Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Ottubru 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli u standards ta' sikurezza għall-vapuri tal-passiġġieri (tfassil mill-ġdid) (COM(2007)0737 – C6-0442/2007 – 2007/0257(COD))
(Proċedura ta" kodeċiżjoni - tfassil mill-ġdid)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2007)0737),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 80(2) tat-Trattat tal-KE, skond liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0442/2007),
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tat-28 ta' Novembru 2001 dwar l-użu aktar strutturat tat-teknika ta' tfassil mill-ġdid għall-atti legali(1),
–wara li kkunsidra l-impenji mogħtija mir-rappreżentant tal-Kunsill b'ittra tat-3 ta' Settembru 2008 biex tiġi adottata l-proposta, skont l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-servizzi legali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra r-Regoli 80a u 51 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0300/2008),
A. billi, skond il-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-proposta kkonċernata ma tinkludix emendi sostanzjali ħlief dawk identifikati bħala tali fil-proposta u billi, fir-rigward tal-kodifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li ma nbidlux ta' l-atti preċedenti flimkien ma' dawk l-emendi, il-proposta fiha kodifikazzjoni sempliċi tat-testi eżistenti, bla ebda tibdil fis-sustanza tagħhom,
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif adattata skond ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Konsultattiv tas-Servizzi Legali tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni.