Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 9 ta' Ottubru 2008 - Brussell
Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija
 Protokoll għall-Ftehima bejn il-KE u l-Iżvizzera dwar il-moviment ħieles ta" persuni (parteċipazzjoni Bulgarija u tar-Rumanija) ***
 Twaqqif ta" Sistema Ewropea ta" Informazzjoni ta" Rekords Kriminali (ECRIS) *
 L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat
 Promozzjoni ta" l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar
 Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina fir-rigward taż-żamma ta" l-impenji fil-kummerċ tas-servizzi *
 IASCF: Reviżjoni tal-kostituzzjoni
 Belarus
 Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha tad-WTO
 Użu mill-Parlament tas-simboli tal-Unjoni (Artikolu 202a ġdid)
 L-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa fl-Unjoni Ewropea
 Il-Governanza tal-Artiku
 L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq
 Is-segwitu tal-proċess Lamfalussy: l-istruttura futura ta' sorveljanza
 Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013

Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija
PDF 261kWORD 55k
Deċiżjoni
Anness
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar l-approvazzjoni tad-dikjarazzjoni konġunta, "Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija" (2007/2222(ACI))
P6_TA(2008)0463A6-0372/2008

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 255 tat-Trattat KE,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta" Marzu 2002 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar qafas ġdid għall-koperazzjoni dwar attivitajiet li jikkonċernaw il-politika għall-informazzjoni u għall-komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea(1),

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta" April 2003 dwar l-istrateġija għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-Unjoni Ewropea(2),

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta" Mejju 2005 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija ta' informazzjoni u komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea(3),

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta" Novembru 2006 dwar il-White Paper dwar politika ta' komunikazzjoni Ewropea(4),

-   wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tal-25 ta" Settembru 2008,

-   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta proposta, "Nikkomunikaw l-Ewropa fis-Sħubija",

-   wara li kkunsidra l-Artikoli 120(1) u 43(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0372/2008),

A.   billi l-komunikazzjoni hija element importanti tad-demokrazija, kemm dik rappreżentattiva u kemm dik parteċipatorja,

B.   billi wieħed mill-punti ta' saħħa tal-elementi demokratiċi tal-UE hu marbut mal-istrutturi ta" komunikazzjoni fil-livell Ewropew li jgħaqqdu l-istituzzjonijiet maċ-ċittadini,

C.   billi l-esperjenza li nkisbet mill-elezzjonijiet u r-referenda Ewropej preċedenti tissuġerixxi li hemm iktar ċans ta' parteċipazzjoni minn dawk li huma konxji u interessati fi kwistjonijiet tal-UE, filwaqt li hemm inqas ċans ta' parteċipazzjoni minn dawk li mhumiex infurmati daqshekk tajjeb; billi dan ġie ikkonfermat għal darba oħra mir-riċerka li saret wara r-referendum Irlandiż,

D.   billi l-komunikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea tirrikjedi impenn politiku mill-Istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri fil-livelli kollha,

1.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta, "Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija" annessa ma" din id-deċiżjoni u jiddeċiedi li jehmeż id-Dikjarazzjoni mar-Regoli ta' Proċedura tiegħu; jitlob li d-dikjarazzjoni tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni u l-anness għaliha lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

Nikkomunikaw l-Ewropa fi Sħubija

Għanijiet u prinċipji

1.  Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea jagħtu l-ogħla importanza lit-titjib tal-komunikazzjoni dwar temi tal-UE biex iċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, li d-deċiżjonijiet fiha jittieħdu b'mod miftuħ qrib taċ-ċittadini kemm jista' jkun, b'osservanza tal-prinċipji tal-pluraliżmu, tal-parteċipazzjoni, tal-ftuħ u tat-trasparenza.

2.  It-tliet Istituzzjonijiet jixtiequ jinkoraġġixxu l-konverġenza ta' fehmiet dwar il-prijoritajiet ta' komunikazzjoni tal-Unjoni Ewropea kollha kemm hi, biex jippromwovu l-valur miżjud tal-approċċ tal-UE fil-komunikazzjoni dwar temi Ewropej, biex ikunu ffaċilitati l-iskambji ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki u biex jiġu żviluppati sinerġiji bejn l-Istituzzjonijiet meta ssir komunikazzjoni marbuta ma' dawn il-prijoritajiet, kif ukoll biex tkun iffaċilitata l-kooperazzjoni fost l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri fejn xieraq.

3.  It-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu li l-komunikazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea tirrikjedi impenn politiku mill-Istituzzjonijiet tal-UE u mill-Istati Membri, u li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà tagħhom li jikkomunikaw maċ-ċittadini dwar l-UE.

4.  It-tliet Istituzzjonijiet jemmnu li attivitajiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni dwar kwistjonijiet Ewropej għandhom jagħtu lil kulħadd aċċess għal informazzjoni ġusta u diversa dwar l-Unjoni Ewropea u jippermettu liċ-ċittadini jeżerċitaw id-dritt tagħhom biex jesprimu l-opinjoni tagħhom u biex jipparteċipaw attivament fid-dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

5.  It-tliet Istituzzjonijiet jippromwovu r-rispett għall-multilingwiżmu u d-diversità kulturali meta jimplimentaw azzjonijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni.

6.  It-tliet Istituzzjonijiet huma impenjati politikament biex jilħqu l-objettivi ta' hawn fuq. Huma jħeġġu lill-Istituzzjonijiet u lill-korpi l-oħra tal-UE biex jappoġġaw l-isforzi tagħhom u biex jikkontribwixxu, jekk ikunu jixtiequ hekk, għal dan l-approċċ.

Approċċ bi sħubija

7.  It-tliet Istituzzjonijiet jirrikonoxxu l-importanza li jiffaċċjaw l-isfida tal-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE fi sħubija bejn l-Istati Membri u l-Istituzzjonijiet tal-UE biex jiżguraw komunikazzjoni effettiva u informazzjoni oġġettiva mal-akbar udjenza possibbli fil-livell xieraq.

Huma jixtiequ jiżviluppaw sinerġiji ma' awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kif ukoll ma' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Huma jixtiequ għal dan il-għan irawmu approċċ ta' sħubija prammatiku.

8.  F'dan il-kuntest, huma jfakkru l-irwol prinċipali tal-Grupp Interistituzzjonali dwar l-Informazzjoni (IGI) li jservi ta' qafas f'livell għoli għall-Istituzzjonijiet biex jinkoraġġixxi d-dibattitu politiku dwar attivatijiet ta' informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-UE sabiex jitrawmu s-sinerġija u l-komplimentarjetà. Għal dak il-għan, l-IGI, kopresedut mir-rappreżentanti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea, u bil-parteċipazzjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bħala osservaturi, jiltaqa' fil-prinċipju darbtejn fis-sena.

Qafas għal ħidma flimkien

It-tliet Istituzzjonijiet għandhom il-ħsieb li jikkooperaw fuq il-bażi li ġejja:

9.  Waqt li jirrispettaw ir-responsabbiltà individwali ta' kull Istituzzjoni tal-UE u ta' kull Stat Membru fir-rigward tal-istrateġija ta' komunikazzjoni u l-prijoritajiet tagħhom, it-tliet Istituzzjonijiet fil-qafas tal-IGI jidentifikaw numru limitat ta' prijoritajiet ta' komunikazzjoni komuni kull sena.

10.  Dawn il-prijoritajiet ikunu bbażati fuq prijoritajiet ta' komunikazzjoni identifikati mill-Istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE wara l-proċeduri interni tagħhom u jikkomplimentaw, fejn xieraq, il-viżjonijiet strateġiċi u l-isforzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, waqt li jieħdu jqisu l-aspettattivi taċ-ċittadini.

11.  It-tliet Istituzzjonijiet u l-Istati Membri ifittxu li jippromwovu appoġġ xieraq għal komunikazzjoni dwar il-prijoritajiet identifikati.

12.  Is-servizzi responsabbli għall-komunikazzjoni fl-Istati Membri u fl-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jaħdmu flimkien biex jiżguraw l-implimentazzjoni b'suċċess tal-prijoritajiet ta' komunikazzjoni komuni, kif ukoll attivitajiet oħra relatati mal-komunikazzjoni tal-UE, jekk meħtieġ abbażi ta' arranġamenti amministrattivi adatti.

13.  L-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri huma mistednin jiskambjaw informazzjoni dwar attivitajiet ta' komunikazzjoni oħra relatati mal-UE, b'mod partikolari fuq attivitajiet ta' komunikazzjoni settorali previsti mill-Istituzzjonijiet u l-korpi meta jirriżultaw f'kampanji ta' informazzjoni fl-Istati Membri.

14.  Il-Kummissjoni hija mistiedna tirrapporta lura fil-bidu ta' kull sena lill-Istituzzjonijiet l-oħra tal-UE dwar is-suċċessi ewlenin milħuqa fl-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta' komunikazzjoni komuni tas-sena ta' qabel.

15.  Din id-dikjarazzjoni politika ġiet iffirmata fi [data].

(1) ĠU C 47 E, 27.2.2003, p. 400.
(2) ĠU C 64 E, 12.3.2004, p. 591.
(3)3 ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 403.
(4) ĠU C 314 E, 21.12.2006, p.369.


Protokoll għall-Ftehima bejn il-KE u l-Iżvizzera dwar il-moviment ħieles ta" persuni (parteċipazzjoni Bulgarija u tar-Rumanija) ***
PDF 206kWORD 36k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, ta" Protokoll mal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles ta" persuni, rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea (9116/2008 – C6-0209/2008 – 2008/0080(AVC))
P6_TA(2008)0464A6-0343/2008

(Proċedura ta' kunsens)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta" deċiżjoni tal-Kunsill (9116/2008),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll mal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles tal-persuni, rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija, wara l-adeżjoni tagħhom ma" l-Unjoni Ewropea, (8689/2008),

–   wara li kkunsidra l-Protokoll mal-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles tal-persuni rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta" Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja. tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta" Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka wara l-adeżjoni tagħhom ma" l-Unjoni Ewropea(1),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles ta" persuni(2),

–   wara li kkunsidra t-talba għall-kunsens imressqa mill-Kunsill skond l-Artikolu 300(3), it-tieni subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 300(2), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza u l-Artikolu 310 tat-Trattat KE (C6-0209/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 6(2) ta" l-Att ta" Adeżjoni ta" l-2005,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 75 u 83(7) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0343/2008),

1.  Jagħti l-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Konfederazzjoni Żvizzera.

(1) ĠU L 89, 28.3.2006, p. 30.
(2) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.


Twaqqif ta" Sistema Ewropea ta" Informazzjoni ta" Rekords Kriminali (ECRIS) *
PDF 328kWORD 72k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta" Sistema Ewropea ta" Informazzjoni ta" Rekords Kriminali (ECRIS) fl-applikazzjoni ta" l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/XX/JHA (COM(2008)0332 – C6-0216/2008 – 2008/0101(CNS))
P6_TA(2008)0465A6-0360/2008

(Proċedura ta" Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni (COM(2008)0332),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 31 u l-Artikolu 34(2)(c) tat-Trattat ta" l-UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat ta" l-UE, skond liema Trattat il-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C6-0216/2008),

–   wara li kkunsidra r-Regoli 93 u 51 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0360/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tibdel il-proposta tagħha b'mod xieraq, skond l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinnotifika lill-Parlament jekk huwa intenzjonat li ma jqisx it-test approvat mill-Parlament;

4.  Jistieden lill-Kunsill biex jikkonsulta mal-Parlament għal darb'oħra jekk huwa intenzjonat li jemenda b'mod sostanzjali l-proposta tal-Kummissjoni;

