Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba (COM(2008)0609 – C6-0345/2008 – 2008/2286(ACI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0609 – C6-0345/2008),
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1), u b'mod partikolari l-punt 28 tagħha,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' aġġustament għall-globalizzazzjoni(2),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0430/2008),
A. billi l-Unjoni Ewropea stabbiliet l-istrumenti leġiżlattivi u baġitarji xierqa biex jingħata appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed isofru l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija u biex tgħinhom sabiex jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol,
B. billi l-assistenza finanzjarja min-naħa tal-Unjoni lill-ħaddiema li sfaw qegħda għandha tkun dinamika u disponibbli malajr u b'mod effiċjenti kemm jista' jkun skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni fis-17 ta' Lulju 2008,
C. billi l-Italja talbet assistenza fir-rigward ta' erba' każijiet li jirrigwardaw qgħad fis-settur tat-tessili f'Sardinja, fil-Piemonte, fil-Lombardia u fit-Toscana(3),
1. Jistieden lill-istituzzjonijiet involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-Fond skont id-dikjarazzjoni konġunta msemmija hawn fuq li permezz tal-adozzjoni tagħha l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkonfermaw l-importanza li tkun żgurata proċedura mħaffa li tirrispetta l-Ftehima Interistituzzjonali (IIA) tas-17 ta' Mejju 2006 dwar l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni;
2. Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma d-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
EGF/2007/005 IT/Sardegna, EGF/2007/006 IT/Pjemonte, EGF/2007/007 IT/Lombardia u EGF/2008/001 IT/Toscana
ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba
Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,
wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba(1), u b'mod partikolari l-punt 28 tagħha,
wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' aġġustament għall-globalizzazzjoni(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,
wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,
Billi:
(1) Il-Fond Ewropew ta" Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ("il-Fond") twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jitilfu l-impjieg minħabba nuqqas ta' xogħol għalihom u li jsofru l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.
(2) Il-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 tippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond fil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.
(3) L-Italja ippreżentat erba' applikazzjonijiet għall-użu tal-Fond fir-rigward ta' redundanxcies fis-settur tat-tessuti: fid-9 ta' Awissu 2007 għal Sardinja, fl-10 ta' Awissu 2007 għall-Piemonte, fis-17 ta' Awissu 2007 għal-Lombardia u fit-12 ta' Frar 2008 għat-Toscana. Dawn l-applikazzjonijiet jikkonformaw mar-rekwiżiti sabiex jiġu ddeterminati l-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.
(4) Il-Fond, għalhekk, għandu jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjonijiet,
IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2008, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 35 158 075 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.