Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2695(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0628/2008

Dibattiti :

PV 18/12/2008 - 13.1
CRE 18/12/2008 - 13.1

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2008 - 14.1

Testi adottati :

P6_TA(2008)0640

Testi adottati
PDF 222kWORD 60k
Il-Ħamis, 18 ta' Diċembru 2008 - Strasburgu
Żimbabwe
P6_TA(2008)0640RC-B6-0628/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iż-Żimbabwe, bl-aktar waħda riċenti tkun dik tal-10 ta' Lulju 2008 dwar is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe(1),

-   wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni 2008/135/CFSP tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2008, li li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe(2), li ġeddet sal-20 ta' Frar 2009 l-miżuri restrittivi kontra ż-Żimbabwe imposti skont il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2004/161/CFSP tad-19 ta' Frar 2004(3), ir-Regolament tal-Kummissjoni (ES) Nru 1226/2008 tat-8 ta' Diċembru 2008 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 314/2004 dwar ċerti miżuri restrittivi fir-rigward taż-Żimbabwe(4), u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-11-12 ta' Diċembru 2008 dwar iż-Żimbabwe, li fihom ġie espress tħassib serju dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni umanitarja fiż-Żimbabwe,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe adottata mill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE fit-28 ta' Novembru 2008,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet tal-Parlament Pan-Afrikan dwar l-elezzjonijiet armonizzati li saru fiż-Żimbabwe fid-29 ta' Marzu 2008,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni dwar iż-Żimbabwe adottata fil-11-il Samit tal-Unjoni Afrikana, li sar f'Sharm el-Sheikh fit-30 ta' Ġunju-1 ta' Lulju 2008,

-   wara li kkunsidra l-ftehima tal-15 ta' Settembru 2008 bejn l-Unjoni Nazzjonali Afrikana taż-Żimbabwe-Front Patrijottiku (ZANU-PF) u ż-żewġ formazzjonijiet tal-Moviment għall-Bidla Demokratika (MDC), biex jiġu solvuti l-isfidi li qed jaffaċċja ż-Żimbabwe,

-   wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Komunità tal-Iżvilupp tal-Afrika tan-Nofsinhar (SADC) u l-Protokolli tiegħu, inkluż il-Protokoll Elettorali tal-SADC,

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi ż-Żimbabwe qed jaffaċċja kriżi umanitarja ta' proporzjonijiet kbar ħafna, b'5.1 miljun persuna, kważi nofs il-popolazzjoni, li qed tbati l-ġuħ, filwaqt li tifqigħa tal-kolera, li hi riżultat tal-kollass tas-servizzi bażiċi tal-ilma u tas-sanità, qatlet mill-inqas 783 persuna u infettat 'il fuq minn 16 400 persuna fiż-Żimbabwe, u billi iktar minn 300 000 persuna li huma serjament imdgħajfa minħabba nuqqas ta' ikel huma f'periklu serju minħabba l-epidemija,

B.   billi l-awtoritajiet taż-Żimbabwe għamluha ċara li ma jistgħux itemmu l-kriżi umanitarja u mhux bi ħsiebhom itemmu r-ripressjoni vjolenti ta' dawk li jopponuhom; billi hemm konnessjoni ċara bejn il-katastrofi umanitarja u l-kriżi ta' tmexxija kkawżata mill-falliment ta' Robert Mugabe li jorganizza elezzjonijiet ħielsa u kredibbli u li jirrispetta l-ftehima politika tal-15 ta' Settembru 2008 dwar il-prinċipju li jiġi ffurmat gvern ta' unità nazzjonali bil-ħsieb li tintemm il-kriżi, li ntlaħqet minkejja l-isforzi ta' medjazzjoni tal-President Thabo Mbeki tal-Afrika ta' Isfel,

C.   billi r-rata tal-inflazzjoni hija stmata li hi fir-reġjun ta' bosta biljuni fil-mija, l-ogħla fid-dinja, u billi 80% tal-popolazzjoni tgħix b'inqas minn US$1 kuljum, mingħajr aċċess għal prodotti bażiċi bħall-ikel u l-ilma,

D.   billi, skont l-organizzazzjoni umanitarja medika internazzjonali Médecins Sans Frontières, mill-inqas 1.4 miljun persuna qiegħdin f'riskju li taqbadhom il-kolera jekk it-tifqigħa ma tiġix ikkontrollata billi jiġu indirizzati l-kawżi tagħha; billi t-tifqigħa qed tinfirex lejn l-Afrika ta' Isfel u l-Botswana,

E.   billi t-taħlita tal-kriżi ekonomika, dik politika u dik soċjali kellha effett negattiv partikolari fuq in-nisa u l-bniet, u billi dawn huma partikolarment f'riskju ta' infezzjoni bil-kolera minħabba r-responsabilità tagħhom għall-kura tal-morda mid-dar,