5.  F'każ li din il-proposta ma tkunx adottata qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta" Liżbona, huwa intenzjonat li jqis kull proposta fil-futur bi proċedura urġenti, b'koperazzjoni mill-qrib mal-parlamenti nazzjonali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 6 a (ġdida)
(6a)  Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq il-prinċipji li diġà huma stabbiliti mid-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill 2008/XX/JHA dwar l-organizzazzjoni u l-kontenut ta" l-iskambju ta" informazzjoni meħuda mir-rekords kriminali bejn l-Istati Membri, u tissupplimenta u tapplika dawk il-prinċipji mil-lat tekniku.
Emenda 2
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 9
(9)  Sabiex jiġi żgurat il-ftehim reċiproku u t-trasparenza tal-kategorizzazzjoni komuni, kull Stat Membru għandu jissottometti l-lista ta" offiżi u sanzjonijiet nazzjonali li jaqgħu f'kull kategorija msemmija fit-tabella rispettiva, kif ukoll il-lista tal-qrati kriminali nazzjonali. Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli lill-awtoritajiet ġudizjarji nazzjonali b'mod partikolari permezz ta" kwalunkwe mod disponibbli.
(9)  Sabiex jiġi żgurat il-ftehim reċiproku u t-trasparenza tal-kategorizzazzjoni komuni, kull Stat Membru għandu jissottometti l-lista ta" offiżi u sanzjonijiet nazzjonali li jaqgħu f'kull kategorija msemmija fit-tabella rispettiva, flimkien ma" deskrizzjoni qasira ta" l-elementi li jiffurmaw l-offiża, kif ukoll il-lista tal-qrati kriminali nazzjonali. Din l-informazzjoni għandha tkun aċċessibbli lill-awtoritajiet ġudizjarji nazzjonali b'mod partikolari permezz ta" kwalunkwe mod disponibbli.
Emenda 3
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 9 a (ġdida)
(9a)  It-tabelli ta" referenza fl-Annessi A u B ma jimmiraw bl-ebda mod li jarmonizzaw it-tipi ta" offiża jew is-sanzjonijiet stabbiliti fihom, li se jkomplu jkunu rregolati bil-liġi nazzjonali.
Emenda 4
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 13
(13)  Iż-żewġ tabelli ta" referenza tal-kategoriji ta" offiżi u s-sanzjonijiet, kif ukoll l-istandards tekniċi użatu għall-iskambju ta" l-informazzjoni għandhom jirrikjedu reviżjoni kontinwa u aġġornament regolari. Il-poteri implimentatttivi f'dan ir-rigward ġew għaldaqstant iddelegati lill-Kummissjoni assistita minn Kumitat. Il-proċedura regolatorja taħt il-liġi Komunitarja għandha tapplika mutatis mutandis għall-adozzjoni tal-miżuri neċessarji biex tkun implimentat din id-Deċiżjoni.
(13)  Iż-żewġ tabelli ta" referenza tal-kategoriji ta" offiżi u s-sanzjonijiet, kif ukoll l-istandards tekniċi użatu għall-iskambju ta" l-informazzjoni għandhom jirrikjedu reviżjoni kontinwa u aġġornament regolari.
Emenda 5
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 14
(14)  Id-Deċiżjoni Qafas 2008/XX/JHA dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali għandha tapplika fil-kuntest l-iskambju kompjuterizzat ta" informazzjoni estratta minn rekords kriminali ta" l-Istati Membri.
(14)   F'dan il-kuntest huwa importanti ħafna li d-Deċiżjoni ta" Qafas tal-Kunsill 2008/XX/JHA tkun adottata malajr kemm jista" jkun dwar il-protezzjoni ta" dejta personali proċessata fil-qafas ta" koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali, li tipprovdi livell xieraq ta" protezzjoni tad-dejta u li tinkludi l-ipproċessar ta" dejta personali fil-livell nazzjonali.
Emenda 6
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 3 - paragrafu 5
5.  Sabiex ikun żgurat l-operat effiċjenti ta" l-ECRIS, il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta" sostenn u monitoraġġ ġenerali.
5.  Sabiex ikun żgurat l-operat effiċjenti ta" l-ECRIS, il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta" sostenn u monitoraġġ ġenerali u tivverifika li l-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 6 jkunu implimentati b'mod korrett.
Emenda 7
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 5 – paragrafu 1 – punt a
(a) il-lista ta" offiżi nazzjonali f'kull kategorija msemmija fit-tabella ta" l-offiżi fl-Anness A. Il-lista għandha tinkludi l-isem u l-klassifika legali ta" l-offiża u r-referenza għad-dispożizzjoni legali applikabbli. Tista" tinkludi wkoll deskrizzjoni qasira ta" l-elementi li jikkostitwixxu l-offiża;
(a) il-lista ta" offiżi nazzjonali f'kull kategorija msemmija fit-tabella ta" l-offiżi fl-Anness A. Il-lista għandha tinkludi l-isem u l-klassifika legali ta" l-offiża u r-referenza għad-dispożizzjoni legali applikabbli. Għandha tinkludi wkoll deskrizzjoni qasira ta" l-elementi li jikkostitwixxu l-offiża;
Emenda 8
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 5 - paragrafu 1 - punt a - subparagrafu 1a (ġdid)
It-traduzzjoni ta" deskrizzjoni ta" reat nazzjonali mil-lingwa oriġinali li tressqet biha għandu jkun ix-xogħol u r-responsabilità unika ta' kull Stat Membru individwali li jitlob traduzzjoni u m'għandhiex issir mill-ECRIS. Ladarba traduzzjoni tkun tlestiet, l-ECRIS għandha toffri l-għażla li tiżdied mal-bażi tad-dejta;
Emenda 9
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 6 – parti introduttorja
Il-miżuri għall-implimentazzjoni li ġejjin għandhom jiġu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 7:
Fejn ikun meħtieġ, u bi qbil ma" l-Artikolu 34(2)(c) u l-Artikolu 39 tat-Trattat ta" l-UE, il-Kummissjoni għandha tipproponi li l-Kunsill jadotta l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura l-aħjar funzjonar ta" l-ECRIS u l-interoperabilità tagħha mas-sistemi nazzjonali, bħal:
Emenda 10
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 7
Artikolu 7
Proċedura tal-Kumitat
imħassar
1.  Fejn ikun hemm referenza għal dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat regolatorju magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u ppresjedut min rappreżentant tal-Kummissjoni (il-"Kumitat").
2.  Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.
3.  Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, fi żmien limitat li l-president jista' jistabilixxi skond l-urġenza tal-kwistjoni. L-opinjoni għandha titwassal mill-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 205(2) u (4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li l-Kunsill huwa meħtieġ li jadotta fuq proposta tal-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta' l-Istati Membri ġewwa l-Kumitat għandhom jiġu peżati bil-mod stabbilit f'dak l-Artikolu. Il-President m' għandux jivvota.
4.  Il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri previsti jekk dawn ikunu konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat.
5.  Jekk il-miżuri previsti ma jkunux konformi ma" l-opinjoni tal-Kumitat, jew fin-nuqqas ta" opinjoni, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien tagħti proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u din għandha tinforma lill-Parlament Ewropew.
6.  Il-Kunsill jista" jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata dwar il-proposta, fi żmien tliet xhur mid-data ta" referenza lill-Kunsill.
Jekk f'dan il-perjodu l-Kunsill ikun indika b'maġġoranza kwalifikata li huwa kontra l-proposta, il-Kummissjoni terġa" teżaminaha. Din tista" tagħti proposta emendata lill-Kunsill, terġa titfa" l-proposta tagħha jew tippreżenta proposta leġiżlattiva fuq il-bażi tat-Trattat.
Jekk, fl-għeluq tal-perjodu, il-Kunsill la jaddotta l-att ta' implimentazzjoni propost u l-anqas ma jindika oppożizzjoni għall- proposti tal-miżuri ta' implimentazzjoni, l-att ta' implimentazzjoni propost għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni.

L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat
PDF 282kWORD 121k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat (2008/2035(INI))
P6_TA(2008)0466A6-0365/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2007 bit-titolu L-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat (COM(2007)0628),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Settembru 2000 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar ix-xogħol mhux iddikjarat(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, adottata fil-laqgħa tal-Kunsill tat-22 ta' April 1999 dwar Kodiċi ta' Kondotta għal koperazzjoni mtejba bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-benefiċċji u tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali transnazzjonali u kontra x-xogħol mhux iddikjarat, u dwar ix-xogħol temporanju transnazzjonali tal-ħaddiema(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/85/KE tat-22 ta' Ottubru 1999 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE dwar il-possibilità li tkun applikata fuq bażi sperimentali rata mnaqqsa tal-VAT dwar servizzi ta' xogħol intensiv(3),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Jannar 2003 bit-titolu 'Il-Futur tal-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjieg (EES) - Strateġija għal impjieg sħiħ u impjiegi aħjar għall-kulħadd' (COM(2003)0006),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/578/KE(4) u 2005/600/KE(5) tat-22 ta' Lulju 2003 u tat-12 ta' Lulju 2005 dwar linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi fl-Istati Membri, u partikolarment il-linji gwida Nru 9 u 21,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar it-tibdil tax-xogħol mhux iddikjarat f'impjieg regolari(6),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta' Jannar 2006 għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 'Wasal iż-Żmien li Ningranaw – Is-sħubija l-ġdida għat-tkabbir u għall-impjiegi' (COM(2006) 0030),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/702/KE tas-6 ta' Ottubru 2006 dwar linji gwida strateġiċi Komunitarji dwar il-koeżjoni(7),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-8 ta' Frar 2006 bit-titolu 'Rapport dwar il-Funzjonament tal-Arranġamenti Transitorji li ġew stabbiliti fit-Trattat ta" Adeżjoni tal-2003' (il-perjodu bejn l-1 ta" Mejju 2004 u t-30 ta" April 2006) (COM(2006)0048),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol biex jiġu megħluba l-isfidi tas-seklu 21(9),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema(10),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi għal sanzjonijiet kontra dawk li jħaddmu ċittadini ta' pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż b'mod illegali, ippreżentata mill-Kummissjoni (COM(2007)0249),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2007 dwar prinċipji komuni tal-flessigurtà(11),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar ir-Riżultat tal-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni 'L-immodernizzar tas-suq tax-xogħol biex jintlaqgħu l-isfidi tas-Seklu 21' COM(2007) 0627,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida Integrati għat-tkabbir u l-impjiegi (2008-2010) (COM(2007)0803),

–   wara li kkunsidra l-Aġenda dwar ix-Xogħol Deċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO),

–   wara li kkunsidra l-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO u l-konvenzjonijiet u r-rakkommandazzjonijiet tagħha dwar l-amministrazzjoni tax-xogħol u l-ispezzjoni tax-xogħol, li huma kriterji ta' referenza internazzjonali biex ikun iggarantit li d-dispożizzjonijiet legali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ħarsien tal-ħaddiema jkunu applikati,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 143 dwar il-ħaddiema migranti (1975) u d-dispożizzjonijiet supplimentari tal-ILO dwar il-ħaddiema migranti, li jipprevedu l-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa u adatti kollha biex ikunu mrażżna l-movimenti klandestini tal-migranti biex isibu impjieg u tal-impjieg illegali tal-migranti; wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi, ċivili u penali fir-rigward tal-impjieg illegali tal-ħaddiema migranti,

–   wara li kkunsidra r-Rakkommandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar l-armonizzazzjoni tal-mezzi fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni illegali u l-impjieg illegali(12),

–   wara li kkunsidra r-Rakkommandazzjoni tal-Kunsill tat-27 ta' Settembru 1996 dwar l-impjieg illegali ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi(13),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Laqgħa informali tal-Ministri għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali f'Berlin, tat-18-20 ta' Jannar 2007, dwar 'ħidma tajba',

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib fil-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tax-Xogħol (EUROFOUND) dwar il-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat fl-Unjoni Ewropea(14),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 136 u 145 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0365/2008),

A.   billi x-xogħol mhux iddikjarat huwa fenomenu kumpless, li qed jiżdied f'bosta Stati Membri, minħabba li hu influwenzat minn għadd ta" fatturi ekonomiċi, soċjali, istituzzjonali u kulturali,

B.   billi x-xogħol mhux iddikjarat hu fattur partikolarment ta' tħassib u persistenti fis-swieq tax-xogħol Ewropej li jista' jaffettwa l-ekonomiji tal-Istati Membri u s-sostenibilità finanzjarja tal-mudell soċjali Ewropew billi jtellef it-tkabbir ekonomiku u l-politiki baġitarji u soċjali; billi, bl-istess mod, hu wkoll responsabbli għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern għaliex joħloq kompetizzjoni inġusta fir-rigward ta' Stati oħra u tal-impriżi;

C.   billi x-xogħol mhux iddikjarat hu l-fattur ewlieni wara d-dumping soċjali u hu għalhekk wieħed mill-kwistjonijiet ewlenin fir-rigward tal-modernizzazzjoni tal-liġi Komunitarja tax-xogħol,

D.   billi ħaddiema mhux assikurati jwasslu għal kompetizzjoni inġusta bejn dawk assikurati u dawk li mhumiex, u dan iwassal għal tagħwir akbar tad-drittijiet tal-ħaddiema,

E.   billi s-setturi l-aktar milquta mix-xogħol mhux iddikjarat huma dawk li jużaw xogħol intensiv bħall-biedja, il-kostruzzjoni u s-servizzi domestiċi, tal-akkomodazzjoni u tal-catering, li bħala fatturi tipiċi għandhom il-prekarjetà tal-impjieg u pagi ħżiena,

F.   billi x-xogħol mhux iddikjarat qed ikun inkoraġġit mir-riorganizzazzjoni industrijali fejn qed isiru subappalti, li jżidu l-ammont ta' ħaddiema li jaħdmu għal rashom, li xi drabi ma jkunux iddikjarati,

G.   billi x-xogħol mhux iddikjarat hu wkoll inkoraġġit minn livelli għolja ta' qgħad, faqar u impjiegi temporanji u prekarji, minħabba li f'sitwazzjoni bħal din il-ħaddiema jkunu mġiegħla iċedu kwalunkwe assikurazzjoni u drittijiet oħra,

H.   billi hemm rabta bejn il-migrazzjoni illegali u x-xogħol mhux iddikjarat u din hi raġuni oħra li għaliha l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom ikomplu jqisu metodu komuni għall-immigrazzjoni u l-possibilità li joffru aktar modi legali ta' migrazzjoni fl-Unjoni għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li jixtiequ jaħdmu,

I.   billi hemm possibilità akbar li l-immigranti, jew għall-inqas dawk li jsibu rwieħhom f'sitwazzjoni illegali, isiru ħaddiema mhux iddikjarati u li jaħdmu f'kundizzjonijiet ħżiena,

J.  J billi ċittadini ta' pajjiżi terzi impjegati illegalment huma aktar vulnerabbli għaliex faċilment jintbagħtu lura lejn pajjiżhom jekk jinqabdu,

K.   billi diversi Stati Membri għandhom nuqqas ta' ħaddiema kapaċi u lesti li jagħmlu xogħol partikolari li ma jeħtieġx ħafna ħiliet, pereżempju fis settur tal-agrikultura u tal-ortikultura,

L.   billi persuni li jagħtu servizzi domestiċi ħafna drabi jagħmlu xogħol mhux iddikjarat u numru kbir minnhom huma ħaddiema migranti, li ħafna minnhom jinsabu f'sitwazzjoni illegali u xi wħud huma vittimi ta' traffikar u ta' 'bonded labour',

M.   billi x-xogħol mhux iddikjarat mhux inkluż fil-bażi fiskali u jimmina l-fondi u d-distribuzzjoni tas-welfare soċjali u tas-servizzi pubbliċi, waqt li jillimita wkoll il-kapaċità tal-Istati Membri li joffru servizzi soċjali,

N.   billi x-xogħol mhux iddikjarat iċaħħad lill-fondi tal-assikurazzjoni minn sorsi ta' dħul ta' valur,

O.   billi ħaddiema li jagħmlu attività mhux iddikjarata m'għandhomx assikurazzjoni li tħares il-benessri tagħhom jew li tħarishom f'każi ta' mard jew ta' aċċident, u għalhekk huma esposti għal riskji sinjifikanti u telf finanzjarju,

P.   billi x-xogħol mhux iddikjarat jagħmilha impossibbli li tkun ikkontrollata l-konformità mad-dispożizzjonijiet tax-xogħol dwar sikurezza u saħħa, u dan jesponi lill-ħaddiema għal riskji kbar ta' saħħa u jippermetti lil min iħaddem biex ma jerfax ir-responsabilità,

Q.   billi, sabiex il-ġlieda kontra l-impjieg klandestin u illegali tkun effettiva, hu ferm importanti li l-mekkaniżmi ta' superviżjoni u dawk ta' sanzjoni jkunu msaħħa permezz ta' interventi koordinati tas-servizzi tal-ispettorat tax-xogħol, tal-awtoritajiet tat-taxxa u ta' l-imsieħba soċjali,

R.   billi x-xogħol mhux iddikjarat għandu riperkussjonijet negattivi fuq il-pilastri kollha tal-Istrateġija ta' Liżbona: impjieg għal kulħadd, kwalità u produttività fix-xogħol u koeżjoni soċjali,

1.  Jilqa' l-istrategija meħuda mill-Kummissjoni u jitlob ukoll li jkun hemm ġlieda mġedda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u l-ekonomija moħbija, li - għalkemm teżisti f'livelli differenti fost l-Istati Membri - jagħmlu ħsara lill-ekonomija, iħallu lill-ħaddiema mingħajr protezzjoni, huma ta' ħsara għall-konsumaturi, inaqqsu d-dħul mit-taxxi u jwasslu għal kompetizzjoni inġusta bejn l-impriżi;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-vastità ta' xogħol mhux iddikjarat, li jammonta għal madwar 20% jew aktar tal-GDP fi xi Stati Membri;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw li jtejbu l-inċentivi għal xogħol regolari, li jistgħu jinkludu żieda fil-faxxa li tkun ħielsa mit-taxxa u, għal min iħaddem, tnaqqis ta' spejjeż mhux relatati ma' pagi għal impjiegi legali;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinkludi x-xogħol mhux iddikjarat fost il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, prijorità li titlob azzjoni sinifikanti fuq il-livell Komunitarju u dak nazzjonali;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu b'aktar riformi fis-sistema tat-taxxa u tas-sigurtà soċjali, biex b'hekk inaqqsu l-piż tat-tassazzjoni fuq il-ħaddiema;

