Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-aspetti tal-iżvilupp reġjunali tal-impatt tat-turiżmu f'reġjuni kostali (2008/2132(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar Grupp Ewropew tal-kooperazzjoni territorjali (EGTC)(2),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 294/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2008 dwar it-twaqqif ta' Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija(3),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta' Lulju 2006 li jistipula d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni(4),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar l-istabbilizzazzjoni ta' qafas għall-azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ambjentali tal-baħar (Direttiva Qafas dwar l-Istrateġija Marittima)(5),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea dwar ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet dimostrattivi (2007 - 2013)(6),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill sabiex tkun adottata Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tariffi fl-ajruporti(7),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2000 'Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali: strateġija għall-Ewropa' (COM(2000)0547),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2007 'Aġenda għal turiżmu Ewropew sostenibbli u kompetittiv' (COM(2007)0621),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Marzu 2006 Tiġdid tal-Politika tal-UE dwar it-Turiżmu: Lejn partenarjat aktar b'saħħtu għat-Turiżmu Ewropew' (COM(2006)0134), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-29 ta' Novembru 2007 dwar dan is-suġġett(8),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2007 'Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea' (COM(2007)0575), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Mejju 2008 dwar dan is-suġġett(9),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Jannar 2008 '20 20 sal-2020 - L-opportunità dwar it-tibdil fil-klima għall-Ewropa' (COM(2008)0030),
– wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2006 Lejn Politika Marittima tal-Unjoni għall-ġejjieni: Viżjoni Ewropea għall-Oċeani u l-Ibħra' (COM(2006)0275),
– wara li kkusidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-14 ta' Diċembru 2007,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta bejn tliet partijiet tal-20 ta' Mejju 2008 bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni li tistabbilixxi 'Jum Martittimu Ewropew' li jiġi ċċelebrat fl-20 ta' Mejju kull sena,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0442/2008),
A. billi l-UE għandha sitt makrożoni tax-xtut, dawk mal-Atlantiku, mal-Baltiku, mal-Baħar l-Iswed, mal-Mediterran, mal-Baħar tat-Tramuntana u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, u kull wieħed minn dawn għandu r-riżorsi territorjali partikulari tiegħu u kunċett speċifiku tiegħu tat-turiżmu,
B. billi parti sinifikanti tal-popolazzjoni Ewropea tgħix fil-medda ta' 89,000 km ta' xtut tal-Ewropa kontinentali,
C. billi l-aċċettazzjoni tad-definizzjoni ta' 'żoni tax-xtut' użata fil-kuntest tal-Politika Marittima Ewropea, jiġifieri żoni jew partijiet li jinsabu max-xatt jew sa 50km fl-linja dritta mix-xatt,
D. billi r-reġjuni tal-kosta jassumu importanza kbira għall-Unjoni Ewropea minħabba l-fatt li fihom jikkonċentraw perċentaġġ sinifikanti ta' attivitajiet ekonomiċi,
E. wara li kkunsidra d-definizzjoni ta' mmaniġġjar integrat taż-żona tal-kosta u l-irwol li għandu t-turiżmu fl-ilħuq ta' dak l-objettiv,
F. billi l-iżvilupp pożittiv tar-reġjuni tal-kosta ma jiswiex biss ta' benefiċċju għall-popolazzjoni li tgħix fiż-żoni tal-kosta, imma anki għall-popolazzjoni kollha li tgħix fl-UE,
