Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Novembru 2008 dwar il-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 68/151/KEE u 89/666/KEE fir-rigward tal-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni għal ċerti tipi ta' kumpaniji (COM(2008)0194 – C6-0171/2008 – 2008/0083(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0194),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 44(2)(g) tat-Trattat KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0171/2008),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0400/2008),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fid-19 ta' Novembru 2008 bil-ħsieb ta l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2008/.../KE li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 68/151/KEE, 77/91/KEE u 89/666/KEE fir-rigward ta' l-obbligi ta' pubblikazzjoni u traduzzjoni għal ċerti tipi ta' kumpaniji
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 44(2)(g) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni║,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),
Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat(2),
Billi:
(1) Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa tiegħu tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007, qabel li l-piżijiet aministrattivi fuq il-kumpaniji għandhom jitnaqqsu b'25% sas-sena 2012, biex tittejjeb il-kompetittività tal-kumpaniji fil-Komunità.
(2) Il-liġi tal-kumpaniji kienet identifikata bħala qasam li fih għadd kbir ta' obbligi ta' informazzjoni għall-kumpaniji, li wħud minnhom jidhru li għadda żmienhom jew li huma eċċessivi.
(3) Dawn l-obbligi ta' informazzjoni jeħtiġilhom jiġu riveduti biex il-piżijiet li qed itaqqlu l-kumpaniji fil-Komunità jitnaqqsu għall-minimu meħtieġ biex ikun żgurat il-ħarsien ta' l-interessi tal-partijiet interessati l-oħra.
(4) Skond l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta' Marzu ta' l-1968 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni ta' l-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri minn kumpaniji fis-sens tat-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 58 tat-Trattat, bil-għan li dawn is-salvagwardji tagħmilhom ekwivalenti f'kull parti tal-Komunità(3), il-kumpaniji b'responsabbiltà limitata jeħtiġilhom jiżvelaw, permezz ta' pubblikazzjoni, ċerta informazzjoni li għandha titniżżel fir-reġistru ċentrali, ir-reġistru kummerċjali jew ir-reġistru tal-kumpaniji ta' l-Istati Membri. F'bosta mill-Istati Membri, din il-pubblikazzjoni jeħtiġilha sseħħ fil-gazzetta tal-gvern, u xi daqqiet, addizzjonalment, fil-ġurnali nazzjonali u reġjonali.
(5) Fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-publikazzjoni fil-gazzetta tal-gvern lill-kumpaniji tikkawżalhom spejjeż addizzjonali mingħajr ma tipprovdi valur miżjud, ġaladarba r-reġistri tal-kumpaniji l-informazzjoni tagħhom jagħmluha disponibbli fl-internet. Inizjattivi - bħall-portal Ewropew futur e-Justice - bil-għan li jiffaċilitaw l-aċċess għal dawn ir-reġistri fil-Komunità kollha kemm hi jkomplu jnaqqsu l-ħtieġa li din l-informazzoni tkun ippubblikata f'gazzetta tal-gvern jew f'publikazzjoni stampata oħra.
(6) Biex jippermettu pubblikazzjoni b'infiq effikaċi li lill-utenti tipprovdilhom aċċess faċli għall-informazzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu użu obbligatorju minn pjattaforma elettronika ċentrali. Din il-pjattaforma għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha li jkun meħtieġ li tiġi żvelata jew inkella għandha tagħti aċċess għal dik l-informazzjoni fil-fajl elettroniku tal-kumpanija fir-reġistri tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe ħlasijiet imposti fuq il-kumpaniji għal pubblikazzjoni bħal din ikunu inklużi fi ħlas wieħed, flimkien ma' dawk, jekk ikun il-każ, li jkunu imposti għad-dħul fir-reġistru. Kwalunkwe obbligu ta' pubblikazzjoni eżistenti fl-Istati Membri m'għandux iwassal għal ħlasijiet speċifiċi addizzjonali. Dan madankollu m'għandux jipperikola l-libertà tal-Istati Membri li jgħaddu lill-kumpaniji l-ispejjeż relatati mat-twaqqif u t-tħaddim tal-pjattaforma, inklużi l-ispejjeż biex jiġu fformattjati d-dokumenti, kemm permezz tal-inklużjoni ta' dawk l-ispejjeż fil-ħlas ta' reġistrazzjoni jew inkella permezz ta' talba għal kontribut perjodiku obbligatorju mill-kumpaniji.