6.  Jinnota, madankollu, li jeżistu xi diffikultajiet biex il-linji gwida tal-politika Komunitarja dwar ix-xogħol mhux iddikjarat jinbidlu fi strumenti legali u istituzzjonali definiti sew u li jwasslu għal miżuri speċifiċi fl-Istati Membri individwali;

7.  Jinnota li hemm nuqqas kbir ta' simmetrija bejn l-istrumenti li l-Komunità tista' tuża biex timplimenta politiki għal xogħol ta' kwalità u dawk biex timplimenta politiki biex tissalvagwardja l-libertajiet tas-suq;

8.  Iqis li teħtieġ azzjoni b'approċċ komprensiv li tiġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat u li għandha tkopri kwistjonijiet relatati ma' sorveljar u kontroll, mal-qafas ekonomiku u istituzzjonali u mal-iżvilupp settorjali u territorjali, u li tinvolvi azzjoni miftiehma fuq diversi livelli u l-parteċipazzjoni ta' dawk kollha involuti (awtoritajiet pubbliċi, imsieħba soċjali, impriżi u ħaddiema);

9.  Jinnota r-rabta bejn żvilupp ekonomiku u produttiv li jinżamm lura u l-firxa ta' xogħol mhux iddikjarat; iqis li l-politiki ekonomiċi u tal-impjieg segwiti skont l-Istrateġija ta' Liżbona għandhom jinkorporaw azzjoni li tikkumbatti x-xogħol mhux iddikjarat; iqis, madankollu, li, sabiex ikun garantit li strateġija li tindirizza x-xogħol mhux iddikjarat tkun effettiva u tagħti riżultati pożittivi, jeħtieġu studji preċiżi li janalizzaw il-fatturi makroekonomiċi deċisivi u r-relazzjoni bejn is-swieq, il-mudelli ta' produzzjoni u l-firxa tax-xogħol mhux iddikjarat;

10.  Jitlob, għalhekk, biex ikun hemm azzjoni Komunitarja aktar proattiva u inċisiva li tiġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat, sabiex tassigura li l-immodernizzar tal-liġi tax-xogħol fl-Unjoni ma tkunx limitata biss għal-livell teoretiku imma tinbidel f'politiki effettivi u ta' kwalità għolja, u biex tassigura li tkun tista' tintlaħaq kwalità mtejba tal-impjieg f'kull każ, bi qbil mal-objettiv ta' 'xogħol deċenti';

11.  Iqis li l-qerda tax-xogħol mhux iddikjarat tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq l-effettività tal-istandards tax-xogħol u fuq ir-regolamenti tat-tassazzjoni u tas-sigurtà soċjali, u dan jimplika l-ħtieġa li jissaħħu r-riżorsi u l-azzjonijiet tad-diversi awtoritajiet nazzjonali responsabbli għal dawk il-materji kif ukoll il-ħtieġa li titjieb il-koordinazzjoni tagħhom u l-fluss ta' informazzjoni bejniethom;

12.  Jitlob strateġija sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat li tkun ibbażata fuq koperazzjoni b'saħħitha u effiċjenti u fuq koperazzjoni amministrattiva bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-gvern, l-ispettorati tax-xogħol u l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali u l-awtoritajiet tat-taxxa;

13.  Jenfasizza li x-xogħol mhux iddikjarat għandu diversi definizzjonijiet fis-sistemi legali nazzjonali u li definizzjoni komuni għall-Istati Membri tista' telimina l-inċertezzi fir-rigward tal-istħarriġ statistiku għal dan il-fenomenu; jinnota, f'dan il-kuntest, li d-definizzjoni użata fir-rapport tal-Kummissjoni, li tiddistingwi bejn attivitajiet legali u illegali, tista' tintuża bħala punt tat-tluq, waqt li wieħed iqis li l-vastità tal-fenomenu hi differenti fil-kwalità u fil-kwantità minn Stat Membru għall-ieħor;

14.  Jirrimarka li l-miżuri introdotti fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat se jitfgħu dawl fuq l-irregolaritajiet f'relazzjonijiet ta' impjieg dikjarat ibbażat fuq kuntratti legali;

15.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinfurzaw aħjar il-liġijiet tax-xogħol u l-istandards tax-xogħol attwali maħsuba kontra x-xogħol mhux iddikjarat; jemmen li l-Unjoni għandha tinvolvi ruħha aktar biex ikunu promossi koperazzjoni u koordinazzjoni akbar u aħjar bejn l-ispetturi tax-xogħol nazzjonali u dawk soċjali;

16.  Jinnota li t-tneħħija tal-ekonomija informali ma tistax tintlaħaq mingħajr l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ta' inċentivi xierqa; iqis li l-Istati Membri għandhom jirrapportaw, fil-kuntest tat-Tabella ta' Valutazzjonijiet ta' Liżbona, liema kisbiet ġew imwettqa b'riżultat tat-tnaqqis fid-daqs tal-ekonomija informali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti bil-għan li jkun żviluppat set ta' metodi ġeneralment aċċettati biex jiġi mkejjel ix-xogħol mhux iddikjarat ibbażat fuq skeda ta' data b'analiżi dwar il-ġeneru u s-settur, minħabba l-mod different sew li bih l-irġiel u n-nisa huma mqabbda jagħmlu xogħol mhux iddikjarat f'ħafna setturi, u l-effett indirett li dan iġib miegħu fuq id-differenza fil-ħlas bejn l-irġiel u n-nisa;

18.  Jenfasizza li hemm ħtieġa kbira li titwaqqaf pjattaforma fuq livell Komunitarju biex, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tinġabar l-informazzjoni meħtieġa biex issir bażi tad-data affidabbli li jkollha l-informazzjoni dwar ix-xogħol mhux iddikjarat fl-Unjoni, b'konsiderazzjoni xierqa għad-dimensjoni tal-ġeneru u partikolarment għas-sitwazzjoni tan-nisa;

19.  Jenfasizza li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fejn għandu x'jaqsam ix-xogħol mhux iddikjarat, imma meta mqabbla mal-irġiel, madankollu, iwasslu għal proporzjon akbar ta' impjiegi f'għadd ta' oqsma li huma tradizzjonalment marbuta man-nisa fis-suq tax-xogħol, bħas-servizz domestiku, xogħol fil-lukandi u r-ristoranti u fil-kura tas-saħħa, li huma kkaratterizzati minn ħiliet baxxi, sigurtà fqira fl-impjieg, pagi baxxi u bi ftit jew l-ebda ħarsien soċjali, li jagħmilhom f'pożizzjoni partikolarment vulnerabbli;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tistabblixxi bażi tad-data li jkollha l-metodi u l-metodoloġiji differenti użati biex jitkejjel ix-xogħol mhux iddikjarat mill-Istati Membri bil-għan li jkun promoss il-qsim tal-prattiki tajba u t-trasferiment tat-tagħrif u li jkunu evalwati l-fattibilità u t-trasferabilità tal-miżuri implimentati;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal politiki li jipprovdu kemm għal miżuri ġenerali u kemm għal miżuri settorjali li jilqgħu kontra x-xogħol mhux iddikjarat, li jiffunzjonaw bl-involviment sħiħ ta' l-imsieħba soċjali u b'referenza speċjali għas-setturi l-aktar milquta, bħall-industrija tal-lukandi u tal-catering, il-biedja, is-servizzi domestiċi u l-industrija tal-kostruzzjoni; jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għas-sitwazzjoni speċifika tas-settur tal-kura fid-dar, fejn hemm konċentrazzjoni kbira ta' nisa li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi u, f'ħafna każi, mhux legalment residenti fl-Unjoni;

22.  Jinnota li x-xogħol mhux iddikjarat jista' jkun evitat billi jkunu rikonoxxuti l-istandards u l-kundizzjonijiet nazzjonali dwar sikurezza fil-post tax-xogħol stabbiliti fi ftehimiet bilaterali u trilaterali bejn l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali, u li dan l-isforz ikun imsaħħaħ permezz ta' koperazzjoni u skambji ta' informazzjoni bejn l-imsieħba soċjali;

23.  Jistieden lill-Istati Membri biex inaqqsu l-attrazzjoni ekonomika tax-xogħol mhux iddikjarat billi jiżguraw li s-sistemi tat-taxxa u ta' ħarsien soċjali tagħhom ikunu sempliċi, trasparenti u aċċessibbli kemm jista' jkun, b'politiki effiċjenti biex jinħolqu postijiet tax-xogħol aktar u aħjar;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi lill-Istati Membri statut ta' qafas għal miżżewġin jew membri tal-familja li jgħinu fin-negozju tal-familja li għandu jiżgura s-sħubija tagħhom fi skema tas-sigurtà soċjali, kif diġà mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 1997 dwar is-sitwazzjoni tal-miżżewwġin li jgħinu lill-ħaddiema li jaħdmu għal rashom(15);

25.  Jirrimarka li t-tmexxija ta' familja fiha nnifisha tirrapreżenta impriża tal-familja u wieħed għandu jikkunsidra l-fatt li jkun rikonoxxut ix-xogħol atipiku tal-familja u jkun inkluż fi skema tas-sigurtà soċjali;

26.  Jemmen li kwalunkwe riforma tas-sistemi tal-politiki ekonomiċi u tat-taxxa u tal-ħarsien soċjali fl-Istati Membri mill-Istati Membri għandha tkun integrata u għandhom ikunu meqjusa l-kawżi ewlenin tax-xogħol mhux iddikjarat;

27.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu inċentivi qawwija għal dawk li jaħdmu biex ix-xogħol mhux iddikjarat jitqiegħed fuq bażi ekonomika formali u jemmen li kuntratti atipiċi jistgħu f'dan il-kuntest ikollhom sehem biex, fuq naħa, il-ħaddiema ma jibqgħux jagħmlu xogħol illegali u fuq naħa oħra tiżdied l-istabilità tax-xogħol;

28.  Jistieden lill-Istati Membri biex idaħħlu penali qawwija fuq min iħaddem meta, minkejja l-inċentrivi offruti, ikompli jagħmel użu minn xogħol mhux iddikjarat;

29.  Jinkoraġixxi lill-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-għodod tal-politika li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom u jgħaqqdu flimkien azzjoni preventiva u sanzjonijiet bil-għan li jbiddlu x-xogħol mhux iddikjarat f'impjieg regolari, u, fejn hu possibbli, jikkoordinaw l-użu ta' dawn l-għodod biex tintlaħaq koerenza akbar fis-suq intern;

30.  Jinnota l-irwol importanti li għandhom l-imsieħba soċjali f'ħafna Stati Membri fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu aktar appoġġ u inkoraġġiment lill-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u lit-trejdunjins f'din il-ġlieda; jinnota bi tħassib li l-ħaddiema li jagħmlu xogħol mhux iddikjarat ħafna drabi jsibu ruħhom mhux protetti minn leġiżlazzjoni importanti dwar is-saħħa u s-sikurezza u minn leġiżlazzjoni dwar il-paga minima u huma mċaħħda mill-għażla li jissieħbu fi trejdunjin; jitlob, b'mod partikolari, biex tissaħħaħ il-leġiżlazzjoni attwali dwar il-paga minima f'kull Stat Membru u jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għad m'għandhomx paga minima deċenti sabiex jikkunsidraw li jadottaw waħda, bi ftehim ma' l-imsieħba soċjali u bi qbil mal-prattiki nazzjonali;

31.  Jitlob biex miżuri dwar xogħol regolari jkunu evalwati u promossi fil-livell adatt, bi ftehim ma' l-imsieħba soċjali, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba f'diversi Stati Membri, sabiex jippermettu lil dawk li huma involuti f'attivitajiet mhux iddikjarati li jirregolaw il-prattiki tagħhom, bi qbil mal-aħjar prattiki regolatorji attwali li diġà kienu effettivi;

32.  Jiġbed l-attenzjoni għal servizz ta' skemi ta' voucher fil-Belġju, fil-Ġermanja u fi Franza, fejn il-familji jistgħu jixtru servizzi tad-djar bi prezz irħas imma jassiguraw li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u t-taxxi jitħallsu permezz tal-voucher;

33.  Jemmen bis-sħiħ li l-infurzar tal-liġi dwar ir-relazzjonijiet ta' impjieg mhux iddikjarat għandu dejjem jinkludi l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, bil-kundizzjoni li l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-passi biex jiffaċilitaw il-ħlasijiet minn min iħaddem;

34.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw strateġiji speċifiċi skont is-settur meta jieħdu azzjonijiet politiċi li jikkonċernaw ir-regolarizzazzjoni ta' xogħol mhux iddikjarat;

35.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li jitressqu proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej kontra dawk l-Istati Membri li għadhom ma daħħlux fil-liġi nazzjonali r-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki miksuba fl-Istati Membri l-ġodda; jistieden lill-Istati Membri biex jonoraw l-obbligi tagħhom minnufih;

36.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li applikaw arranġamenti tranżitorji għall-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-Unjoni biex jiftħu s-swieq tax-xogħol tagħhom għal ħaddiema mill-Istati Membri l-ġodda, minħabba li kwalunkwe restrizzjoni - anke dawk parzjali - dwar l-aċċess għas-suq tax-xogħol, mhux biss tmur kontra l-prinċipji li fuqhom twaqqfet l-Unjoni u l-ispirtu Ewropew imma wkoll tagħti bidu għal żieda fit-tfittxija ta' xogħol mhux iddikjarat u toħloq żbilanċi territorjali; f'dan il-kuntest, jemmen li hu importanti ferm li jkun implimentat il-prinċipju tad-drittijiet indaqs għall-ħaddiema u li jkun hemm azzjoni kontra kompetizzjoni inġusta u dumping soċjali;

37.  Jikkunsidra li, fil-każ ta' ħaddiema li qed jibbenefikaw mid-dritt tal-moviment ħieles, ix-xogħol mhux iddikjarat tagħhom jista' jkun ġej minn nuqqas ta' tagħrif dwar id-dispożizzjonijiet relevanti; jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex iwettqu kampanji ta' informazzjoni pubblika biex ikabbru l-għarfien ta' dan is-suġġett fost il-ħaddiema u min iħaddem;

38.  Hu tal-opinjoni li s-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piżijiet u tal-proċeduri amministrattivi, speċjalment għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, inaqqas l-użu ta' xogħol mhux iddikjarat u jippromwovi l-attività ta' kummerċ fl-Unjoni;