G. billi t-turiżmu, li tipikament huwa l-attività prinċipali f'dan ir-reġjuni, u li jikkontribwixxi b'mod pożittiv lejn l-iżvilupp soċjali u ekonomiku f'termini ta' żieda fil-Prodott Gross Domestiku, jista' wkoll ikollu effetti territorjali ħżiena minħabba li l-attività tiddependi mill-istaġuni, l-impjegar ta' ħaddiema mhux kwalifikati, in-nuqqas ta' integrazzjoni bejn ix-xtut u l-partijiet interni tal-pajjiż, in-nuqqas ta' diversifikar ekonomiku jew id-degradazzjoni tal-patrimonju naturali u kulturali,
H. billi fil-programmi operazzjonali varji għall-2007 - 2013 m'hemmx referenza speċifika għaż-żoni tal-kosta, u bħala riżultat hemm nuqqas ta' data soċjo-ekonomika u finanzjarja affidabbli u li tista' titqabbel dwar it-turiżmu fix-xtut,
I. billi, fin-nuqqas ta' data kumparattiva affidabbli dwar it-turiżmu fix-xtut, huwa possibbli li s-saħħa ekonomika tas-settur tkun evalwata anqas milli hi, u dan iwassal għal evalwazzjoni aktar baxxa tal-valur ekonomiku tal-preservazzjoni tal-ambjent tal-baħar u evalwazzjoni aktar għolja tal-irwol tal-investiment fil-kisba ta' dak il-għan,
J. billi, minħabba n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-fondi tal-UE investiti fiż-żoni tal-kosta huwa diffiċili li ssir evalwazzjoni kwantitattiva tal-impatt reali tal-Fondi Strutturali fuq it-turiżmu fil-kosta,
K. billi t-turiżmu jinsab f'nofs il-politiki varji tal-UE li jaffettwaw b'mod sostanzjali l-kapaċità tiegħu li jikkontribwixxi fil-koeżjoni soċjali u territorjali,
L. billi, mil-lat kwalitattiv, il-Fondi Strutturali jista' jkollhom impatt pożittiv fuq l-iżvilupp tar-reġjuni tal-kosta, billi jagħtu nifs ġdid lill-ekonomiji lokali, jistimulaw l-investiment privat u jippromwovu t-turiżmu sostenibbli,
M. billi l-impatt huwa aktar viżibbli f'postijiet bħal gżejjer żgħar fl-aktar żoni jew żoni tal-kosta imbiegħda fejn it-turiżmu tal-kosta huwa l-attività ekonomika prinċipali,
N. N billi ż-żoni ta' max-xtut huma influwenzati mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom, u jeħtieġu strateġija strutturata li tqis il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom u l-prinċipju ta' sussidjaretà u l-ħtieġa għal proċess ta' teħid ta' deċiżjonijet li japplika l-konsistenza bejn iż-żewġ setturi,
O. billi, barra minn hekk, ir-reġjuni ta' max-xtut spiss huma wkoll reġjuni mbiegħda bħal gżejjer żgħar, reġjuni mbiegħda jew żoni tal-kosta li jiddependu fuq it-turiżmu li għandhom aċċessibilità limitata fi żmien differenti mill-istaġun l-aktar popolari mat-turisti, fejn il-koeżjoni territorjali teħtieġ il-ħolqien ta' infrastrutturi aħjar u konnessjonijiet aktar regolati ta' trasport bejn il-kosta u l-inħawi ta' ġewwa, kif ukoll titħeġġeġ l-attività ekonomika kontinwa barra l-istaġun l-aktar popolari mat-turisti permezz ta' strateġiji li jiġġeneraw l-investiment għall-kummerċjalizzazzjoni territorjali u l-iżvilupp ekonomiku integrat,
P. billi ż-żoni ta' max-xtut, minkejja li għandhom problemi simili, m'għandhomx strumenti speċifiċi li jippermettu approċċ strutturat u komunikazzjoni aħjar bejn l-atturi prinċipali, li spiss jaħdmu b'mod indipendenti u maqtugħin minn xulxin,
Q. billi s-soluzzjonijiet integrati għall-problemi reali jistgħu jinstabu u jiġu implimentati fil-livelli lokali u reġjonali mill-awtoritajiet pubbliċi billi jaħdmu mill-qrib mas-settur privat u jqisu l-interessi ambjentali u komunitarji,
R. billi l-ħolqien ta' strumenti ta' politika għandhom jgħinu sabiex ikun hemm strateġiji ta' żvilupp aktar integrati u sostenibbli, li jtejbu l-kompetittività tal-ekonomija billi jippreservaw ir-riżorsi naturali u kulturali u jippromwovu mudelli ta' turiżmu etiku,
S. billi dan jista' jgħin sabiex jinħolqu impjiegi aħjar fiż-żoni ta' max-xtut, jitnaqqas l-element staġjonali u jiġu kkombinati l-għamliet differenti ta' turiżmu u ta' attivitajiet oħra marittimi jew tal-kosta, b'hekk ikun hemm aġġustament fil-fornitura skont id-domanda mistennija u r-rekwiżiti tat-turisti moderni u jkun possibbli li jinħolqu impjiegi speċjalizzati,
