Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar abbozz ta' emenda għall-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (2008/2320(ACI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidraw l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda(1)¹, u b'mod partikulari l-punt 25 tagħha,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal abbozz ta' emenda għall-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (COM(2008)0834),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar abbozz ta' emenda għall-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda(2),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 120(1) u 43(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0509/2008),
A. billi l-Kumitat għall-Baġits jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-emenda proposta għall-imsemmija Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006,
B. billi l-emenda proposta ma tqajjem ebda tħassib rigward it-Trattati u r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,
1. Japprova l-emenda għall-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (2007-2013) annessa ma' din id-deċiżjoni;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u l-anness lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.
Emenda għall-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni,
Billi:
(1) L-iżviluppi reċenti fil-prezzijiet tal-ikel u tal-materja prima qanqlu tħassib speċjalment fir-rigward tal-impatt tagħhom fuq il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw. Il-Kummissjoni pproponiet li toħloq faċilità ġdida għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li qed jogħlew f'daqqa fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw(1) u ż-żewġt idriegħi tal-awtorità tal-baġit, fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-21 ta' Novembru 2008, qablu li jipprovdu parti mill-finanzjament għal din il-Faċilità mir-Riżerva ta' Għajnuna għall-Emerġenzi.
(2) Minħabba li l-ammont li jifdal tar-Riżerva ta' Għajnuna għall-Emerġenzi għas-sena 2008 mhux biżżejjed biex ikopri l-ħtiġijiet tal-Faċilità għall-Ikel, hija meħtieġa żieda sabiex ir-Riżerva tkun tista' tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' din il-Faċilità għall-Ikel.
(3) Sabiex tiġi indirizzata dik is-sitwazzjoni eċċezzjonali, ir-Riżerva ta' Għajnuna għall-Emerġenzi għandha tiżdied għal EUR 479 218 000 fi prezzijiet attwali, unikament u eċċezzjonalment għas-sena 2008.
(4) Il-Punt 25 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina tal-baġit u l-amministrazzjoni finanzjarja tajba għandu għalhekk jiġi emendat kif ġej,
FTHIEMU LI ĠEJ:
Fil-Punt 25 is-sentenza li ġejja għandha tiżdied mal-ewwel subparagrafu:"
B'eċċezzjoni, dan l-ammont għandu jiżdied għal EUR 479 218 000 għas-sena 2008 fi prezzijiet attwali.
"
Magħmul fi Strasburgu, 18 ta' Diċembru 2008,
Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill Għall-Kummissjoni