39.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali relevanti biex iħeġġu l-użu tal-e-government u tar-reġistrazzjoni online, u biex jagħmlu skambji ta' prattiki tajba bl-għan li jonqsu l-ispejjeż u l-komplessità tal-proċeduri amministrattivi u tar-reġistrazzjoni għan-negozju u, b'mod partikulari, għall-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju, pereżempju billi jnaqqsu l-għadd ta' formoli tat-taxxa, permezz ta' l-użu ta' sistemi fejn id-dħul tad-data jsir f'daqqa, skema waħda ta' ħlas, u one-stop shops;

40.  Hu tal-opinjoni li spezzjonijiet u sanzjonijiet fuq il-post għandhom jiddaħħlu direttament u l-Istati Membri jingħataw l-ispazju meħtieġ għal azzjoni biex irażżnu l-ammont ta' xogħol mhux iddikjarat;

41.  Jesprimi talba biex il-kuntratturi jinżammu responsabbli wkoll għal kull irregolarità kontributorja min-naħa ta' subappaltaturi li huma konnessi magħhom bi ftehima ta' subappalt dirett;

42.  Jenfasizza li l-għadd ta' każijiet ta' xogħol mhux iddikjarat f'katini subkuntrattwali jista' jonqos permezz ta' sistema ta' dispożizzjonijiet nazzjonali li titlob lill-kuntratturi u l-iżviluppaturi biex ikunu aktar responsabbli u ġusti;

43.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-imsieħba soċjali u lill-parteċipanti ewlenin oħra fis-suq tax-xogħol biex jinkoraġġixxu responsabilità soċjali korporata (CSR) u modi oħra simili li jiġġieldu x-xogħol mhux iddikjarat;

44.  Jistieden lill-Istati Membri biex jużaw metodi innovattivi bbażati fuq indikaturi u kriterji ta' referenza speċifiċi għas-setturi differenti tan-negozju biex jiġġieldu kontra x-xogħol mhux iddikjarat u t-tgħawwir fiskali; jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat;

45.  Jirrimarka li, jekk ma tkunx segwita minn koordinazzjoni aħjar bejn l-Istati Membri, politika li hi esklussivament punittiva tista' tikkonċentra x-xogħol mhux iddikjarat fl-Istati li huma inqas strutturati u f'ekonomiji inqas regolati;

46.  Hu ferm favur il-konklużjoni ta' ftehimiet f'livelli reġjonali, nazzjonali u lokali li jipprovdu reazzjoni progressiva u settorjali għax-xogħol illegali u jinkoraġġixxu miżuri li jipprovdu soluzzjonijiet effettivi għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tipproponi lill-Istati Membri u lill-parteċipanti soċjali u ekonomiċi involuti fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat biex jaħdmu 'patt li jiddikjara dak li mhux iddikjarat', ippjanat biex l-attivitajiet mhux iddikjarati gradwalment joħorġu fid-deher; jemmen li dan il-patt għandu jipprovdi għal perjodu tranżitorju limitat, li fih ma jkunx hemm sanzjonijiet, u li wara li jispiċċa, madankollu, jidħlu fis-seħħ mekkaniżmi ta' sanzjoni aktar qawwija;

48.  Jitlob għal azzjoni aktar qawwija fil-ġlieda kontra reklutaġġ mhux iddikjarat mill-impriżi kollha, irrispettivament fejn qed issir l-attività tagħhom u jinnota li l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2005/214/JHA tal-24 ta' Frar 2005 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku tal-penali finanzjarji(16) tista' ttejjeb is-sitwazzjoni;

49.  Jitlob li jkun hemm rispett ikbar u iktar effettiv għad-dritt għax-xogħol u għar-regoli ta" impjieg eżistenti, bħala mod kif tiġi promossa l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti u l-applikazzjoni tal-liġijiet Komunitarji, b'mod partikolari dawk stipulati fid-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta" Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-kuntest tal-provvediment tas-servizzi(17), mill-ewwel ġurnata tal-istazzjonar, fuq il-bażi ta" interpretazzjoni kongruwenti tad-Direttiva li tbiddel it-tendenza li tkun interpretata b'tali mod li tnaqqas it-trattament tal-ħaddiema lejn standards minimi bażiċi;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi d-Direttiva 96/71/KE, u b'mod partikolari biex issaħħaħ il-koperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (spetturi tal-post tax-xogħol, awtoritajiet fiskali u entitajiet tas-sigurtà soċjali) sabiex ikun evitat xogħol mhux iddikjarat u tkun rimedjata s-sitwazzjoni;

51.  Jagħti parir li għandu jkun hemm rabtiet bejn spettorati nazzjonali tax-xogħol u miżuri li jinkoraġġixxu skambji tal-aħjar prattiki fil-livell tal-Komunità bħala reazzjoni għal xogħol mhux iddikjarat;

52.  Jistieden lill-Istati Membri biex jintroduċu proċeduri ta" spezzjoni iktar stretti u kontrolli iktar severi, minħabba li dawn tal-aħħar saru iktar laxki f'numru ta" pajjiżi;

53.  Jittama li l-Unjoni tista" tilgħab irwol ikbar fil-promozzjoni ta" koperazzjoni u koordinazzjoni ikbar u aħjar bejn l-ispettorati tax-xogħol, billi jissaħħu r-riżorsi ekonomiċi u teknoloġiċi ta" servizzi ta" spezzjoni, billi jkunu intensifikati miżuri li jippermettu spettorati tax-xogħol biex jaħdmu flimkien u billi jiġu żviluppati sistemi ICT għall-użu komuni tagħhom, b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar il-fattibilità fl-istabbiliment ta" xi forma ta" struttura Komunitarja permanenti għall-koperazzjoni transkonfinali li tiġbor flimkien l-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra xogħol mhux iddikjarat;

54.  Jitlob li jkun hemm koperazzjoni u qsim ta" informazzjoni ikbar bejn l-Istati Membri fi sforz biex jiġi studjat il-fenomenu tax-xogħol mhux iddikjarat u biex jiġu stabbiliti r-riżultati miksuba u dawk li ma kinux mistennija;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra jekk is-sistemi stabbiliti permezz tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(18), fosthom punti ta' kuntatt waħdieni, jistgħux ikunu utli u operattivi għall-għanijiet tal-glieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat;

56.  Jilqa" b'sodisfazzjon it-twaqqif ta" kumitat ta" livell għoli biex jassisti lill-Istati Membri fl-identifikazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki rigward il-monitoraġġ u t-titjib tal-leġiżlazzjoni għall-ħaddiema stazzjonati;

57.  Jinsab favur reazzjoni iktar b'saħħitha għal xogħol mhux assigurat u favur miżuri li jinkoraġġixxu koperazzjoni u skambji ta" opinjonijiet u l-aħjar prattiki mit-trejdunjins fl-UE;

58.  Huwa tal-opinjoni li hemm bżonn li titqajjem kuxjenza fost min iħaddem, il-ħaddiema, l-utenti potenzjali ta" xogħol mhux iddikjarat u l-organizzazzjonijiet soċjali kollha tar-riskji u l-ispejjeż ta" xogħol mhux iddikjarat u tal-benefiċċji li dan ix-xogħol ikun eliminat jew regolarizzat;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iniedu kampanja ta' informazzjoni diretta lejn min iħaddem u lejn il-ħaddiema, bl-għan li tiġbed l-attenzjoni għar-regoli u r-regolamenti minimi applikabbli tal-Komunità u għall-effetti ħżiena li x-xogħol mhux iddikjarat għandu fuq il-finanzi pubbliċi, fuq is-sistemi ta' sigurtà soċjali nazzjonali, fuq il-kompetizzjoni ġusta, fuq il-prestazzjoni ekonomika u fuq il-ħaddiema nfushom;

60.  Jitlob li jkun hemm kampanji permanenti dwar il-prevenzjoni ta" xogħol mhux iddikjarat, permezz ta" informazzjoni u ta" inizjattivi li jqajmu kuxjenza fil-livell Komunitarju, nazzjonali u lokali, bl-involviment tal-imsieħba soċjali, tal-awtoritajiet pubbliċi, tal-kmamar tal-kummerċ u taċ-ċentri għall-impjieg, tal-iskejjel, tal-kunsilli lokali u tad-diversi sistemi ta" kontroll u kastig;

61.  Iqis li kampanji permanenti bħal dawn għandhom jakkumpanjaw id-diversi miżuri adottati bil-għan li tissawwab kultura ta" legalità u li jkun promoss xogħol ta' kwalità u kultura ta' negozju legali u jistieden lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet relevanti u lill-istrutturi tas-soċjetà ċivili biex jgħaqqdu l-isforzi tagħhom u joħolqu ċirkustanzi ta" intolleranza lejn xogħol mhux iddikjarat u lejn bidla fl-opinjoni pubblika dwar dan is-suġġett;

62.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom bżonn jallokaw aktar fondi pubbliċi biex tinħoloq kuxjenza pubblika, fost l-oħrajn mill-Fond Soċjali Ewropew jew mill-Programm Komunitarju għall-Impjiegi għas-Solidarjetà Soċjali - PROGRESS; jissuġġerixxi li l-attivitajiet biex tinħoloq kuxjenza għandhom jenfasizzaw is-sanzjonijiet, l-ispejjeż, ir-riskji tax-xogħol mhux iddikjarat u l-benefiċċji ta' xogħol iddikjarat, filwaqt li dan il-ħolqien ta' kuxjenza jkun konformi mal-għanijiet ewlenin tal-Istrateġija ta' Liżbona għat-tkabbir u l-impjiegi; jistieden lill-imsieħba soċjali biex ikollhom irwol attiv f'dan il-proċess;

63.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jiffirmaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji Tagħhom;

64.  Huwa tal-opinjoni li sabiex ikun miġġieled il-fenomenu ta" xogħol mhux iddikjarat, hemm bżonn ta" strumenti lokali u Komunitarji għall-ipprogrammar li jippermettu appoġġ kemm ekonomiku kif ukoll soċjali, li jiġu segwiti politiki għall-iżvilupp u li tittieħed azzjoni ta" kontroll u ta" kastig;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-possibilità li l-ġlidiet kontra x-xogħol mhux iddikjarat ikunu akkumpanjati minn politiki finanzjarji li jappoġġjaw pjanijiet reġjonali u lokali;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa strument pilota għall-Istati Membri bbażat fuq prattiki tajbin li jeżistu f'xi Stati Membri u mudelli bħal dawk żviluppati mill-proġett 2 Plus fil-Lussemburgu (kofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew taħt il-Programm Objettiv 3) immirat biex jikkontrolla x-xogħol mhux iddikjarat billi jagħmlu inqas attraenti permezz ta":

   simplifikazzjoni sinifikanti ħafna tar-rekwiżiti amministrattivi imposti fuq min iħaddem, filwaqt li tkun żgurata l-kopertura tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema,
   rati tat-taxxa attraenti għal min iħaddem, inkluż it-tnaqqis ta' spejjeż li jikkonċernaw fost affarijiet oħra x-xogħol lokali,
   eżenzjoni mit-taxxa għax-xogħol kollu mwettaq għal paga inqas mill-ammont li għandu jkun determinat mill-Istat Membru;

67.  Huwa tal-opinjoni li jeħtieġ li tkun studjata u evalwata l-possibilità li tingħata għajnuna Statali li tkun eżentata mir-rekwiżit tan-notifika sabiex ikun indirizzat il-fenomenu ta" xogħol mhux iddikjarat billi tkun interpretata b'mod ġenerali l-espressjoni "ħolqien ta" xogħol" u t-tifsira ta" "ħolqien ta" impjieg regolari"; jiġbed l-attenzjoni li xogħol mhux iddikjarat mhux ekwivalenti għal impjieg kif suppost u għalhekk kwalunkwe inċentiv li jiżgura r-regolarità tiegħu jista" jitqies bħala "għajnuna għall-ħolqien ta" impjieg";

68.  Jiġbed l-attenzjoni għal pożizzjoni ġeneralment iktar dgħajfa tan-nisa fis-suq tax-xogħol li ħafna drabi hija kawża tal-obbligi familjari tagħhom u li bħala riżultat, l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol uffiċjali huwa ostakolat, jitħallsu inqas u jaċċettaw iktar malajr xogħol li mhux iddikjarat, b'tali mod li huma jippreġudikaw id-dritt tagħhom li jkollhom xogħol diċenti, dritt li huwa appoġġjat b'mod sħiħ mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, b'mod partikolari fil-każ tan-nisa tad-dar, l-immigranti illegali u n-nisa li xi drabi jikkombinaw xogħol imħallas ħażin ma' xogħol mhux iddikjarat; jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi serji li jirriżultaw għall-avvanz tal-karriera u għall-prospetti tal-irtirar tan-nisa, iżda wkoll għall-iffunzjonar tajjeb tas-suq tax-xogħol u għall-kapaċità biex ikunu ffinanzjati skemi tas-sigurtà soċjali;

69.  Huwa tal-opinjoni li politika li tirrikonoxxi l-liv tal-maternità u l-liv parentali bħala ħin tax-xogħol u t-tkomplija tal-ħlas tas-salarji matul dawn il-perjodi, se tnaqqas il-konsegwenzi negattivi tal-obbligi tal-familja u se tikkontribwixxi kemm għall-avvanz fil-karriera tan-nisa, kif ukoll għall-iffunzjonar tajjeb tas-suq tax-xogħol;

70.  Jitlob li jkun hemm iffinanzjar ta" proġetti ta" riċerka dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u dwar attivitajiet promozzjonali mmirati lejn il-prevenzjoni u t-tixrid ta" kultura dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, b'referenza partikolari għal dawk is-setturi li għandhom riskju għoli ta" inċidenti, li fihom xogħol mhux iddikjarat huwa aktar prevalenti; iqis li r-relazzjoni bejn inċidenti fuq il-post tax-xogħol u xogħol illegali għandhom jiġu investigati fuq il-bażi tad-data dwar il-fatalitajiet;

71.  Iqis li politika xierqa dwar it-taħriġ hija l-ewwel pass fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat;

72.  Jirrakkomanda li jintlaħaq ftehim fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali li jinvolvi istituzzjonijiet soċjali u organizazzjonijiet ta' min iħaddem li qed jimpenjaw irwieħhom li jimmonitorjaw u b'mod progressiv jeliminaw ix-xogħol mhux iddikjarat.