T. billi l-objettiv tal-koperazzjoni territorjali Ewropea stipulat fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1080/2006, jista' jagħti kontribut effettiv fil-prijoritajiet msemmija hawn fuq, permezz tal-iffinanzjar ta' proġetti ta' koperazzjoni u l-iżvilupp ta' netwerks ta' sħubija bejn il-partijiet interessati fis-settur u ż-żoni tal-kosta, b'enfasi, f'dan il-kuntest, fuq l-importanza tal-użu tal-Grupp Ewropew tal-kooperazzjoni territorjali, li għalih hemm dispożizzjoni fir-Regolament (KE) Nru 1082/2006, bħala strument għall-ħolqien ta' koperazzjoni kontinwa fil-qasam tal-iżivilupp sostenibbli fir-reġjuni ta' max-xtut, bil-parteċipazzjoni tal-imsieħba lokali u soċjali,
1. Jenfasizza li t-turiżmu huwa fattur prinċipali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjuni tal-UE ta' max-xtut u huwa marbut mill-qrib mal-objettivi tal-istrateġija ta' Liżbona; jenfasizza wkoll li l-objettivi tal-Istrateġija ta' Gothenburg għandhom jitqiesu b'mod aktar rigoruż fir-rigward tal-attivitajiet tat-turiżmu ta' max-xtut;
2. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiddisinjaw strateġiji speċifiċi u pjanijiet integrati fuq il-livell nazzjonali u reġjonali sabiex ikun hemm reazzjoni għan-natura staġjonali tat-turiżmu fiż-żoni tal-kosta u jkun żgurat li jkun hemm impjiegi aktar stabbli u kwalità aħjar tal-ħajja għall-komunitajiet lokali; f'dan il-kuntest jenfasizza l-importanza li l-kummerċ tradizzjonali tal-istaġun jiġi estiż għal attività s-sena kollha permezz tad-diversifikazzjoni tal-prodott u ta' forom alternattivi ta' turiżmu (pereżempju kummerċ, kultura, saħħa, sport, biedja u turiżmu marbut mal-baħar); jinnota li d-diversifikazzjoni tal-prodotti u tas-servizzi tgħin fil-ħolqien ta' tkabbir u impjiegi u tnaqqas l-effetti ambjentali, ekonomiċi u soċjali;
3. Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu protetti d-drittijiet tal-ħaddiema fis-settur, jiġu promossi l-impjiegi ta' kwalità u l-kisba ta' kapaċitajiet, dan ifisser, inter alia, taħriġ xieraq, użu aktar estensiv ta' kuntratti fit-tul, pagi ekwitabbli u diċenti u kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol;
4. Jirrakkomanda li jkun hemm approċċ integrat lejn it-turiżmu tax-xtut fil-kuntest tal-politiki tal-UE ta' koeżjoni, marittimi, tas-sajd, ambjentali, tat-trasport, tal-enerġija, soċjali u tas-saħħa sabiex jinħolqu sinerġiji u jiġu evitati azzjonijiet inkonsistenti; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tqis approċċ integrat bħal dan fit-tkabbir sostenibbli tat-turiżmu fix-xtut, speċjalment b'rabta mal-politika marittima tal-UE, bħala objettiv strateġiku tal-programm ta' ħidma tagħha għall-2010-2015, kif ukoll fil-kuntest ta' reviżjoni ta' nofs terminu tal-qafas finanzjarju għall-2007-2013;
5. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li jkun hemm parteċipazzjoni sħiħa tal-awtoritajiet reġjonali u lokali responsabbli għat-turiżmu u għall-iżvilupp reġjonali fiż-żoni tax-xtut kif ukoll tal-isħab ekonomiċi, soċjali u ambjentali fl-istrutturi kollha permanenti mwaqqfa skont dawn il-politiki, u fil-programmi ta' koperazzjoni transkonfinali;
6. Jenfasizza r-rabta fundamentali bejn struttura li taħdem tajjeb u reġjun turistiku ta' suċċess, u b'hekk jistieden lill-awtoritajiet kompetenti biex ifasslu pjanijiet għall-ottimizzazzjoni tal-infrastruttura lokali, għall-benefiċċju kemm tat-turisti u kemm tar-residenti lokali; fid-dawl ta' dan, jirrakkomanda ħafna li l-Istati Membri ta' mal-kosta jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-proġetti l-ġodda li jtejbu l-infrastruttura, inklużi l-impjanti taż-żejt u faċilitajiet oħra, jinbnew dejjem bl-użu tal-aktar teknoloġiji reċenti, sabiex ikun żgurat tnaqqis fil-konsum tal-enerġija u fl-emmissjonijiet tal-karbonju u titejjeb l-effiċċjenza tal-enerġija permezz tal-użu ta' għejun ta' enerġija li tiġġedded;
7. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex jippromwovu ktajjen ta" mobilità sostenibbli li jinvolvu t-trasport pubbliku lokali, kif ukoll il-pisti fejn ikunu jistgħu jsuqu r-roti u l-passaġġi għal min irid jimxi, b'mod partikulari fir-reġjuni transkonfinali tal-kosta, u biex jappoġġjaw l-iskambji ta" prattiki t-tajba;
8. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tadotta approċċ olistiku lejn it-turiżmu taż-żoni ta' max-xtut fil-kuntest tal-koeżjoni territorjali tagħha u l-istrateġija tagħha ta' politika marittima integrata, b'mod partikulari għall-gżejjer, l-Istati Membri gzejjer, ir-reġjuni l-aktar imbiegħda u ż-żoni l-oħra ta' max-xtut, b'mod partikulari minħabba li dawn iż-żoni huma dipendenti ħafna mit-turiżmu;
9. Iħeġġeġ ħafna li l-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu t-turiżmu tal-kosta fil-lista ta' prijoritajiet fil-linji gwida strateġiċi għall-perjodu li jmiss ta' programmazzjoni tal-Fondi Strutturali, kif ukoll fost il-politiki tar-reġjuni tal-kosta tal-UE, u sabiex jiddefinixxu strateġija innovattiva li tkun kapaċi tintegra l-offerta tat-turiżmu tal-kosta;
10. Għalhekk jilqa' l-parteċipazzjoni tar-reġjuni tal-kosta fil-programmi u l-proġetti INTERREG IV B u C li jkopru l-koperazzjoni transnazzjonali u interreġjonali fil-qasam tat-turiżmu u jistiedinhom sabiex jagħmlu użu effittiv tal-inizjattivi u l-istrumenti tal-UE għar-reġjuni tal-kosta (bħall-Istrateġiji tal-Mediterran u tal-Baħar Baltiku u s-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed); jirrakkomanda ħafna li l-Kummissjoni tagħmel aktar enfasi fuq ir-reġjuni tal-kosta fil-programmi l-ġodda INTERREG għal-perjodu ta' programazzjoni li jmiss;
11. Jinnota l-opinjoni tal-Kumitat għar-Reġjuni rigward il-ħolqien ta' fond Ewropew għall-kosta, u jistieden lill-Kummissjoni biex fil-kuntest tal-qafas finanzjarju li jmiss, teżamina metodi ta' koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti finanzjarji futuri li jkopru l-ħidma fir-reġjuni tal-kosta;
12. Jirrakkomanda li jinbena pilastu ta' għarfien bħala parti mill-iżivilupp integrat taż-żoni tal-kosta, billi tinħoloq netwerk Ewropea settorjali fi ħdan l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija msemmi fir-Regolament (KE) Nru 294/2008 u s-Seba' Programm ta' Qafas imsemmi fid-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE;
13. Jirrakkomanda li l-Istati Membri ta' max-xtut japplikaw l-approċċ integrat fil-livell tal-programm meta jagħżlu u jwettqu proġetti marbuta max-xtut, jadottaw metodu intersettorjali u jagħtu prijorità lill-ħolqien ta' sħubijiet pubbliċi-privati, sabiex titnaqqas il-pressjoni fuq l-awtoritajiet lokali kkonċernati;
14. Jilqa' l-prijoritajiet identifikati mill-Kummissjoni għat-turiżmu tal-kosta u marittimu fl-Aġenda msemmija hawn fuq għal Turiżmu Ewoprew Sostenibbli u Kompetittiv; Jissuġġerixxi li l-Portal Ewropew tad-Destinazzjonijiet Turistiċi li nħoloq ftit ta' żmien ilu jista' jinkludi informazzjoni dwar id-destinazzjonijiet u netwerks tal-kosta, speċjalment dawk li huma anqas magħrufa u anqas publiċizzati, bil-għan li jiġu promossi lil hinn mill-fruntieri tal-UE inkluż fuq il-livell reġjonali u lokali;
15. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, b'rabta ma' dan, tirrikonoxxi t-turiżmu kostali u tal-baħar bħala żona ta' eċċellenza għall-2010 fil-kuntest tal-proġett pilota tagħha dwar Destinazzjonijiet Ewropej ta' Eċċellenza;
16. Jilmenta dwar il-fatt li minħabba n-nuqqas attwali ta' trasparenza f'dak li jirrigwarda n-nefqa tal-UE fiż-żoni tal-kosta, huwa impossibbli li jiġi kwantifikat il-livell ta' investiment jew li jiġi analizzat l-impatt tal-inizjattivi appoġġjati f'dawk ir-reġjuni; f'dan il-kuntest jilqa' l-Green Paper imsemmija hawn fuq dwar id-dispożizzjoni tal-politika marittima futura għall-ħolqien ta' bażi ta' data għal reġjuni marittimi li tinkludi informazzjoni dwar il-benefiċċjarji tal-fondi Komunitarji kollha (inklużi l-Fondi Strutturali) u jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq dan ix-xogħol importanti bla dewmien; jenfasizza l-importanza ta' inizjattiva bħal din fl-iżgurar ta' trasparenza f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tattiva strumenti xierqa biex din id-data tkun disponibbli għal skopijiet analitiċi u ta' statistika u jistieden lill-Istati Membri sabiex iwettqu l-obbligi tagħhom rigward il-publikazzjoni tal-benefiċċjarji finali b'hekk jipprovdu stampa komprensiva tal-proġetti eżistenti;
17. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u r-reġjuni biex flimkien ifasslu katalgu li jinkludi kollox u li jkun disponibbli fuq l-internet, tal-proġetti ffinanzjati fiż-żoni ta' max-xtut biex b'hekk ir-reġjuni jkunu jistgħu jitgħallmu mill-esperjenza tal-oħrajn u l-akkademiċi, il-komunitajiet ta' max-xtut u partijiet oħra interessati jkunu jistgħu jidentifikaw, jippubbliċizzaw u jimmassimizzaw it-trasferiment tal-aħjar prattiki lill-komunitajiet lokali; fid-dawl ta' dan jirrakkomanda t-twaqqif ta' forum fejn il-partijiet interessati jkunu jistgħu jikkuntattaw lil xulxin u jaqsmu bejniethom il-prattiki t-tajba u t-twaqqif ta' grupp ta' rapprenżentanti ta' Stati Membri biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni dwar it-turiżmu fil-kosta u jrawwmu l-iskambju ta' esperjenzi fuq il-livell istituzzjonali;
18. Jistieden lill-Kummissjoni wkoll biex tuża dan il-katalogu internet sabiex il-pubbliku jagħraf il-benefiċċji miġjuba mill-UE fir-reġjuni tal-kosta, b'hekk isir kontribut lejn viżjoni pożittiva tal-iffinanzjar tal-UE u tittejjeb id-dehra tal-UE;
19. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-ġbir kontinwu min-naħa tal-Eurostat ta' bażi ta' data soċjo-ekonomika għar-reġjuni ta' max-xtut tal-UE tinkludi data dwar it-turiżmu li hija affidabbli, uniformi u aġġornata peress li hija essenzjali biex ikun iffaċilitat it-teħid ta' deċiżjonijiet fis-settur pubbliku u jkun possibbli li jsir paragun bejn ir-reġjuni u s-setturi; jirrakkomanda li l-Istati Membri ta' max-xtut jimplimentaw b'urġenza is-Sistema li Tkejjel l-Impatt tat-Turiżmu fuq l-ekonomija nazzjonali fuq bażi annwali (Tourism Satellite Account) fit-territorju tagħhom;
20. Jenfasizza li hemm rabta mill-qrib bejn l-ambjent u t-turiżmu fiż-żoni ta' max-xtut; u li l-politiki għall-iżvilupp tat-turiżmu għandhom jinkludu miżuri prattiċi konformi ma' politika ġenerali ta' ħarsien u mmaniġġjar ambjentali; għalhekk, jilqa' l-fatt li l-iżvilupp sostenibbli huwa protett fl-Artikolu 17 fir-Regolament (KE) Nru 1083/2006 (dwar il-Fondi Strutturali 2007-2013) bħala wieħed mill-prinċipji prinċipali li japplikaw għall-implimentazzjoni tal-interventi strutturali kollha li l-applikazzjoni tagħhom trid tkun debitament ivverifikata peremzz tal-attivitajiet xierqa ta' monitoraġġ; jirrakkomanda ħafna li tiġi introdotta dispożizzjoni simili fir-Regolamenti għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss; jenfasizza l-kontribut importanti ta' dan fit-trawwim tal-ekoturiżmu;
21. Jenfasizza li r-reġjuni ta' max-xtut huma affettwati b'mod partikulari mill-impatt tal-bdil fil-klima u l-livell tal-baħar li qed jogħla u t-tnawwir tar-ramel, kif ukoll il-frekwenza u s-saħħa tal-maltempati, li dejjem qed jiżdiedu; għalhekk jinsisti li r-reġjuni ta' max-xtut ifasslu pjanijiet ta' riskji u prevenzjoni marbuta mal-bdil fil-klima;
22. Jenfasizza l-effetti li għandha l-bidla fil-klima fuq it-turiżmu tal-kosta; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni, minn naħa waħda, biex tintegra b'mod loġiku fil-politika tat-trasport u tat-turiżmu l-objettivi Komunitarji tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u, min-naħa l-oħra, biex tinkoraġġixxi miżuri li jkollhom il-għan li jħarsu t-turiżmu sostenibbli kontra l-effetti tal-bdil fil-klima;
