fl-entitajiet pubbliċi u privati, mingħajr il-ħtieġa li jiġu trasferiti xi kompetenzi ġuridiċi u bla ma jinħolqu gruppi ġodda, biex kulħadd isir aktar effikaċi bis-saħħa tal-koperazzjoni,

N.   billi huwa tajjeb li tiġi kkunsidrata l-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-fażi bikrija tan-negozjati dwar il-leġiżlazzjoni komunitarja u, b'mod partikulari, fil-qafas tan-negozjati dwar il-pakkett li jmiss tar-regolamentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni,

O.   billi l-applikazzjoni tal-kunċett tal-Oqsma tal-Ħajja u tax-Xogħol jinvolvi l-kunsiderazzjoni tat-territorji elementari biex jiġu ttrattati l-kwistjonijiet marbuta b'mod fundamentali mal-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini (it-trasport, is-servizzi pubbliċi, il-kwalità tal-ħajja, ix-xogħol u l-attivitajiet ekonomiċi lokali, is-sigurtà, eċċ),

P.   billi l-ippjanar xieraq ta' territorju jista' jagħti kontribut għal governanza effikaċi,

Q.   billi l-fatt li l-parteċipanti li jkunu involuti fl-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni jkunu kapaċi fl-"immaniġġjar tal-proġett" huwa fattur ewlieni biex titjieb u titħaffef il-governanza,

R.   billi jaqbel li fil-futur jinġibdu konklużjonijiet mill-esperimenti tajba li jinvolvu metodi ġodda tal-governanza u s-sħubija, fosthom dawk li diġà ġew esperimentati b'suċċess fil-qafas tal-programmi tal-Fondi Ewropej, bħall-metodu LEADER u l-allokazzjoni globali (b'konformità mal-Artikoli 42 u 43 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali),

S.   billi l-istrutturi u l-istrateġiji ta' komunikazzjoni xierqa fil-fażijiet kollha (tal-politika, tal-implimentazzjoni u tal-evalwazzjoni) imfasslin bil-kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, jippromwovu t-tixrid tal-informazzjoni fis-saffi kollha tas-soċjetà, jinkoraġġixxu t-trasparenza, is-sehem ta' kulħadd u s-sjieda sħiħa,

Il-Governanza u l-Fondi Komunitarji

1.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tad-diversi fondi Komunitarji (il-Fondi Strutturali, il-Programm ta' Qafas Komunitarju dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp, u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali) bil-għan li jippromwovu l-iżvilupp reġjonali u urban, kif ukoll li jħaffu l-finanzjament integrat;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jużaw iżjed l-istrateġija integrata fil-perjodu attwali tal-programmazzjoni;

3.  Jipproponi, fil-kuntest tal-Politika ta' Koeżjoni għall-ġejjieni, li l-prinċipju tal-istrateġija integrata jsir obbligatorju; jikkunsidra li l-applikazzjoni ta' dan il-prinċipju għandha titwettaq f'limitu ta' żmien speċifiku;

4.  Jipproponi, għall-finijiet tas-simplifikazzjoni u l-effikaċja, li għandu jsir studju biex tkun evalwata l-probabilità li għall-perjodu wara l-2013 jingħaqdu l-fondi Komunitarji differenti, u b'mod partikulari, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

5.  Jinnota li proċeduri trasparenti u ċari huma sinjali ta' governanza tajba u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali u filwaqt li jitqiesu s-suġġerimenti tal-benefiċjarji potenzjali, biex jeżaminaw bla dewmien, skont limitu ta' żmien iffissat mill-Kummissjoni, kif jistgħu jkunu ssimplifikati u razzjonalizzati l-proċeduri u dwar kif għandhom jinqasmu b'mod aktar ċar ir-responsabilitajiet għall-implimentazzjoni tal-Politika ta' Koeżjoni bil-ħsieb li jonqos il-piż burokratiku tal-individwi u l-entitajiet ikkonċernati;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-użu tal-Artikolu 56 tar-Regolament Ġenerali tal-Fondi Strutturali, li jippermetti li jsiru kontribuzzjonijiet mhux fi flus għall-proġetti kofinanzjati mill-UE,

