Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2057(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0392/2008

Testi mressqa :

A6-0392/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/11/2008 - 7.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0540

Testi adottati
PDF 290kWORD 53k
It-Tlieta, 18 ta' Novembru 2008 - Strasburgu
It-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur
P6_TA(2008)0540A6-0392/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Novembru 2008 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur (2008/2057(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2008 bl-isem "Il-monitoraġġ tar-riżultati fis-suq waħdieni: il-Kwadru ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur" (COM(2008)0031),

–   wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern Nru 16a tal-14 ta' Frar 2008 (SEC(2008)0076),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2007 dwar il-Green Paper dwar ir-Reviżjoni tal-Acquis tal-Konsumatur(1),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar l-istrateġija tal-UE għall-politika tal-konsumatur 2007-2013(2),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern(3),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2007 bl-isem "Suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21" (COM(2007)0724),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2007 bl-isem "Servizzi ta' interess ġenerali, inklużi s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali: impenn Ewropew ġdid" (COM(2007)0725), mehmuża mal-Komunikazzjoni dwar suq uniku għall-Ewropa tas-seklu 21,

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' metodoloġija ġdida għall-monitoraġġ tas-swieq u s-setturi tal-prodotti: Ir-riżultati tal-ewwel eżami settorjali (SEC(2007)1517), mehmuża mal-Komunikazzjoni dwar suq wieħed għall-Ewropa tas-seklu 21,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0392/2008),

A.   billi jilqa' l-pubblikazzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Swieq tal-Konsumatur ("it-Tabella"), li għandha l-għan li s-Suq Intern iwieġeb aħjar għall-aspettattivi u t-tħassib taċ-ċittadini,

B.   billi s-swieq tal-konsumatur li jkunu kompetittivi u jaħdmu b'mod effikaċi huma kruċjali sabiex ikun żgurat li ċ-ċittadini jkollhom fiduċja fis-Suq Intern,

C.   billi jeħtieġ li t-Tabella tkun komplementata b'metodi oħra ta' monitoraġġ,

D.   billi l-indikaturi fit-Tabella huma maħsuba biex jgħinu fl-identifikazzjoni tas-setturi li għandhom jiġu studjati aktar fid-dettall,

E.   billi t-Tabella għandha tistimola d-dibattitu dwar kwistjonijiet tal-politika tal-konsumatur,

F.   billi l-istudji u l-analiżi mill-awtoritajiet nazzjonali għall-konsumatur u l-kompetizzjoni jistgħu jkunu rilevanti biex it-Tabella tkompli tiżviluppa,

Introduzzjoni

1.  Jisħaq fuq l-importanza li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jgawdu b'mod sħiħ mill-benefiċċji tas-Suq Intern, u jqis it-Tabella bħala għodda importanti biex jintlaħaq dan il-għan;

2.  Jilqa' l-ħames indikaturi prinċipali tat-Tabella marbuta mal-ilmenti, mal-livelli tal-prezzijiet, mas-sodisfazzjon, mat-tibdil tal-fornitur u mas-sikurezza;

3.  Jenfasizza li t-Tabella għadha fil-bidu tagħha u jeħtieġ li tiżviluppa aktar b'data aktar kompleta, bi statistika aktar preċiza u b'aktar analiżi msejsa fuq l-indikaturi differenti;

4.  Jenfasizza li meta jintlaħaq livell sodisfaċenti ta' żvilupp fil-ħames indikaturi bażiċi tat-Tabella, għandhom ikunu elaborati indikaturi ġodda sabiex is-Suq Intern ikun jista' jwieġeb aħjar għall-aspettattivi u t-tħassib taċ-ċittadini;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm finanzjament u staff biżżejjed għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafi 3 u 4;

6.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiżgura approċċ koerenti u kkoordinat fis-servizzi tagħha biex ma jkunx hemm xogħol ripetut u riżultati kontradittorji mill-analiżi tad-data;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkludi sintesi li tinftiehem faċilment, kif ukoll konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ċari fit-Tabelli li jsiru fil-ġejjieni, maqlubin fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni Ewropea;

L-iżvilupp tal-indikaturi

8.  Huwa tal-opinjoni li l-għadd totali ta' indikaturi għandu jkun limitat sabiex tkun żgurata Tabella ffukata tajjeb;

9.  Huwa tal-opinjoni li indikatur marbut mal-ilmenti huwa essenzjali sabiex wieħed jifhem is-sodisfazzjon tal-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu sabiex ikun hemm armonizzazzjoni tas-sistemi ta' klassifikazzjoni tal-ilmenti li jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti u mis-servizzi rilevanti tal-assistenza għall-konsumatur fl-Istati Membri u fil-livell Komunitarju, u biex jistabilixxu ġabra ta' data tal-ilmenti tal-konsumatur fl-UE kollha; jistieden lill-Istati Membri biex ikabbru l-għarfien tal-konsumatur dwar is-sistemi ta' lmenti u biex itejbu l-immaniġġjar tal-ilmenti sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu joffru aktar servizzi u servizzi aħjar;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa indikaturi marbuta mal-proċedimenti ġudizzjarji transkonfinali u l-kumpens għal ħsara mġarrba mill-konsumaturi, permezz ta' mezzi ta' kumpens ġudizzjarji u extraġudizzjarji, kif ukoll permezz ta' mekkaniżmi nazzjonali ta' kumpens;

