Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2004/0209(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0440/2008

Testi mressqa :

A6-0440/2008

Dibattiti :

PV 15/12/2008 - 14
CRE 15/12/2008 - 14

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2008 - 5.7
CRE 17/12/2008 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0615

Testi adottati
PDF 453kWORD 91k
L-Erbgħa, 17 ta' Diċembru 2008 - Strasburgu
L-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ***II
P6_TA(2008)0615A6-0440/2008
Riżoluzzjoni
 Test konsolidat

Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/88/KE dwar ċerti aspetti tal-arranġament tal-ħin tax-xogħol (10597/2/2008 – C6-0324/2008 – 2004/0209(COD))

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (10597/2/2008 – C6-0324/2008),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2004)0607),

–   wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni (COM(2005)0246),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0440/2008),

1.  Japprova l-pożizzjoni komuni kif emendata;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 292.


Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-tieni qari fis-17 ta' Diċembru 2008 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2009/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol
P6_TC2-COD(2004)0209

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 137(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni(2),

Filwaqt li jaġixxu skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat(3),

Billi:

(1)  L-Artikolu 137 tat-Trattat jipprevedi li l-Komunità għandha tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet ta' l-Istati Membri bil-ħsieb li jittejjeb l-ambjent tax-xogħol biex jiġu protetti s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Id-Direttivi adottati abbażi ta' l-Artikolu msemmi qabel għandhom jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b'mod li żżomm lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta' l-impriżi żgħar u ta' daqs medju.

(2)  Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) tistabbilixxi rekwiżiti minimi dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inter alia, fir-rigward ta' perijodi ta' serħan ta' kuljum u ta' kull ġimgħa, il-waqfien, il-ħin tax-xogħol massimu ta' kull ġimgħa, il-leave annwali u ċerti aspetti tax-xogħol bil-lejl, xogħol bix-shift u tendenzi tax-xogħol.

(3)  It-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 19 u t-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/88/KE jipprevedu reviżjoni qabel it-23 ta" Novembru 2003.

(4)  Aktar minn għaxar snin wara l-adozzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE(5), id-Direttiva inizjali dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, sar meħtieġ li jiġu meqjusa żviluppi u talbiet ġodda kemm minn min iħaddem kif ukoll mill-ħaddiema u li jiġu pprovduti r-riżorsi biex jintlaħqu l-objettivi ta' tkabbir u impjiegi stabbiliti mill-Kunsill Ewropew tat-22 u t-23 ta' Marzu 2005 fil-kuntest ta' l-Istrateġija ta' Lisbona.

(5)  Ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u dik tal-familja hija wkoll element essenzjali għall-kisba ta' l-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea fl-istrateġija ta' Lisbona, b'mod partikolari għaż-żieda fir-rata ta' l-impjiegi fost in-nisa. L-għan m'huwiex biss li jinħoloq ambjent tax-xogħol aktar sodisfaċenti, iżda wkoll li jkun hemm tweġiba aħjar għat-talbiet tal-ħaddiema, b'mod partikolari dawk b'responsabbiltajiet ta' familja. Numru ta' emendi li jinsabu f'din id-Direttiva huma maħsuba biex jippermettu kompatibbiltà akbar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.

(6)  F'dan il-kuntest l-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-imsieħba soċjali biex jikkonkludu strumenti ta' ftehim fil-livell adatt biex tittejjeb ir-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.

(7)  Jeħtieġ li tissaħħaħ il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fid-dawl tal-isfida ta" forom ġodda tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, biex jiġu introdotti mudelli tal-ħin tax-xogħol li jipprovdu opportunitajiet ta" tagħlim matul il-ħajja kollha għall-impjegati, u wkoll biex jinstab bilanċ ġdid bejn ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-ħajja tal-familja min-naħa waħda u organizzazzjoni aktar flessibli tal-ħin tax-xogħol min-naħa l-oħra.

(8)  Skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, il-karatteristiċi tipiċi tal-kunċett ta' 'ħin tax-xogħol' huma r-rekwiżiti li wieħed irid ikun preżenti fil-post magħżul minn min iħaddem u disponibbli għal min iħaddem biex ikun jista" jipprovdi servizzi b'mod immedjat, skont il-bżonn.

