Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2656(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0549/2008

Dibattiti :

PV 23/10/2008 - 13.1
CRE 23/10/2008 - 13.1

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2008 - 14.1

Testi adottati :

P6_TA(2008)0525

Testi adottati
PDF 207kWORD 38k
Il-Ħamis, 23 ta' Ottubru 2008 - Strasburgu
Venezwela
P6_TA(2008)0525RC-B6-0549/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar l-iskwalifiki politiċi fil-Venezwela

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, partikolarment dik tal-24 ta' Mejju 2007 dwar il-każ tal-kanal tat-televiżjoni Radio Caracas fil-Venezwela(1),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-organiżżazzjoni mhux governattiva, Human Rights Watch ta' Settembru 2008 rigward id-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela fl-aħħar għaxar snin, intitolat: ''Deċennju taħt Chávez: Intolleranza Politika u Opportunitajiet Mitlufa għall-Progress tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-Venezwela'',

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-awtoritajiet tal-Venezwela qed jużaw bosta listi ta' ċittadini ('lista Tascón', 'lista Maisanta', 'lista Russián') biex ineħħu uffiċjali pubbliċi mill-kariga tagħhom u biex jiċħdu liċ-ċittadini mid-dritt tagħhom li jkollhom karigi ta' uffiċjali pubbliċi u mill-aċċess għal servizzi u proċeduri amministrattivi,

B.   billi l-użu politiku ta' dawn il-listi qed jillimita d-drittijiet ċivili u politiċi tal-opponenti tal-Gvern attwali tal-Venezwela, partikolarment id-dritt li ċ-ċittadin joħroġ għall-elezzjoni u d-dritt tal-votanti li jeliġġu fil-libertà kollha l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali tagħhom,

C.   billi l-Kontrollur-Ġenerali tal-Venezwela ħareġ ordni amministrattiv li bih ġie skwalifikat numru kbir ta' personalitajiet tal-oppożizzjoni milli joħorġu għall-elezzjonijiet reġjonali u lokali li għandhom isiru f'Novembru 2008,

D.   billi l-awtoritajiet tal-Venezwela b'mod arbitrarju keċċew mill-pajjiż lid-Direttur tal- José Miguel Vivanco, u lill-Daniel Wilkinson , il-Viċi Direttur tal-Ameriki fi ħdan il-Human Rights Watch, i, , minħabba li kienu ppreżentaw rapport kritiku dwar il-libertajiet ċivili u s-sitwazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem matul l-10 snin li fihom tail-President Hugo Chávez kien fil-kariga,

E.   billi dawn huma biss l-aħħar episodji fost numru kbir ta' miżuri li ttieħdu mill-gvern sabiex jiġu intimiditi l-membri tal-oppożizzjoni, id-dissidenti u l-osservaturi internazzjonali fil-pajjiż,

F.   billi fl-1 ta' Ottubru 2008, Julio Soto, l-istudent mexxej tal-partit Comité de Organización Política Electoral Independiente (COPEI) u President tal-Unjin tal-Istudenti fl-Università tal-Istat ta' Zulia, inqatel permezz ta' bosta tiri ta' arma tan-nar fil-karozza tiegħu fil-belt ta' Maracaibo – reat li twettaq taħt kundizzjonijiet suspetti u li għad irid jiġi ċċarat,

1.  Jesprimi tħassib dwar il-lista ta' skwalifiki elettorali maħruġa mill-Kontrollur-Ġenerali tal-Venezwela;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Venezwela biex jeżamina l-iskwalifiki politiċi ta' hawn fuq li ġew imponuti amministrattivament, b'referenza għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 42 u 65 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, li li jgħidu li miżuri bħal dawn fuq bażi definittiva jistgħu biss jittieħdu mill-awtoritajiet ġudizzjarji, kif inhu normali fl-istati demokratiċi kollha;

3.  Iħeġġeġ ukoll lill-Gvern tal-Venezwela biex ikun konformi mal-ftehim internazzjonali ffirmati u ratifikati mill-Venezwela, inkluża l-Konvenzjoni Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, b'referenza speċifika għad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet politiċi mniżżla fl-Artikoli 23(1)(b) u (2) tagħha, u l-Artikoli 2 u 25 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

4.  Jesprimi oppożizzjoni qawwija fir-rigward tat-turment u tal-iskwalifika arbitrarja tal-attivisti tad-Drittijiet tal-Bniedem; jikkunsidra li din it-tkeċċija toħloq preċedent ferm gravi fir-rigward tar-rispett tal-libertà tal-espressjoni u tad-dritt li wieħed jikkritika, li jikkostitwixxu element fundamentali għal kwalunkwe soċjetà demokratika;

5.  Jikkundanna bis-saħħa l-qtil tal-istudent mexxej, Julio Soto; iressaq il-kondoljanzi tiegħu lill-familja u lill-ħbieb tal-vittma, u jitlob lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex jagħmlu kull sforz possibbli sabiex jiġi ċċarat dan il-qtil mill-aktar fis, ħalli l-qattiela u l-persuni responsabbli jinġiebu quddiem il-qrati, u sabiex dan ir-reat issirlu ġustizzja;

6.  Jitlob lill-gvern ta' Chávez biex itemm kull xorta ta' prattika ta' dan it-tip, u biex irawwem demokrazija iktar parteċipattiva fil-Venezwela, b'konformità sħiħa mal-prinċipji stabbiliti fil-kostituzzjoni tal-1999;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, lill-Parlament tal-Mercosur u lill-gvern u lill-parlament tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

(1) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p.484.

Avviż legali - Politika tal-privatezza