73.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tipprovdi sanzjonijiet kontra min iħaddem ċittadini ta' pajjiżi terzi li qed joqogħdu fil-pajjiż b'mod illegali, iżda jiddispjaċih għan-nuqqas ta' miżuri kontra l-isfruttar taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi li qed joqogħdu b'mod legali fl-UE;

74.  Jenfasizza l-impatt sinifikanti fuq ix-xogħol mhux iddikjarat tal-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-provvediment ta" sanzjonijiet kontra min iħaddem b'mod illegali ċittadini residenti ta" pajjiżi terzi, u jesprimi t-tħassib tiegħu li jiġu introdotti miżuri ripressivi qabel ma jkunu stipulati qafas ta" regoli komuni u politiki dwar aċċess b'mod legali għas-suq tax-xogħol;

75.  Jinnota l-progress li sar fi ħdan il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar proċedura unika ta' applikazzjoni għall-permess uniku li jawtorizza liċ-ċittadini minn pajjiżi terzi biex joqogħdu u jaħdmu fit-territorju ta' Stat Membru u dwar it-twaqqif ta" bażi komuni ta' drittijiet għall-ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi terzi li joqogħdu b'mod legali fi Stat Membru (COM(2007)0638), iżda jiddispjaċih li għad fadal ħafna xogħol xi jsir qabel ma jiġu garantiti d-drittijiet miġbura fl-Artikoli 27 sa 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

76.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri ħalli jtaffu l-vulnerabilità partikolari tal-popolazzjoni tal-immigranti f'xogħol mhux iddikjarat;

77.  Huwa tal-opinjoni li l-kwistjoni tal-impjieg ta" immigranti f'sitwazzjoni illegali hija waħda kumplessa li ma tistax tkun solvuta biss billi jkun ikkastigat min iħaddem, iżda hija wkoll sitwazzjoni li titlob miżuri diversi u intersettorjali; b'mod partikolari jemmen li jeħtieġ li tkun żgurata l-konformità mal-linji gwida tal-ILO dwar appoġġ għal ħaddiema migranti li qed ifittxu li jiżguraw li d-drittijiet tagħhom huma rispettati;

78.  Jemmen li l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat għandha bżonn strateġija komprensiva li għandha tikkunsidra l-ħtieġa li jkunu ssalvagwardjati u promossi d-drittijiet tal-ħaddiema immigranti, sew jekk ikunu legali kif ukoll illegali, li huma sfruttati minn dawk li jħaddmuhom;

79.  Iqis li l-ġlieda kontra x-xogħol mhux iddikjarat li jagħmlu l-immigranti illegali ma tistax titmexxa b'mod effiċjenti mingħajr il-ftuħ ta' kanali ta' migrazzjoni legali sabiex ikunu garantiti ħaddiema minn pajjiżi terzi li l-Unjoni Ewropea għandha bżonn, kemm jekk ikollhom kwalifiki għolja kif ukoll jekk ikunu inqas kwalifikati;

80.  Iqis li l-ġlieda kontra l-ekonomija informali li qed tikber u b'mod parikolari kontra l-isfruttar ta" ħaddiema migranti f'sitwazzjoni illegali, tista" tkun ibbażata mhux biss fuq politika ta" ripatrijazzjoni, iżda wkoll fuq strumenti u mekkaniżmi li jevitaw u li jikkumbattu l-isfruttar tal-ħaddiema migranti, filwaqt li jsir provvediment għar-rikonoxximent u r-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem;

81.  Jistieden lill-Istati Membri kollha biex jiffirmaw u jirratifikaw b'mod urġenti l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Azzjoni kontra l-Ittraffikar Illegali tal-Persuni;

82.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiċċaraw jew isaħħu l-miżuri leġiżlattivi xierqa biex jinkoraġġixxu lill-migranti li huma vittmi ta' sfruttament biex jiddenunzjaw is-sitwazzjoni tagħhom, u dan jiffaċilita, b'mod partikulari, il-ġlieda aktar effikaċi kontra x-xogħol mhux iddikjarat.

83.  Huwa tal-fehma li għandu jkun hemm proċeduri finanzjarji, fiskali u spezzjoni tax-xogħol ikkombinati sabiex jiġi miġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi koperazzjoni amministrattiva u l-skambju ta' prattiki tajba fil-ġlieda kontra l-ekonomija informali fil-livell Komunitarju;

85.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 146, 17.5.2001, p. 102.
(2) ĠU C 125, 6.5.1999, p. 1.
(3) ĠU L 277, 28.10.1999, p. 34.
(4) ĠU L 197, 5.8.2003, p. 13.
(5) ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.
(6) ĠU C 260, 29.10.2003, p. 1.
(7) ĠU L 291, 21.10.2006, p.11.
(8) ĠU C 102E, 24.4.2008, p.321.
(9) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 401.
(10) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 452.
(11) Testi adottati, P6_TA(2007)0574.
(12) ĠU C 5, 10.1.1996, p. 1.
(13) ĠU C 304, 14.10.1996, p.1.
(14) http://www.eurofound.europa.eu/pubdocs/2008/13/en/1/ef0813en.pdf
(15) ĠU C 85, 17.3.1997, p. 186.
(16) ĠU L 76, 22.3.2005, p. 16.
(17) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
(18) ĠU L 376, 27.12.2006, p.36.


Promozzjoni ta" l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar
PDF 398kWORD 170k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-Promozzjoni ta" l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE (2008/2034(INI))
P6_TA(2008)0467A6-0364/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immodernizzar tal-protezzjoni soċjali għal iżjed ġustizzja soċjali u koeżjoni ekonomika: titmexxa "l quddiem l-inklużjoni attiva tan-nies l-iktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol, (COM(2007) 0620),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni rigward konsultazzjoni għal azzjoni fuq livell ta" l-UE biex tiġi promossa l-inklużjoni attiva tan-nies li huma l-aktar 'il bogħod mis-suq tax-xogħol (COM(2006)0044) u r-Rapport ta' Sinteżi mis-Servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-riżultati ta' dik il-konsultazzjoni,

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tal-24 ta" Ġunju 1992 dwar kriterji komuni li jikkonċernaw riżorsi u assistenza soċjali suffiċjenti fis-sistemi ta" ħarsien soċjali(1), u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/442/KEE tas-27 ta" Lulju 1992 dwar il-konverġenza bejn l-objettivi u l-politiki tal-ħarsien soċjali(2),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-paga ekwa (COM(1993)0388),

–   wara li kkunsidra l-programmi nazzjonali ta" riforma ta" Liżbona, ir-rapporti nazzjonali dwar l-istrateġiji għall-ħarsien soċjali u l-inklużjoni soċjali 2006-2008 u l-aġġornamenti tal-2007 kif imressaq mill-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2008 (COM(2008)0042) u r-Rapport Konġunt għall-Impjiegi 2007/2008, adottat mill-Kunsill fit-13 u l-14 ta" Marzu 2008,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Grupp ta" Ħidma tal-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali dwar il-Faqar tat-Tfal u l-Benessri fl-UE, ta" Jannar 2008,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tan-NU tal-1966,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 16, 18, 23, 25, 26 u 29 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti A/RES/46/121, A/RES/47/134, A/RES/47/196, A/RES/49/179 u A/RES/50/107,

–   wara li kkunsidra d-dokumenti tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti E/CN.4/Sub.2/1996/13, E/CN.4/1987/NGO/2, E/CN.4/1987/SR.29 u E/CN.4/1990/15, E/CN.4/1996/25 u E/CN.4/Sub.2/RES/1996/25,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata fl-1979,

–   wara li kkunsidra l-Objettivi tal-Millenju għall-Iżvilupp tan-NU tal-2000, b'mod partikulari l-eliminazzjoni tal-faqar u l-ġuħ (l-ewwel objettiv), il-kisba ta' edukazzjoni bażika universali (it-tieni objettiv) u ta' opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa (it-tielet objettiv) u l-ħarsien tal-ambjent (is-seba' objettiv),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tan-NU tal-1989, u l-Protokoll Fakultattiv dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u l-Familji tagħhom tan-NU tal-1990,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta" Azzjoni Internazzjonali tan-NU dwar ix-Xjuħija 2002,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità tan-NU tal-2006 u l-Protokoll Fakultattiv tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-ILO Nru 26 u Nru 131 dwar l-iffissar tal-paga minima,

–   wara li kkunsidra l-aġenda tan-NU u tal-ILO dwar xogħol diċenti,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-promozzjoni tax-xogħol deċenti għal kulħadd: Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni tal-aġenda dwar xogħol deċenti fid-dinja' (COM(2006)0249) u tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta' Mejju 2007 li tippromwovi xogħol deċenti għal kulħadd(3),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Laqgħa Informali tal-Ministri għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali f'Berlin dwar ''Xogħol Tajjeb'' tat-18, 19 u l-20 ta' Jannar 2007,

–   wara li kkunsidra l-artikoli 34, 35 u 36 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jiddefinixxu b'mod speċifiku d-dritt għall-għajnuna soċjali u għall-akkomodazzjoni, livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u l-aċċess għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali,

–   wara li kkunsidra l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali għall-Ħaddiema tal-1989 u l-Karta Soċjali Ewropea Riveduta tal-Kunsill tal-Ewropa tal-1996,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-imsieħba soċjali Ewropej fir-rapport intitolat, "Sfidi Ewlenin li qed Jiffaċċjaw is-Swieq tax-Xogħol Ewropej: Analiżi Konġunta tal-imsieħba Soċjali Ewropej", tat-18 ta" Ottubru 2007,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità(4) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-28 t'April 2005 dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Unjoni Ewropea(5),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għal trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta" Ġunju 2003 dwar l-applikazzjoni tal-metodu miftuħ ta" koordinazzjoni(7),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Inventarju tar-realtà soċjali – Rapport temporanju għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa 2007" (COM(2007)0063) u tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta" Novembru 2007 dwar l-Inventarju tar-realtà soċjali(8),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal" (COM (2006)0367) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament dwarha tas-16 ta' Jannar 2008(9), b'mod partikulari l-paragrafi 94 sa 117 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Impenn Imġedded għal Ewropa Soċjali: Nirrinforzaw il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali" (COM(2008)0418),

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali (2010) (COM(2007)0797), u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha, adottata fis-17 ta" Ġunju 2008(10),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tat-22 ta" April 2008 dwar it-tmiem tal-problema ta" persuni li m'għandhomx fejn joqogħdu(11),

–   wara li kkunsidra s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet miġbura fid-dokument prominenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU fuq Studju dwar il-Vjolenza fuq it-Tfal fl-2006, skond liema studju l-inugwaljanzi ekonomiċi u l-esklużjoni soċjali huma fost il-fatturi ta" riskju għalt-trattament ħażin tat-tfal,

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-9 ta" Lulju 2008, intitolata "Programm ta" Azzjoni Soċjali Ewropew Ġdid",

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta" Ġunju 2008 intitolata "Inklużjoni Attiva",

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Lejn Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija" (COM(2007)0386),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 136 sa 145 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0364/2008),

A.   billi l-Kunsill Ewropew ta" Nizza tas-7, 8 u d-9 ta" Diċembru 2000 stabbilixxa l-objettiv tal-UE li tikseb tnaqqis deċiżiv u li jista" jitkejjel fil-faqar u fl-esklużjoni soċjali sas-sena 2010; billi l-progress lejn dak l-objettiv għandu jitjieb,

B.   billi l-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u tal-24 ta" Marzu 2000 qabel li għandu jiġi eliminat il-faqar tat-tfal fl-Ewropa sal-2010,

C.   billi l-Kunsill Ewropew ta' Nizza mis-7 sad-9 ta" Diċembru 2000 stieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li jingħata segwitu għar-rakkomandazzjoni tal-1992 dwar ir-riżorsi minimi garantiti li għandhom jiġu pprovduti mis-sistemi għall-protezzjoni soċjali,

D.   billi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tirrikonoxxi "d-dritt bażiku ta" persuna li jkollha biżżejjed riżorsi u assistenza soċjali biex tgħix b'mod kompatibbli mad-dinjità tal-bniedem";

E.   billi l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali għall-Ħaddiema tal-1989 tirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiem li jkollu "paga ekwa"; billi l-Parlament tal-1993 u l-Kummissjoni qiesu l-ħtieġa għal politiki kkoordinati dwar il-pagi minimi sabiex jiġi implimentat dan id-dritt tal-ħaddiema għal paga "suffiċjenti li tippermettilhom li jkollhom livell ta" għixien diċenti",

F.   billi fil-bidu tal-impenn tal-Unjoni li tiġġieled il-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-2001, kien hemm 55 miljun ruħ fl-Unjoni li kienu qegħdin jgħixu fir-riskju tal-faqar fl-introjtu (15% tal-popolazzjoni tal-UE-15); billi fl-2005 dik iċ-ċifra telgħet għal 78 miljun (16% tal-popolazzjoni tal-UE-25),

G.   billi d-distakk persistenti fil-pagi bejn is-sessi jqiegħed lin-nisa f'pożizzjoni aktar dgħajfa f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħarba mill-faqar,

H.   billi fin-nuqqas ta' kull trasferiment soċjali, ir-riskju ta' faqar fl-Unjoni, b'mod speċjali għan-nisa, se jiżdied minn 16% għal 40%, jew 25% jekk jiġu esklużi l-ħlasijiet tal-pensjonijiet,

I.   billi anke l-karrieri aktar qosra tan-nisa, li javvanzaw aktar bil-mod u li huma mħallsa anqas tajjeb, għandhom impatt fuq ir-riskju tagħhom li jaqgħu fil-faqar, speċjalment għal dawk ta' iktar minn 65 sena (21% jew 5 punti perċentwali aktar mill-irġiel),

J.   billi t-tfal u ż-żgħażagħ jiffurmaw kważi terz tal-popolazzjoni tal-Unjoni u 19-il miljun tifel u tifla jinsabu fir-riskju tal-faqar, u ħafna minnhom huma separati mill-familji tagħhom minħabba l-faqar li hemm fil-familja; billi teżisti relazzjoni kumplessa bejn il-faqar, l-irwol tal-ġenituri u l-benesseri tat-tfal f'ċirkustanzi soċjali diversi, inkluż il-ħarsien tat-tfal minn kwalunkwe abbuż,

K.   billi, b'mod partikulari, il-faqar estrem u l-esklużjoni soċjali jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet kollha tal-bniedem,

L.   billi parti mdaqqsa mill-popolazzjoni tal-Unjoni għadha soċjalment eskluża, minħabba li persuna minn kull ħamsa tgħix f'akkomodazzjoni ta" standard baxx u kuljum madwar 1,8 miljun persuna jfittxu akkomodazzjoni f'postijiet ta" kenn apposta għal min m'għandux dar, 10% jgħixu f'familji fejn ħadd ma jaħdem, il-qgħad fit-tul iqarreb l-4%, 31 miljun ħaddiem jew 15% qed jaqalgħu pagi baxxi ħafna, 8% tal-ħaddiema jew 17-il miljun jesperjenzaw faqar fid-dħul minkejja li jaħdmu, il-proporzjon ta" tfal li jitilqu kmieni mill-iskola qabeż il-15% u d-"distakk diġitali" għadu jeżisti (44% tal-popolazzjoni tal-UE għandha nuqqas ta" ħiliet fir-rigward tal-Internet u l-kompjuter),

