Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2642(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0571/2008

Dibattiti :

PV 22/10/2008 - 14
CRE 22/10/2008 - 14

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2008 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0523

Testi adottati
PDF 205kWORD 37k
Il-Ħamis, 23 ta' Ottubru 2008 - Strasburgu
Il-kommemorazzjoni tal-Holodomor, il-karestija artifiċjali tal-Ukrajna (1932-1933)
P6_TA(2008)0523RC-B6-0571/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-kommemorazzjoni tal-Holodomor, il-karestija artifiċjali tal-Ukrajna (1932-1933)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni u l-Ikkastigar tad-Delitt tal-Ġenoċidju,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta magħmula waqt it-58 Sessjoni Plenarja tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-70 Anniversarju tal-Holodomor fl-Ukrajna, li kienet appoġġjata minn 63 Stat, inklużi l-25 Stat Membru tal-UE (dak iż-żmien),

–   wara li kkunsidra l-Liġi Ukrajna dwar 'Il-Holodomor fl-Ukrajna tal-1932 u l-1933', adottata fit-28 ta' Novembru 2006,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula mill-President tal-Parlament Ewropew fil-21 ta' Novembru 2007 fl-okkażjoni tal-bidu tal-kommemorazzjoni tal-75 anniversarju tal-karestija ta' Holodomor fl-Ukrajna,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet Finali tal-Għaxar Laqgħa tal-Kumitat għall-Koperazzjoni Parlamentari UE-Ukrajna, adottati fis-27 ta' Frar 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali huwa prinċipju bażiku li fuqu hi bbażżata l-UE,

B.   billi l-Konvenzjoni tan-NU għall-Prevenzjoni u l-Ikkastigar tad-Delitt tal-Ġenoċidju tikkriminalizza numru ta' atti kommessi bil-ħsieb li jinqered, b'mod sħiħ jew parzjalment, grupp nazzjonali, etniku, razzjali jew reliġjuż: billi jinqatlu membri tal-grupp; billi ssir ħsara fiżika jew mentali serja lil membri tal-grupp; billi jiġu imposti fuq il-grupp kundizzjonijiet ta' għajxien ikkalkulati li jikkawżaw il-qerda fiżika tiegħu b'mod sħiħ jew parzjalment; billi jiġu imposti miżuri maħsuba sabiex jevitaw li jkun hemm twelid fil-grupp; u billi tfal tal-grupp jiġu ttrasferiti bil-forza għal grupp ieħor,

C.   billi l-karestija ta' Holodomor tal-1932 u l-1933, li kkawżat il-mewt ta' miljuni ta' Ukrajni kienet ippjanata b'mod ċiniku u krudili mir-reġim ta' Stalin biex idaħħal bil-forza l-politika ta' kollettivizzazzjoni tal-agrikoltura tal-Unjoni Sovjetika kontra r-rieda tal-popolazzjoni rurali fl-Ukrajna,

D.   billi t-tifkir il-kommemorazzjoni tar-reati kontra l-umanità fl-istorja Ewropea għandu jgħin biex jiġi evitat li jsiru reati simili fil-futur,

E.   billi l-integrazzjoni Ewropea kienet ibbażata fuq ir-rieda li wieħed jaċċetta l-istorja traġika tas-seklu 20 u rikonoxximent li din ir-rikonċiljazzjoni ma' storja diffiċli mhix sinjal ta' xi sens ta' ħtija kollettiva, iżda tifforma bażi stabbli għall-kostruzzjoni ta' futur Ewropew komuni bbażat fuq valuri komuni u futur kondiviż u interdipendenti,

1.  Jagħmel din id-dikjarazzjoni li ġejja lill-poplu tal-Ukrajna u b'mod partikolari lis-superstiti li baqa' tal-Holodomor u lill-familjari u l-qraba tal-vittmi:

   a) jirrikonoxxi l-Holodomor (il-karestija artifiċjali tal-1932 u l-1933 fl-Ukrajna) bħala delitt ta' min jistmerru kontra l-poplu Ukrajin, u kontra l-umanità;
   b) jikkundanna b'mod qawwi dawn l-atti, diretti kontra l-klassi tal-bdiewa tal-Ukrajna, u kkaratterizzati minn qerda tal-mases u vjolazzjonijiet tad-drittijiet u l-libertajiet tal-bniedem;
   c) jesprimi s-simpatija tiegħu mal-poplu Ukrajin, li sofra f' din it-traġedja, u jonora lil dawk li mietu bħala konsegwenza tal-karestija artifiċjali tal-1932 u l-1933;
   d) jistieden lill-pajjiżi li nħolqu wara x-xoljiment tal-Unjoni Sovjetika biex jiftħu l-arkivji tagħhom rigward il-Holodomor fl-Ukrajna tal-1932 u l-1933 għal skrutinju komprensiv sabiex ikunu jistgħu jiġu żvelati u investigati b'mod sħiħ il-kawżi u l-konsegwenzi kollha;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern u l-Parlament tal-Ukrajna, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurta u l-Koperazzjoni fl-Ewropa u lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Avviż legali - Politika tal-privatezza