Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2026B(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0397/2008

Testi mressqa :

A6-0397/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2008 - 6.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0516

Testi adottati
PDF 265kWORD 78k
Il-Ħamis, 23 ta' Ottubru 2008 - Strasburgu
Abbozz tal-Baġit ġenerali 2009 - (Taqsimiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII, IX)
P6_TA(2008)0516A6-0397/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, Taqsima I - Parlament Ewropew, Taqsima II - Kunsill, Taqsima IV - Qorti tal-Ġustizzja, Taqsima V - Qorti tal-Awdituri, Taqsima VI - Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, Taqsima VII - Kumitat tar-Reġjuni, Taqsima VII - Ombudsman Ewropew u Taqsima IX - Kontrullur Ewropew għall-Ħarsien tad-Data (C6-0310/2008 – 2008/2026B(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 272 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom tad-29 ta' Settembru 2000 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(2),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar il-linji gwida għall-proċedura tal-baġit tal-2009 – taqsimiet oħrajn(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2009(5),

–   wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, ippreżentat mill-Kummissjoni fis-16 ta' Mejju 2008 (COM(2008)0300),

–   wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2009, li l-Kunsill stabbilixxa fis-17 ta' Lulju 2008 (C6-0310/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 69 u l-Anness IV tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati l-oħra kkonċernati (A6-0397/2008),

A.   billi l-Abbozz Preliminari tal-Baġit (PDB) tal-istituzzjonijiet kollha ħalla marġni ta' EUR 121 744 018 taħt il-limitu tal-qafas finanzjarju għas-sena finanzjarja 2009,

B.   billi wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta" Lulju 2008, l-abbozz tal-baġit (DB) għandu marġni ta" EUR 224 133 714 taħt dan il-limitu,

C.   billi ġie miftiehem proċess pilota li fih il-koperazzjoni msaħħa bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits, u l-koperazzjoni reċiproka bikrija għall-punti kollha b'implikazzjonijiet baġitarji sinifikanti, iridu jiġu applikati matul il-proċedura kollha tal-2009,

D.   billi l-prerogattivi tal-plenarja biex jiġi adottat il-baġit iridu jinżammu bis-sħiħ skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat u mar-Regoli ta' Proċedura,

E.   billi fis-16 ta' April 2008 saret laqgħa ta" qabel il-konċiljazzjoni bejn delegazzjonijiet tal-Bureau u tal-Kumitat għall-Baġits qabel l-adozzjoni mill-Bureau tal-Abbozz tal-Estimi Preliminari,

F.   billi seħħet laqgħa ta" konċiljazzjoni bejn dawn id-delegazzjonijiet fit-30 ta" Settembru 2008, qabel il-votazzjonijiet fil-Kumitat għall-Baġits u fis-seduta plenarja,

Il-Qafas Ġenerali

1.  Iqis li l-istituzzjonijiet tal-UE, wara t-talba tiegħu li huma jippreżentaw abbozzi tal-baġit ibbażati b'mod sħiħ fuq in-nefqa u li jikkorrispondu mal-ħtiġijiet reali, ikkoperaw b'mod kostruttiv sabiex issa waslu għal proposti finali li jqisu l-aspettattivi taċ-ċittadini u l-ħtieġa ta' responsabilità finanzjarja;

2.  Jenfasizza li huwa talab stqarrijiet mill-istituzzjonijiet kollha dwar kif kull nefqa relatata speċifikament mad-dħul fis-seħħ potenzjali tat-Trattat ta" Liżbona li jemenda t-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tista" tkun identifikata; huwa sodisfatt, wara t-tweġibiet tagħhom, li ebda nefqa simili ma ġiet inkluża fil-proposta finali;

3.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-approċċ tal-Kunsill li jintuża metodu aktar immirat fit-twaqqif tal-Abbozz tal-Baġit minflok it-tibdil ġenerali ta" perċentwali li kien jintuża qabel;

4.  Jenfasizza li, b'mod ġenerali, xorta għad baqa" lok għal titjib u użu aktar effettiv ta" riżorsi baġitarji f'numru ta" oqsma u jqis li dawn jinkludu aktar koperazzjoni interistituzzjonali, użu aħjar ta" miri ta" prestazzjoni, għodod ta' previżjoni u benchmarking fil-konfront tal-aħjar prattika, aktar użu ta" mobilità u ċaqliq ta" staff biex iż-żiediet jinżammu taħt kontroll u wkoll turija ta" dixxiplina solida tal-ispejjeż kollha relatati ma" vjaġġar, allowances, traduzzjoni u, b'mod speċjali, spejjeż ta" bini;