Il-Governanza u s-Sħubija

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji u tippreżenta lill-Parlament Ewropew evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija għall-Istati Membri fil-kuntest tal-abbozz tal-Oqfsa ta' Referenza Strateġiċi Nazzjonali u tal-programmi operattivi, filwaqt li jiġu identifikati s-suċċessi u l-fallimenti tal-governanza, kif ukoll biex jiġi eżaminat b'mod partikulari kemm ittieħed kont ta' l-opinjonijiet u l-proposti mressqa mis-sħab fit-tfassil tal-programmi operattivi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ linji ta' gwida li jkun fihom definizzjoni ċara u kriterji tal-evalwazzjoni kif ukoll li jistabbilixxu l-istrumenti, l-għodod u l-prattiki tajba (fosthom għall-għażla tas-sħab) imfassla biex iħaffu l-implimentazzjoni ta' ftehim ta' sħubija effikaċi f' konformita' mal-Artikolu 11 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali filwaqt li jiġi osservat il-qafas istituzzjonali partikulari għal kull Stat Membru;

9.  Jinnota li l-proċess ta' sħubija ma jistax jaħdem ħlief bi ftehim ta' sħubija li jkollu i-kompetenzi u r-riżorsi meħtieġa, u jistieden lill-awtoritajiet amministrattivi biex jagħtu l-kontribut tagħhom għat-tisħiħ ta' dawn il-kapaċitajiet billi jipprovdu lis-sħab fil-fażi bikrija u f' konformita' mal-Artikolu 11 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Fondi Strutturali, bl-istess informazzjoni li tkun disponibbli għall-awtoritajiet u billi jkunu allokati riżorsi finanzjarji xierqa maħsuba għal għajnuna teknika għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija, pereżempju għat-taħriġ, għall-bini ta' kapital soċjali u biex irendu l-attivitajiet tas-sħubija tagħhom aktar 'professjonali';

10.  Jiddispjaċih li għall-perjodu ta' programmazzjoni attwali, l-ebda ammont minimu kwantifikabbli ta' Fondi Strutturali ma kien maħsub biex ikun implimentat il-prinċipju tas-sħubija; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex fil-leġiżlazzjoni tal-ġejjieni jaħsbu għal ammont minimu kwantifikabbli ta' fondi mill-Fondi Strutturali għall-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija;

11.  Jinnota l-irwol importanti li għandu l-volontarjat fil-proċess ta' sħubija u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jappoġġjaw u jħaffu x-xogħol siewi li jkun sar mill-voluntiera li jikkontribwixxu għal dan il-proċess, kif ukoll biex il-poplu u l-organizzazzjonijiet popolari jieħdu sehem akbar fid-demokrazija lokali fi sħubija ta' bosta livelli;

12.  Jiġbed l-attenzjoni fl-obbligu li jkun ikkonsultat il-pubbliku ġenerali kif ukoll l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili dwar il-kwistjoni tal- programmazzjoni biex din tirrifletti l-proposti tagħhom, u jenfasizza li l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili tgħin biex il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikun leġittimizzat; jinnota li l-isforzi biex il-poplu jieħu sehem fit-tħejjijiet tal-programmi operattivi għall-perjodu 2007-2013 ma rnexxewx daqskemm kien ittamat; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tidentifika l-prattiki tajba u biex titħaffef l-applikazzjoni tagħhom bil-għan li titjieb il-parteċipazzjoni tal-pubbliku qabel il-perjodu li jmiss tal-programmazzjoni;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet li jimmaniġġjaw biex jinfurmaw lis-sħab dwar kif u sa liema livell jitqiesu s-suġġerimenti li jagħmlu fil-fażijiet differenti tal-proċess tal-programmazzjoni tal-fondi strutturali;

14.  Ifakkar li ftehim ta' sħubija jista' jagħti kontribut għall-effikaċja, l-effiċjenza, il-leġittimità u t-trasparenza fil-fażijiet kollha tal-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u jista' wkoll iżżid l-impenn għall-outputs tal-programmi kif ukoll għas-sjieda tagħhom; jistieden għalhekk lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet amministrattivi biex is-sħab ikollhom sehem aktar mill-qrib minn kmieni fil-fażijiet kollha tal-programmazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali, bil-għan li l-esperjenza u l-għerf tagħhom jintużaw aħjar;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżguraw koperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-setturi pubbliċi u privati permezz tat-twaqqif ta' ftehim ta' sħubija bejn il-pubbliku u l-privat fl-implimentazzjoni tal-fondi strutturali, minħabba li l-benefiċċji potenzjali li jiġu mis-Sħubijiet Pubbliċi u Privati x'aktarx li ftit li xejn huma sfruttati;

16.  Jinnota li l-Istati Membri ġodda ma kkonformawx bis-sħiħ mal-prinċipju tas-sħubija u għalhekk l-introduzzjoni tiegħu tista' tissaħħaħ b'mod gradwali;

