Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2007 (2008/2158(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 195 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tad-9 ta' Marzu 1994, rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001 li temenda l-Artikolu 3 tar-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman(2),
– wara li kkunsidra l-ftehima ta' qafas dwar il-koperazzjoni li ġiet konkluża bejn il-Parlament Ewropew u l-Ombudsman fil-15 ta' Marzu 2006, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Ottubru 2005 bit-titolu "Il-poter tal-adozzjoni u t-trażmissjoni ta' komunikazzjonijiet lill-Ombudsman Ewropew u l- awtorizzazzjoni lill-impjegati tal-gvern biex jidhru quddiem l-Ombudsman Ewropew" (SEC(2005)1227),
– wara li kkunsidra l-ittra tal-Ombudsman Ewropew ta' Lulju 2006 indirizzata lill-President tal-Parlament Ewropew, bil-għan li tippromwovi l-proċedura ta' reviżjoni tal-Istatut tal-Ombudsman,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċizjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008(3) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Ġunju 2008 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li temenda d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tad-dmirijiet tal-Ombudsman(4),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 195(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A6-0358/2008),
A. billi r-rapport annwali rigward l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2007 inbagħat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fl-10 ta' Marzu 2008 u billi l-Ombudsman Ewropew, is-Sur Nikiforos Diamandouros, ippreżenta r-rapport tiegħu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Strasburgu fid-19 ta' Mejju 2008,
B. billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li oriġinarjament ġiet ipproklamata uffiċjalment f'Diċembru 2000, ġiet iffirmata fit-12 ta' Diċembru 2007, u reġgħet ġiet ipproklamata mill-Presidenti tal-Parlament, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill, u billi l-impenn li l-Karta tkun torbot ġuridikament, u li qiegħda fil-proċess li tiġi ratifikata, jirrifletti għarfien dejjem jikber li ċ-ċittadini għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru ta' Ewropa trasparenti, aċċessibbli u kuntattabbli li tkun konxja tal-interessi taċ-ċittadini tagħha,
C. billi l-Artikolu 41 tal-Karta jistipula: 'Kull persuna għandha d-dritt li jkollha l-affarijiet tagħha trattati b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni',
D. billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistipula: 'Iċ-ċittadini tal-Unjoni, u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrisjedu jew li jkollhom l-uffiċċju tagħhom reġistrat fi Stat Membru għandhom id-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman tal-Unjoni f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet jew tal-korpi tal-Komunitá, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim' Istanza meta jkunu qed jaġixxu fl-irwol ġudizzjarju tagħhom',
E. billi huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet u l-korpi Ewropej jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi neċessarji sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom biex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom,
F. billi, għalkemm għaddew seba' snin mill-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament msemmija hawn fuq tas-6 ta' Settembru 2001 li tapprova l-Kodiċi ta' Mġieba Amministrattiva Tajba tal-Ombudsman, l-istituzzjonijiet ewlenin l-oħra għadhom ma ssodisfawx it-talba urġenti tal-Parlament li jikkonformaw il-prattika tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta' dak il-kodiċi,