5.  Jenfasizza għal darba oħra l-importanza tal-monitoraġġ kontinwu tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet baġitarji mill-Parlament, xi ħaġa li hija l-bażi għall-istabbiliment tal-baġit annwali; huwa konvint li kontroll parlamentari dirett jista' biss jikkontribwixxi biex titjieb il-kwalità tal-infiq, biex ikun hemm kontroll aktar dirett tal-ġestjoni finanzjarja soda u eventwalment biex l-appoġġ finanzjarju jiġi ffukat mill-ġdid fuq il-prijoritajiet politiċi; jemmen li dan l-għan jista' jintlaħaq biss bl-involviment sħiħ taż-żewġ kumitati baġitarji u tal-kumitati speċjalizzati;

6.  Iddeċieda li jħalli marġni taħt il-limitu ta" l-intestatura 5, Nefqa amministrattiva ta' EUR 76 269 100, biex b'hekk jillimita ż-żieda ġenerali għal 5.8%; jenfasizza li dan jinkludi li terġa" tiġi kif kienet parti mit-tnaqqis imwettaq mill-Kunsill fil-baġit tal-istituzzjonijiet , iżda f'dawk il-każijiet biss fejn il-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull waħda jkunu ġew iġġustifikati;

Taqsima 1 - Il-Parlament Ewropew

7.  Jenfasizza li l-prijoritajiet politiċi tiegħu kif stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-Linji Gwida u l-Estimi baġitarji tal-10 ta' April 2008 u l-20 ta' Mejju 2008 ggwidaw il-proposti tal-2009 fi spirtu ta' dixxiplina baġitarja waqt li ssalvagwardjaw il-prijoritajiet politiċi msemmija; iqis li r-riżultat huwa konformi b'mod sħiħ ma" dawn l-objettivi u, b'mod partikulari, jikkorrispondi wkoll mar-rekwiżiti speċifiċi relatati mal-2009 bħala sena ta" elezzjoni għall-Parlament u l-isfidi relatati mal-Istatut il-ġdid għall-Membri u l-bidla tal-mandat;

8.  Jilqa" b'sodisfazzjon kbir il-koperazzjoni mtejba bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits, li pprovdiet bażi solida għall-ħidma preparatorja ta' qabel l-ewwel qari tal-baġit, kif ukoll waqt l-istadji tal-linji gwida u l-estimi; jenfasizza r-rieda taż-żewġ partijiet li jkomplu u jagħmlu suċċess mill-proġett pilota biex isolvu d-differenzi fi stadju bikri filwaqt li, fl-istess waqt, iżommu l-prerogattivi formali ta" kull korp;

9.  Iqis, madankollu, li xi diffikultajiet prattiċi jridu jiġu solvuti biex tkun faċilitata u tittejjeb aktar il-koperazzjoni, b'mod partikulari titjib ċar rigward l-informazzjoni meħtieġa u rigward li r-rapporti jkunu disponibbli fi żmien limiti ta" żmien xierqa qabel l-ewwel qari;

10.  Jagħraf li seħħew żviluppi sinifikattivi, b'impatt baġitarju ċar, mill-adozzjoni tiegħu tal-Estimi u li, b'konsegwenza, issa huma mixtieqa ċerti aġġustamenti; jenfasizza b'mod partikulari, f'dan ir-rigward, tibdil baġitarju ikkawżat mis-sospensjoni tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta" Liżbona, mit-tħejjijiet għall-implimentazzjoni tal-Istatut il-ġdid għall-Assistenti, mill-previżjonijiet aġġornati għall-Istatut tal-Membri u, wkoll, miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija;