(9)  F'ċirkostanzi fejn il-ħaddiema ma jkunx ingħataw perijodi ta" serħan, iridu jingħataw perijodi ta" serħan kompensatorji wara l-perijodi ta" ħin fuq xogħol, skont il-liġi, il-ftehim kollettiv jew ftehim ieħor relevanti bejnl-imsieħba soċjali.

(10)  Id-dispożizzjonijiet dwar il-perijodu ta' referenza għall-ħin tax-xogħol massimu ta' kull ġimgħa għandhom ukoll jiġu eżaminati mill-ġdid, bil-għan li jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta' min iħaddem u l-impjegati, soġġetti għas-salvagwardji għall-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

(11)  Kull meta l-kuntratt tax-xogħol ikun għal perijodu ta' inqas minn sena, il-perijodu ta' referenza m'għandux jaqbeż il-perijodu tal-kuntratt tax-xogħol.

(12)  L-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' l-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2003/88/KE turi li d-deċiżjoni finali purament individwali li ma tkunx marbut bl-Artikolu 6 tagħha hi problematika fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema u l-libertà ta' l-għażla tal-ħaddiem. Għaldaqstant, id-deroga prevista f'dik id-dispożizzjoni m'għandhiex tibqa' tapplika.

(13)  Huwa importanti li jekk ħaddiem ikollu iżjed minn kuntratt ta' impieg wieħed, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li l-ħin tax-xogħol tal-ħaddiem ikun it-total tal-perijodi ta' ħin maħdum għal kull wieħed mill-kuntratti.

(14)  Skond l-Artikolu 138(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni kkonsultat lil min imexxi u lill-ħaddiema fil-livell Komunitarju dwar id-direzzjoni possibbli ta' azzjoni Komunitarja f'dan il-qasam.

(15)  Wara din il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni qieset li azzjoni Komunitarja kienet irrikmandata u kkonsultat ulterjorment lil min imexxi u lill-ħaddiema dwar il-kontenut tal-proposta prevista, skond l-Artikolu 138(3) tat-Trattat.

(16)  Wara din it-tieni fażi ta" konsultazzjoni, min imexxi u l-ħaddiema fil-livell Komunitarju ma infurmawx lill-Kummissjoni bix-xewqa tagħhom li jingħata bidu għall-proċess li jista" jwassal għall-konklużjoni ta" ftehim previst fl-Artikolu 139 tat-Trattat.

(17)  Peress li l-objettiv ta' din id-Direttiva, jiġifieri li timmodernizza l-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jista' jiġi milħuq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista' tadotta miżuri skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv.

(18)  Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tikkonforma mal-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea(6). B'mod partikolari hija mfassla biex tiżgura r-rispett sħiħ tad-dritt għal kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa skond l-Artikolu 31 tal-Karta, u b'mod partikolari l-paragrafu 2 tagħha, li jipprevedi li "kull ħaddiem għandu d-dritt għal limitazzjoni ta' sigħat massimi tax-xogħol, għal perijodi ta' mistrieħ kuljum u ta' fil-ġimgħa u għal perijodu annwali ta' leave imħallas".

(19)  L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandha żżomm il-livell ta' protezzjoni ġenerali mogħti lill-ħaddiema fir-rigward tas-sigurtà u tas-saħħa fuq ix-xogħol,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2003/88/KE hija b'dan emendata kif ġej:

1.  Fl-Artikolu 2 għandhom jiddaħħlu l-punti li ġejjin:"

1a. "ħin on-call" tfisser kwalunkwe perijodu li matulu l-ħaddiem għandu l-obbligu li jkun disponibbli fuq il-post tax-xogħol sabiex jintervjeni, fuq it-talba ta' min iħaddem, biex iwettaq l-attività jew id-dmirijiet tiegħu;

1b. "post tax-xogħol" tfisser il-post jew postijiet fejn il-ħaddiem normalment iwettaq l-attivitajiet jew id-dmirijiet tiegħu u li jkun determinat skond it-termini tar-relazzjoni jew kuntratt tax-xogħol applikabbli għall-ħaddiem;

1c. "parti inattiva tal-ħin on-call" tfisser kwalunkwe perijodu li matulu l-ħaddiem on-call ikun on-call fit-tifsira tal-punt 1a iżda ma jkunx mitlub minn min iħaddmu biex fil-fatt iwettaq l-attività jew id-dmirjiet tiegħu;

"

2.  Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:"

Artikolu 2a

Ħin on-call

Il-perijodu kollu ta' ħin on-call, inkluża l-parti inattiva , għandu jitqies bħala ħin tax-xogħol ▌.