17.  Jitlob sabiex ir-Regolamenti dwar il-Fondi Strutturali li jmiss ikun fihom dispożizzjonijiet speċifiċi li jorbtu b'mod legali l-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija, bi kriterji li jistgħu jkunu verifikati b'mod ċar;

Il-Governanza f'bosta livelli

18.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw fl-iqsar żmien possibbli l-azzjonijiet prattiċi tal-ewwel programm ta' implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikulari fil-qafas tal-linja 3.1 tiegħu, sabiex tissaħħaħ il-governanza f'bosta livelli;

19.  Jissuġġerixxi l-inklużjoni tad-dimensjoni tal-governanza fil-qafas tal-intestatura 4.1 tal-ewwel Programm ta' Azzjoni tal-implimentazzjoni tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea, li tistieden lin-Network Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Ippjanar tal-Ispazji (ESPON) biex jiżviluppa indikaturi ġodda għall-koeżjoni territorjali;

20.  Hu tal-fehma li l-governanza li tirnexxi f'bosta livelli jeħtieġ li tkun ibbażata fuq strateġija "minn isfel għal fuq"; jistieden f'dan il-kuntest lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jinvestigaw mezzi li jintensifikaw il-koperazzjoni u l-kuntatt tagħhom mal-gvernijiet nazzjonali kif ukoll mal-Kummissjoni, u jirrakkomanda li jsiru laqgħat regolari bejn uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali;

21.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiddeċentralizzaw l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni biex tippermetti t-tħaddim tajjeb tas-sistema ta' governanza f'bosta livelli u f' konformita' mal-prinċipji tas-sħubija u tas-sussidjarjetà u jistedinhom biex jieħdu l-miżuri leġiżlattivi u baġitarji meħtieġa dwar id-deċentralizzazzjoni;

22.  Jenfasizza li l-kapaċità amministrattiva reġjonali u lokali kif ukoll l-istabilità u l-kontinwità tagħha huma prekundizzjoni biex il-fondi jkunu assorbiti b'mod effiċjenti u biex ikun żgurat li jħallu l-akbar impatt; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li jkun hemm strutturi amministrattivi adegwati u kapital uman f'termini ta' reklutaġġ, rimunerazzjoni, taħriġ, riżorsi, proċeduri, trasparenza u aċċessibilità;

23.  Jistieden lill-qrati nazzjonali tal-awdituri biex ikollhom rwol aktar b'saħħtu fil-mekkaniżmi ta' kontroll, biex jiżguraw li l-fondi jintefqu b'mod xieraq, u biex jaċċettaw ir-responsabiltajiet tagħhom u jieħdu sehem aktar attiv;

24.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiddelegaw ir-responsabilità għall-immaniġġjar tal-Fondi Strutturali lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fuq il-bażi ta' termini u kriterji miftiehma li jridu jkunu aċċettati mill-awtoritajiet konċernati, bil-għan li jkunu involuti aktar mill-qrib u permezz ta' strutturi ta' koordinazzjoni formali fil-ħidma tal-abbozzi u l-implimentazzjoni tal-programmi operattivi, jew, għallinqas, biex jagħtuhom għotjiet globali billi jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet li joffrulhom u li jippermettu lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jieħdu sehem sħiħ fil-mekkaniżmi tal-governanza f'bosta livelli;

Il-Governanza u d-Dimensjoni Territorjali

25.  Jitlob lill-Istati Membri li għadhom m'adattawx il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom b'mod li tippermetti l-implimentazzjoni tal-Grupp Ewropew għall-Koperazzjoni Territorjali (EGTC) li jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni, filwaqt li teżamina liema livell NUTS ikun l-aktar rilevanti, biex tidentifika l-qasam li fih, fuq il-bażi tal-esperjenza li tkun inkisbet, għandha tiġi implimentata l-politika integrata għall-iżvilupp tat-territorji, sabiex tifforma l-bażi għall-proġetti li ġejjin, u b'mod partikulari:

   - l-oqsma tal-ħajja u tax-xogħol, jiġifieri l-bliet, iz-zoni suburbani u z-zoni rurali tal-qrib;
   - it-territorji li jiġġustifikaw strateġiji tematiċi partikulari, bħar-reġjuni muntanjużi, iz-zoni ta' msaġar kbar, il-parks nazzjonali, l-ibħra li fihom jiżbukkaw ix-xmajjar, l-ispazji tal-kosta, ir-reġjuni tal-gżejjer kif ukoll iz-zoni b'ambjent degradat, sabiex ikunu żviluppati strateġiji bbażati skont il-post;

