Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar abbozz ta' emenda tal-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u mmaniġġjar finanzjarju sod (2008/2325(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod(1) (IIA), u b'mod partikolari l-Punt 25 tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżultat tal-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-21 ta' Novembru 2008 mal-Kunsill,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0834),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw(2),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 u l-Anness VI, Taqsima IV, punti (1) u (2), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0504/2008),
A. billi l-Parlament Ewropew jappoġġja bis-saħħa l-inizjattiva tal-Kummissjoni sabiex tinħoloq faċilità ġdida għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (il-"Faċilità tal-Ikel"), u billi din l-idea diġà kienet ġiet appoġġjata mill-Kunsill Ewropew tad-19 u tal-20 ta' Ġunju 2008,
B. billi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, fil-laqgħa ta' konċiljazzjoni tal-21 ta' Novembru 2008, ftehmu dwar il-finanzjament tal-''Faċilità tal-Ikel'' għal ammont totali ta' EUR 1 biljun tul tliet snin,
C. billi l-proposta inizjali tal-Kummissjoni kienet tipprevedi finanzjament tal-''Faċilità tal-Ikel'' mill-marġni tat-titolu 2 tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF), iżda dan l-approċċ ġie rrifjutat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill,
D. billi l-Parlament Ewropew qies li l-iżjed soluzzjoni adegwata tkun ir-reviżjoni tal-limitu tat-titolu 4 tal-MFF, iżda l-Kunsill irrifjuta li jsir hekk,
E. billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja fl-aħħarnett irnexxielhom jilħqu ftehim għal finanzjament tal-''Faċilità tal-Ikel'' permezz ta' twaħħid ottimali tar-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza, l-Istrument tal-Flessibilità u r-rijallokazzjoni fil-kuntest tat-titolu 4 tal-Istrument tal-Istabilità,
F. billi l-ftehima tipprevedi li r-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-''Faċilità tal-Ikel'' b'ammont totali ta' EUR 340 miljuni, li minnhom EUR 22 miljun mill-approprjazzjonijiet li għadhom disponibbli fil-baġit tal-2008, EUR 78 miljun mill-approprjazzjonijiet ibbaġitjati għall-2009 u EUR 240 miljun permezz ta' żieda ta' darba fl-ammont tar-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza li għandha tiġi prevista għall-baġit tal-2008,
G. billi din iż-żieda tirrikjedi modifika tal-Punt 25 tal-IIA sabiex il-fondi disponibbli fir-Riżerva għal-Għajnuna ta' Emerġenza għall-2008 jiżdiedu għal EUR 479 218 000 (fil-prezzijiet attwali),
H. billi din il-modifika tirrikjedi l-approvazzjoni taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, u dan jimplika l-ftehim unanimu tal-Istati Membri kollha tal-Kunsill,
1. Jilqa' l-abbozz tal-emenda għal modifika tal-Punt 25 tal-IIA hekk kif mehmuż mad-deċiżjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008(3), sabiex il-fondi disponibbli fir-Riżerva għall-Għajnuna ta' Emerġenza għall-2008 jiżdiedu għal EUR 479 218 000 (fil-prezzijiet attwali);
2. Itenni madankollu t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li t-titolu 4 kien taħt pressjoni permanenti minħabba l-marġni disponibbli limitat tiegħu, li jirrikjedi l-mobilizzazzjoni ta' mekkaniżmi eċċezzjonali sabiex ikun jista' jkun hemm reazzjoni għal sitwazzjonijiet imprevedibbli urġenti; jitlob li ssir evalwazzjoni fil-fond tal-bżonn li jiżdiedu l-ammonti disponibbli taħt dan it-titolu sabiex ikun jista' jkun hemm żvilupp bla xkiel tal-attivitajiet programmabbli fuq medda twila ta' żmien f'dan il-qasam u biex tiġi żgurata l-kapaċità tal-Unjoni li tassumi bis-sħiħ l-irwol tagħha ta' protagonista globali fl-isfera internazzjonali;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.