(7)F'konformita' mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri jistgħu jkomplu kwalunkwe forma oħra nazzjonali eżistenti ta' pubblikazzjoni, sakemm dawn ikunu definiti tajjeb u bbażati fuq kundizzjonijiet oġġettivi, partikolarment fl-interess taċ-ċertezza legali u tas-sigurtà tal-informazzjoni, u billi titqies id-disponibilità tal-aċċess għall-internet u l-prattiki nazzjonali. L-Istati Membri għandhom ikopru l-ispiża ta' dawn l-obbligi addizzjonali ta' publikazzjoni permezz ta' ħlas wieħed.
(8)B'mod konsistenti mal-użu ta' pjattaforma elettronika ċentrali, għandha tiġi emendata t-Tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta' Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta' membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fit-tifsira tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta' kumpanniji pubbliċi ta' responsabilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti(4).
(9) Skond il-Ħdax-il Direttiva tal-Kunsill 89/666/KEE tal-21 ta" Diċembru 1989 dwar il-ħtiġijiet ta" l-iżvelar rigward il-friegħi li jinfetħu fi Stat Membru minn ċerti tipi ta" kumpaniji rregolati bil-liġijiet ta" Stat ieħor(5), jeħtieġ li tkun żvelata ċerta informazzjoni dwar il-kumpanija. L-Istat Membru li fih il-fergħa tkun stabbilita, minn hawn 'il quddiem "l-Istat Membru ospitanti", attwalment jista' jesiġi li għadd limitat ta' dokumenti f'dak il-kuntest għandhom jinqalbu f'lingwa uffiċjali oħra tal-Komunità.
(10) Dik il-possibbiltà għandha tinżamm, kif ukoll il-possibilita' li l-Istat Membru ospitanti f'xi każijiet limitati jkun jista' jesiġi li t-traduzzjoi tkun awtentikata, minħabba li l-interess ta' parti terza jista' jrendiha ta' ħtieġa li, permezz ta' awtentikazzjoni, ikun żgurat livell suffiċjenti ta' affidabbiltà tat-traduzzjoni.
(11) Madankollu traduzzjoni tista' titqies suffiċjentement affidabbli jekk tkun awtentikata minn traduttur li jkun maħtur uffiċjalment u ġuramentat fi Stat Membru ieħor jew minn kwalunkwe persuna oħra awtorizzata f'dak l-Istat Membru biex jawtentika t-traduzzjonijiet f'dak l-ilsien rekwiżit. L-Istat Membru ospitanti f'dan il-każ ma għandux ikollu l-possibbiltà li jesiġi awtentikazzjoni addizzjonali skond ir-regoli proprji tiegħu.
(12) L-istess japplika meta dokument li jkun meħtieġ għar-reġistrazzjoni tal-fergħa jkun jista' jinħareg mir-reġistru fejn jinżamm il-fajl tal-kumpanija, bil-lingwa uffiċjali tal-Komunità meħtieġa mill-Istat Membru ospitanti ║. F'dan il-każ ukoll, ma jidhirx li tkun f'lokha awtentikazzjoni addizzjonali.
(13) Barra minn dan, l-Istati Membri ma għandhom ikunu jistgħu jimponu l-ebda formalità rigward il-lingwa tad-dokument li tmur lil hinn mill-awtentikazzjoni. B'mod partikolari, ir-rekwiżiti għat-trattament notarili ta' traduzzjoni li diġà tkun awtentikata tisboq dak li huwa meħtieġ biex ikun iggarantit grad suffiċjenti ta' affidabbiltà.
(14) Ġaladarba l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri t-tnaqqis tal-piżijiet aministrattivi li jirrigwardaw l-obbligi ta' pubblikazzjoni u tat-traduzzjoni fuq ċerti tipi ta' kumpaniji fi ħdan il-Komunità, ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jista', għar-raġuni ta' l-iskala u l-effetti tal-miżuri, jintlaħaq aħjar f'livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.