G. billi l-għadd ta' lmenti fl-2007 kien madwar 16% inqas mill-2006 iżda fl-2007 l-għadd ta' lmenti ammissibbli żdied kemm f'termini assoluti u relattivi minn 449 (12% tat-total) għal 518 (16% tat-total),
H. billi r-riżultati tat-348 inkjesta kompluti, li minnhom 341 kienu marbuta ma' lmenti u 7 kienu investigazzjonijiet proprji, juru li f'95 każ, (li huma ekwivalenti għal 25,7% tal-ilmenti investigati) ma setgħet tiġi aċċertata l-ebda amministrazzjoni ħażina,
I. billi s-sena 2007 rat irduppjar fl-għadd tal-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina li ġew solvuti mill-istituzzjoni jew mill-korp innifishom, wara li jkun sar ilment lill-Ombudsman (f'129 każ), fatt li juri rieda dejjem tikber fuq in-naħa tal-istituzzjonijiet u l-korpi li jaraw l-Ombudsman bħala opportunità biex jiġu solvuti żbalji li saru u biex jikkoperaw mal-Ombudsman għal-benefiċċju taċ-ċittadini,
J. billi kien hemm 5 każijiet li intemmu fl-2007 wara li nstabet soluzzjoni amikevoli, u fi tmiem l-2007, kienu għadhom qed jiġu kkunsidrati 31 proposta għal soluzzjoni amikevoli,
K. billi fl-2007, l-Ombudsman beda jagħmel użu iktar wiesa' minn proċeduri iktar informali biex jissolvew problemi b'mod flessibbli, u se jkompli jiżviluppa dan l-approċċ fil-ġejjieni, li juri kemm l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet huma lesti li jgħinu liċ-ċittadini,
L. billi fl-2007 l-Ombudsman għalaq 55 inkjesta b'kummenti kritiċi u billi kumment kritiku jikkonferma li l-ilment huwa ġustifikat u jindika lill-istituzzjoni jew lill-korp ikkonċernat dak ikun għamel ħażin, sabiex tiġi evitata amminstrazzjoni ħażina fil-ġejjieni,
M. billi saru tmien abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet fl-2007, seba' abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet mill-2006 li wasslu li tittieħed deċiżjoni fl-2007 u każ wieħed li wassal għal rapport speċjali lill-Parlament Ewropew,
N. billi la l-kummenti kritiċi fid-deċiżjonijiet li jagħlqu każijiet irrimedjabbli ta' amministrazzjoni ħażina, u lanqas rakkomandazzjonijiet jew rapporti speċjali mill-Ombudsman m'għandhom effett li jorbot ġuridikament, peress li s-setgħat tiegħu ma jestendux għal istanzi ta' rimedju dirett ta' amministrazzjoni ħażina, iżda huma maħsuba bħala inkoraġġament sabiex l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea jirrimedjaw għall-iżbalji tagħhom stess,
O. billi l-amministrazzjoni ħażina ġiet definita bħala nuqqas min-naħa tal-istituzzjoni, jew xi entità oħra kkonċernata, li tikkonforma mar-regoli jew mal-prinċipji li jorbtuha, ukoll meta dan jiġi minn impenn min-naħa tal-istituzzjoni jew tal-entità nnifisha li ma jkunx stipulat b'mod dirett mit-Trattati jew mil-leġiżlazzjoni sekondarja,
P. billi l-Ombudsman stabbilixxa bħala prijorità l-ħtieġa li jippromwovi l-amministrazzjoni tajba fl-istituzzjonijiet u fl-entitajiet Ewropej u li jinkoraġġixxi sforzi f'dan ir-rigward li jmorru lil hinn mill-prevenzjoni tal-kondotta illegali,
Q. billi l-Ombudsman ressaq rapport speċjali wieħed lill-Parlament Ewropew fl-2007 u billi t-tressiq ta' rapport speċjali lill-Parlament jirrappreżenta mezz importanti li bih l-Ombudsman jista' jfittex l-appoġġ politiku tal-Parlament u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tiegħu sabiex jingħata soddisfazzjon liċ-ċittadini li d-drittijiet tagħhom ma jkunux ġew irrispettati, kif ukoll biex ikun hemm promozzjoni tat-titjib tal-istandards tal-amministrazzjoni tal-UE,
R. billi, sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Nizza, il-Parlament ingħata l-istess dritt daqs l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni li jressaq azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fuq bażi ta' nuqqas ta' kompetenza, ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali, ksur tat-Trattat KE jew ta' kwalunkwe liġi relatata mal-applikazzjoni tiegħu, jew inkella ta' użu ħażin ta' setgħat,
