Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2658(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0554/2008

Dibattiti :

PV 23/10/2008 - 13.3
CRE 23/10/2008 - 13.3

Votazzjonijiet :

PV 23/10/2008 - 14.3

Testi adottati :

P6_TA(2008)0527

Testi adottati
PDF 213kWORD 49k
Il-Ħamis, 23 ta' Ottubru 2008 - Strasburgu
Burma
P6_TA(2008)0527RC-B6-0554/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-Burma

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-19 ta' Ġunju 2008(1), tal-24 t'April 2008(2), tas-27 ta' Settembru 2007(3), tal-21 ta' Ġunju 2007(4) u tal-14 ta' Diċembru 2006(5) dwar il-Burma,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Burma/Mjanmar tad-29 t'April 2008 adottati fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u Esterni fil-Lussemburgu u l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2006/318/PESK tas-27 ta' April 2006 li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Burma/Myanmar(6),

–   wara li kkunsidra r-rapport tat-3 ta' Settembru 2008 (A/63/341) li sar mir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'Myanmar, Tomás Ojea Quintana,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115 (5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi l-24 t'Ottubru 2008 jimmarka t-13-il anniversarju tal-priġunerija inġusta bħala priġuniera politika ta' Daw Aung San Suu Kyi, Segretarja Ġenerali tal-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (NLD); billi madwar 2 120 individwi oħra għadhom jiffaċċjaw il-priġunerija f'kundizzjonijiet atroċi sempliċiment għax esprimew ix-xewqa tad-demokrazija fil-Burma; u billi fit-3 t'Ottubru 2008 Navanethem Pillay, il-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti li nħatret reċentement, appellat formalment lill-awtoritajiet militari tal-Burma biex jeħilsu l-priġunieri politiċi kollha,

B.   billi, fl-anniversarju tal-priġunerija ta' Daw Aung San Suu Kyi, mexxejja ta' pajjiżi Asjatiċi u Ewropej se jiltaqgħu fis-Seba' Laqgħa Ażja-Ewropea (ASEM) fiċ-Ċina fl-24 u l-25 t'Ottubru 2008,

C.   billi l-ġunta militari tal-Burma qiegħda tirrifjuta apposta li tieħu miżuri preventivi jew protettivi ta' salvagwardja kontra l-karestija serja li qed thedded l-istat ta' Chin fil-Punent tal-pajjiż,

D.   billi, f'Settembru 2008, l-awtoritajiet tal-Burma għamlu azzjoni ta' ripressjoni twila ħamest ijiem fuq il-protesti mifruxa li kienu bdew sitt ġimgħat qabel,

E.   billi s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem kompliet tmur għall-agħar, ir-ripressjoni politika żdiedet u l-ġunta militari naqset milli taġixxi skont il-wegħdiet li għamlet lill-komunità internazzjonali wara r-Rivoluzzjoni Żagħfrana ta' Settembru 2007,

F.   billi fl-2003 l-Istati Uniti pprojbixxiet l-importazzjoni tal-ħwejjeġ mill-Burma, li huma mmanifatturati f'kundizzjonijiet prattikament ta' skjavitù, u billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea s'issa naqas milli jilħaq kunsens fost l-Istati Membri dwar it-teħid ta' miżuri ekwivalenti,

G.   billi s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ħabbar li jista' jikkanċella żjara fil-Burma ppjanata għal Diċembru 2008 jekk ma jkun hemm l-ebda titjib fis-sitwazzjoni nazzjonali fix-xhur li ġejjin,

H.   billi n-NU żvelat f'Awwissu 2008 li l-awtoritajiet militari tal-Burma kienu ħatfu taħt idejhom b'mod frawdolenti persentaġġ mill-għajnuna umanitarja mibgħuta lill-Burma permezz ta' rati ta' skambju tal-munita imwieżna b'mod falz,

I.   billi l-awtoritajiet militari tal-Burma waħħlu l-aċċess bl-Internet għall-midja ħielsa, ostakolaw iċ-ċirkulazzjoni ta' sorsi ta' informazzjoni indipendenti u waddbu l-ħabs lill-hekk-imsejħa dissidenti ċibernetiċi għaliex ippruvaw jesprimu liberament l-opinjonijiet politiċi tagħhom,

1.  Jikkundanna l-kontinwazzjoni tal-priġunerija ta' Daw Aung San Suu Kyi, li ilha taħt arrest domiċiljari intermittenti mir-rebħa tagħha fl-aħħar elezzjonijiet demokratiċi fl-1990, u jinsisti li għandha tinħeles immedjatament;

2.  Jiddeplora l-fatt li n-numru ta' priġunieri politiċi żdied minn 1300 għal 2000 wara r-Rivoluzzjoni Żagħfrana, u minkejja li nħelsu l-ġurnalist veteran u segretarju tal-NLD U Win Tin u sitt mexxejja oħra f'Settembru 2008, 23 membru ieħor tal-NLD ġew arrestati sussengwentement;

3.  Jiddenunzja l-akkużi arbitrarji għall-arrest ta' ħafna dissidenti u l-kundizzjonijiet ħorox ta' detenzjoni għall-priġunieri politiċi inkluż l-użu mifrux tat-tortura u x-xogħol iebes; jesprimi tħassib kbir dwar iċ-ċaħda sistematika ta' trattament mediku għall-priġunieri politiċi u jitlob lill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (ICRC) titħalla terġa' tibda ż-żjarat;

4.  Iħeġġeġ lill-istati tal-ASEM biex fis-Samit tagħhom jappellaw flimkien lill-awtoritajiet militari tal-Burma biex jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha;