M.   billi l-faqar u l-inugwaljanza jaffettwaw lin-nisa b'mod sproporzjonat; billi d-dħul medju tan-nisa huwa biss 55% ta" dak li jaqalgħu l-irġiel; billi n-nisa huma affettwati ħafna u b'mod sproporzjonat mill-faqar fix-xjuħija; billi l-inaċċessibilità għal servizzi ta" kwalità għolja żżid, b'mod mhux aċċettabbli, ir-riskji ta" faqar għan-nisa,

N.   billi l-awtoritajiet reġjonali u lokali diġà għandhom responsabilità konsiderevoli għall-provvediment tas-servizzi pubbliċi u benefiċċji ġenerali, iżda fl-istess waqt huma suġġetti għall-pressjoni ristrettiva tal-baġits pubbliċi,

O.   billi l-investiment fit-tfal u fiż-żgħażagħ jgħin biex tikber il-prosperità ekonomika għal kulħadd u jikser iċ-ċiklu ta" għaks, u billi huwa essenzjali li jiġu evitati l-problemi jew li jsir intervent hekk kif dawn jiġu identifikati sabiex iċ-ċansijiet tal-ħajja tat-tfal jissaħħu,

P.   billi l-faqar u l-qgħad ġew marbuta ma' problemi ta' saħħa u aċċess insuffiċjenti għall-kura tas-saħħa minħabba fatturi bħal nutrizzjoni fqira, kundizzjonijiet tal-għajxien inferjuri f'zoni żvataġġati, akkomodazzjoni mhux adegwata u l-istress,

Q.   billi l-effetti tal-inugwaljanza, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u n-nuqqas ta" opportunità huma relatati kollha ma" xulxin, u jesiġu strateġija koerenti fuq livell ta" Stat Membru, li tiffoka mhux biss fuq id-dħul u l-ġid, iżda wkoll fuq kwistjonijiet bħall-aċċess għall-impjieg, għall-edukazzjoni, għas-servizzi tas-saħħa, għas-soċjetà tal-informazzjoni, għall-kultura u għat-trasport u l-opportunitajiet għal ġenerazzjonijiet futuri,

R.   billi matul il-perjodu bejn l-2000 u l-2005, l-inugwaljanza fid-dħul fl-Unjoni (proporzjon ta" S80/S20) żdiedet minn 4.5 għal 4.9, skont id-data tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dħul Finanzjarju u l-Kundizzjonijiet tal-Għixien (UE-SIL), li tfisser li fl-2005 l-aktar 20% sinjuri fil-popolazzjoni tal-Unjoni kellhom dħul ta" kważi 5 darbiet aktar minn dak tat-80% li jifdal mill-popolazzjoni,

S.   billi l-priġunerija mingħajr rijabilitazzjoni u edukazzjoni xierqa spiss twassal biss għal aktar esklużjoni soċjali u qgħad;

T.   billi 16% tal-popolazzjoni ħaddiema tal-Unjoni għandhom xi diżabilità (Eurostat 2002); billi l-livelli tal-qgħad fost il-persuni b'diżabilità, li jinkludu persuni bi problemi ta" saħħa mentali, persuni ta" età ikbar u minoranzi etniċi madwar l-Unjoni, baqgħu għolja b'mod mhux aċċettabbli; billi 500 000 persuna b'diżabilità għadhom jgħixu f'istituzzjonijiet residenzjali kbar u magħluqa,

Approċċ iżjed olistiku lejn l-inklużjoni soċjali attiva

1.  Jilqa" l-approċċ tal-Kummissjoni lejn l-inklużjoni soċjali attiva; iqis li l-għan multilaterali tal-politiki għall-inklużjoni soċjali attiva għandu jkun l-implimentazzjoni tad-drittijiet fundamentali sabiex ikun possibbli li n-nies jgħixu b'dinjità u jieħdu sehem fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol;

2.  Iqis li l-politiki ta" inklużjoni soċjali attiva għandhom jagħmlu impatt deċiżiv fuq il-qirda tal-faqar u tal-esklużjoni soċjali, kemm fir-rigward ta" dawk li huma fl-impjieg (il-"ħaddiema fqar") u kemm ta" dawk li ma jaħdmux bi ħlas; jaqbel mal-Kummissjoni li approċċ iżjed olistiku lejn l-inklużjoni soċjali attiva għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji komuni li ġejjin:

   a) għajnuna fl-introjtu biex tiġi evitata l-esklużjoni soċjali: L-Istati Membri għandhom, skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, jiddefinixxu skemi ta" introjtu minimu, il-benefiċċji u l-assistenzi soċjali relatati li għandhom ikunu aċċessibbli faċilment u jipprovdu riżorsi suffiċjenti, u għandhom jakkumpanjawhom bi pjan strateġiku għall-politiki attivi sabiex jaqilgħu lin-nies mill-faqar u sabiex jevitaw l-esklużjoni soċjali (billi jżommu f'moħħhom li l-politiki tal-inklużjoni attiva jinkludu iżjed ekwità fis-sistemi ta" ħarsien soċjali u jipprovdu wkoll miżuri ta" protezzjoni speċifiċi (eżempju, rijabilitazzjoni, taħriġ, konsulenza, kura tat-tfal, akkomodazzjoni, taħriġ lingwistu għall-migranti, servizzi ta" appoġġ) biex jippermettu lin-nies li jgħixu ħajja dinjituża);
   b) rabta ma" swieq tax-xogħol inklużivi: il-politiki tal-inklużjoni attiva għandhom jimmiraw li jrawmu impjiegi ta" ħiliet esperti li jkunu stabbli u sikuri, jagħmlu l-impjiegi iżjed attraenti, joħolqu impjiegi ta" kwalità u jippromwovu l-kwalità fl-impjiegi, jipprovdu livell għoli ta" saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, iżidu l-produttività u l-appoġġ attiv għal dawk l-iżjed żvantaġġjati, jipprovdu miżuri u servizzi ta" appoġġ speċifiċi biex jiżdied iċ-ċans ta" impjieg u biex jgħinu lin-nies jibqgħu fis-suq tax-xogħol, jiżviluppaw attivitajiet intraprendenti u jipprovdu għajnuna fit-tiftix tal-impjieg, edukazzjoni ta' kwalità għolja, taħriġ vokazzjonali, iżjed taħriġ u tagħlim tul il-ħajja, "counselling" personalizzat, assistenzi soċjali u impjiegi ssussidjati fejn ikun tabilħaqq neċessarju għall-gruppi vulnerabbi bħall-ħaddiema b'diżabilità;
   c) aċċess aħjar għas-servizzi ta" kwalità: l-aċċessibilità, il-prezz raġonevoli, il-ftuħ, it-trasparenza, l-universalità u l-kwalità tas-servizzi essenzjali (servizzi soċjali, servizzi ta" interess ġenerali (ekonomiċi)) għandhom jissaħħu biex jiġu promossi l-koeżjoni soċjali u territorjali, biex jiġu garantiti d-drittijiet fundamentali u biex jiġi żgurat għixien diċenti, speċjalment għal dawk il-gruppi fis-soċjetà li huma vulnerabbli u żvantaġġjati, bħall-persuni b'diżbilità, l-anzjani, il-familji b'ġenitur wieħed u l-familji kbar, inkluż l-ippjanar ta" servizzi b'mod li jqis il-ħtiġijiet ta" gruppi differenti; għandha tiġi evitata aktar privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u soċjali sakemm il-prezzijiet raġonevoli, il-kwalità u l-aċċessibilità għaċ-ċittadini kollha jiġu garantiti;
   d) l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-anti-diskriminazzjoni u l-parteċipazzjoni attiva: il-politiki tal-inklużjoni attiva għandhom jiżguraw il-promozzjoni ta" ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u jikkontribwixxu għat-tneħħija tal-forom kollha ta" diskriminazzjoni fl-aspetti kollha tal-inklużjoni soċjali attiva msemmijin fuq; parteċipazzjoni attiva: it-tmexxija tajba, il-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni tal-parteċipanti rilevanti kollha għandhom jiġu promossi billi jiġu involuti b'mod dirett dawk milquta mill-faqar u mill-esklużjoni soċjali u mill-inugwaljanza kemm fil-livell nazzjonali u kemm f'dak Ewropew – u partikolarment il-persuni li jgħixu f'sitwazzjonijiet ta" faqar estrem – kif ukoll l-isħab soċjali, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-midja fl-iżvilupp, fl-immaniġġjar, fl-implimentazzjoni u fl-evalwazzjoni tal-istrateġiji;

3.  Iqis li r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE tenħtieġ li titwessa" u tiġi aġġornata fid-dawl tar-riżultati tal-analiżi fattwali tar-realtà soċjali tal-Unjoni u l-approċċ olisitiku propost għall-inklużjoni attiva, u jqis ukoll li din ir-Rakkomandazzjoni għandha tqis kif jixraq il-fatt li qed jitfaċċaw riskji soċjali ġodda marbuta mal-bidla fil-klima u l-ekonomija ta" għarfien u servizzi;

4.  Jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissoni li approċċ aktar olistiku lejn l-inklużjoni attiva għandu jinkludi wkoll attenzjoni speċjali għall-qirda tal-faqar fost it-tfal, l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi fir-rigward ta" aċċess għall-kura tas-saħħa u r-riżultati tal-kura tas-saħħa, għat-trattament tal-faqar u l-esklużjoni soċjali marbutin mal-pensjonijiet pubbliċi u privati u l-irtirar mix-xogħol, u għall-provvediment ta" kura fit-tul diċenti u ta" kwalità għolja;

Il-garanzija ta" introjtu suffiċjenti biex tiġi żgurata ħajja dinjituża għal kulħadd

5.  Jirrimarka li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fl-UE-27 għandhom skemi nazzjonali ta' dħul minimu, iżda għad hemm minnhom li m'għandhomx; jinkuraġġixxi lill-Istati Membri sabiex jipprovdu skemi ta" sigurtà minima garantita għal dawk soċjalment vulnerabbli, u jħeġġiġhom sabiex jiskambjaw l-aħjar prattiki; jirrikonoxxi li, fejn hemm dispożizzjoni għal għajnuna soċjali, l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiżguraw li ċ-ċittadini jifhmu u jkunu jistgħu jiksbu d-drittijiet tagħhom;

6.  Jesprimi dispjaċir kbir li xi Stati Membri jidhru li ma tawx każ tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 92/441/KEE, li tirrikonoxxi "d-dritt bażiku ta" persuna li jkollha riżorsi u għajnuna soċjali suffiċjenti sabiex jippermettulha ħajja kompatibbli mad-dinjità umana";

7.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-assistenza soċjali fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri diġà qiegħda taħt livell li fih il-faqar isir riskju; jinsisti li l-objettiv ċentrali tal-iskemi ta" appoġġ għall-introjtu għandu jkun li jaqla" lin-nies mill-faqar u li jippermettilhom li jgħixu f'dinjità; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina jekk dħul bażiku mingħajr kundizzjonijiet għal kullħadd jistax ikun strument effettiv biex jikkumbatti l-faqar;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta rapport dettaljat dwar jekk il-provvediment tas-Servizzi Soċjali tal-Istati Membri (inter alia skemi ta" dħul minimu u benefiċċji relatati, qgħad, benefiċċji għall-invalidità u għal persuni sopraviventi, skemi ta" pensjonijiet statutorji u supplimentari, benefiċċji għal irtirar bikri) jjipprevedix dħul "il fuq mill-ammont minimu li l-Unjoni tikkunsidra bħala l-ammont minimu għal "riskju ta" faqar" li huwa ta" 60% tad-dħul medju nazzjonali;

9.  Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi metodu komuni għall-kalkoluta" ammont minimu għall-għixien bażiku u l-għoli tal-ħajja (pakkett ta" prodotti u servizz) sabiex jiġi żgurat kejl komparabbli tal-limitu tal-faqar u jiġi definit il-kriterju ta" intervenzjoni soċjali meħtieġa;

10.  Jirrimarka li r-riskju li wieħed jaqa' f'faqar estrem hu akbar għan-nisa milli għall-irġiel; jirrimarka li x-xejra persistenti lejn il-femminizzazzjoni tal-faqar fis-soċjetajiet Ewropej ta' llum tixhed li l-qafas attwali tas-sistemi għall-protezzjoni soċjali u l-firxa wiesgħa ta' politiki soċjali, ekonomiċi u dwar l-impjiegi tal-Unjoni m'humiex imfassla biex jissodisfaw il-bżonnijiet tan-nisa u d-differenzi fix-xogħol tan-nisa; jenfasizza l-fatt li l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost in-nisa fl-Ewropa jirrikjedu rispons politiku speċifiku, multiplu u li jikkunsidra kwistjonijiet ta' ġeneru b'mod speċifiku;

11.  Jistqarr li l-iskemi għal dħul minimu xieraq huma prerekwiżit fundamentali għal Unjoni Ewropea bbażata fuq ġustizzja soċjali u opportunitajiet indaqs għal kulħadd; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li jiġi pprovdut dħul minimu xieraq għall-perjodu bla xogħol jew bejn xogħlijiet, b'attenzjoni partikulari għall-gruppi ta' nisa li għandhom responsabilitajiet addizzjonali;

12.  Jitlob lill-Kunsill biex jaqbel fuq mira tal-UE għal skemi ta" introjtu minimu u għal skemi kontributtivi li jissostitwixxu l-introjtu li jipprovdu appoġġ fl-introjtu ta" mill-inqas 60% tal-introjtu medju komuni nazzjonali, u fuq skeda dwar meta din il-mira għandha tintlaħaq mill-Istati Membri kollha;

13.  Jikkunsidra li r-riskju li wieħed jaqa' fil-faqar hu ikbar għan-nisa milli għall-irġiel, b'mod partikulari fix-xjuħija, peress li s-sistemi għas-sigurtà soċjali huma ta' spiss ibbażati fuq il-prinċipju ta' impjieg imħallas kontinwu; jitlob dritt individwalizzat għal dħul minimu xieraq, li ma jkunx kundizzjonali fuq il-kontributi relatati ma' impjieg;

14.  Iqis li l-faqar li jaffettwa lil dawk li diġà huma impjegati ma jirriflettix kundizzjonijiet naturali u ġusti ta" xogħol, u jiltob li l-isforzi jkunu konċentrati fuq is-sejba ta' rimedju għal din is-sitwazzjoni b'tali mod li l-pagi b'mod ġenerali u b'mod speċjali l-pagi minimi – immaterjalment jekk ikunux ta' natura statutorja jew bi qbil kollettiv – jkunu jistgħu jevitaw il-faqar fid-dħul u jiżguraw livell ta" għixien diċenti;

15.  Jitlob lill-Kunsill biex isir qbil fuq mira tal-UE għall-pagi minimi (statutorji, ftehimiet kollettivi fuq livelli nazzjonali, reġjonali jew settorjali) biex jipprovdu pagi ta" mill-inqas 60% tal-paga medja rispettiva (nazzjonali, settorjali eċċ) u, barra minn dan, fuq skeda dwar meta din il-mira għandha tintlaħaq mill-Istati Membri kollha;