23. F'dan il-kuntest jenfasizza l-importanza tal-evalwazzjoni tal-potenzjal tat-turiżmu fil-kontribut lejn il-ħarsien u l-konservazzjoni tal-ambjent; jinnota li t-turiżmu jistgħa joffri metodu faċli biex titqajjem kuxjenza fir-rigward tal-valuri ambjentali permezz ta' azzjoni kollettiva min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali min-naħa waħda u l-operaturi turistiċi u l-managers tal-lukandi u r-ristoranti min-naħa l-oħra; għalhekk iqis li dawn l-isforzi għandhom ikunu iffukati fuq ir-reġjuni ta' max-xtut minħabba l-profil turistiku evidenti;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li fl-iżvilupp tat-turiżmu tkun dejjem żgurata l-protezzjoni tal-fatturi storiċi u t-teżori arkeoloġiċi u ż-żamma tat-tradizzjonijiet u tal-patrimonju kulturali b'mod ġenerali, billi jitrawwem l-involviment tal-komunitajiet lokali;
25. Jitlob li jkunu awtorizzati inċentivi biex ikun iffavorit l-iżvilupp sostenibbli, ħalli jkunu salvagwardjati l-patrimonju kulturali u naturali u n-nisġa soċjali tar-reġjuni tal-kosta;
26. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-eżekuzzjoni attiva konformi mad-Direttiva ta' Qafas dwar l-Istrateġija għall-Ambjent Marittimu tkun kundizzjoni biex jingħata ffinanzjar tal-UE għall-proġetti fiż-żoni ta' max-xtut li għandhom impatt fuq il-baħar;
27. Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti kollha xierqa għall-evalwazzjoni biex tiżgura li ssir l-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju fiż-żoni ta' max-xtut waqt il-perjodu ta' programmazzjoni attwali, kif ukoll li jkun hemm qsim ta' responsabilitajiet bejn il-livell differenti ta' teħid ta' deċiżjonijiet;
28. Jenfasizza li l-pressjoni fuq iż-żoni tal-kosta minħabba interventi eċċessivi ta' infrastruttura fiżika tagħmel ħsara lill-iżvilupp u l-attrazzjoni tat-turiżmu tal-kosta, filwaqt li dawk l-aspetti jistgħu jitrawwmu permezz ta' servizzi turistiċi ta' kwalità għolja, essenzjali għall-kompetittività reġjonali tal-kosta u l-promozzjoni ta' impjiegi ta' kwalità u tal-kwalifiki; għalhekk jistieden lir-reġjuni tal-kosta biex iħeġġu l-investimenti alternattivi bħall-investimenti f'servizzi bbażati fuq ITC, il-potenzjali ġodda ta' prodotti ta' tradizzjoni lokali u t-taħriġ ta' livell għoli għall-ħaddiema fis-settur turistiku; jistieden ukoll sabiex jitfasslu programmi ta' taħriġ biex jinħoloq grupp ta' ħaddiema kwalifikati li jitrattaw il-komplessità u l-varjetà li dejjem qed tikber tas-settur turistiku;
29. Jistieden lill-Istati Membri biex ifasslu politiki adegwati rigward l-iżvilupp u l-ippjanar urban li jkunu kompatibbli mal-pajsaġġ tal-kosta;
30. Jenfasizza li l-kwalità għolja tirrappreżenta l-vantaġġ komparattiv bażiku tal-prodott tat-turiżmu tal-UE; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jenfasizzaw u jsaħħu l-kwalità tas-servizzi turistiċi f'termini ta' sigurtà, infrastruttura wiesgħa u moderna, responsabilità soċjali korporattiva tal-intrapriżi involuti u attivitajiet eknomiċi li jirrispettaw l-ambjent;
31. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-politika għall-gruppi marittimi tinkludi servizzi produttivi u setturi ta' relevanza għat-turiżmu fiż-żoni ta' max-xtut, b'hekk ikun possibbli li jkun hemm interazzjoni li tagħti l-frott fost dawk li jagħmlu użu mill-baħar bħala riżorsa biex iżidu l-kompetittività, is-sostenibilità u l-kontribuzzjoni tagħhom lejn l-iżvilupp ekonomiku tax-xtut; barra minn hekk iqis li l-faċilitajiet ta' mediċina, ta' benessri, edukattivi, teknoloġiċi u sportivi għandhom ikunu inklużi fis-servizzi taż-żoni ta' max-xtut skont il-gruppi marittimi bħala element prinċipali għall-iżvilupp taż-żoni ta' max-xtut;
32. Jenfasizza l-importanza tal-aċċessibilità għall-iżvilupp tar-reġjuni tal-kosta; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni, lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex jiżviluppaw modi biex jiżguraw li jkun hemm konnettività mill-aqwa permezz tat-trasport bl-art, bl-ajru u bil-baħar; itenni l-appell tiegħu lill-istess partijiet interessati biex iżidu l-inċentivi għall-forniment ta' vapuri fil-port min-netwerk tal-art, minħabba l-livell għoli ta' tniġġis fil-baħar f'għadd kbir ta' reġjuni u bliet li għandhom portijiet; jistieden lill-Istati Membri biex janalizzaw il-possibilità li jiġu adottati miżuri bħat-tnaqqis ta' ħlasijiet fl-ajruporti, dejjem skont il-proċedura stabbilita fil-pożizzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 msemmija hawn fuq, sabiex tiżdied l-attrazzjoni tal-kompetittività u titrawwem il-kompetittività taż-żoni tal-kosta; għall-istess raġunijiet, jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb ir-rispett tal-istandards ta' sikurezza tal-ajruporti u tal-avjazzjoni, inkluż, meta neċessarju, it-tneħħija ta' mħażen ta' fjuwil fejn l-ajruporti;
33. Jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali biex jippromwovu l-valorizzazzjoni mill-ġdid tal-portijiet u tal-ajruporti fir-reġjuni tal-kosta u fil-gżejjer, bil-għan li jkunu indirizzati l-ħtiġijiet tat-turiżmu, filwaqt li jitqiesu kif jixraq il-possibilitajiet li jeżistu fil-qasam ambjentali u r-rispett għall-estetika u għall-ambjent naturali;
34. Jenfasizza li l-koeżjoni territorjali hija kunċett orizzontali li jkopri l-UE kollha, li jista' jtejjeb ir-rabtiet bejn il-kosta u ż-żoni interni tal-pajjiż permezz ta' kumplimentarjetajiet u tal-influwenza reċiproka li diġà jeżistu bejn il-kosta u ż-żoni interni (pereżempju l-konnessjoni tal-attivitajiet tal-kosta mat-turiżmu rurali u urban, it-titjib tal-aċċessibilità għat-turiżmu barra mill-istaġun favorit mat-turisti, l-għoti ta' aktar attenzjoni lill-prodotti lokali filwaqt li titħeġġeġ id-diversifikazzjoni tagħhom); jinnota li l-Green Paper imsemmija hawn fuq dwar il-politika marittima tal-ġejjieni tagħmel referenza għar-reġjuni li huma gżejjer, billi tirrikonoxxi li huma jiffaċċjaw sfidi partikulari ta' żvilupp minħabba d-diżabilitajiet naturali u permanenti tagħhom; jenfasizza li ġeneralment ir-reġjuni tal-kosta jiffaċċjaw problemi simili u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tqis il-ħtieġa li t-turiżmu tal-kosta jintrabat mal-immaniġġjar integrat taż-żoni tal-kosta u jkun hemm pjanifikazzjoni tal-ispazji għall-ibħra fl-implimentazzjoni fil-ġejjin tal-koeżjoni territorjali;
35. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali taż-żoni ta' max-xtut biex, b'mod simili, jinkoraġġixxu skemi ta' kummerċjalizzazzjoni territorjali integrati flimkien mas-sħab tagħhom fil-kuntest ta' relazzjoni ta' viċinat imsejsa fuq il-baħar u l-art u l-promozzjoni tal-ekwità fl-iżvilupp tat-turiżmu u tal-ivjaġġar, bil-għan li tiżdied il-kompetittività fis-settur tat-turiżmu mingħajr preġudizzju tal-kompetittività globali;
36. Iħeġġeġ lir-reġjuni ta' max-xtut biex jieħdu sehem fi proġetti għall-koperazzjoni interreġjonali, pereżempju skont it-Tema IV tal-inizjattiva 'Reġjuni għall-Bidla Ekonomika', bil-għan li jinħolqu netwerks ġodda tematiċi ta' turiżmu fiż-żoni ta' max-xtut u jkompli jsir progress f'dawk li diġà jeżistu kif ukoll ikun żgurat li jkun hemm skambju tal-għarfien u tal-aħjar prattiki;
37. Jirrakkomanda li l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali jaġixxu biex jippromwovu proġetti strateġiċi għat-turiżmu fil-kosta skont il-programmi tagħhom ta' koperazzjoni, billi jipprovdu għajnuna teknika għat-tħejjija ta' proġetti, il-preżenza ta' livelli differenti ta' ffinanzjar għal azzjonijiet bħal dawn u tingħata prijorità lill-użu tal-Fondi Strutturali għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli u li jirrispetta l-ambjent fir-reġjuni tal-kosta, kemm għall-qasam ta' Konverġenza u Kompetittività u kemm għal dak tal-Impjiegi; f'dan il-kuntest, jemmen li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-operazzjonijiet li għandhom l-għan li jkun hemm jżivlupp fil-komunikazzjonijiet u t-teknoloġija informatika;
38. Jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza mill-anqas avveniment speċjali wieħed fis-sena li ġejja, preferibilment fl-20 ta' Mejju, il-Jum Marittimu Ewropew, li jiffoka fuq it-turiżmu fiż-żoni ta' max-xtut bil-għan li tkun iffaċilitata l-komunikazzjoni u jitrawwmu l-kuntatti bejn is-sħab u jsir skambju tal-aħjar prattiki, pereżempju bl-implimentazzjoni tal-mudell integrat ta' mmaniġġjar ta' kwalità tal-UE; f'dan il-kuntest iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha biex jippreżentaw il-proġetti tagħhom, ffinanzjati mill-Komunità, direttament jew indirettament marbuta mat-turiżmu tal-kosta;
39. Iqis li t-trawwim tat-turiżmu nawtiku, anki permezz tal-promozzjoni ta' attivitajiet marbuta mas-settur, jista' jgħin liċ-ċittadini tal-Unjoni biex jiżviluppaw drawwiet aktar sostenibbli u kuxjenza ekoloġika ogħla; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu l-investimenti għal dan il-għan fiż-żoni tal-kosta tagħhom;
40. Barra minn hekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħejji gwida prattika għall-iffinanzjar tal-UE fil-qasam tat-turiżmu fiż-żoni ta' max-xtut, sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom fil-mument li jfittxu l-fondi;
41. Jagħraf il-potenzjal kbir ta' kontribut taż-żieda fit-turiżmu tal-kruċieri għall-iżivilupp ta' komunitajiet tal-kosta, sakemm jinstab bilanċ bejn ir-riskji u r-responsabilitajiet u bejn l-ispejjeż fissi għall-investimenti fil-pajjiż u l-flessibilità tal-operaturi tal-kruċieri, billi fl-istess ħin jitqies it-tħassib ambjentali;
42. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l-komumitajiet tal-kosta biex jiksbu l-aħjar prattiki u jitgħallmu jimmassimizzaw id-dħul għall-komunitajiet lokali mill-valur miżjud iġġenerat mit-turiżmu tal-kruċieri b'mod partikulari, u t-turiżmu fil-kosta b'mod ġenerali;
43. Jistieden lir-reġjuni ta' max-xtut sabiex iwaqqfu u jappoġġjaw aġenziji reġjonali jew lokali ta' żvilupp li għandhom jgħinu l-professjonisti tan-netwerks, l-istituzzjonijiet, l-esperti u l-amministraturi fl-istess żona u bejn l-Istati Membri u joffru konsultazzjonijiet u informazzjoni lil benefiċjarji potenzjali kemm mis-settur pubbliku u kemm mis-settur privat;
44. Jirrakkomanda li l-Istati Membri tal-kosta jqisu s-sostenibilità fil-kuntest ta' proġetti ta' koperazzjoni li l-iffinanzjar tagħhom isir wara, mhux biss f'termini finanzjarji imma wkoll f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontinwità tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ sħab u l-interkonnessjoni mas-servizzi lokali rilevanti;
45. Jirrakkomanda li l-Istati Membri ta' max-xtut jiżguraw li l-proġetti magħżula jkollhom viżibilità għolja u jissimplifikaw il-proċeduri għall-evalwazzjoni tal-iffinanzjar, bil-għan li jinġibed l-iffinanzjar lejn it-turiżmu tal-kosta u jiġi ffaċilitat il-ħolqien ta' sħubijiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-partijiet interessati fis-settur privat, speċjalment l-SMEs; jirrakkomanda li jiġu promossi l-benefiċċji ta' rikreazzjoni tat-turiżmu marittimu u ta' max-xtut fil-kuntest li jkunu żgurati flora u fawna b'saħħithom (jitrawwem l-ekoturiżmu, it-turiżmu marbut mal-ħut, l-osservar tal-baleni, etc); jemmen li dawn l-objettivi jistgħu jingħataw forma fil-Jum Marittimu Ewropew fl-20 ta' Mejju;
46. Jappella sabiex il-gruppi ambjentalisti, is-setturi ekonomiċi marbuta mal-baħar, l-organizzazzjonijiet kulturali, il-komunità xjentifika, l-entitajiet ċivili u r-residenti lokali jipparteċipaw fl-istadji kollha tal-proġetti, inkluż il-monitoraġġ tagħhom bil-għan li jkunu sostenibbli fuq żmien twil;
47. Fl-aħħar, jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni regolari biex tara sa liema grad l-iffinanzjar Komunitarju fiż-żoni ta' max-xtut qed ikollu impatt fuq l-iżvilupp reġjonali tagħhom, bil-għan li xxerred l-aħjar prattika u tappoġġja netwerks ta' sħubija li jgħaqqdu flimkien partijiet interessati differenti permezz ta' ċentru ta' monitoraġġ għal turiżmu sostenibbli fiż-żoni ta' max-xtut;
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Kumitat tar-Reġjuni.