Il-Governanza u l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent akbar tal-awtoritajiet reġjonali u lokali u t-tisħiħ tal-prinċipju tas-sussidjarjetà fit-Trattat ta' Liżbona; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej biex jibdewjikkunsidraw minn issa l-implikazzjonijiet prattiċi ta' żviluppi bħal dawn;

28.  Jinnota li fil-Kunsill ma jeżisti l-ebda dipartiment iddedikat b'mod partikulari għall-politika ta' koeżjoni biex tiżgura li jkun hemm segwitu strateġiku għal din il-politika, li tirrappreżenta l-ewwel post fil-baġit tal-Unjoni Ewropea, u jitlob lill-Istati Membri biex jipprevedu li fil-Kunsill ikun hemm sessjonijiet partikulari għall-Ministri responsabbli għall-Politika ta' Koeżjoni;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien fi ħdan il-Kummissjoni ta' gruppi interdipartimentali bħal dak dwar "il-politika urbana" u dak dwar "l-istrateġija integrata"; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa din l-istrateġija ta' ħidma bejn id-dipartimenti u biex tgħarraf lill-Parlament u lill-Kumitat tar-Reġjuni b'mod regolari bir-riżultati tal-ħidma tal-gruppi msemmija;

30.  Jimpenja ruħu biex jikkunsidra x'tibdil jista' jsir fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew biex jippermetti l-ħidma bejn id-dipartimenti fuq is-suġġetti li jinvolvu bosta kumitati parlamentari (gruppi temporanji jew oħrajn), b'mod partikulari fil-qafas tal-ħidma tal-Gruppi ta' Ħidma dwar ir-Riforma Parlamentari;

31.  Jistieden lill-Kumitat tar-Reġjuni biex isaħħaħ l-isforzi tiegħu għall-iżvilupp tal-prattika tal-governanza kemm mill-aspett tal-kwantità kif ukoll minn dak tal-kwalità;

Għodda għall-Promozzjoni tal-Governanza u s-Sħubija tajba

32.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-iżvilupp tal-miżuri ta' taħriġ għall-governanza u s-sħubija, flimkien mal-organizzazzjonijiet tat-tagħlim u tat-taħriġ pubbliċi u privati, biex jilqgħu għall-isfidi Komunitarji l-kbar;

33.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu xieraq mill-ippjanar tal-ispazji sabiex jassistu fil-faċilitazzjoni ta' żvilupp reġjonali bbilanċjat;

34.  Jistieden lir-rappreżentanti eletti u lill-uffiċjali tal-amministrazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u lis-sħab imdaħħla fit-tmexxija tal-programmi operattivi tal-Politika ta' Koeżjoni bi qbil mal-Artikolu 11 tar-Regolament dwar il-Fondi Strutturali, biex jutilizzaw ir-riżorsi finanzjarji tal-assistenza teknika ta' dawn il-programmi għat-taħriġ fit-tipi ta' governanza marbuta ma' dawn il-programmi, u b'mod partikulari għall-immaniġġjar tal-proġetti; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex titlob lill-Istati Membri sabiex jagħtu rendikont dettaljat tal-mod li bih ikunu ntużaw il-programmi finanzjarji speċifiċi tagħhom;

35.  Hu tal-fehma li n-networks Ewropej għall-iskambju tal-prattiki tajba għandhom iwessgħu l-azzjonijiet tagħhom rigward il-governanza u s-sħubija, jisħqu aktar fuq il-lezzjonijiet politiċi u strateġiċi li jkunu ttieħdu miċ-ċikli tal-programmi preċedenti u għandhom jiżguraw l-aċċess pubbliku għall-iskambju tal-esperjenza fil-lingwi kollha tal-UE biex b'hekk jgħinu ħalli jiġi żgurat li l-prattiki tajba jkunu ġew implimentati tassew;

36.  Jifraħ bl-inizjattiva tal-Presidenza Franċiża tal-Unjoni Ewropea li tniedi proċess ta' żvilupp ta' qafas ta' referenza għas-sostenibilità u s-solidarjetà bejn il-bliet u jitlob li fih titqies id-dimensjoni tal-governanza u s-sħubija;

37.  Jipproponi l-ħolqien ta' programm li jixbah lill-programm ERASMUS ieħor għar-rappreżentanti eletti lokali u reġjonali;

o
o   o

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

Avviż legali - Politika tal-privatezza