Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2690(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0627/2008

Testi mressqa :

B6-0627/2008

Dibattiti :

PV 17/12/2008 - 15
CRE 17/12/2008 - 15

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2008 - 6.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0632

Testi adottati
PDF 203kWORD 37k
Il-Ħamis, 18 ta' Diċembru 2008 - Strasburgu
L-approċċ tal-Kunsill għar-reviżjoni tar-Regolament tal-OLAF
P6_TA(2008)0632B6-0627/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-approċċ tal-Kunsill għar-reviżjoni tar-Regolament tal-OLAF

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Interistituzzjonali dwar leġiżlazzjoni aħjar(1),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1073/1999 dwar l-investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew ta" Kontra l-Frodi (OLAF) (COM(2006)0244) u l-pożizzjoni tiegħu tal-20 ta' Novembru 2008(2) dwar dik il-proposta,

–   wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali tiegħu lill-Kunsill dwar l-approċċ tal-Kunsill għar-reviżjoni tar-Regolament tal-OLAF (O-0116/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura,

A.   billi, għaxar snin wara li ġie stabbilit bħala uffiċċju li jiffunzjona biex iħares l-interessi finanzjarji tal-Komunità fl-1999, l-OLAF kiseb esperjenza siewja fil-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni,

B.   billi l-qafas regolatorju tal-OLAF għandu jittejjeb fuq il-bażi tal-esperjenza fl-operat miksuba minnu,

C.   billi ż-żewġ fergħat tal-awtorità leġiżlattiva tal-UE għandhom jikkoperaw mill-qrib skont il-proċedura tal-kodeċiżjoni sabiex il-qafas regolatorju jiġi adattat għall-ħtiġijiet attwali fil-ġlieda kontra l-frodi,

D.   billi kkonkluda l-ewwel qari dwar l-emenda tar-Regolament (KE) Nru 1073/1999 (Ir-Regolament tal-OLAF) b'maġġoranza kbira fl-20 ta' Novembru 2008,

1.  Iqis li hemm ħtieġa urġenti li l-qafas regolatorju tal-OLAF jiġi kjarifikat sabiex tkompli titjieb l-effiċjenza fl-istħarriġ kontra l-frodi u sabiex tiġi garantita l-indipendenza neċessarja tal-OLAF, filwaqt li jitqiesu l-esperjenzi miksuba minn meta twaqqaf l-OLAF biex jieħu post l-UCLAF fl-1999;

2.  Ifakkar lill-Kunsill li l-pożizzjoni msemmija hawn fuq tal-Parlament tal-20 ta' Novembru 2008 se twassal għal titjib konsiderevoli fl-effiċjenza u l-kwalità tal-istħarriġ tal-OLAF permezz tat-tisħiħ tal-garanziji proċedurali, l-irwol tal-Kumitat ta' Sorveljanza, il-preżunzjoni tal-innoċenza, id-drittijiet tad-difiża ta' dawk li jkunu qegħdin jiġu mistħarrġa u d-drittijiet ta' dawk li jgħaddu xi informazzjoni, l-adozzjoni ta' regoli tal-istħarriġ li jkunu ċari u trasparenti, u t-titjib tal-koperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti nazzjonali u mal-istituzzjonijiet tal-UE;

3.  Iħeġġeġ lill-Presidenzi Franċiżi u Ċeki biex iressqu kalendarju għan-negozjati mal-Parlament imsejjes fuq ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999, sabiex jiġi kkonfermat li qegħdin jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex tinkiseb l-adozzjoni fil-pront ta' pożizzjoni komuni mill-Kunsill u biex jiġi evitat li jkun hemm iktar dewmien mingħajr raġuni;

4.  Iqis li l-pożizzjoni tal-Kunsill għall-konsolidament sempliċi tat-tliet bażijiet legali eżistenti tal-istħarriġ tal-OLAF mhuwiex argument validu sabiex in-negozjati dwar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 ma jiftħux minnufih, billi l-konsolidament sempliċi ma jtejjibx il-qafas legali tal-istħarriġ tal-OLAF kontra l-frodi u għalhekk dan ikun telf ta' żmien konsiderevoli fl-isforzi biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi; jagħżel għalhekk li ssir riformulazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra l-frodi, fosthom tar-Regolamenti (KE) Nri 1073/1999, (Euratom,EC) 2185/96 u (KE,Euratom) 2988/95, li għandhom ikunu bbażati fuq ir-Regolament rivedut (KE) Nru 1073/1999;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-kumitati rilevanti tal-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll lill-entitajiet ta' verifika nazzjonali tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.
(2) Testi adottati, P6_TA(2008)0553.

Avviż legali - Politika tal-privatezza