S. billi l-kummenti kritiċi rigward l-amminstrazzjoni ħażina espressi mill-Ombudsman fir-rapport 2007 (kummenti kritiċi, abbozz ta' rakkomandazzjonijiet u rapport speċjali) jistgħu jservu ta' bażi biex tiġi evitata ripetizzjoni tal-iżbalji u n-nuqqasijiet fil-ġejjieni permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri adegwati mill-istituzzjonijiet u minn korpi oħra tal-UE,
T. billi l-koperazzjoni stabbilita mill-Ombudsman fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, għal aktar minn għaxar snin taħdem bħala sistema flessibbli għall-iskambju ta' informazzjoni u ta' prattika tajba u bħala mezz biex il-persuni li għandhom ilment jiġu indirizzati lil ombudsman jew korpi oħra simili li jkunu jistgħu jgħinuhom,
U. billi l-irwol tal-Ombudsman bħala tutur taċ-ċittadin Ewropew żviluppa fi 12-il sena minn meta ġie stabbilit l-uffiċċju, grazzi għall-awtonomija tal-Ombudsman u għall-iskrutinju demokratiku mill-Parlament Ewropew fuq it-trasparenza tal-attivitajiet tiegħu,
V. billi l-attivitajiet tal-Ombudsman u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet għandhom jibqgħu separati u, bħala regola ġenerali immirati biex jiġu evitati kunflitti fir-rigward tal-prerogattivi rispettivi tagħhom, għandhom jinkludu riferimenti reċiproċi definittivi għall-fajls rispettivi tagħhom,
1. Japprova r-rapport annwali għall-2007 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew, u japprezza l-preżentazzjoni tal-mudell konsolidat ta' valutazzjoni fil-qosor tal-attivitajiet li saru u l-analiżi tematika tad-deċiżjonijiet u tal-problemi li hemm fil-fażijiet differenti tal-proċedura; iqis madankollu li għandhom isiru iktar sforzi sabiex tittejjeb it-tabella tal-istatistika, peress li t-taħlita ta' ċifri u ta' perċentwali ta' ġo fiha tista' toħloq konfużjoni;
2. Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE biex ikunu mogħnija bir-riżorsi tal-baġit u r-riżorsi umani metħieġa sabiex jiżguraw li ċ-ċittadini jirċievu tweġiba konkreta fi żmien qasir għat-talbiet, l-ilmenti u l-petizzjonijiet tagħhom;
3. Iqis li l-Ombudsman kompla jeżerċita l-poteri tiegħu b'mod attiv u ekwilibrat, kemm f'dak li jirrigwarda l-eżami u t-trattament tal-ilmenti, kif ukoll fl-iżvilupp u l-konklużjoni tal-investigazzjonijiet, u fil-manteniment ta' rapporti kostruttivi mal-istituzzjonijiet u mal-korpi tal-Unjoni Ewropea u ħeġġeġ liċ-ċittadini sabiex jisħqu fuq id-drittijiet tagħhom fir-rigward ta' dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi;
4. Jitlob lill-Ombudsman biex ikompli l-isforzi tiegħu għall-promozzjoni tal-attivitajiet tiegħu b'mod effettiv, trasparenti u flessibbli, sabiex tkun tista' tinbena ta' kultura ġenwina ta' servizz fl-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE;
5. Iqis li t-terminu 'amministrazzjoni ħażina' għandu jkun interpretat b'mod estensiv, sabiex jifthiem li jirreferi mhux biss għall-attività amministrattiva li tikser ir-regoli jew il-prinċipji stabbiliti mit-Trattati jew mil-leġiżlazzjoni sekondarja,, imma anki għal każijiet meta l-awtoritajiet amministrattivi nnifishom jidħlu għal ċerti obbligi, pereżempju, bl-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta amministrattiva tajba jew meta politiki jew dikjarazzjonijiet ta' natura politika li jkunu approvati jqanqlu aspettattivi leġittimi u raġonevoli fost iċ-ċittadini;
6. Jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Ombudsman biex jippromwovi l-amministrazzjoni tajba permezz ta' rimarki u suġġerimenti addizzjonali lill-istituzzjonijiet u l-entitajiet, ukoll meta ma jkunx sab każijiet ta' amministrazzjoni ħażina waqt l-istħarriġ tiegħu, iżda madankollu jqis li jkun jinħtieġ li jsir titjib fid-dawl tal-għan li titrawwem kultura favur iċ-ċittadin u l-għoti tas-servizzi fl-amministrazzjoni tal-UE;