Madankollu, il-partijiet inattivi tal-ħin on-call jistgħu, permezz ta" ftehim kollettiv jew ftehim ieħor bejn iż-żewġ naħat tal-industrija jew permezz ta" liġijiet jew regolamenti jiġi kkalkulat b'mod speċifiku sabiex jikkonformaw mal-massimu ta' ħin ta' xogħol medju fil-ġimgħa kif stipulat fl-Artikolu 6, suġġett għal konformità mal-prinċipji ġenerali dwar il-protezzjoni tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema.

Il-parti inattiva tal-ħin on-call m'għandhiex tittieħed f'kont fil-kalkolazzjoni tal-perijodi ta' serħan ta' kuljum jew ta' kull ġimgħa stabbiliti fl-Artikolu 3 u 5 rispettivament ▌.

Artikolu 2b

Kalkolu tal-ħin tax-xogħol

Fejn ħaddiem ikollu iżjed minn kuntratt ta' xogħol wieħed, , il-ħin tax-xogħol ta' ħaddiem għandu jkun it-total tal-perijodi ta' ħin maħdum għal kull wieħed mill-kuntratti.

Artikolu 2c

Rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja

L-Istati Membri għandhom jinkorraġixxu lill-imsieħba soċjali fil-livell adatt, bla ħsara għall-awtonomija tagħhom, biex jikkonkludu ftehim bl-għan li titjieb ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw, bla ħsara għad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta" l-impjegati fil-Komunità Ewropea* u f'konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali, li:

   - min iħaddem javża minn qabel sew lill-ħaddiema dwar kwalunkwe tibdil fir-ritmu tax-xogħol, u
   - il-ħaddiema għandhom id-dritt li jitolbu bidla fis-sigħat jew fir-ritmi tax-xogħol tagħhom, u li min iħaddem għandu l-obbligu li jikkunsidra dan it-tip ta" talbiet b'mod ġust, filwaqt li jqis il-ħtiġijiet ta" flessibilitià tal-ħaddiema u ta" min iħaddem. Min iħaddem ma jistax jirrifjuta dan it-tip ta" talba ħlief jekk l-iżvantaġġi organizzattivi għal min iħaddem ikun akbar b'mod sproporzjonat mill-benefiċċju għall-ħaddiem.
  

_______________

  

* ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.

"

3.   l-Artikolu 17 għandu jiġi emendat kif ġej:

  a) ║il-paragrafu 1 għandu jiġi emendat kif ġej,
   i) fl-ewwel sentenza il-kliem "Artikoli 3 sa 6, 8 u 16" għandhom jiġu sostitwiti minn "Artikoli 3 sa 6, l-Artikolu 8 u l-Artikolu 16(a) u (ċ)";
   ii) il-punt (a) għandu jinbidel kif ġej:"
   a) uffiċjali ta' diriġenza għolja (jew persuni f'pożizzjonijiet kumparabbli), 'senior managers' subordinati għalihom b'mod dirett u persuni li jintgħażlu direttament mill-bord ta' diretturi;
"
   b) fil-paragrafu 2, il-kliem "basta li l-ħaddiema konċernati jkunu mogħtija perijodi ekwivalenti ta' mistrieħ obbligatorju" għandhom jinbidlu bi "sakemm il-ħaddiema konċernati jingħataw perijodi ekwivalenti ta' serħan kompensatorju wara perijodi ta' żmien fuq xogħol, skont il-liġi, il-ftehim kollettiv jew ftehim ieħor relevanti bejn iż-żewġ naħat tal-industrija";
   c) fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 3, il-kliem "Artikoli 3, 4, 5, 8 u 16" għandhom jiġu sostitwiti minn "Artikoli 3, 4, 5, 8 u l-Artikolu 16(a) u (ċ)";
  d) il-paragrafu 5 għandu jiġi emendat kif ġej:
   i) l-ewwel subparagrafu għandu jinbidel b'dan li ġej:"
5.  "Skond il-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jistgħu jsiru derogi mill-Artikolu 6 fil-każ ta' tobba waqt it-taħriġ, skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sas-sitt subparagrafu ta' dan il-paragrafu."
   ii) l-aħħar subparagrafu għandu jitħassar.