11.  Jenfasizza li ntlaħqu żviluppi sinifikanti bl-għan li l-Membri jiġu assistiti fit-twettiq tal-mandat tagħhom, b'mod partikulari fid-dmirijiet leġiżlattivi tagħhom; jiġbed l-attenzjoni għall-evalwazzjoni u l-istabbiliment pożittivi tas-Servizz ta' Informazzjoni tal-Librerija, li se jtejjeb l-attivitajiet parlamentari tal-Membri; jenfasizza l-importanza li l-Membri jkunu jistgħu jirċievu informazzjoni f'waqtha, oġġettiva u fattwali dwar suġġetti relevanti għall-attivitajiet parlamentari tagħhom; jitlob lill-amministrazzjoni biex tkompli ttejjeb il-preżentazzjoni tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Membri, tippubblika t-talbiet kollha, u mhux biss il-ġabriet fil-qosor tagħhom, fuq il-websajt tal-librerija u żżid il-lingwi li biha tingħata l-informazzjoni; jixtieq ikun infurmat bħala tal-ewwel evalwazzjoni fil-bidu tal-2010;

12.  Jenfasizza li l-livell ġenerali tal-baġit tiegħu jammonta għal 19.67% tan-nefqa awtorizzata skont l-intestatura 5 (approprjazzjonijiet amministrattivi) tal-qafas finanzjarju pluriennali, jiġifieri nżamm taħt il-limitu ta" 20% impost minnu stess; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li dan ifisser iffrankar ulterjuri ta' EUR 0.9 miljun meta mqabbel mal-pożizzjoni tiegħu f'Mejju 2008; jinnota li dan huwa relatat ma" taħlita ta" fatturi kif imsemmi hawn fuq;

13.  Jieħu nota tal-laqgħa ta' konċiljazzjoni bejn il-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits tat-30 ta' Settembru 2008, li fiha d-differenzi baġitarji ewlenin ġew innegozjati u, fil-parti l-kbira tagħhom, solvuti; jinnota, madankollu, xi kwistjonijiet pendenti, fejn ebda ftehim ma seta' jintlaħaq, li tħallew f'idejn il-Parlament;

14.  Jenfasizza r-riżultati pożittivi u n-natura kostruttiva ta' din il-laqgħa; jista', fuq il-bażi tar-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u l-analiżi ulterjuri tal-Estimi u l-Ittra ta' Emenda, japprova fil-parti l-kbira tagħhom il-modifikazzjonijiet għall-Organigramma proposti mill-Bureau; mhux f'pożizzjoni, madankollu, li japprova b'mod sħiħ il-proposti kollha;

15.  Jirrikonoxxi li saru, u se jsiru, sforzi sinifikattivi biex jerġgħu jiġu organizzati mill-ġdid ir-riżorsi biex jiġu limitati żidiet ta" persunal u spejjeż relatati;

   - jenfasizza li għandha tiġi analizzata wkoll l-effettività ġenerali tal-użu tar-riżorsi umani f'termini tas-sodisfazzjon ta' kompiti speċifiċi u li l-Bureau u l-Amministrazzjoni se jkollhom bżonn jagħtu attenzjoni b'mod konsistenti lil din il-kwistjoni għas-snin li ġejjin sabiex jibbilanċjaw bl-aħjar mod possibbli t-tqassim tar-riżorsi umani fost l-attivitajiet leġiżlattivi ewlenin, is-servizzi diretti lill-Membri u l-funzjonijiet ta' appoġġ amministrattiv, u kif ukoll jaraw li jinftiehmu aħjar is-soppożizzjonijiet ta' bażi u l-prijoritajiet;
   - bħala l-ewwel pass sinifikattiv, jilqa' b'sodisfazzjon l-organigramma analitiku u dettaljat ippreżentat, minkejja li b'dewmien u wara l-iskadenza għat-tressiq tal-emendi baġitarji għall-ewwel qari; jixtieq li jinżamm infurmat b'mod kontinwu dwar din il-kwistjoni fil-ġejjieni;
   - huwa sodisfatt li l-proposti attwali se jikkontribwixxu b'mod pożittiv biex jissaħħu l-kapaċitajiet leġiżlattivi tal-Parlament, inkluż fir-rigward tal-kwistjoni tal-komitoloġija, kif ippreżentat ukoll f'rapport reċenti, biex jingħata segwitu, lill-Kumitat tiegħu għall-Baġits;

16.  Japprova t-tibdil għall-Organigramma tas-segretarjat kif stipulat fl-emendi baġitarji mressqa, b'total ta" 88 impjiegi u 1283 promozzjoni; iżomm f'riżerva l-approprjazzjonijiet relatati ma' numru limitat ta' impjiegi sakemm isiru analiżi u kjarifiki ulterjuri rigward l-użu, il-ħtiġijiet u t-tqassim ottimali tar-riżorsi, kif imfisser hawn fuq, l-aktar tard sal-aħħar ta' Ġunju 2009;

