Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2696(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0629/2008

Dibattiti :

PV 18/12/2008 - 13.2
CRE 18/12/2008 - 13.2

Votazzjonijiet :

PV 18/12/2008 - 14.2
CRE 18/12/2008 - 14.2

Testi adottati :

P6_TA(2008)0641

Testi adottati
PDF 216kWORD 49k
Il-Ħamis, 18 ta' Diċembru 2008 - Strasburgu
Nikaragwa
P6_TA(2008)0641RC-B6-0629/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-attakki kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet ċivili u d-demokrazija fin-Nikaragwa

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta" Djalogu Politiku u Koperazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2003 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Kosta Rika, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa u l-Panama fuq in-naħa l-oħra, u l-Ftehima Qafas ta" Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubbliki tal-Kosta Rika, El Salvador, il-Gwatemala, il-Ħonduras, in-Nikaragwa u l-Panama(1),

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–   wara li kkunsidra r-rapporti ppreżentati mit-tim ta' esperti tal-UE għall-proċess u l-elezzjonijiet muniċipali li seħħew fid-9 ta' Novembru 2008 li għadda fin-Nikaragwa,

−   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Benita Ferrero Waldner dwar dak li ġara fin-Nikaragwa wara l-elezzjonijiet muniċipali u reġjonali tad-9 ta" Novembru 2008,

−   wara li kkunsidra n-negozjati li għaddejjin bħalissa għall-iffirmar ta" Ftehima ta" Sħubija bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali,

−   wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa dwar id-difensuri u l-għaqdiet tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tat-22 ta" Ottubru 2008 tas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,

−   wara li kkunsidra s-sitt rawnd ta" negozjati għall-Ftehima ta" Sħubija bejn l-UE u l-Amerika Ċentrali li se jsir fis-26 u s-27 ta" Jannar 2009, fi Brussell,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi saru allegazzjonijiet ta" qerq fir-rigward tar-riżultati tal-elezzjonijiet muniċipali tad-9 ta" Novembru 2008 li ġew irrappurtati mit-tim ta" esperti tal-UE semmew in-nuqqas ta" rieda min-naħa tal-awtoritajiet tan-Nikaragwa li jorganizzaw proċess ġenwinament demokratiku; billi l-aggressjonijiet li akkumpanjawhom, immirati b'mod partikulari kontra l-mezzi ta' komunikazzjoni, u l-polarizzazzjoni u l-konfrontazzjonijiet li seħħew b'riżultat,

B.   billi n-NU, l-UE, l-Istati Uniti u diversi NGOs fin-Nikaragwa esprimew tħassib rigward it-trasparenza tal-elezzjonijiet,

C.   billi skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill Elettorali Suprem tal-11 ta" Ġunju 2008, min-naħa waħda ġiet ikkanċellata l-personalità legali tal-Moviment Sandinist ta" Tiġdid (Movimiento Renovador Sandinista), u min-naħa l-oħra ġie allegat li l-Partit Konservattiv ma ssodisfax il-prerekwiżiti tal-ħruġ għall-elezzjonijiet muniċipali ta' Novembru 2008, u b'hekk impedixxa l-parteċipazzjoni ta' dawn iż-żewġ partiti,

D.   billi l-għaqdiet tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-membri tagħhom, ġurnalisti u rappreżentanti tal-mezzi ta" komunikazzjoni ġarrbu diversi attakki u atti ta" fastidju minn persuni, setturi politiċi u entitajiet b'rabtiet mal-poter statali,

E.   billi l-Viċi Ministru għall-Koperazzjoni tan-Nikaragwa ippropona mekkaniżmu ta" "tassassjoni konġunta" għall-appoġġ finanzjarju li jirċievu l-NGOs u għal investigazzjoni ta' diversi NGOs għall-allegat nuqqas ta' sodisfar ta' rekwiżiti legali, bħal fil-każ tal-akkużi ta" "trijangolazzjoni ta" fondi" kontra 17-il għaqda tad-drittijiet tal-bniedem,