F.   billi l-medja tal-għomor tal-ħajja fiż-Żimbabwe niżlet minn 60 sena fir-rigward taż-żewġ sessi għal 37 sena fir-rigward tal-irġiel u 34 fir-rigward tan-nisa fl-aħħar għaxar snin; billi 1.7 miljun persuna qegħdin bħalissa jgħixu bl-HIV fiż-Żimbabwe,

G.   billi fl-isfond tal-kriżi politika u l-emerġenza fil-qasam tas-saħħa, hemm kriżi tad-drittijiet tal-bniedem li sejra għall-agħar fiż-Żimbabwe, bl-aktar żvilupp riċenti jkun is-sensiela mingħajr preċedent ta' każijiet ta' ħtif ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem - bħal Jestina Mukoko li l-għajbien tagħha kien parti minn mudell ta' fastidju u intimidazzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, imwettqa minn persuni suspettati li qed jaħdmu għall-awtoritajiet taż-Żimbabwe,

H.   billi, skont l-UNICEF, l-istima hi li huma biss 40% tal-għalliema tal-pajjiż li qed jaħdmu, u terz biss tat-tfal tal-iskola li qed imorru għal-lezzjonijiet; billi l-għalliema, bħat-tobba u l-infirmiera, ħarġu fuq strajks perjodiċi u ġew imrażżna b'mod vjolenti mill-pulizija talli eżerċitaw id-dritt tagħhom li jipprotestaw b'mod paċifiku,

I.   billi 'l-Anzjani', li huma magħmula mill-ex Segretarju Ġenerali tan-NU Kofi Annan, l-ex President tal-Istati Uniti Jimmy Carter u s-sostenitura tad-drittijiet tan-nisa u tat-tfal Graça Machel, ma ngħatawx id-dritt li jidħlu fiż-Żimbabwe,

J.   billi numru ta' mexxejja Afrikani, inklużi l-Arċisqof Desmond Tutu, il-President tal-Botswana, Ian Khama, u l-Prim Ministru tal-Kenja, Raila Odinga, talbu li s-Sur Mugabe jirriżenja,

K.   billi fit-8 ta' Diċembru 2008, matul ċelebrazzjoni tas-60 anniversarju mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-President Sarkozy ta' Franza, f'isem l-UE, talab lis-Sur Mugabe biex jirriżenja, filwaqt li ddikjara li hu qed iżomm ostaġġ lill-poplu taż-Żimbabwe u li l-poplu taż-Żimbabwe għandu d-dritt għal-libertà, għas-sigurtà u għar-rispett,

L.   billi ż-Żimbabwe huwa qrib li jissodisfa l-kriterji biex tiġi invokata d-dikjarazzjoni approvata fis-Samit tan-NU f' Settembru 2005 li hemm responsabilità internazzjonali li jkunu protetti popli li qed jaffaċċjaw delitti kontra l-umanità,

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fiż-Żimbabwe, l-epidemija tal-kolera, il-ġuħ u r-rifjut totali tar-reġim ta' Mugabe li jirreaġixxi b'mod pożittiv għall-kriżi; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jerġgħu jaffermaw l-impenn tagħhom lejn il-poplu taż-Żimbabwe permezz ta' programm sostanzjali u fuq perjodu twil ta' żmien ta' għajnuna umanitarja;

2.  Jinnota li l-Unjoni Ewropea għadha kif irrilaxxat EUR 10 miljun f'għajnuna u jistieden lill-awtoritajiet taż-Żimbabwe sabiex ineħħu r-restrizzjonijiet kollha fuq l-aġenziji tal-għajnuna umanitarja u sabiex jiżguraw li l-għajnuna umanitarja tista' titwassal bi qbil mal-prinċipji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza;

3.  Jappoġġja b'qawwa l-isforzi tad-delegazzjoni tal-'Anzjani' msemmija hawn fuq biex tittaffa l-kriżi umanitarja taż-Żimbabwe, jikkunsidraha bħala totalment inaċċettabbli li l-membri ta' din id-delegazzjoni ġew miċħuda viża tad-dħul mir-reġim ta' Mugabe, ladarba kellhom ix-xewqa li jużaw l-influwenza tagħhom biex iżidu l-għoti immedjat u fuq perjodu itwal ta' żmien tal-għajnuna lill-pajjiż u b'hekk itemmu t-tbatija terribbli tal-poplu taż-Żimbabwe;

4.  Jikkundanna b'qawwa l-vjolenza kontinwa mwettqa mir-reġim ta' Mugabe kontra membri u sostenituri tal-MDC; huwa mgħaddab bis-sensiela ta' każijiet riċenti ta' ħtif ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jitlob li jinħelsu immedjatament Jestina Mukoko, id-direttur tal-Proġett għall-Paċi taż-Żimbabwe (ZPP), Zacharia Nkomo, ħu l-avukat ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem Harrison Nkomo, Broderick Takawira, koordinatur provinċjali tal-Proġett għaz-ZPP, Pascal Gonzo, xufier mal-Proġett għaz-ZPP, u numru ta' membri tal-MDC u attivisti tas-soċjetà ċivili, u jitlob li min wettaq dawn il-każijiet ta' ħtif jinżamm responsabbli;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-estensjoni riċenti tal-lista tal-Unjoni ta' individwi pprojbiti li jagħmlu parti mir-reġim ta' Mugabe, u jitlob li jiżdiedu aktar ismijiet ta' persuni ewlenin li huma leali lejn Mugabe, inkluż dak ta' Florence Chitauro, eksministru għoli taz-ZANU PF, li huwa maħsub li issa qiegħed jgħix Londra, filwaqt li jirrifjuta li jikkundanna lil Mugabe u jivjaġġa minn u lejn iż-Żimbabwe mingħajr xkiel;