17.  Filwaqt li hu impenjat b'mod sħiħ għal tnedija malajr taċ-Ċentru tal-Viżitaturi, jenfasizza li, wara l-Konċiljazzjoni, hu meħtieġ ftit aktar xogħol biex tintlaħaq soluzzjoni sodisfaċenti u effettiva mil-lat tal-ispejjeż; jinnota li ż-żewġ delegazzjonijiet ma setgħux jaslu għal ftehim sħiħ dwar dan il-punt u, konsegwenza ta' dan, jiddeċiedi li f'dan l-istadju japprova parzjalment it-talbiet, filwaqt li jkun lest li jerġa' jeżamina din il-kwistjoni malajr kemm jista' jkun u wara li tkun ingħatat l-informazzjoni meħtieġa;

18.  Jirrikonoxxi l-ħtiġijiet tal-gruppi politiċi rigward riżorsi ta" staff biex jiffaċċjaw sfidi li dejjem jiżdiedu u, konsegwenza ta' dan, jaqbel li jkunu pprovduti 53 impjieg ieħor; iqis li jkun tajjeb ħafna li ssir riflessjoni dwar kif it-talbiet għall-persunal mill-gruppi u l-approprjazzjonijiet relatati jkunu jistgħu jiġu integrati aħjar fil-proċedura tal-baġit, fi stadju minn qabel, biex titwettaq analiżi aktar f'waqtha tar-rekwiżiti essenzjali;

19.  Jirrimarka li ddeċieda li jagħti spinta lill-attivitajiet ta' tagħrif mwettqa fl-Istati Membri bħala parti mill-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni tiegħu għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2009; jilqa' b'sodisfazzjon ukoll l-idea ta' involviment akbar taż-żgħażagħ fil-proċess tal-kampanja, bl-għan li ċ-ċittadini Ewropej jiġu infurmati dwar l-irwol tal-Parlament Ewropew;

20.  Jefasizza li issa ġew stabbiliti d-dispożizzjonijiet baġitarji sabiex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta' "Reġim" ġdid għall-assistenti parlamentari tal-Membri u jilqa' b'sodisfazzjon kbir il-ħidma li qed titwettaq bħalissa sabiex jintlaħaq ftehim aħħari dwar din il-kwistjoni qabel tmiem is-sena;

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta għal Sistema għall-Ġestjoni tal-Għerf biex jittejjeb it-tqassim tat-tagħrif u biex jiġu ġestiti d-diversi għejun ta' informazzjoni fil-livell amministrattiv u politiku; jitlob lill-amministrazzjoni biex tippreżenta r-riżultati tal-ewwel fażi tal-istrateġija b'żewġ stadji sal-aħħar ta' Marzu 2009;

22.  Meta jitqiesu l-ammonti sostanzjali involuti, iqis li l-awtorità baġitarja teħtieġ li tikkunsidra l-limiti finanzjarji u l-ispiża dejjem tiżdied tax-xiri, tal-manutenzjoni u tal-attrezzament tal-bini fis-sena li ġejja, speċjalment meta jitqies il-fatt li l-Istatut tal-Membri se jidħol fis-seħħ fl-2009; jitlob lill-Bureau biex jippreżenta pjan strateġiku sa Settembru 2009, qabel l-ewwel qari tal-baġit; f'dan ir-rigward, ma jistax jaqbel ma' żieda f'riżerva għall-bini u jiddeċiedi li jżommha f'EUR 20 miljun;

23.  Ifakkar li viżjoni aktar ċara għal perjodu ta' żmien medju jew twil, inklużi miżuri tal-ippjanar, x'aktarx ikunu ta' benefiċċju biex jiġu kkontrollati l-ispejjeż; jistieden lill-Bureau tiegħu biex ikompli l-isforzi f'dan ir-rigward; jitlob li jirċievi rapport finali dwar l-implikazzjonijiet finanzjarji, amministrattivi u legali relatati mal-kwistjoni tal-ażbestos u, ukoll, il-ħidma tat-tiswija tas-saqaf meħtieġa fi Strażburgu;