11.  Huwa tal-opinjoni li indikaturi marbuta mal-kompetenza, mal-kapaċità u mal-età tal-konsumatur jistgħu jiġu inklużi fit-Tabella (pereżempju, il-livell tal-edukazzjoni, il-kompetenza fil-kompjuters u l-kapaċitajiet fil-lingwi barranin); madankollu, jisħaq fuq l-importanza li jinstab bilanċ bejn l-indikaturi msejsa fuq id-data 'soft' minn stħarriġ fost il-konsumaturi u data 'hard' imsejsa fuq għejun oħra;

12.  Jirrikonoxxi li l-iżvilupp ta' indikaturi ta' prezzijiet preċiżi u xierqa hija kwistjoni kumplessa ħafna billi d-differenzi fil-livell tal-prezzijiet jista' jkollhom għadd ta' kawżi u l-eżistenza tagħhom fiha nnifisha mhix prova tan-nuqqasijiet tas-suq; madankollu, huwa tal-opinjoni li t-Tabella għandha tinkludi indikaturi tal-prezzijiet, billi l-prezzijiet huma ta' tħassib kbir għall-konsumaturi u l-indikaturi tal-prezzijiet huma importanti biex jistimulaw dibattitu u jiżguraw li jkun hemm għarfien fil-midja rigward in-nuqqasijiet fit-tħaddim tas-swieq; jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-klima makroekonomika kif ukoll is-setgħa tal-akkwist tal-konsumaturi u l-prezzijiet qabel it-taxxa fl-Istati Membri;

13.  Jilqa' l-isforzi sabiex jiġu żviluppati indikaturi tal-prezzijiet aktar sofistikati, imma jitlob ukoll sabiex jintużaw indikaturi oħra marbuta mat-tħaddim effikaċi tas-swieq qabel ma jsiru rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar il-politika;

14.  Ifakkar li t-tħassib dwar l-etika u l-ambjent kulma jmur qiegħed iżid fl-importanza għall-konsumatur; jistieden lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibilità li titkejjel id-disponibilità tal-informazzjoni marbuta ma' tħassib bħal dan fi swieq differenti;

It-titjib tal-bażi tal-informazzjoni

15.  Jisħaq fuq l-importanza ta' koperazzjoni mill-qrib bejn l-uffiċċji tal-istatistika tal-Istati Membri, tal-Eurostat u ta' servizzi oħra tal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-kwalità u l-kompletezza taċ-ċifri; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu passi sabiex jiffaċilitaw koperazzjoni bħal din;

16.  Ifakkar li l-konsumaturi nazzjonali u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni sikwit jistudjaw każijiet jew ikollhom evidenza oħra li tirrigwarda t-tħaddim ta' swieq differenti, u b'hekk jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu spunt mill-informazzjoni nazzjonali disponibbli u tikkonsulta b'mod attiv mal-esperti nazzjonali meta tiġi biex tkompli tiżviluppa t-Tabella;

17.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jaraw sew il-merti li jiġi stabbilit Ombudsman speċjali għall-Konsumatur; jinnota li numru ta' Stati Membri għandhom ombudsmen tal-konsumatur f'diversi setturi li jgħinu l-konsumaturi biex jittrattaw mal-operaturi ekonomiċi;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, b'koperazzjoni mal-Istati Membri, tiżgura li ċ-Ċentri Ewropej għall-Informazzjoni tal-Konsumatur jingħataw aktar riżorsi u jkollhom biżżejjed staff biex isolvu b'mod effiċjenti l-għadd li kulma jmur qiegħed jikber ta' lmenti transkonfinali mill-konsumaturi u biex iqassru ż-żmien tal-ipproċessar ta' lmenti bħal dawn;

Aktar għarfien

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-għarfien fir-rigward tat-Tabella, inter alia billi jiżguraw li tkun aċċessibbli u viżibbli faċilment fuq il-websajts rilevanti, u jżidu l-isforzi għall-promozzjoni tat-Tabella fil-mezzi ta' komunikazzjoni, mal-awtoritajiet pubbliċi u fl-organizzazzjonijiet tal-konsumatur;

Ir-relazzjoni mat-Tabella tas-Suq Intern

20.  Huwa tal-opinjoni li t-Tabella tas-Suq Intern u t-Tabella tas-Swieq tal-Konsumatur it-tnejn għandhom l-għan li jippromwovu Suq Intern aħjar sabiex ikun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini u l-konsumaturi;

21.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm komunikazzjoni aħjar fis-Suq Intern u huwa tal-opinjoni li ż-żewġ Tabelli huma passi importanti f'dik id-direzzjoni;

22.  Jenfasizza li filwaqt li ż-żewġ Tabelli huma marbuta bejniethom u huwa importanti li jkun promoss l-iżvilupp koerenti tagħhom, huma għandhom udjenzi speċifiċi differenti u għalhekk għandhom jinżammu separati, b'settijiet differenti ta' indikaturi;

23.  Huwa tal-opinjoni li għandha ssir reviżjoni fuq bażi regolari tal-indikaturi użati kif ukoll tar-relazzjoni bejn iż-żewġ Tabelli sabiex jiġu adattati għall-iżviluppi fis-Suq Intern;

o
o   o

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 187 E, 24.7.2008, p. 231.
(2) Testi adottati, P6_TA(2008)0211.
(3) Testi adottati, P6_TA(2008)0421.

Avviż legali - Politika tal-privatezza