Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri (COM(2008)0717 – C6-0389/2008 – 2008/0208(CNS))
(Proċedura ta' konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2008)0717),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 308 tat-Trattat KE, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0389/2008),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta" Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-pagamenti tal-Istati Membri(1) u l-pożizzjoni tal-Parlament tas-6 ta' Settembru 2001 dwar għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-pagamenti tal-Istati Membri(2) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Novembru 2008 dwar li tkun stabbilita faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja għal żmien medju għall-bilanċi tal-pagament tal-Istati Membri(3),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0450/2008),
1. Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;
2. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex konsegwentement tbiddel il-proposta tagħha, skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;
3. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
4. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
Test propost mill-Kummissjoni
Emenda
Emenda 1 Proposta għal regolament – att li jemenda Premessa 2
(2) Għandha tiġi stabbilita proċedura ad hoc għal reviżjonijiet ta" dak il-limitu fil-futur, bil-ħsieb li tittejjeb il-kapaċità tal-Komunità li tirreaġixxi malajr għall-bidliet kbar fl-ambjent finanzjarju li jaffettwaw l-ammont totali ta" appoġġ li potenzjalment ikun meħtieġ mill-Istati Membri.
(2) Fil-każ li jinqalgħu sitwazzjonijiet eċċezzjonali li jistgħu jirrikjedu reazzjoni Komunitarja ta' malajr għal bidliet kbar fl-ambjent finanzjarju, il-Parlament Ewropew, l-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jaġixxu malajr kemm jista' jkun sabiex jiżguraw li l-fiduċja fis-swieq ma tiddgħajjifx.
Emenda 2 Proposta għal regolament – att li jemenda Artikolu 1 – paragrafu 2 Regolament (KE) nru 332/2002 Artikolu 1 – paragrafu 3
Għandu jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:
imħassar
"Meta deterjorament serju tal-ambjent finanzjarju jkun jeħtieġ li tingħata għajnuna finanzjarja urġenti mill-Komunità għat-terminu l-medju lil bosta Stati Membri, il-Kummissjoni tista" tiddeċiedi li tirrevedi l-limitu wara li tkun kisbet l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, kemm fuq il-ħtieġa urġenti li jiġi rivedut il-limitu kif ukoll fuq il-limitu rivedut innifsu. Il-limitu l-ġdid għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea".
Emenda 3 Proposta għal regolament – att li jemenda Artikolu 1 a (ġdid) Regolament (KE) nru 332/2002 Artikolu 10
Artikolu 1a
L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 332/2002 huwa mibdul b'dan li ġej:
"Kull sentejn il-Kunsill għandu jeżamina, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni, wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew u wara li tkun ingħatat l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, jekk il-faċilita' stabbilita għadhiex tissodisfa, fil-prinċipju, fl-arranġamenti u fil-limitu massimu tagħha, il-ħtieġa li kienet wasslet għall-ħolqien tagħha."