24.  Itenni li s-seduta Plenarja ddeċidiet li bid-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri, m'għandux ikun possibbli aktar li jinkisbu drittijiet ġodda bl-Iskema Volontarja tal-Pensjoni; jiġbed l-attenzjoni li d-deċiżjonijiet li jimplimentaw, kif deċiżi mill-Bureau, jippermettu l-kisba ta' drittijiet ġodda biss għal dawk il-Membri tal-Fond li jerġgħu jiġu eletti, li mbagħad jidħlu f'arranġament temporanju u li ma jkunux intitolati għal pensjoni nazzjonali jew Ewropea marbuta mal-mandat tagħhom; jemmen, għalhekk, li ftit li xejn se jkun hemm Membri li jkunu eliġibbli biex jiksbu drittijiet ġodda; jistenna stima aġġornata mill-amministrazzjoni rigward l-approprjazzjonijiet meħtieġa bid-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-Membri;

25.  Jistenna r-riżultati tal-istudju dwar l-impronta tal-karbonju tal-Parlament Ewropew, li għandu jinkludi wkoll il-kwistjoni tal-iskemi ta' kumpens għas-CO2, kif mitlub mill-Parlament; iddeċieda li jadatta n-nomenklatura tal-linji affettwati minn skema ġejjienija eventwali ta' kumpens bħal din; itenni, madankollu, li jeħtieġ li jiżdiedu l-isforzi biex jitnaqqas l-ivvjaġġar fejn hu possibbli;

26.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li jkun hemm disponibbli ċentru ta' ġestjoni tal-mobilità, li jagħti informazzjoni dettaljata dwar il-konnessjonijiet tat-trasport pubbliku minn u lejn il-Parlament, fil-bini kollu tal-Parlament, kif ukoll permezz tal-internet, mill-bidu tal-mandat il-ġdid tal-Parlament, li jinkoraġġixxi l-użu tat-trasport pubbliku bħala alternattiva għall-użu tal-karozza;

27.  Jinnota s-suġġeriment li jiġi ffinanzjat professorat tal-Parlament Ewropew f'ġieħ il-Professur Bronisław Geremek u biex jitwaqqaf bord, li wieħed mill-iskopijiet tiegħu jista' jkun dak li jagħti premju annwali; jistieden lill-Bureau biex jevalwa dan is-suġġeriment u l-fattibbiltà tiegħu f'kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, bil-għan li jiġu allokati r-riżorsi xierqa;

28.  Jieħu nota tal-opinjonijiet ippreżentati mill-Kumitati għall-Kummerċ Internazzjonali, għall-Affarijiet Legali u għall-Petizzjonijiet u jirrikonoxxi l-livell għoli ta' ftehim; jenfasizza li, fil-parti l-kbira tiegħu, it-tħassib li tqajjem ġie indirizzat permezz tal-emendi baġitarji u l-votazzjoni;

Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

29.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-proċedura ġdida ta" urġenza li għandha tiġi implimentata mill-Qorti, li fiha l-qrati nazzjonali huma intitolati għal risposta fi żmien ta" skadenza ħafna aktar qasir milli kien il-każ qabel; għalhekk japprova l-abbozz tal-baġit li jirrigwarda d-39 impjieg ġdid ikkonċernat;

30.  Jinnota li r-rata għolja ta" żieda fil-baġit seħħet primarjament minħabba l-proġett ta" kostruzzjoni tal-bini l-ġdid tal-Qorti, li ntlaħaq qbil dwaru qabel u li se jkompli jkollu impatt finanzjarju għoli għas-snin li ġejjin; jistieden lill-Qorti biex tippreżenta rapport aġġornat dwar ix-xogħlijiet kollha kemm huma u l-implikazzjonijiet tal-ispiża tagħhom sal-2013;

31.  Iqis li l-iżvilupp tal-baġit operattiv normali tal-Qorti, li bħalissa għandu rata ta' madwar +2.5%, huwa ħafna aktar inkoraġġanti u li, b'mod ġenerali, il-Qorti għamlet sforzi ċari biex tillimita ż-żieda fin-nefqa tagħha għall-eżerċizzju tal-2009;

32.  Jiddeċiedi li jiffissa r-rata ġenerali ta" tnaqqis għal 3.5%, livell qrib ta" dak li l-Qorti nnifisha qed tissuġġerixxi, u jerġa" jġib kif kienu l-approprjazzjonijiet li jikkorrispondu; jinnota li dan għandu jiżgura l-operabilità sħiħa tal-Qorti waqt li xorta jirrappreżenta frankar fuq il-proposti oriġinali;