16.  Iqis li l-iskemi tad-dħul minimu għandhom ikunu kkumplimentati b'pakkett ta" miżuri ta" appoġġ li jiffaċilitaw l-inklużjoni soċjali, liema pakkett għandu jinkludi faċilitajiet għall-inklużjoni soċjali, pereżempju, fil-qasam tal-akkomodazzjoni, kif ukoll appoġġ għall-edukazzjoni, taħriġ u taħriġ professjonali mill-ġdid u tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll ġestjoni ekonomika tajba u skema ta" appoġġ fl-introjtu, biex jikkontribwixxu biex ikopru l-ispejjeż tal-individwi u tal-familji, b'tali mod li jiġi żgurat l-issodisfar tal-bżonnijiet tal-ħajja u tat-tagħlim tul il-ħajja, b'mod partikulari għall-persuni waħdihom, familji b'ġenitur wieħed u familji kbar;

17.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jeżaminaw il-kobba spiss imħabbla u kumplessa ta" skemi ta" appoġġ tagħhom, tkun xi tkun in-natura speċifika tagħhom (skemi ta" dħul minimu u benefiċċji relatati, skemi ta" sostituzzjoni kontributorja tad-dħul u l-bqija), bil-għan li jitjiebu l-aċċessibilità għalihom u l-effettività u l-effikaċja tagħhom;

18.  Iqis li l-Istati Membri għandhom jipprovdu benefiċċji addizzjonali mmirati lejn gruppi żvantaġġjati (bħal persuni b'diżabilità jew b'mard kroniku, ġenituri waħedhom, jew familji b'ħafna tfal), li jkopri spejjeż żejda fir-rigward, fost oħrajn, ta' appoġġ personali, l-użu ta" faċilitajiet speċifiċi, u kura medika u soċjali, u li jistabbilixxu, fost oħrajn, livell ta' prezzijiet raġonevoli għall-mediċini għall-gruppi soċjali anqas vantaġġjati; jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu żgurati livelli diċenti ta" pensjoni għall-invalidità u l-irtirar mix-xogħol;

19.  Jirrikonoxxi d-distribuzzjoni mhux indaqs tad-dħul fost il-persuni li jaħdmu għal rashom u l-fatt li kwart tal-persuni li jaħdmu għal rashom jgħixu taħt il-limitu tal-faqar u għalhekk, li hemm bżonn li jingħata aktar appoġġ istituzzjonalizzat lill-intraprendituri sabiex tiġi evitata n-nassa tal-faqar;

It-tneħħija tal-faqar fost it-tfal: mill-analiżi għall-politiki mmirati u għall-implimentazzjoni

20.  Jenfasizza l-importanza ta" approċċ olistiku lejn is-sigurtà materjali u l-benessri tat-tfal, li jkun ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal kif imfassla mill-UNRC, sabiex il-familji, speċjalment dawk kbar, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn livelli suffiċjenti ta" dħul sabiex jipprovdu lil uliedhom akkomodazzjoni u dieta xierqa, kif ukoll aċċess għal servizzi tas-saħħa u edukattivi diċenti, bil-għan li jiżviluppaw b'mod armonjuż fis-sens fiżiku u personali tagħhom; jirrikonoxxi, madankollu, li l-ħtiġijiet fundamentali tat-tfal għandhom jingħataw prijorità fuq il-kunsiderazzjonijiet finanzjarji tal-Istati Membri;

21.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-assoċjazzjonijiet tas-soċjetà ċivili organizzati biex jiżguraw li l-parteċipazzjoni tat-tfal tkun dejjem organizzata skond il-prinċipji fundamentali ta' parteċipazzjoni sigura u li tfisser xi ħaġa;

22.  Jiġbed l-attenzjoni għad-dimensjonijiet differenti ta" approċċ olistiku:

   a) jirrikonoxxi li t-tfal u ż-żgħażagħ huma ċittadini u sidien indipendenti tad-drittijiet u li huma parti minn familja;
   b) jiżgura li t-tfal jitrabbew bl-appoġġ ta" riżorsi u ta" kull forma ta" assistenza biex jintlaħqu l-aspetti kollha tal-bżonnijiet emozzjonali, soċjali, fiżiċi, edukattivi u konjittivi tagħhom, u jipprovdi b'mod partikulari appoġġ essenzjali għall-ġenituri u l-familji li jgħixu f'faqar estrem, sabiex ikunu jistgħu jakkwistaw ir-riżorsi sabiex jaqdu r-responsabilitajiet parentali tagħhom, u b'hekk jevitaw l-abbandun jew l-istituzzjonalizzazzjoni ta" tfal minn ġenituri li jkollhom ċirkustanzi materjali diffiċli;
   c) jipprovdi aċċess għal servizzi u opportunitajiet li huma neċessarji għat-tfal kollha biex isaħħu l-benessri preżenti u futur tagħhom; jagħti wkoll attenzjoni speċjali lit-tfal fil-bżonn ta' appoġġ speċjali (minoranzi etniċi, immigranti, tfal tat-triq u tfal b'xi diżabilità), biex jippermettilhom jilħqu l-potenzjal sħiħ u biex jevita li jinqalgħu sitwazzjonijiet vulnerabbli, b'mod partikulari l-faqar multiġenerazzjonali, billi jiġi żgurat ukoll li t-tfal ikollhom aċċess għall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa;
   d) jippermetti lit-tfal biex jipparteċipaw fis-soċjetà, inkluż fid-deċiżjonijiet xierqa għall-età tagħhom li jolqtu ħajjithom direttament kif ukoll fil-ħajja soċjali, rikreattiva, sportiva u kulturali;
   e) jagħti għajnuniet finanzjarji lil familji numerużi, bil-għan li dan jgħin fit-trażżin tat-tnaqqis fil-popolazzjoni, kif ukoll għotjiet ta" għajnuna lil ġenituri waħedhom li qed irabbu wild wieħed jew aktar flimkien ma" miżuri li jiffaċilitaw id-dħul tagħhom, jew ir-ritorn tagħhom, fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jfakkar li din is-sitwazzjoni hija aktar u aktar mifruxa u li d-diffikultajiet li jiffaċċja ġenitur f'dawn iċ-ċirkustanzi huma ħafna akbar minn dawk ta' familji b'żewġ ġenituri;
   f) jirrikonoxxi l-irwol li l-familji għandhom fil-benesseri u fl-iżvilupp tat-tfal;
   (g) Jenfasizza l-importanza, waqt li f'kull każ jitqiesu l-aħjar interess tat-tfal, li jingħata appoġġ biex it-tfal tat-triq, it-tfal traffikati u l-minorenni mhux akkumpanjati jingħaqdu lura ma' familthom; jenfasizza li din ir-rijunjoni għandha tkun akkumpanjata b'miżuri speċjali ta' rijintegrazzjoni soċjali meta l-qagħda soċjoekonomika tkun wasslet lit-tfal biex iwettqu attivitajiet illeċiti għal dħul li jkunu ta' ħsara għall-iżvilupp morali u fiżiku tat-tfal, bħall-prostituzzjoni u l-bejgħ tad-droga; jitlob azzjoni koordinata konġunta li tindirizza l-kawżi li huma l-għerq tal-marġinalizzazzjoni u l-faqar estremi tat-tfal tat-triq u l-familji tagħhom, waqt li jittejjeb l-aċċess tagħhom għal servizzi ta' kwalità u tiġi miġġielda l-kriminalità organizzata; jistieden lill-Kunsill biex jaqbel dwar impenn għall-UE kollha bbażat fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Jannar 2008 'Lejn Strateġija Ewropea għad-Drittijiet tat-Tfal' biex sal-2015 ikun aċċertat li t-tfal ma jghixux fit-toroq;
   (h) Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu li ċ-ċirku vizzjuż ta' faqar estrem, vulnerabilità, diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali jqiegħed lit-tfal, u b'mod partikulari lit-tfal tat-triq, f'riskju partikulari u li hemm bżonn ta' azzjonijiet differenzjati u individwalizzati biex jiġu indirizzati deprivazzjonijiet multipli; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex japprovaw sforz tal-UE konġunt biex jitwaqqfu t-traffikar u l-prostituzzjoni tat-tfal, id-dipendenza ta' tfal fuq id-droga, il-vjolenza kontra t-tfal u d-delinkwenza ta' minorenni;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tqis il-faqar tat-tfal u l-esklużjoni soċjali f'kuntest usa" tat-tfassil tal-politika tal-UE, inklużi l-kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni, id-diskriminazzjoni, ħarsien tat-tfal minn kull forma ta' maltrattament u abbuż, minn perusni li jieħdu ħsieb it-tfal u milll-adulti, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, l-appoġġ tal-familja, l-inklużjoni attiva, il-kura u l-edukazzjoni fis-snin bikrija, it-tagħlim tul il-ħajja u r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol, il-ħajja privata u l-ħajja tal-familja;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod effettiv il-prinċipju ta" paga ugwali għall-istess xogħol ta" valur soċjali, u biex iwettqu analiżi u riforma speċifiċi tas-sistemi għall-protezzjoni soċjali u biex jiżviluppaw linji gwida tal-UE għar-riforma tas-sistemi għall-protezzjoni soċjali minn prospettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi, inklużi l-individwalizzazzjoni tad-drittijiet għal sigurtà soċjali, l-adattament tal-protezzjoni u s-servizzi soċjali għall-istrutturi tal-familji li qed jinbidlu u l-iżgurar li s-sistemi għall-protezzjoni soċjali jikkontrobattu b'mod aħjar il-qagħda prekarja tan-nisa u jissodisfaw il-bżonnijiet tal-aktar gruppi ta' nisa vulnerabbli;

25.  Jiltob lill-Kummissjoni biex itejjeb il-"benchmarking" u l-monitoraġġ tal-Metodu miftuħ ta" Koordinament, biex tistabbilixxi indikaturi komuni u biex tiġbor data ta" kwalità għolja u kumparabbli u statistiki għat-tul dwar is-sitwazzjoni tat-tfal li jkopru l-aspetti kollha ta" approċċ olistiku fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali, inkluża l-akkomodazzjoni tat-tfal u tal-familji, sabiex ikun possibbli li ssir sorveljanza fuq il-benessri tat-tfal;

26.  Iħeġġeġ lill-Eurostat biex jistabbilixxi rabta mas-sett ta' indikaturi li qed jiġi żviluppat biex jiġi mmonitorat l-impatt tal-azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet u l-benessri tat-tfal, ikkummissjonati mill-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; jindika l-bżonn ta' sforz konġunt tal-Kummissjoni, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Istati Membri biex jaħdmu f'koperazzjoni mal-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u ċ-ċentri ta' riċerka relevanti għat-titjib tal-ġbir ta' data statistika li tista' titqabbel dwar il-qagħda tat-tfal fl-Unjoni, bżonn li hu msemmi fir-riżoluzzjoni msemmija hawn fuq tas-16 ta' Jannar 2008; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jikkonformaw mar-Rakkomandazzjoni espressa fir-Rapport tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali dwar il-Faqar u l-Benessri tat-Tfal fl-Ewropa, adottat fis-17 ta' Jannar 2008, li jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jirrevedu l-għejun varji ta' data disponibbli fil-livelli nazzjonali u reġjonali dwar it-tfal f'sitwazzjonijiet vulnerabbli;

27.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw sistemi preventivi sabiex jindunaw b'sitwazzjonijiet kritiċi, bħal dawk ta' ġenituri li jkunu se jitilfu d-dar fejn joqgħodu, il-ħruġ f'daqqa ta" tfal mill-iskola jew każijiet ta" abbuż li l-ġenituri jkunu sofrew minnu waqt tfulithom; jistieden lill-Istati Membri sabiex jadottaw politika attiva mmirata biex tevita li t-tfal jitilqu mill-iskola kmieni permezz ta' mekkaniżmi li jipprovdu appoġġ lill-gruppi fir-riskju;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jgħaddu l-poter tagħhom li joħolqu u jħaddmu sistemi biex jgħinu lit-tfal fil-problemi, lill-awtoritajiet lokali, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu effiċjenti kemm jista' jkun;

29.  Jappoġġa l-opinjoni tal-Kummissjoni li l-bilanċ bejn il-ħidma lejn id-diversità tal-istrutturi tal-familji moderni u l-ħidma lejn id-dritt tat-tfal jikseb l-aħjar riżultat fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal;

30.  Jitlob lil Kummissjoni sabiex tippromwovi taħlita bbilanċjata ta" politika li jkollha r-riżorsi xierqa u li jkollha bażi ta" objettivi u miri ċari li jqisu l-kuntest nazzjonali speċifiku u jiffukaw fuq intervenzjoni bikrija;

31.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-proċess ta" tagħlim reċiproku u l-monitoraġġ ta" politiki, kemm dawk li jkunu suċċess kif ukoll dawk li ma jkunux, fil-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal u kontra l-esklużjoni soċjali;

32.  Jisħaq dwar l-importanza ta" politiki għall-familja integrati u olistiċi li jmorru lilhinn mill-inklużjoni attiva sabiex jiġu indirizzati l-aspetti kollha relatati mal-benessri tat-tfal u tal-familja u sabiex jinqerdu l-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali fl-Unjoni;

33.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-parteċipazzjoni tat-tfal u sabiex jippromwovu l-involviment tat-tfal fid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw il-futur tagħhom stess għaliex il-parteċipazzjoni tat-tfal hija l-aħjar mod li bih tista" tiġi applikata l-perspettiva tat-tfal;

34.  Jilqa" b'sodisfazzjoni l-impenn tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri lejn il-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu rabta ċara bejn l-aġenda tad-drittijiet tat-tfal u l-aġenda tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni tat-tfal, minħabba li l-faqar u l-għaks tat-tfal huwa ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex meta jħejju l-istrateġiji favur l-inklużjoni soċjali, jikkunsidraw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Konvenzjoni li saru bħala tweġiba għar-rapporti tal-implimentazzjoni mill-partijiet tal-Istati u għar-rapporti alternattivi tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi;

35.  Jirrimarka li ġenituri waħedhom m'għandhomx jitqiegħdu f'pożizzjoni agħar minn koppji bit-tfal fir-rigward ta" servizzi u eżonerazzjoni mill-ħlas;

36.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għat-tnaqqis u l-qirda tal-faqar fost it-tfal fuq il-bażi ta" approċċ differenzjat li jqis il-varjazzjonijiet fil-livell ta" faqar skond ir-reġjun u l-età tat-tfal ikkonċernati;

37.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li t-tfal u l-familji kollha, inklużi dawk li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, ikollhom aċċess għal servizzi ta" kura soċjali ta" livell għoli li jkunu jqisu b'mod ċar l-impatt tal-faqar fuq il-familji, inklużi r-riskji akbar ta'abbuż u maltrattament tat-tfal u l-impatt ta" dawn;

