Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar l-akkuża u t-tressiq ta" Joseph Kony quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Istatut ta" Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC), b'mod partikolari l-Artikolu 86 tiegħu, u d-dħul fis-seħħ tal-Istatut fl-1 ta" Lulju 2002,
– wara li kkunsidra r-ratifikazzjoni tal-Istatut ta" Ruma mill-Uganda fl-14 ta" Ġunju 2002,
– wara li kkunsidra r-referenza li għamel il-President tal-Uganda Yoweri Museveni fl-2003 lill-ICC dwar is-sitwazzjoni li tikkonċerna l-Lord's Resistance Army (LRA), li kienet l-ewwel każ riferut minn Stat Firmatarju lill-ICC mit-twaqqif tagħha,
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Prosekutur tal-ICC tad-29 ta" Lulju 2004 biex tinfetaħ investigazzjoni dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Uganda,
– wara li kkunsidra l-mandat ta" arrest għal Joseph Kony maħruġ mill-ICC tat-8 ta" Lulju 2005, kif emendata fis-27 ta" Settembru 2005 (No ICC-02/04-01/05-53),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta" Sħubija bejn il-Membri tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u l-Paċifiku (ACP) min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta" Ġunju 2000(1), kif emendat mill-Ftehim ta" emenda tal-Ftehim ta" Sħubija, iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta" Ġunju 2005(2) ("il-Ftehim ta" Cotonou"), u b'mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha dwar id-djalogu politiku u l-Artikolu 11 (6) dwar il-promozzjoni tat-tisħiħ tal-paċi u l-ġustizzja internazzjonali,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/494/JHA tat-13 ta" Ġunju 2002 li twaqqaf network Ewropew ta" punti ta" kuntatt rigward persuni responsabbli għal ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra(3) u l-pożizzjoni tiegħu tad-9 ta" April 2002 dwar in-network ewropew tal-punti ta' kuntatt(4),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/335/JHA tat-8 ta" Mejju 2003 dwar l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta" ġenoċidju, reati kontra l-umanità u reati tal-gwerra(5) u l-pożizzjoni tiegħu tas-17 ta" Diċembru 2002 dwar il-prosekuzzjoni ta' reati tal-gwerra u reati kontra l-umanita'(6),
– wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2003/444/CFSP tas-16 ta" Ġunju 2003 dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali(7) u l-Pjan ta" Azzjoni bħala segwitu għal dik il-Pożizzjoni Komuni,
– wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-ICC u l-UE dwar il-Koperazzjoni u l-Assistenza ffirmata fl-10 ta' April 2006, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2006(8),
– wara li kkunsidra r-rapport supplimentari tat-23 ta" Ġunju 2008 mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Kunsill dwar it-tfal u l-kunflitt armat fl-Uganda,
– wara li kkunsidra l-linjigwida dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-UE dwar it-tfal f'kunflitt armat tal-2003,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tat-22 ta" Mejju 2008 dwar is-Sudan u l-ICC(9), tat-3 ta" Lulju 2003 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tramuntana tal-Uganda(10) u tas-6 ta" Lulju 2000 dwar il-ħtif ta" tfal mil-Lord's Resistance Army (LRA)(11),
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-28 t' Awissu 2008 mill-Uffiċju ta' Kontroll ta' Assi Barranin (OFAC) tat-Teżor tal-Istati Uniti, li timponi sanzjonijiet ġodda fuq Joseph Kony, u żżidu fuq il-lista s-sewda tiegħu ta'Ċittadini Iddeżignati b'mod Speċjali (SDN),