F.   billi kien hemm investigazzjonijiet kriminali kontra dawk li jiddefendu d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inklużi dawk li appoġġjaw lil tifla li kienet ġiet stuprata u li sarilha abort biex tiġi salvatha ħajjitha fi żmien meta l-abort terapewtiku ma kienx offiża kriminali,

G.   billi l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-Istat tad-Dritt, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iridu jkunu parti integrali mill-politika esterna tal-UE,

H.   billi l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba tagħha, meta jagħmlu ftehimiet ma' pajjiżi terzi li jkunu jinkludu klawżola tad-drittijiet tal-bniedem, jassumi responsabilità li jiżguraw konformità mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u klawżoli bħal dawn huma min-natura tagħhom reċiproki,

I.   billi n-Nikaragwa f'dawn l-aħħar għoxrin sena spiċċat f'sitwazzjoni ta" faqar kbir,

1.  Jiddispjaċih ħafna dwar il-mod ta" kif tmexxa l-proċess elettorali tal-elezzjonijiet lokali tad-9 ta" Novembru 2008, u jqis li r-riżultati tagħhom m'għandhom ebda leġittimità demokratika;

2.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-klima ta" qerq allegat f'xi muniċipalitajiet irriżultat f'dimostrazzjonijiet u konfrontazzjonijiet bejn il-partitarji ta" partiti differenti, li ħallew numru ta" nies midruba u komplew jaggravaw kriżi politika li diġà kienet serja;

3.  Jitlob lill-gvern tan-Nikaragwa biex jieħu miżuri urġenti biex jikkalma s-sitwazzjoni eżistenti, u jitlob lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex jirrispettaw l-isforzi tal-għaqdiet tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jiddispjaċih dwar id-diversi attakki u atti ta" fastidju li sofrew l-għaqdiet tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti indipendenti u r-rappreżentanti tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni fin-Nikaragwa f'dawn l-aħħar xhur, min-naħa ta" individwi, forzi politiċi u korpi b'rabtiet statali;

5.  Jitlob lill-partiti politiċi biex jikkundannaw l-atti ta" vjolenza li wettqu l-partitarji tagħhom;

6.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li żewġ partiti politiċi ma setgħux jieħu sehem fl-elezzjonijiet lokali, u jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-progress tal-konsolidazzjoni u l-governanza demokratiċi fin-Nikaragwa, b'mod speċjali rigward il-proċessi ta" inklużjoni u parteċipazzjoni attiva;

7.  Iħeġġeġ lill-gvern tan-Nikaragwa u lill-awtoritajiet statali biex iħarsu l-libertà tal-espressjoni u l-indipendenza tal-qrati u b'hekk jiżguraw li l-bażijiet demokratiċi ta' pajjiżhom jiġu ppreservati, u biex jiżguraw li mill-aktar fis possibbli, in-Nikaragwa tirratifika l-Istatut ta' Ruma li ħoloq il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

8.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-istqarrija għall-istampa tas-27 Stat Membru tal-UE tat-22 ta" Ottubru 2008, li kkundannat l-attakki fuq id-difensuri u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Ifakkar li fin-negozjati għall-Ftehima ta" Sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Amerika Ċentrali, in-Nikaragwa jeħtieġ tiġi mfakkra dwar il-ħtieġa li jiġu rispettati l-prinċipji tal-Istat tad-Dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, kif tiddefendihom u tippromwovihom l-UE;

10.  Jitlob lill-Istati Membri tal-UE sabiex jiżguraw li s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa titpoġġa fuq l-aġenda tal-laqgħat kollha mal-awtoritajiet tan-Nikaragwa, kemm dawk bilaterali kif ukoll dawk multilaterali;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latinamerikana, lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali, u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

(1) ĠU L 63, 12.3.1999, p. 39.

Avviż legali - Politika tal-privatezza