4.  Fl-Artikolu 18, fit-tielet paragrafu, il-kliem "bil-kondizzjoni li perijodi ta' serħan ekwivalenti kompensatorji jkunu mogħtija lill-ħaddiema kkonċernati" għandhom jinbidlu bi "bil-kondizzjoni li perijodi ta' serħan kompensatorju ekwivalenti jingħataw lill-ħaddiema konċernati, wara perijodi ta' żmien fuq xogħol, skont il-liġi, il-ftehim kollettiv jew ftehim ieħor relevanti bejn l-imsieħba soċjali".

5.  L-Artikolu 19 għandu jinbidel b'dan li ġej:"

Artikolu 19

Limitazzjonijiet għal derogi mill-perijodi ta' referenza

" ▌ B'deroga mill-Artikolu 16(b), l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla, soġġetta għall-konformità mal-prinċipji ġenerali dwar il-protezzjoni tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, li jippermettu, għal raġunijiet oġġettivi jew tekniċi, jew raġunijiet li jikkonċernaw l-organizzazzjoni tax-xogħol, li l-perijodu ta' referenza jkun stabbilit għal perijodu li ma jabqiżx it-tnax-il xahar:

   a) permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali, kif stabbilit fl-Artikolu 18; jew
  b) permezz ta' dispożizzjoni leġislattiva jew regolatorja wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali fil-livell adatt f'każijiet fejn il-ħaddiema mhumiex koperti permezz ta" ftehim kollettiv jew ftehim ieħor bejn l-imsieħba soċjali sakemm l-Istat Membru konċernat jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li min iħaddem:
   i) jinforma u jikkonsulta lill-ħaddiema jew lir-rappreżentanti tagħhom dwar l-introduzzjoni tar-ritmu tax-xogħol propost u dwar bidliet fih;
   ii) jieħu l-miżuri neċessarji biex jevita jew jirrimedja kwalunkwe riskju għas-saħħa u għas-sigurtà li jista" jkun relatat mar-ritmu tax-xogħol propost.

Meta jsir użu mill-għażla skond il-punt (b) ta' l-ewwel paragrafu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li min iħaddem jirrispetta l-obbligi tiegħu kif stabbiliti fit-Taqsima II tad-Direttiva 89/391/KEE.

"

6.  L-Artikolu 22 għandu jinbidel b'dan li ġej:"

Artikolu 22

Dispożizzjonijiet varji

1.  Għalkemm il-prinċipju ġenerali huwa li l-ġimgħa tax-xogħol massima fl-Unjoni Ewropea hija ta' 48 siegħa u li fil-prattika hija eċċezzjoni għall-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea li jaħdmu aktar fit-tul, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx l-Artikolu 6 matul perjodu tranżizzjonali li jispiċċa ... * sakemm jieħdu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Madankollu, l-implimentazzjoni ta' din l-għażla, għandha tkun espressament stabbilita permezz ta' ftehim kollettiv jew ftehim bejn l-imsieħba soċjali fil-livell adatt jew mil-liġi nazzjonali wara konsultazzjoni ma' l-imsieħba soċjali fil-livell adatt.