Taqsima V - Il-Qorti tal-Awdituri

33.  Jilqa" t-tisħiħ propost tal-kapaċità ta" verifika tal-Qorti u jiddeċiedi li jipprovdi l-20 impjieg assoċjat bi qbil kemm mal-Qorti kif ukoll mal-Kunsill;

34.  Iqis li l-iffinanzjar tal-estensjoni tal-bini tal-Qorti jrid jinżamm fl-inqas spiża possibbli għall-kontributuri tat-taxxa; għalhekk jikkonferma mill-ġdid id-deċiżjoni tiegħu biex iħallas għal dan direttament mill-baġit, f'erba' snin, milli jaħbi l-ispejjeż sinifikattivament ogħla li jirriżultaw minn arranġament ta' xiri u self għal 25 sena; b'hekk, jiddeċiedi li jalloka fil-bidu tal-perjodu l-ammont massimu possibbli għall-baġit tal-2009 u, għal dan il-għan, approva ammont ta' EUR 55 miljun għal dan il-għan;

35.  Jiddeċiedi li jagħti spinta lil numru limitat ta" partiti ta" nefqa relatati mat-tifrix ta" rapporti tal-Qorti lill-pubbliku, verifika ta" prestazzjoni tal-Qorti nnifisha, rappurtar aħjar, faċilitajiet tal-kura tat-tfal għall-persunal u wkoll biex ikunu pprovduti żewġ impjiegi oħra fl-organigramma minbarra l-awdituri msemmija hawn fuq;

Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

36.  Qies it-tħassib tal-Kumitat rigward l-approprjazzjonijiet disponibbli għall-persunal u, meta jitqiesu l-argumenti preżentati, jaqbel li tkun aġġustata r-rata ġenerali ta' tnaqqis għal-livell ta' 4.5%;

37.  Jiddeċiedi li joħloq, minbarra ż-żewġ impjiegi AD5 ġodda inklużi fl-Abbozz tal-Baġit, żewġ impjiegi AST oħra li kienu ġew rifjutati mill-Kunsill;

38.  Jiddeċiedi li jpoġġi porzjon tal-approprjazzjonijiet għall-ispejjeż ta" vjaġġar u ta" laqgħat f'riżerva sakemm isir pjan ċar mill-Kumitat dwar kif għandu l-ħsieb li jżomm dawn l-ispejjeż taħt kontroll;

Taqsima VII - Il-Kumitat tar-Reġjuni

39.  Jinnota l-fatt li l-Kumitat se jeħtieġ reklutaġġ ta' persunal addizzjonali 'relatat mat-tkabbir' u jaqbel mal-impjiegi l-ġodda fl-abbozz tal-baġit tal-Kunsill;

40.  Minbarra dan, jista" jaċċetta, wara smigħ tal-Kumitat, numru limitat ta" tliet impjiegi oħra biex jagħti spinta lill-kapaċità operattiva tiegħu f'dipartimenti speċifiċi;

41.  Jiddeċiedi li jintroduċi rata ta" tnaqqis ġenerali ta" 4.5% wara s-smigħ tal-argumenti tal-Kumitat; jinnota li dan huwa qrib ħafna tat-talbiet tal-Kumitat stess waqt li xorta jirrappreżenta tfaddil;

Taqsima VIII - L-Ombudsman Ewropew

42.  Jaqbel ma" l-abbozz tal-baġit tal-Kunsill dwar il-ħolqien ta" tliet impjiegi AD ġodda biex jissaħħaħ l-Ombudsman fl-indirizzar ta" numru dejjem jiżdied ta" ilmenti ammissibbli; minbarra dan, wara s-smigħ tal-Ombudsman, jista" jaqbel ukoll ma" tliet impjiegi AST temporanji;

Taqsima IX - L-Uffiċjal Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data

43.  Japprova din it-taqsima tal-abbozz tal-baġit;

o
o   o

44.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-emendi għat-Taqsimiet I, II, IV, V, VI, VII, VIII u IX tal-abbozz tal-baġit ġenerali, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kkonċernati.

(1) ĠU L 253, 7.10.2000, p. 42.
(2) ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.
(3) ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.
(4) Testi adottati, P6_TA(2008)0115.
(5) Testi adottati, P6_TA(2008)0208.

Avviż legali - Politika tal-privatezza