– wara li kkunsidra l-iskambju ta" opinjonijiet dwar l-ICC waqt il-laqgħa tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew tal-15 ta" Settembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 91 u 90(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi f'Lulju 2005, l-ICC ħarġet mandat ta" arrest kontra Joseph Kony, iċ-Chairman u l-Kap Kmandant tal-LRA, taħt 33 kap t'akkuża ta" reati allegati kontra l-umanità u l-reati tal-gwerra, li ġie emendat f' Settembru 2005; billi mandati ta" arrest kienu maħruġa wkoll kontra kmandanti għoljin oħra tal-LRA, inklużi Vincent Otti, Okot Odhiambo u Domic Ongwen,
B. billi t-33 kap t'akkuża kriminali kontra Joseph Kony jinkludu 12 –il kap t'akkuża ta" reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità, inklużi qtil, stupru, skjavitù, skjavitù sesswali u atti inumani li jikkawżaw feriti gravi fuq il-ġisem tal-bniedem u sofferenzi, u 21 kap t'akkuża ta" reati tal-gwerra, inklużi l-qtil, it-trattament krudil ta" persuni ċivili, l-attakk intenzjonat b'mod dirett fuq il-popolazzjoni ċivili, is-sakkeġġ, inklużi l-istupru u l-lieva furzata tat-tfal,
C. billi l-LRA ila tiġġieled fir-reġjun mill-1986, b'mod evidenti kontra l-Gvern tal-Uganda,
D. billi r-ribelljoni armata vjolenti ila għaddejja fit-Tramuntana tal-Uganda mill-1986, attwalment f' isem ta" LRA,
E. billi l-Awwissu 2006, il-Gvern tal-Uganda u l-LRA iffirmaw Ftehim ta" Waqfien mill-Ġlied,
F. billi fl-aqwa tal-vjolenza fit-Tramuntana tal-Uganda fl-2005, madwar 1.6 miljun persuna kienu spustati u kienu qed jgħixu f'kampijiet interni għall-persuni spustati, u għexieren ta" eluf ta" tfal kellhom jorqdu kull lejl f'ċentri urbani għall-protezzjoni; billi għalkemm mill-2006 nofs il-persuni spustati (IDPs) setgħu jirritornaw lura lejn djarhom jew viċin djarhom, is-sitwazzjoni għada kritika għal ħafna mill-IDPs li għadhom jirrifjutaw li jmorru lura fin-nuqqas ta' Ftehim ta' Paċi Finali,
G. billi jinsab imħasseb ħafna dwar il-konsegwenzi diżastrużi ta" dan il-kunflitt, li wassal għall-ħtif ta" iktar minn 20 000 tifel u tifla u li kkawża sofferenzi umani kbar, b'mod partikolari fost iċ-ċittadini, kif ukoll għal ksur kbir tad-drittijiet tal-bniedem, għall-ispustament massiv tal-popolazzjonijiet u għall-ikkrollar tal-istrutturi soċjali u ekonomiċi; billi l-ħtif tat-tfal u l-użu tagħhom bħala skjavi tas-sess jew bħala ġellieda huwa reat tal-gwerra u reat kontra l-umanità,
H. billi fl-2008 biss, l-LRA allegatament wettqet bejn 200 u 300 ħtif fir-Repubblika tal-Afrika Ċentrali (CAR), fin-Nofsinhar tas-Sudan u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC), u għalhekk ikkawżat l-istess vjolenza fuq ġenerazzjoni ġdida ta" vittmi,
I. billi f'Lulju 2008 l-LRA attakkat lill-Armata Sudaniża għal-Liberazzjoni f'Nabanga u qatlet madwar 20 suldat minn tagħha,
J. billi Joseph Kony ripetutament naqas milli jidher f'Juba u sa issa rrifjuta li jiffirma l-Ftehim ta" Paċi Finali "sakemm il-mandati ta' arresti tal-ICC u xi kwistjonijiet oħra fil-Ftehim jissolvew mill-Grupp Konġunt ta" Komunikazzjoni"; billi l-Ftehim ta" Paċi Finali kienet innegozjata mill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għal żoni affettwati mil-LRA, l-ex President tal-Możambique, Joaquim Chissano,
K. billi, Joseph Kony uża l-waqfien mill-ġlied matul il-proċess ta" paċi biex jiġbor mill-ġdid u jorganizza mill-ġdid il-forzi tal-LRA fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
L. billi minħabba n-nuqqas ta" kapaċità tal-Istati Firmatarji biex jarrestaw lill-Kony u lill-kmandanti l-oħra tal-LRA, l-LRA bħalissa qed tespandi l-forzi tagħha permezz tal-ħtif,
M. billi, f'Settembru 2008, skont il-Fond tan-NU għat-Tfal (UNICEF), l-LRA allegatament ħatfet 90 tifel u tifla tal-iskola Kongoliżi mill-irħula ta" Kiliwa u Duru fid-DRC, u attakkat diversi żoni oħra, tant li ħolqot spustar massiv fiż-żona,
N. billi l-ICC tilgħab irwol kruċjali fil-prevenzjoni u l-kontroll ta' azzjonijiet gravi ta' kriminalità li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha u huma mezz essenzjali kif jiġi promoss ir-rispett għal-liġi umanitarja internazzjonali u għad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk tikkontribwixxi għal-libertà, is-sigurtà, il-ġustizzja u l-Istat tad-Dritt, kif ukoll bħala kontribuzzjoni għall-preservazzjoni tal-paċi u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali,
O. billi l-ġurisdizzjoni tal-ICC tkopri l-iktar reati gravi li jikkonċernaw lill-komunità internazzjonali u b'mod partikolari l-ġenoċidju, ir-reati kontra l-umanità u r-reati tal-gwerra mwettqa wara l-1 ta" Lulju 2002,
P. billi taħt l-Istatut ta' Ruma, l-Istati Firmatarji impenjaw ruħhom li jieħdu passi kontra reati bħal dawn fil-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħhom u jappoġġjaw l-intervenzjoni tal-ICC meta l-Istati Nazzjonali jonqsu milli josservaw l-obbligi tagħhom,
Q. billi l-Istati Membri kollha tal-UE minbarra r-Repubblika Ċeka rratifikaw l-Istatut ta" Ruma,
R. billi skont il- ftehim ta" koperazzjoni msemmi hawn fuq, konkluż mill-UE u l-ICC, sabiex ikun iffaċilitat l-obbligu ta" koperazzjoni u assistenza, il-Partijiet ftehmu, inter alia, dwar it-twaqqif ta" kuntatti regolari xierqa bejn il-ICC u l-Punt Fokali tal-UE għall-Qorti,
S. billi l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw li l-ikbar numru possibbli ta" Stati jieħdu partifl-ICC, u jżommu f'moħħhom dan l-objettiv waqt in-negozjati (kemm bilaterali u kemm multilaterali) u waqt id-djalogu politiku ma" pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali,
T. billi l-ICC għandha tkun integrata fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u r-ratifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta" Ruma għandhom jiġu diskussi fid-djalogi politiċi u dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem (speċjalment waqt samits u laqgħat oħra ta" livell għoli), ma" pajjiżi terzi, inkluż fil-kuntest ta" koperazzjoni għall-iżvilupp, bħal fil-kuntest tal-Ftehim ta" Cotonou,
1. Jistieden lill-Gvern tal-Uganda u lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari lid-DRC, biex jikkoperaw b'mod sħiħ mal-ICC fl-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom; jitlob, b'mod partikolari li jkun hemm koperazzjoni fl-arrest u ċ-ċediment ta" Joseph Kony u ta" persuni oħra mressqa mill-ICC, mingħajr dewmien;
2. Jiddeplora bis-sħiħ it-twaqqif tal-isforzi biex jiġi promoss l-arrest ta" Joseph Kony u ta" persuni oħra mressqa mill-ICC; ifakkar lill-Gvern tal-Uganda li bħala firmatarju tal-Istatut ta" Ruma tal-ICC, huwa għandu l-obbligu li jikkopera b'mod sħiħ mal-ICC;
3. Jiġbed l-attenzjoni li l-Istatut ta" Ruma jistipula li, ladarba persuni jċedu għall-ICC, il-Gvern tal-Uganda jista" mbagħad japplika biex il-każijiet jinstemgħu fi Qrati fl-Uganda, sakemm l-ICC tikkonkludi li l-Qrati tal-Uganda jistgħu u lesti jinvestigaw u jressqu ġenwinament lis-suspettati tal-LRA imsemmija fil-mandati ta" arrest;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Uganda biex ma jikkonkludi l-ebda ftehim mal-LRA li tmur kontra l-liġi internazzjonali;
5. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, tal-Unjoni Afrikana (AU) u b'mod partikolari lill-pajjiżi ġirien tal-Uganda biex jindirizzaw l-implimentazzjoni tal-mandati ta" arrest b'mod konsistenti;
6. Jitlob ir-rilaxx mingħajr kundizzjoni u immedjat tal-persuni kollha maħtufa mil-LRA, b'mod partikolari l-ħelsien tat-tfal, li jirriskjaw li jispiċċaw skjavi tas-sess jew li jiġu sfurzati jiġġieldu għal-LRA;