2.  Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri li jixtiequ jagħmlu użu minn din l-għażla għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li:

   a) l-ebda persuna li tħaddem ma teħtieġ lil ħaddiem biex jaħdem aktar minn 48 siegħa tul perijodu ta' sebat ijiem, ikkalkulat bħala medja għall-perijodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 16(b), sakemm l-ewwel ma tkunx kisbet il-kunsens tal-ħaddiem biex iwettaq tali xogħol. Dan il-qbil għandu jkun validu għal perijodu ta' mhux aktar minn sitt xhur, u jista' jiġġedded;
   b) l-ebda ħaddiem m'għandu jiġi soġġettat għal kwalunkwe detriment minn min iħaddmu għaliex ma jkunx irid jagħti l-kunsens tiegħu biex iwettaq dak ix-xogħol jew għaliex ikun irtira l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe raġuni;
  c) kunsens mogħti:

għandu jkun null u bla effett;
   i) fil-mument ta' l-iffirmar tal-kuntratt tax-xogħol individwali jew waqt kwalunkwe perijodu ta" prova; jew
   ii) matul l-ewwel erba' ġimgħat tar-relazzjoni tax-xogħol
   d) kull ħaddiem għandu jkun intitolat li jirtira, b'effett immedjat, il-kunsens tiegħu li jwettaq dak ix-xogħol matul l-ewwel sitt xhur wara l-konklużjoni ta' ftehim validu jew matul u mhux aktar tard minn tliet xhur wara li l-perijodu ta' prova speċifikat fil-kuntratt tiegħu jkun intemm, liema minnhom ikun l-itwal, billi jinforma bil-miktub fi żmien debitu lil min iħaddmu li ser jagħmel hekk. Wara dan, min iħaddem jista' jitlob lill-ħaddiem biex jagħti, bil-miktub, perijodu ta' pre-avviż, li m'għandux jaqbeż ix-xahrejn;
   e) min iħaddem iżomm reġistri aġġornati tal-ħaddiema kollha li jwettqu tali xogħol u reġistri adegwati biex jiġi stabbilit li d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma rrispettati;
   f) ir-reġistri jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, li jistgħu, għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema, jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-possibbiltà li jinqabeż il-ħin tax-xogħol massimu ta' kull ġimgħa;
   g) min iħaddem jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti fuq talba tagħhom b'informazzjoni dwar każijiet li fihom ikun ingħata l-kunsens mill-ħaddiema biex jaħdem iżjed minn 48 siegħa fuq perijodu ta' sebat ijiem, ikkalkulat bħala medja għall-perijodu ta' referenza msemmi fl-Artikolu 16(b), u reġistri adegwati biex jiġi stabbilit li d-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma rrispettati.
  

  

_______________

  

* 36 xhar wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2009/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [li temenda d-Direttiva 2003/88/KE li tikkonċerna ċerti aspetti ta' l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol].

"

7.  L-Artikolu 24 għandu jinbidel b'dan li ġej:"

Artikolu 24

Rapporti

1.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-disposizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li diġà ġew adottati jew li qed jiġu adottati fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni kull ħames snin dwar l-implimentazzjoni prattika ta' din id-Direttiva, filwaqt li jindikaw il-fehmatal-imsieħba soċjali.

Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat Konsultattiv dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol b'dan.

3.  Kull ħames snin mit-23 ta' Novembru 1996 il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva li jieħu kont tal-paragrafi 1 u 2.

"

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu applikati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn id-disposizzjonijiet lill-Kummissjoni sa .....(7). L-Istati Membri għandom jinnotifikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe emenda sussegwenti għal dawk id-dispożizzjonijiet malajr kemm jista' jkun. Huma għandhom, b'mod partikolari, jassiguraw li l-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom ikollhom mezzi adegwati għall-infurzar ta' l-obbligi skond din id-Direttiva.

Artikolu 3

1.  L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa ...*, jew għandhom jiżguraw li l-imsieħba soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta' ftehim, li bih l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-arranġamenti kollha meħtieġa biex jippermettulhom jiggarantixxu fi kwalunkwe ħin li l-objettivi ta' din id-Direttiva qed jintlaħqu. Huma għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta' kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) ĠU C 267, 27.10.2005, p. 16.
(2) ĠU C 231, 20.9.2005, p. 69.
(3) Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Mejju 2005 (ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 292), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2008 (ĠU C 254 E, 7.10.2008, p. 26) u Pożizzjoni Komuni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2008.
(4) ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.
(5) ĠU L 307, 13.12.1993, p. 18. ║
(6) ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.
(7)* ║Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Avviż legali - Politika tal-privatezza