(15) Id-Direttivi 68/151/KEE, 77/91/KEE u 89/666/KEE għandhom għalhekk jiġu emendati skond dan,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emenda għad-Direttiva 68/151/KEE
L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 68/151/KEE għandu jinbidel b'dan li ġej:"
4. L-iżvelar tad-dokumenti u d-dettalji msemmija fl-Artikolu 2 għandu jsir permezz ta' pubblikazzjoni permezz ta' pjattaforma elettronika ċentrali li tippermetti l-aċċess kronoloġiku għall-informazzjoni żvelata.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ma jkollhomx jagħmlu ħlas speċifiku fir-rigward tal-pubblikazzjoni fuq il-pjattaforma elettronika ċentrali jew fir-rigward ta' kwalunkwe obbligu addizzjonali ta' pubblikazzjoni impost mill-Istati Membri rigward dawk id-dokumenti u dettalji. Din id-dispożizzjoni m'għandhiex taffettwa l-kapaċità ta' Stat Membru li jgħaddi l-ispejjeż relatati ma' pjattaforma elettronika ċentrali lill-kumpaniji.
"
Artikolu 2
Emenda għad-Direttiva 77/91/KEE
L-Artikolu 29(3) tad-Direttiva 77/91/KEE għandu jinbidel b'dan li ġej:"
Kull offerta ta' abbonament fuq bażi preventiva u l-perjodu li fih dan id-dritt ta' prevenzjoni għandu jkun eżerċitat għandhom jiġu pubblikati fil-gazzetta tal-gvern nazzjonali.Madankollu, l-liġijiet ta' Stat Membru ma għandhomx bżonn jipprevedu pubblikazzjoni ta' dan it-tip meta l-ishma kollha ta' kumpannija huma reġistrati. F'dak il-każ, l-azzjonisti kollha tal-kumpannija għandhom ikunu infurmati bil-miktub. Il-jedd preventiv għandu jkun eżerċitat f'perjodu li ma għandux ikun inqas minn 14-il ġurnata mid-data tal-pubblikazzjoni tal-offerta jew mid-data minn meta jintbagħtu l-ittri lill-azzjonisti.
"
Artikolu 3
Emenda għad-Direttiva 89/666/KEE
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 89/666/KEE għandu jinbidel b'dan li ġej:"
Artikolu 4
1. L-Istat Membru li fih tkun infetħet il-fergħa jista" jistabbilixxi li d-dokumenti msemmija fil-punt (b) ▌ ta' l-Artikolu 2(2) u fl-Artikolu 3 jeħtiġilhom ikunu żvelati b'lingwa uffiċjali oħra tal-Komunità għajr bil-lingwa uffiċjali tar-reġistru msemmi fil-punt (c) ta' l-Artikolu 2(1), u li t-traduzzjoni ta" dawn id-dokumenti jeħtiġilha tkun awtentikata. Meta Stat Membru jkun jeħtieġ awtentifikazzjoni, it-traduzzjoni ▌għandha tkun awtentifikata minn persuna kkwalifikata biex tagħmel dan fi kwalunkwe Stat Membru║.
2. L-ewwel paragrafu għandu japplika mutatis mutandis għall-awtentikazzjoni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2), sakemm l-awtentikazzjoni tkun inħarġet mir-reġistru msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) fil-lingwa uffiċjali rikjesta mill-Istat Membru li fih tkun infetħet il-fergħa.
3. L-Istati Membri ma għandhom jimponu l-ebda rekwiżit formali addizzjonali rigward it-traduzzjoni tad-dokumenti għajr dawk msemmija fil-paragrafi 1 u 2.
"
Artikolu 4
Traspożizzjoni
1. L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-qadi ta' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Mejju 2010. L-Istati Membri jistgħu jkomplu kwalunkwe forom oħra ta' pubblikazzjoni nazzjonali eżistenti, bil-kundizzjoni li dawn ikunu definiti sew u bbażati fuq kundizzjonijiet oġġettivi, partikolarment fl-interess taċ-ċertezza legali u tas-sigurtà tal-informazzjoni, u billi titqies id-disponibilità tal-aċċess għall-Internet u l-prattiki nazzjonali. L-Istati Membri għandhom ikopru l-ispiża ta' dawn l-obbligi addizzjonali ta' pubblikazzjoni permezz ta' ħlas wieħed. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta" dawk il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi, flimkien ma' tabella ta" korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-metodi ta' kif għandha ssir tali referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.
Artikolu 5
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.
Artikolu 6
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.