7. Jistieden lill-komunità internazzjonali biex twettaq l-investigazzjonijiet tagħha f'allegati abbużi reċenti li saru mil-LRA, fil-CAR, fid-DRC u fin-Nofsinhar tas-Sudan u f'investigazzjonijiet tan-NU mhux pubblikati rappurtati dwar abbużi fil-CAR u biex tiżvela s-sejbiet tagħhom;
8. Jistieden lill-gvernijiet tar-reġjun, lill-Missjoni tal-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUC) u lill-gvernijiet osservaturi internazzjonali oħra għat-taħdidiet ta" paċi biex isegwu l-movimenti u jippubblikaw il-movimenti tal-LRA permezz ta" monitoraġġ intensiv tal-fruntieri reġjonali u biex jikkontrollaw u jipprojbixxu l-fluss ta" armi u provvisti oħra lil-LRA; jitlob li jkun hemm żvilupp ta" pjani effettivi biex jitwettqu l-mandati ta" arrest tal-ICC filwaqt li jkun minimizzat ir-riskju għal ħajja taċ-ċittadini u mingħajr l-użu ta" forza eċċessiva, inkluż permezz tal-użu tal-MONUC;
9. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE, speċjalment lill-dawk li kienu involuti fl-Uganda u fil-proċess ta" paċi ta" Juba, biex jikkoordinaw mal-gvernijiet reġjonali u mas-segretarjat tan-NU u mal-forzi għaż-żamma ta" paċi bil-għan li jkunu implimentati l-mandati ta" arrest tal-ICC għall-mexxejja tal-LRA;
10. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ġustizzja hija għan komuni li għandu jinqasam bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana;
11. Ifakkar li, skont l-Istatut ta" Ruma, l-Istati Firmatarji mpenjaw ruħhom li jġibu fi tmiem l-impunità għall-iktar reati gravi li jikkonċernaw lill-komunità internazzjonali u biex jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta" reati bħal dawn; jemmen bis-sħiħ li l-ICC u t-tribunali ad hoc jikkontribwixxu għall-proċess ta" rikonċiljazzjoni u paċi;
12. Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta" sforzi ċari sabiex tkun evitata d-diverżjoni ta" għajnuna internazzjonali favur l-LRA, għajnuna li tippermetti lill-Joseph Kony jikseb l-armi mill-ġdid; iħeġġeġ it-tnaqqis ta" networks ta" forniment lill-LRA; jistieden lill-gvern tas-Sudan biex jieqaf jagħti għajnuna finanzjarja u appoġġ militari lil-LRA;
13. Jistieden lill-UE u lid-donaturi internazzjonali biex jappoġġjaw id-diżarm, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid ta" ġellieda preċedenti tal-LRA, ir-ritorn tal-IDPs u r-ripatrijazzjoni għall-vittmi;
14. Jilqa" b'sodisfazzjon il-kuntatti mill-qrib u regolari bejn uffiċjali għolja tal-ICC u l-UE; jinnota l-appoġġ qawwi tal-UE għall-parteċipazzjoni fi u l-implimentazzjoni tal-Istatut ta" Ruma; jenfasizza li t-tmexxija tal-UE hija essenzjali għat-tisħiħ tal-mandat tal-ICC;
15. Jemmen bis-sħiħ li, fuq tul ta" żmien twil, l-ICC tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta" atroċitajiet ġodda; jiġbed l-attenzjoni li n-nuqqas li jiġi arrestat Joseph Kony jirriżulta fit-tkomplija ta" atroċitajiet u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li l-paċi u r-rikonċiljazzjoni ma jistgħux jinkisbu mingħajr ġustizzja għall-vittmi;
16. Jirrakkomanda li l-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE issegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fit-Tramentana tal-Uganda u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem mil-LRA;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, biex tkun infurmata, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għar-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Unjoni Afrikana, lill-Gvern tal-Uganda, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE u lill-Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lill-Prosekutur tal-ICC.