6.  Jitieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jikkunsidra li jimponi sanzjonijiet immirati (projbizzjonijiet ta' vvjaġġar u l-iffriżar tal-assi) fuq is-Sur Mugabe u persuni involuti b'mod attiv fil-vjolenza jew fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; b'mod partikolari jistieden liċ-Ċina, lir-Russja u lill-Afrika ta' Isfel biex jappoġġjaw miżuri iebsa kontra r-reġim ta' Mugabe fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u biex jindikaw lill-gvernijiet Afrikani li m'għadhomx lesti li jagħtu kwalunkwe appoġġ lir-reġim ta' Mugabe;

7.  Ifaħħar l-integrità tal-gvernijiet tal-Kenja, tal-Botswana u taż-Żambja talli tkellmu kontra s-Sur Mugabe, u jesprimi d-diżappunt profond tiegħu li tant gvernijiet Afrikani oħra għadhom lesti li jinjoraw il-ħażen tar-reġim tiegħu;

8.  Jenfasizza l-bżonn kbir tal-poplu taż-Żimbabwe li jkollu bidla politika u jikkundanna r-rifjut tas-Sur Mugabe li jimplimenta l-ftehima li ffirma fil-15 ta' Settembru 2008 li jgħaddi ministeri ewlenin lill-partit ta' Morgan Tsvangirai, jew li jdaħħal riformi politiċi;

9.  Jesprimi tħassib serju li l-bżonn kbir ta' bidla immedjata, radikali u demokratika għall-poplu taż-Żimbabwe għadu qed ikun frustrat mir-reġim tas-Sur Mugabe, li hu oppressiv, manipulattiv u jfittex l-interessi tiegħu;

10.  Jitlob urġentament li ssir pressjoni minn pajjiżi Afrikani u istituzzjonijiet reġjonali, inklużi l-SADC u, b'mod partikolari, mill-Unjoni Afrikana bħala l-garanti tal-ftehima tal-15 ta' Settembru 2008, kif ukoll minn Afrikani eminenti, biex tinstab soluzzjoni ġusta għas-sitwazzjoni taż-Żimbabwe, ibbażata fuq l-elezzjonijiet kredibbli li saru f'Marzu 2008, u biex kwalunkwe ftehim politiku jiġi mmoniterjat b'mod ibbilanċjat;

11.  Jistieden lill-Kunsill biex jinkoraġġixxi lill-Unjoni Afrikana biex tħejji pjanijiet ta' kontinġenza għal intervent attiv, sabiex titħares il-popolazzjoni ċivili taż-Żimbabwe;

12.  Jistieden lill-Kunsill biex jibqa' viġilanti fir-rigward tal-konsegwenzi possibbli għar-reġjun minħabba n-negliġenza intenzjonata u t-tmexxija ħażina taz-ZANU PF li qed tiddestabilizza liż-Żimbabwe;

13.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati miż-Żimbabwe fir-reġjun u jikkundanna l-atti ta' vjolenza kontra r-refuġjati miż-Żimbabwe fil-pajjiżi ġirien; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja dawk il-pajjiżi ġirien billi timplimenta programmi ta' għajnuna finanzjarji u materjali għar-refuġjati;

14.  Jappella b'mod qawwi lill-partijiet interessati kollha u lill-komunità internazzjonali biex ikunu lesti jappoġġjaw l-irkupru ekonomiku u soċjali taż-Żimbabwe ladarba jiġi ffurmat gvern li ġenwinament jirrifletti r-rieda tal-poplu taż-Żimbabwe fil-livelli kollha u ladarba jkun hemm sinjali tanġibbli tar-ritorn tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

15.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex iżidu l-azzjoni diplomatika tagħhom fl-Afrika biex jiksbu appoġġ attiv għall-bidla fiż-Żimbabwe;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-G8, lill-gvernijiet u lill-parlamenti taż-Żimbabwe u tal-Afrika ta' Isfel, lis-Segretarju Ġenerali tal-Commonwealth, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, liċ-chairpersons tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan, u lis-Segretarju Ġenerali u l-gvernijiet tal-SADC u lill-Forum Parlamentari tiegħu.

(1) Testi adottati, P6_TA(2008)0364.
(2) ĠU L 43, 19.2.2008, p. 39.
(3) ĠU L 50, 20.2.2004, p. 66.
(4) ĠU L 331, 10.12.2008, p. 11.

Avviż legali - Politika tal-privatezza