7. Iqis l-irwol tal-Ombudsman fit-tisħieħ tat-trasparenza u r-responsabilità fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet u fl-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea bħala kontribuzzjoni essenzjali lejn Unjoni fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu 'bl-aktar mod miftuħ u l-eqreb taċ-ċittadin kemm jista' jkun', kif stabbilit fl-Artikolu 1(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet tal-ombudsman f'kull Stat Membru sabiex l-UE tkun f'kuntatt eqreb maċ-ċittadini tal-Ewropa;
8. Ifakkar it-talba tiegħu, li huwa esprima fir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, sabiex l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE jadottaw approċċ komuni fir-rigward tal-Kodiċi ta' Mġieba Amministrattiva Tajba;
9. Itenni li l-Kodiċi ta' Mġieba Amministrattiva Tajba propost mill-Ombudsman, kif approvat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tas-6 ta' Settembru 2001, ikopri l-istaff tal-istituzzjonijiet u tal-korpi Komunitarji kollha u ġie aġġornat regolarment u ppubblikat fuq il-websajt tal-Ombudsman, b'differenza mill-kodiċijiet l-oħra;
10. Jisħaq fuq il-bżonn li jittejjeb iżjed il-profil pubbliku tal-Ombudsman, li għandu l-għan li jinforma liċ-ċittadini, lill-kumpaniji, lill-NGOs u lil entitajiet oħra b'informazzjoni, u jqis li informazzjoni ta' kwalità tista' tgħin sabiex jonqsu l-għadd ta' lmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' referenza tal-Ombudsman; fl-istess ħin jistieden lill-Ombudsman biex immedjatament jgħaddi l-ilmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' referenza tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti, lill-aktar netwerk xieraq fil-livell nazzjonali u lokali;
11. Jirrikonoxxi ż-żieda fl-għadd assolut ta' lmenti inammissibbli imma jqis li ċ-ċifra fir-rigward tal-ilmenti ammissibbli – 16% – għadha mhux sodisfaċenti; fid-dawl ta' dan, jirrakkomanda li ssir kampanja ta' informazzjoni mtejba fost iċ-ċittadini Ewropej imfassla biex iżżid l-għarfien tal-funzjonijiet u l-kompetenzi tal-Ombudsman Ewropew;
12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-koperazzjoni kostruttiva ġenerali bejn l-Ombudsman u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u jappoġġjah fl-irwol tiegħu ta' mekkaniżmu ta' kontroll estern kif ukoll bħala sors prezzjuż ta' titjib kontinwu fl-amministrazzjoni Ewropea;
13. Jistieden lill-Ombudsman sabiex jiżgura li l-Kummissjoni tuża b'mod tajjeb il-poteri ta' diskrezzjoni tagħha biex tagħti bidu għal proċedura ta' ksur taħt l-Artikolu 226 tat-Trattat KE jew li tipproponi penalitajiet taħt l-Artikolu 228 tat-Trattat KE, filwaqt li toqgħod attenta li tevita dewmien jew nuqqas ta' azzjoni li mhux ġustifikati, li huma inkompatibbli mal-poteri tal-Kummissjoni għas-sorvlejanza tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE;
14. Iqis illi, jekk istituzzjoni tirrifjuta li ssegwi rakkomandazzjoni li tinsab f'rapport speċjali mill-Ombudsman, minkejja li l-Parlament ikun approva r-rakkomandazzjoni, il-Parlament jista' b'mod leġittimu juża l-poteri tiegħu biex jieħu azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-att jew tan-nuqqas li kien soġġett għar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman;
15. Jinnota li l-Ombudsman ippreżenta rapport speċjali fejn ikkritika lill-Kummissjoni għaliex ma ttrattatx ilment rigward id-Direttiva Ewropea dwar il-Ħin tax-Xogħol, li dwarha l-Parlament adotta riżoluzzjoni fit-3 ta' Settembru 2008(5);
16. Iqis li meta l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li jaġixxu fil-qafas tal-mandati u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, jinvestigaw kwistjonijiet li jkopru l-kampijiet ta' xulxin, bħal, pereżempju, il-mod kif il-Kummissjoni min-naħa waħda tmexxi proċedura ta' ksur u min-naħa l-oħra l-ksur tal-liġi nnifsu, huma jistgħu jilħqu sinerġija utli permezz ta' koperazzjoni mill-qrib;