5.  Jikkundanna bil-qawwa t-tindif etniku kontra l-komunità Karen, inklużi dawk minnha li qed ifittxu rifuġju fil-pajjiż ġar tat-Tajlandja; jitlob, f'dan ir-rigward lill-komunità internazzjonali biex tagħmel pressjoni ikbar fuq il-ġunta biex din twaqqaf l-azzjonijiet militari kontra ċ-ċivili u biex iżżid l-għajnuna umanitarja lill-popolazzjonijiet affettwati, inkluż permezz ta' mekkaniżmi transkonfinali, fejn ikun meħtieġ;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinsisti fuq it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha fuq it-tqassim tal-għajnuna imposti mill-awtoritajiet militari tal-Burma fuq iz-zoni affettwati miċ-Ċiklun Nargis, u biex tippreżenta rapport sħiħ dwar l-effettività tal-għajnuna tagħha u kemm għajnuna għadha meħtieġa;

7.  Jitlob b'urġenza lill-awtoritajiet militari tal-Burma biex jagħtu kas ir-responsabilitajiet umanitarji tagħhom, b'mod partikulari rigward il-karestija imminenti fl-istat ta' Chin;

8.  Jinnota li 37 żjara mill-mibgħuta tan-NU fl-aħħar 20 sena ma wasslux għal riforma waħda mill-Kunsill għall-Paċi u l-Iżvilupp tal-Istat tal-Burma (SPDC), u jiġbed l-attenzjoni għad-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-11 t'Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni fil-Myanmar (S/PRST/2007/37), li wkoll ġiet injorata mill-SPDC; jitlob li jingħataw skadenzi u jkunu stabbiliti indikaturi għar-riforma, u li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jiddeċiedi li jieħu azzjoni ulterjuri dwar il-Burma jekk dawn l-iskadenzi u l-indikaturi ma jkunux irrispettati jew milħuqa;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Burma biex jimplimenta b'mod progressiv l-erba' elementi fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem mitluba mir-Rapporteur Speċjali tan-NU, jiġifieri: il-libertà tal-espressjoni, l-assemblea u l-assoċjazzjoni; il-ħelsien tal-priġunieri tal-kuxjenza; it-transizzjoni għall-gvern b'aktar minn partit wieħed, demokratiku u ċivili; u ġudikatura indipendenti u imparzjali;

10.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti biex jagħmel it-tieni żjara tiegħu fil-Burma f'Diċembru 2008, ikunu x'ikunu l-kundizzjonijiet prevalenti, sabiex jagħmel appell personali urġenti għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u l-inklużjoni sħiħa tal-NLD fit-tħejjijiet għall-elezzjonijiet tal-2010, u biex jenfasizza li t-talbiet tan-NU jridu jkunu milqugħa;

11.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex juża l-laqgħa tiegħu tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008 biex jirrevedi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008 tal- 25 ta" Frar 2008 li jġedded u jsaħħaħ il-miżuri restrittivi fir-rigward tal-Burma/Myanmar(7), biex jiftaħ il-kamp tas-sanzjonijiet immirati biex jinkludi l-aċċess għas-servizzi bankarji internazzjonali għall-kumpaniji, konglomerati u negozji li huma proprjetà ta' jew għandhom rabtiet mill-qrib mal-militar tal-Burma, biex iwaqqaf l-importazzjoni tal-ħwejjeġ immanifatturati fil-Burma, u biex itemm l-aċċess minn ġenerali magħżula u l-familji tagħhom għall-opportunitajiet ta' negozju, kura tas-saħħa, akkwisti bħala konsumaturi u edukazzjoni barra mill-pajjiż;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tispjega x'azzjoni bi ħsiebha tieħu rigward l-ammissjoni tan-NU li persentaġġ tal-għajnuna umanitarja kollha mogħtija lill-Burma qed tispiċċa vittma ta' abbuż mir-rata tal-iskambju appoġġat mill-istat;

13.  Jesprimi tħassib kbir li l-'Entità ta" Investigazzjoni' stabbilita mill-awtoritajiet militari tal-Burma biex jinvestigaw l-imwiet, l-arresti u l-għejbien marbuta mad-dimostrazzjonijiet paċifiċi ta' Settembru 2007 ma tat l-ebda risposta, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Burma biex jiffaċilitaw l-operat tal-kummissjoni investigattiva ssanzjonata min-NU;

14.  Iħeġġeġ lill-Gvernijiet taċ-Ċina, l-Indja, u r-Russja biex jużaw l-influwenza ekonomika u politika konsiderevoli tagħhom mal-awtoritajiet tal-Burma sabiex ikun hemm titjib sostanzjali fil-pajjiż u sabiex jitwaqqaf il-forniment ta" armi u ta" riżorsi strateġiċi oħra;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Mibgħut Speċjali tal-UE għall-Burma, lill-SPDC, lill-gvernijiet tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tal-Ażja tax-Xlokk (ASEAN) u l-ASEM, lis-segretarjat tal-ASEM, lill-Caucus Interparlamentari dwar il-Myanmar tal-ASEAN, lil Daw Aung San Suu Kyi, lill-NLD, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2008)0312.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2008)0178.
(3) ĠU C 219 E, 28.8.2008, p.311.
(4) ĠU C 146 E, 12.6.2008, p.383.
(5) ĠU C 317 E, 23.12.2006, p.902.
(6) ĠU L 116, 29.4.2006, p.77.
(7) ĠU L 66, 10.3.2008, p.1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza