Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali (2008/2129(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta" Diċembru 2007 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE dwar il-koordinazzjoni ta" ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta" attivitajiet tax-xandir bit-televiżjoni(1), u b'mod partikulari l-Premessa 37 tad-Direttiva 2007/65/KE u l-Artikolu 26 tad-Direttiva 89/552/KEE,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 854/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 li tistabbilixxi Programm Komunitarju pluriennali dwar il-promozzjoni ta' użu aktar sigur tal-internet u ta' teknoloġiji online ġodda(2),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1718/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 dwar l-implimentazzjoni ta' programm ta' appoġġ għas-settur awdjoviżiv Ewropew (MEDIA 2007)(3),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta" Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni ta' minuri u d-dinjità umana u dwar id-dritt għal tweġiba fir-rigward tal-kompetittività tal-industrija Ewropea għas-servizzi awdjoviżwali u informazzjoni on-line (2006/952/KE)(4),
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fit-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(5),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2007 "Approċċ Ewropew għal-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali" (COM(2007)0833),
– wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar "Il-pluraliżmu tal-midja fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea" (SEC(2007)0032),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2005 "i2010 – Soċjetà Ewropea ta' Informazzjoni għat-Tkabbir u l-Impjieg" (COM(2005)0229),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2002 dwar il-konċentrazzjoni tal-midja(6),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2005 dwar l-applikazzjoni ta' l-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 89/552/KEE ("Televiżjoni mingħajr fruntieri"), kif emendata mid-Direttiva 97/36/KE għall-perijodu 2001-2002(7),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006 dwar it-tranżizzjoni minn xandir analogu għal xandir diġitali: opportunità għal politika awdjoviżiva fl-Ewropa u għal diversità kulturali(8),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2008 għall-kompetenzi interkulturali(9), u dwar sistema Ewropea għall-litteriżmu medjatiku fid-dinja diġitali,(10)
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-1982 tal-UNESCO fi Grünwald dwar l-edukazzjoni dwar il-midja,
– wara li kkunsidra l-Aġenda ta" Pariġi tal-UNESCO tas-sena 2007: 12-il rakkomandazzjoni għall-edukazzjoni dwar il-midja,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (Rec(2006)0012) tal-Kumitat tal-Ministri tal-Istati Membri dwar l-għoti ta' setgħa lit-tfal fl-ambjent il-ġdid tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0461/2008),
A. billi l-midja teffettwa l-ħajja ta' kuljum tas-soċjetà u l-politika u billi konċentrazzjoni għolja tal-midja tista' tipperikola l-pluraliżmu medjatiku; u billi l-litteriżmu medjatiku għalhekk jifforma parti importanti mill-edukazzjoni politika u mill-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini tal-Unjoni,
B. billi l-forom kollha tal-midja, awdjoviżiva jew stampata, tradizzjonali u diġitali jitħalltu flimkien bir-riżultat ta' konverġenza tal-forom differenti tal-midja mill-aspett tekniku u mill-aspett ta' kontenut, u billi l-midja l-ġdida tal-massa qiegħda tippenetra fl-oqsma kollha tal-ħajja permezz ta" teknoloġiji innovattivi, billi din il-midja l-ġdida titlob lill-utenti biex ikollhom irwol iktar attiv u billi s-Social Communities, il-Weblogs u l-logħob ta' fuq il-kompjuter huma wkoll forom ta' midja,
C. billi fejn jikkonċerna l-utenti żgħar tal-midja l-internet huwa l-ewwel sors ta' informazzjoni u s-sors prinċipali tagħha; billi l-kompetenzi fl-internet huma adattati għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom bla ma jkunu sistematiċi; billi b'kuntrast, l-adulti jinformaw ruħhom prinċipalment permezz tar-radju, it-televiżjoni, il-gazzetti u r-rivisti; u billi, fl-ambjent medjatiku attwali, għaldaqstant il-litteriżmu medjatiku jgħin biex jiġu sodisfatti l-isfidi li jirriżultaw minn forom ġodda tal-midja - b'mod partikolari l-opportunità li joffru għall-interazzjoni u l-parteċipazzjoni kreattiva - kif ukoll billi jipprovdu l-għarfien meħtieġ għall-midja tradizzjonali, li għadha s-sors prinċipali tal-informazzjoni pubblika,
D. billi l-teknoloġiji l-ġodda tal-komunikazzjoni jistgħu jibilgħu lill-utent mhux informat f'dinja ta" informazzjoni li mhix differenzjata f'termini ta" relevanza, bl-informazzjoni eċċessiva li potenzjalment tista' tkun problema daqs in-nuqqas ta' informazzjoni,
E. billi taħriġ xieraq dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika u l-midja li jirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn iżid sewwa l-kapaċità ta' impjieg ta' individwu u ekonomikament iwassal sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' Liżbona,
F. billi l-aċċess wiesa" għat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni joffri lil kulħadd il-possibilità li jittrażmetti informazzjoni globalment, ħaġa li tfisser li kull membru tal-pubbliku huwa ġurnalist potenzjali, u li tagħmel il-litteriżmu medjatiku bżonn mhux biss biex wieħed jifhem l-informazzjoni imma wkoll biex jiġġenera u jxerred il-kontenut tal-midja, u li l-kompetenzi fil-kompjuter biss ma jwasslux awtomatikament għal iktar litteriżmu medjatiku,
G. billi, fir-rigward tal-iżvilupp tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni u l-progress lejn it-tixrid tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjonijiet (ICT), hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri, kif ukoll bejn ir-reġjuni, b'mod partikulari f'zoni mbiegħda u rurali, ħaġa li tippreżenta t-theddida li d-distakk diġitali fl-UE tista' titwessa' iktar,
H. billi l-iskejjel għandhom rwol fundamentali fit-taħriġ ta' persuni li kapaċi jikkomunikaw u jagħmlu ġudizzju tajjeb, u billi jeżistu differenzi kbar fil-qasam tal-edukazzjoni fil-midja bejn l-Istati Membri u r-reġjuni, kif ukoll sa liema grad it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni huma integrati u użati fl-edukazzjoni, u li l-edukazzjoni fil-midja tista" tingħata primarjament minn għalliema li huma stess ikunu litterati fil-midja u li jkunu ngħataw it-taħriġ neċessarju,
I. billi l-edukazzjoni tal-midja hija essenzjali biex jintlaħaq livell għoli ta' litteriżmu medjatiku, li huwa parti importanti tal-edukazzjoni politika li tgħin lin-nies biex isaħħu l-atteġġjamenti tagħhom bħala ċittadini attivi u jsiru konxji kemm tad-drittijiet kif ukoll tad-dmirijiet tagħhom; barra minn hekk, billi l-anzjani li jkunu politikament infurmati tajjeb, jiffurmaw bażi ta' soċjetà pluralista u billi, meta jipproduċu l-kontenut u l-prodotti tagħhom tal-midja, l-utenti jiksbu abilitajiet li jgħinuhom jifhmu aħjar il-prinċipji u l-valuri ta" kontenut tal-midja prodott professjonalment,
J. billi l-ħidma dwar tagħlim fil-midja hija anqas stabbilita fost l-anzjani milli fost iż-żgħażagħ, u billi l-anzjani spiss ikollhom il-biża' u l-inibizzjonijiet fil-konfront tal-mezzi ġodda tal-midja,
K. billi t-theddidiet għas-sigurtà tad-data personali dejjem qed isiru iktar insidjużi u numerużi, u b'hekk jikkostitwixxu riskju għoli għall-utenti mhux informati;
L. billi l-litteriżmu medjatiku huwa kwalifika elementari essenzjali fis-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni,
M. billi l-midja tipprovdi opportunitajiet għall-komunikazzjoni globali u għall-ftuħ lid-dinja, billi dawn huma l-pedamenti ta" soċjetajiet demokratiċi u billi dawn jagħtu għarfien kif ukoll jipprovdu informazzjoni, u billi l-midja diġitali l-ġdida tipprovdi opportunitajiet pożittivi għall-parteċipazzjoni u l-kreattività, u b'hekk ittejjeb l-involviment taċ-ċittadini fil-proċessi politiċi,
N. billi bħalissa hemm data insuffiċjenti disponibbli biex isiru stqarrijiet preċiżi dwar il-livell ta" litteriżmu medjatiku fl-Unjoni Ewropea,
O. billi l-importanza deċiżiva tal-litteriżmu medjatiku ġiet enfasizzata wkoll mill-UNESCO, pereżempju fid-Dikjarazzjoni ta" Grünwald dwar l-Edukazzjoni dwar il-Midja (1982) u fl-Agenda ta" Pariġi: 12-il rakkomandazzjoni għall-edukazzjoni dwar il-midja (2007),
Prinċipji bażiċi
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar il-litteriżmu medjatiku fl-ambjent diġitali, iżda jinnota l-ħtieġa ta' titjib fl-elaborazzjoni tal-kunċett Ewropew tal-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-inklużjoni tal-midja tradizzjonali u r-rikonoxximent tal-importanza tal-edukazzjoni fil-midja;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon il-Konklużjonijiet tal-Kunsill "Edukazzjoni, żgħażagħ u kultura" tal-21 u t-22 ta' Mejju 2008; jistenna mill-Istati Membri li jimpenjaw ruħhom bil-qawwa favur il-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku, u jipproponi li l-kumitat ta' kuntatt magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri jissaħħaħ permezz ta' esperti fl-edukazzjoni, kif huwa pprovdut fid-Direttiva 89/552/KEE;
3. Jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta l-proposta u tiżviluppa pjan ta' azzjoni dwar il-litteriżmu medjatiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-2009 torganizza laqgħa tal-kumitat ta" kuntatt dwar is-Servizzi Awdjoviżivi tal-Midja, bil-għan li tiffaċilita l-iskambji tal-informazzjoni u l-kooperazzjoni effettiva b'mod regolari;
4. Jitlob lill-awtoritajiet responsabbli mir-regolamentazzjoni tal-komunikazzjoni awdjoviżiva u elettronika biex jikkoperaw fil-livelli varji għat-titjib tal-litteriżmu medjatiku; jagħraf il-bżonn speċjali fil-livell nazzjonali, li jiġu żviluppati kemm kodiċi ta" kondotta u kif ukoll ta' inizjattivi regolatorji komuni; jenfasizza l-bżonn li l-parteċipanti kollha jkunu involuti fil-promozzjoni ta' studju sistematiku u ta' analiżi regolari tal-aspetti u d-dimensjonijiet differenti tal-litteriżmu medjatiku;
5. Jirrakkomanda lill-Kummissjoni li tappella għall-Grupp ta' Esperti tal-Litteriżmu Medjatiku anki fil-kuntest tad-diskussjoni dwar l-aspetti relattivi għall-edukazzjoni fil-midja u biex dan iżid il-frekwenza tal-laqgħat u jikkonsulta, fuq bażi regolari, mar-rappreżentanti tal-Istati Membri kollha;
6. Jinnota li, flimkien ma' dawk li jfasslu l-politika, il-ġurnalisti, ix-xandara tar-radju u tat-televiżjoni u l-kumpaniji tal-midja huma prinċipalment l-entitajiet lokali ż-żgħar bħal-libreriji, iċ-ċentri ta' edukazzjoni għall-adulti, iċ-ċentri kulturali u tal-midja għaċ-ċittadini, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ avvanzat u l-midja taċ-ċittadini (pereżempju l-midja tal-komunità) li jistgħu jagħtu kontribut attiv biex jippromwovu l-litteriżmu medjatiku;
7. Jitlob lill-Kummissjoni, fir-rigward tal-Artikolu 26 tad-Direttiva 89/552/KEE, biex telabora indikaturi tal-litteriżmu medjatiku bil-perspettiva li l-litteriżmu medjatiku fl-Unjoni Ewropa jiġi żviluppat fuq terminu ta' żmien twil;
8. Jinnota li l-litteriżmu medjatiku jfisser li wieħed ikollu l-kapaċitajiet li juża l-forom differenti tal-midja b'mod awtonomu, li wieħed jifhem u jevalwa b'mod kritiku l-aspetti differenti tal-midja u l-kontenut tagħhom, li huwa stess jikkomunikahom f'kuntesti differenti u joħloq u jxerred kontenut medjatiku; jinnota madanakollu li, meta jitqiesu l-ħafna sorsi disponibbli, l-iktar importanti hija l-abilità li l-informazzjoni tkun separata b'mod speċjali mill-fluss ta" data u ta" xbihat tal-midja l-ġodda u li din l-informazzjoni tiġi kategorizzata;
9. Jisħaq li l-litteriżmu medjatiku huwa element bażiku fil-politika tal-informazzjoni tal-konsumatur, tal-għarfien u l-familjarità ma" kwistjonijiet relatati ma" drittijiet intellettwali, il-mobilizzazzjoni u l-parteċipazzjoni demokratika taċ-ċittadini u l-promozzjoni ta" djalogu interkulturali;
10. Jinkuraġġixxi lill-Kummissjoni biex tintensifika l-politika tagħha ta' żvilupp tal-litteriżmu medjatiku b'kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni kif ukoll mal-entitajiet kollha lokali u reġjonali u biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-UNESCO u mal-Kunsill tal-Ewropa;
Gruppi speċifiċi u għanijiet
11. Jenfasizza li l-attivitajiet ta' edukazzjoni dwar il-midja għandhom jinkludu liċ-ċittadini kollha – it-tfal, iż-żgħażagħ, l-adulti, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità;
12. Jinnota li l-kisba tal-litteriżmu medjatiku jibda mid-dar billi wieħed jitgħallem kif jagħżel minn servizzi disponibbli tal-midja billi jisħaq fuq l-importanza f'dan ir-rigward, tal-edukazzjoni medjatika għall-ġenituri li għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-abitudni tal-użu tal-midja mit-tfal, u tkompli l-iskola u fit-tagħlim matul il-ħajja, u tissaħħaħ bl-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali, governattivi u regolatorji u bil-ħidma ta' professjonisti u istituzzjonijiet tal-midja;
13. Jinnota li l-għanijiet tal-edukazzjoni dwar il-midja jikkonsistu fl-imġiba kompetenti u kreattiva fil-konfront tal-midja u tal-kontenut tagħha, l-analiżi kritika tal-prodotti medjatiċi, li wieħed jifhem kif tiffunzjona l-industrija medjatika u l-produzzjoni indipendenti ta' kontenut medjatiku;
14. Jirrakkomanda li l-edukazzjoni dwar il-midja għandha titfa' dawl fuq l-aspetti ta' drittijiet tal-awtur dwar l-użu tal-midja u l-importanza tal-osservanza tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikulari dwar l-internet, kif ukoll dwar is-sigurtà tad-data u tal-privatezza u d-dritt għall-awtodeterminazzjoni ta' informazzjoni; jisħaq fuq il-bżonn li l-utenti litterati l-ġodda tal-midja jkunu konxji mir-riskji potenzjali li jikkonċernaw is-sigurtà tat-teknoloġija tal-informatika u s-sigurtà tad-data personali, u mir-riskji marbuta mal-vjolenza fl-internet;
15. Jinnota li r-riklamar huwa parti importanti mis-servizzi provduti mill-midja llum; jisħaq li l-litteriżmu medjatiku jgħin biex jipprovdi kriterji għall-evalwazzjoni tal-għodod u tal-prattiki użati fir-reklamar;
Garanzija tal-aċċess għat-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni
16. Jistieden lil dawk li jfasslu l-politika Ewropea biex inaqqsu id-distakk diġitali bejn l-Istati Membri u bejn l-ambjent tal-bliet u dak rurali permezz tal-iżvilupp tal-infrastruttura tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u partikolarment permezz tal-istallazzjoni ta' konnessjonijiet broadband fir-reġjuni anqas żviluppati;
17. Jinnota li l-fatt li jiġi provdut aċċess għall-internet broadband huwa wkoll importanti għas-servizzi ta" interess ġenerali u għandu jkun karatterizzat mill-varjetà, minn livell għoli ta" kwalità u minn prezzijiet li jistgħu jintlaħqu, u jitlob li kull ċittadin ikollu l-possibilità juża konnessjoni broadband bi prezzijiet raġjonevoli;
L-edukazzjoni dwar il-midja fl-iskejjel u bħala parti mill-kontenut fit-taħriġ tal-għalliema
18. Jenfasizza li l-edukazzjoni dwar il-midja għandha tkun parti mill-edukazzjoni formali li għaliha t-tfal kollha jkollhom aċċess u li tkun parti integrali mis-sillabu fil-livelli kollha tat-tagħlim;
19. Jitlob li l-litteriżmu medjatiku jsir id-disa" kompetenza prinċipali fil-qafas ta" referenza Ewropew għat-tagħlim matul il-ħajja stipulat fir-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE;
20. Jirrakkomanda li l-edukazzjoni dwar il-midja, sakemm ikun possibbli, għandha tkun orjentata lejn il-prattika u tkun marbuta mas-suġġetti tal-ekonomija, tal-politika, letterarji, soċjali, artistiċi u mat-tekonoloġija tal-informazzjoni, u jipproponi li din titkompla bil-kreazzjoni ta' suġġett speċifiku tal-"Edukazzjoni tal-Midja" u f'approċċ multidixxiplinari li jintrabat ma' proġetti extrakurrikulari;
21. Jirrakkomanda li l-istittuzzjonijiet edukattivi jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta" prodotti tal-midja (f'paġna stampata, f'forma awdjo jew vidjo tal-midja l-ġodda) b'tali mod li jinvolvu kemm lil min qed jitgħallem u lill-għalliema, bħala mod biex jipprovdu taħriġ prattiku fil-litteriżmu medjatiku;
22. Jitlob lill-Kummissjoni biex fl-elaborazzjoni msemmija ta' indikaturi għal-litteriżmu medjatiku tinkludi kemm il-kwalità tat-tagħlim fl-iskola kif ukolll it-taħriġ tal-għalliema f'dan il-qasam;
23. Jinnota li, flimkien mal-kunsiderazzjonijiet edukattivi u tal-politika dwar l-edukazzjoni, it-tagħmir tekniku u l-aċċess għal teknoloġiji ġodda huma wkoll ta" importanza vitali, u jenfasizza li għandu jsir titjib kbir fl-infrastruttura tal-iskejjel sabiex ikun possibbli li t-tfal tal-iskola kollha jkollhom aċċess għall-kompjuters, l-internet u t-tagħlim korrispondenti;
24. Jenfasizza li l-edukazzjoni dwar il-midja għandha importanza partikolari fl-iskejjel speċjali peress li l-midja għandha funzjoni importanti biex tegħleb ċerti ostakoli ta' komunikazzjoni li jinħolqu meta n-nies ikollhom diżabilità;
25. Jirrakkomanda li moduli obbligatorji dwar il-pedagoġija tal-midja fil-livelli kollha tat-tagħlim għandhom jiġu integrati fit-taħriġ għall-għalliema, sabiex jiġi żgurat tagħlim intensiv; jitlob għalhekk lill-awtoritajiet nazzjonali relevanti biex jiffamiljarizzaw lill-għalliema tas-suġġetti kollha u f'kull tip ta' skola mal-użu tal-għodod awdjoviżivi tat-tagħlim u mal-problemi marbuta mal-edukazzjoni dwar il-midja;
26. Jenfasizza l-bżonn għal skambju regolari ta" informazzjoni, ta" prattiki tajbin u, fil-qasam tal-edukazzjoni, ta' metodi pedagoġiċi bejn l-Istati Membri;
27. Jitlob lill-Kummissjoni biex tiddedika sezzjoni speċifika mis-suċċessur tal-Programm MEDIA biex tippromwovi l-litteriżmu medjatiku, peress li l-programm attwali ftit jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-litteriżmu medjatiku; barra minn hekk jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni li jiġi żviluppat programm ġdid bl-isem "Media Mundus" li jappoġġja l-kooperazzjoni internazzjonai fis-settur awdjoviżiv; jitlob li l-litteriżmu medjatiku jidher b'aktar prominenza fi programmi oħra li huma megħjuna mill-UE, b'mod speċjali t-Tagħlim Tul il-Ħajja, l-e-Twinning, l-Internet aktar Sikur u l-Fond Soċjali Ewropew;
L-edukazzjoni dwar il-midja fost l-anzjani
28. Jenfasizza li l-ħidma dwar il-midja fost l-anzjani għandha ssir fil-post fejn ikunu jgħixu, bħal, p.e. għaqdiet, djar tal-anzjani, istituzzjonijiet li jieħdu ħsieb l-anzjani, gruppi li jorganizzaw passatempi u l-ħin liberu, inizjattivi jew gruppi fejn jiltaqgħu l-anzjani;
29. Jinnota li n-netwerks diġitali fuq kollox joffru lill-anzjani l-possibilità li jieħdu sehem b'mod komunikattiv fil-ħajja ta' kuljum u jippreservaw l-awtonomija tagħhom għall-iktar żmien twil possibbli;
30. Jinnota li t-tipi differenti ta" ambjent li fih jgħixu persuni anzjani u l-oqsma varji tagħhom ta" esperjenza, kif ukoll il-mod kif huma nnifishom jużaw il-midja, għandhom jitqiesu fl-edukazzjoni dwar il-midja mmirata għalihom;
o o o
31. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.