17. Jilqa' r-relazzjoni bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi ħdan l-oqfsa istituzzjonali f'dak li jirrigwarda r-rispett reċiproku tal-kompetenzi u l-prerogattivi;
18. Jirrikonoxxi l-kontribuzzjoni utli min-naħa tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, fl-iżgurar ta' rimedji mhux ġudizzjarji; jilqa' b'sodisfazzjon il-kollaborazzjoni bejn l-Ombudsman Ewropew u ombudsmen u organi simili f'livelli nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, u jħeġġeġ biex jissaħħaħ aktar l-iskambju tal-aħjar prattika, li biha tiġi permessa l-armonizzazzjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;
19. Jilqa' l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsman f'Ottubru 2007 bħala kontribut importanti biex id-dimensjoni tal-UE tax-xogħol tal-ombudsman ssir aktar magħrufa u lejn il-kjarifika tas-servizzi li jipprovdu lill-persuni li jkollhom ilment dwar kwistjonijiet fl-ambitu tal-liġi tal-UE;
20. Jilqa' l-inizjattivi tal-Ombudsman Ewropew biex jagħti informazzjoni b'mod mifrux dwar ix-xogħol tiegħu u x-xogħol magħmul mill-ombudsman nazzjonali u jirrakkomanda li l-Ombudsman ikompli fl-isforzi tiegħu biex iżid l-għarfien taċ-ċittadini;
21. Jinkoraġġixxi lill-Ombudsman biex ikompli jagħmel enfasi huwa stess fuq avvenimenti li jinvolvu ċ-ċittadini u, għalhekk, kwerelanti potenzjali, peress li d-dimarkazzjoni tar-responsabilitajiet u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet bejn il-livelli Ewropej, nazzjonali u reġjonali għadhom wisq ikkumplikati għaċ-ċittadin u għal min imexxi negozju;
22. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kampanja mtejba ta' informazzjoni mħeġġa mill-istrateġija ta' komunikazzjoni adottata mill-Ombudsman li twassal għal għarfien aħjar tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-kompetenzi tal-Komunità, kif ukoll għal fehim ikbar tal-ambitu tal-kompetenza tal-Ombudsman; iħeġġu, madankollu, fid-dawl tan-numru kbir ta' lmenti li ma jaqgħux taħt it-termini ta' referenza tiegħu, sabiex jintensifika l-isforzi tiegħu biex jipprovdi informazzjoni iktar komprensiva dwar dawk it-termini ta' referenza fuq bażi iktar regolari;
23. Peress li kull istituzzjoni għandha l-websajt tagħha fejn jistgħu jsiru lmenti, petizzjonijiet etċ, u peress li d-distinzjoni bejn l-istituzzjonijiet hija ta' frustrazzjoni għaċ-ċittadini, jilqa' l-iżvilupp ta' manwal interattiv imfassal biex jgħin liċ-ċttadini fl-identifikazzjoni tal-awtorità l-aktar xierqa biex ssolvi l-problemi tagħhom;
24. Sabiex jitnaqqas l-għadd ta' lmenti mhux ammissibbli li jsiru lill-Ombudsman, jissuġġerixxi li tiġi żviluppata websajt komuni għall-istituzzjonijiet Ewropej biex tgħin liċ-ċittadini u twassalhom direttament lejn l-istituzzjoni kompetenti biex tisma' l-ilment tagħhom;
25. Jipproponi li l-Ombudsman jieħu miżuri biex inaqqas l-għadd ta' lmenti f'dawk il-każijiet fejn ebda azzjoni m'hi possibbli;
26. Jappella lill-Ombudsman Ewropew biex jimpenja ruħu li jgħaddi b'mod dirett, wara li jikseb il-kunsens ta' min ressaq l-ilment, kull ilment li jaqgħa fl-ambitu tal-kompetenza ta' ombudsman nazzjonali jew reġjonali;
27. Bil-għan li ċ-ċittadini jingħataw servizz aqwa u aktar effiċjenti, li l-Ombudsman ikompli jgħarrafhom dwar il-proċeduri interni u l-iskadenzi għat-trattament ta' lmenti, kif ukoll dwar il-kriterji użati fit-teħid ta' deċiżjonijiet fi stadji differenti tal-eżami ta' lment;
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Ombudsman Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-ombudsmen tagħhom jew lill-entitajiet simili kompetenti.