Politiki għall-impjiegi għal swieq tax-xogħol soċjalment inklużivi

38.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-impjieg huwa l-aħjar ċans biex jiġu evitati l-faqar u l-esklużjoni soċjali, iżda dan ma jkunx dejjem garanzija minħabba li skond l-istatistiki uffiċjali 8% tal-ħaddiema fl-UE jinsabu fir-riskju tal-faqar; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw b'mod effettiv id-Direttiva 2000/78/KE;

39.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw b'mod aktar effettiv il-leġiżlazzjoni Komunitarja eżistenti fl-oqsma ta" l-impjieg u ta" l-affarijiet soċjali;

40.  Jirrimarka li fl-UE 20 miljun persuna, speċjalment nisa, huma affettwati mill-faqar waqt li jkollhom xogħol, jew, fi kliem ieħor 6% tal-popolazzjoni u 36% tal-popolazzjoni li taħdem qegħdin jirriskjaw il-faqar waqt li jkollhom xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jiftiehmu dwar il-leġiżlazzjoni dwar il-paga minima bħala element integrali ta' inklużjoni attiva;

41.  Jenfasizza li s-sehem ta' impjiegi part-time fl-UE hu ta' 31% għan-nisa u 7.4 % għall-irġiel; jenfasizza li l-impjiegi part-time għan-nisa huma ta' spiss xogħol part-time insinifikanti u marġinali biss, imħallas ħażin u bi protezzjoni soċjali insuffiċjenti; jirrimarka li n-nisa huma, għalhekk, f'riskju akbar li jaqgħu fil-faqar, speċjalment fix-xjuħija, peress li l-pensjonijiet minn impjiegi part-time ta' spiss ħafna ma jkunux biżżejjed biex wieħed jgħix ħajja indipendenti;

42.  Iqis li għal inklużjoni soċjali fis-suq tax-xogħol, l-aktar gruppi żvantaġġjati jeħtieġu miżuri speċifiċi:

   i) appoġġ ta" żvilupp personali, permezz ta" l-edukazzjoni, it-taħriġ, it-taħriġ għal tul il-ħajja, l-akkwist ta" ħiliet ta" l-IT u analiżi, kif ukoll stabilità tal-familja, integrazzjoni soċjali u inklużjoni qabel l-impjieg, u rikonoxximent li r-responsabilità ta" l-individwu li jintegra fis-soċjetà hija ta" importanza kbira u għandha tkun stimolata;
   ii) il-provvediment ta" aċċess massimu għal informazzjoni u toroq personalizzati li jiżguraw impjieg stabbli u ta" livell għoli ta" ħila skond il-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tan-nies; eliminazzjoni ta" l-ostakoli ta" persuni li jidħlu jew jirritornaw għas-suq tax-xogħol, b'attenzjoni partikulari għal familji b'ġenitur wieħed, u l-promozzjoni ta" rtirar gradwali biex jiżdiedu l-livelli ta" dħul ta" persuni anzjani u jkun evitat il-faqar tagħhom;
   iii) miżuri ta" appoġġ biex jitrawwem ix-xogħol u l-abilità li jibqgħu fis-suq tax-xogħol (eż. taħriġ fil-post tax-xogħol u opportunitajiet ta" taħriġ għal tul il-ħajja); żvilupp ta" imprenditorjat u wkoll arranġamenti ta" ħidma li jgħinu persuni marġinalizzati biex jidħlu fil-post tax-xogħol jew is-suq tax-xogħol u jirrikonċiljaw l-impjieg ma" l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw żvantaġġ soċjali (bħal nuqqas ta" djar, responsabilitajiet ta" kura jew problemi tas-saħħa);
   iii) il-monitoraġġ tal-waqfien mix-xogħol ta" persuni li għandhom l'età biex jirtiraw fil-kuntest ta" l-isvujtar ta" postijiet ta" xogħol;

43.  Iqis li l-politiki maħsuba biex jagħmlu x-xogħol finanzjarjament attraenti (make-work-pay) għandhom jittrattaw il-problema tan-nasba – li tinsab fil-livelli tal-qiegħ tas-suq tax-xogħol – ta" impjiegi li ma jrendux u ta" ċikli ta" alternanza bejn impjiegi mħallsa ħażin u ta' perjodi ta' qgħad, fejn l-individwi jgħaddu minn proċess ta' impjiegi insikuri, imħallsa bir-ribass, ta' kwalità baxxa u qgħad u/jew inattività; jenfasizza li l-ħtieġa ta" aktar flessibilità fil-benefiċċji ta" qgħad u dawk soċjali għandhom ikunu ttrattati bħala kwistjonijiet ta' prijorità; iqis li s-sistemi ta" servizzi soċjali għandhom jimmotivaw b'mod attiv lin-nies sabiex ifittxu opportunitajiet ġodda ta" xogħol filwaqt li jinkuraġġixxu d-disponibilità għall-bidla billi jitnaqqas it-telf tad-dħul u billi jiġu pprovduti opportunitajiet għall-edukazzjoni; iħeġġeġ lil dawk li jfasslu l-politika sabiex jużaw il-kunċett ta" flessigurtà fil-politiki tagħhom biex jagħmlu x-xogħol irendi finanzjarjament ("make-work-pay");

44.  Jistieden lill-Istati Membri biex jaħsbu mill-ġdid "politiki ta' attivazzjoni" li huma bbażati fuq regoli u kundizzjonijiet ta" eleġibilità restrittivi żżejjed għall-benefiċjarji mill-għajnuna, jisfurzaw lin-nies biex jaċċettaw impjiegi ta" kwalità baxxa li la jwasslu għal livell ta" għajxien deċenti u lanqas għall-inklużjoni soċjali;

45.  Jipproponi li jinstab bilanċ bejn ir-responsabilità personali ta" l-individwi u l-forniment ta" għajnuna soċjali sabiex kulħadd ikun jista" jgħix fid-dinjità u jipparteċipa fis-soċjetà.

46.  Jimmarka l-pożizzjoni tal-Kunsill li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol għandhom jippromwovu "x-xogħol tajjeb" u l-mobilità soċjali vertikali, u jipprovdu mezzi lejn impjieg regolari, li jħalli l-qligħ u legalment sikur li jkollu ħarsien soċjali adegwat, kundizzjonijiet tax-xogħol u pagi diċenti;

47.  Jimmarka l-potenzjal ta" l-ekonomiija soċjali, l-intrapriżi soċjali, is-settur li ma joperax għall-profit u s-settur ta" l-impjieg pubbliku sabiex jipprovdu opportunitajiet ta' impjieg u ambjenti ta" xogħol għall-gruppi vulnerabbli, u li dan il-potenzjal għandu jiġi esplorat u appoġġjat kemm jista" jkun mill-Istati Membri u mill-politiki tal-Komunità (ESF, Fondi Reġjonali u ta' Koeżjoni, eċċ.);

48.  Jaqbel mal-Kummissjoni li għal dawk li ma jistgħux jaħdmu għal raġunijiet differenti (bħal diżabilità serja, età jew inkapaċità, l-impatt ta" faqar persisteni jew ġenerazzjonali u/jew diskriminazzjoni, respsonsabilitajiet kbar ta" familja jew ta" kura u għaks fil-lokal), il-politiki ta" inklużjoni attiva għandhom jipprovdu appoġġ għad-dħul u miżuri ta" appoġġ sabiex jiġu evitati l-faqar u l-esklużjoni soċjali u sabiex ikun possibbli li dawn in-nies ikunu jistgħu jgħixu fid-dinjità u jipparteċipaw fis-soċjetà;

49.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex inaqqsu l-pressjoni fiskali mhux biss fuq id-dħul il-baxx iżda wkoll fuq id-dħul medju, sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema jinqabdu f'nassa ta" pagi baxxi u jitnaqqas iċ-ċans li wieħed jirrikorri għax-xogħol mhux dikjarat;

50.  Jiġbed l-attenzjoni għall-bidliet soċjali fl-Ewropa, li qed jibdlu l-istruttura soċjali tal-familji; jistieden li dawn il-bidliet jitqiesu bil-għan li jiġu eliminati l-ostakoli għas-suq tax-xogħol għal sieħeb jew sieħba li ma jaħdmux li jkunu parti minn koppji mhux miżżewġin li jgħixu flimkien;

51.  Iqis li l-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali għandhom jipprovdu għal kundizzjonijiet tax-xogħol u għal ħlas deċenti u li għandhom ukoll jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-politki ta" nuqqas ta" diskriminazzjoni (bħat-tnaqqis tad-distakk bejn il-ħlas li s-sessi differenti jirċievu, ir-rispett tal-pagi kollettivi u l-pagi minimi u l-rpovvediment ta" trattament ugwali);

52.  Jinnota li, minkejja li kien hemm ċaqlieq pożittiv lejn aktar parteċipazzjoni fl-edukazzjoni għolja, l-Istati Membri għandhom ikunu mħajra li jżommu u jintroduċu apprentistati bbażati fuq ix-xogħol; jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw politiki konsistenti dwar apprentistati li jipprovdu għal garanziji minimi u ħlas diċenti u sabiex tingħeleb it-tendenza attwali li l-impjiegi jiġi moħbi bħala apprentistat bla ħlas;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ koerenti fis-sistemi edukattivi fl-Unjoni għall-proċess ta" orjentament professjonali, ibbażat fuq formuli ta" tagħlim simili li jippermettu żgħażagħ jakkwistaw taħriġ f'oqsma orjentati għax-xogħol magħżula minnhom bħala parti mit-triq tal-karriera tagħhom; jinnota li sistemi ta" taħriġ għandhom ikunu bbażati fuq rikonoxximent reċiproku ta" diplomi u ċertifikati vokazzjonali u għandhom jinkludu istruzzjoni ta" lingwa bil-ħsieb li jkunu eliminati ostakoli ta" komunikazzjoni fi ħdan l-Unjoni; iqis li miżuri ta" taħriġ mill-ġdid għandhom jilħqu bilanċ bejn benessri emozzjonali u professjonali, biex taħriġ mill-ġdid professjonali ma jidhirx bħala nuqqas jew ostakolu għal żvilupp professjonali;

54.  Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tkun promossa l-inklużjoni attiva ta" żgħażagħ, persuni aktar anzjani u emigranti fl-isforzi kollha biex jinħoloq suq tax-xogħol inklużiv; jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ifasslu sensiela ta" miżuri urġenti biex jiġġieldu x-xogħol mhux dikjarat, xogħol sfurzat minn tfal u l-isfruttament abbużiv ta" ħaddiema u biex isolvu l-konfużjoni li tqarraq ta" emigrazzjoni ekonomika mat-tiftix ta" ażil, u tat-tnejn ma" l-emigrazzjoni illegali; jistieden lill-Istati Memnbri sabiex jippreżentaw leġiżlazzjoni sabiex jevitaw li l-"gangmasters" jisfruttaw lil ħaddiema vulnerabbli u biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittjiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u l-familji tagħhom;

Il-provvediment ta' servizzi ta" kwalità u l-garanzija ta" l-aċċess għal gruppi vulnerabbli u żvantaġġjati

55.  Jilqa" l-fehma tal-Kummissjoni li l-iskemi ta' sigurtà soċjali statutorji u kumplimentari, is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali għandom jilagħbu rwol ta" prevenzjoni u ta" koeżjoni soċjali, jiffaċilitaw l-inklużjoni soċjali u jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali; jirrimarka l-ħtieġa li jiġi żgurat l-iżvilupp ta" kura għat-tul li tkun ta' kwalità għolja, aċċessibbli u bi prezz raġonevoli għal dawk fil-bżonn u appoġġ għal dawk li jipprovdu l-kura; jistieden lill-Istati Membri sabiex jidentifikaw u jindirizzaw il-problemi li jaffaċċjaw il-ħaddiema li jieħdu ħsieb persuni oħra (carers), li spiss ikunu sfurzati li jibqgħu barra s-suq tax-xogħol;

56.  Jaqbel mal-Kummissjoni li s-servizzi kollha ta" interess ġenerali, inklużi l-industriji tan-netwerks bħat-trasport, it-telekomunikazzjoni, l-enerġija u l-entitajiet pubbliċi oħrajn jew is-servizzi finanzjarji għandu jkollhom rwol importanti fl-iżgurar tal-koeżjoni soċjali u territorjali u għandhom jikkontribwixxu għal inklużjoni attiva;

57.  Jenfasizza li l-aċċess għal prodotti u servizzi għandu jkun dritt ta" kull ċittadin ta" l-Unjoni u għalhekk jilqa" l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva orizzontali li tikkumplimenta d-Direttiva 2000/78/KE u tkopri l-forom kollha ta" diskriminazzjoni fuq il-bażijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tat-Trattat KE, li għandhom jgħinu biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni f'oqsma tal-ħajja barra dawk ta" l-impjieg, inkluża diskriminazzjoni bbażata fuq diżabilità, età, reliġjon jew twemmin u orjentament sesswali; fl-istess waqt iqis li aktar progress għandu jitwettaq fir-rigward ta" l-implimentazzjoni ta" direttivi attwali kontra d-diskriminazzjoni tal-Komunità;

58.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex iqisu tariffi soċjali fissi għal gruppi vulnerabbli pereżempju fl-oqsma ta" l-enerġija u t-trasport pubbliku u wkoll faċilitajiet għal akkwist ta" mikrokrediti, biex tkun promossa l-inklużjoni attiva, kif ukoll il-kura tas-saħħa u edukazzjoni b'xejn għal persuni f'diffikultajiet ta" karatteristika materjali;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjon u lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-obbligi tas-servizzi universali (bħat-telekomunikazzjoni u s-servizzi postali) sabiex isaħħu l-aċċessibilità u l-aċċessibilità finanzjarju tas-servizzi essenzjali u wkoll sabiex isaħħu l-obbligi tas-servizzi pubbliċi fil-mira sabiex jindirizzaw lil dawk il-gruppi fis-soċjetà vulnerabbli u żvantaġġjati;

60.  Jistieden lill-Kunsill biex jaqbel dwar impenn mill-UE kollha biex telimina l-problema ta" nies bla dar li jgħixu fit-triq sa l-2015 u biex l-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ politiki integrati biex jiżguraw li jkun hemm aċċess għal akkomodazzjoni ta" kwalità u finanzjarjament aċċessibbli għal kulħadd; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu 'pjanijiet ta' emerġenza għax-xitwa' bħala parti minn strateġija usa' għall-problema ta' persuni bla dar, kif ukoll sabiex joħolqu aġenziji dedikati sabiex jippermettu l-forniment u l-aċċess għall-akkomodazzjoni għal gruppi li qed jaffaċċjaw diskriminazzjoni; jissuġġerixxi li tinġabar data komparabbli fir-rigward ta" persuni bla dar u dawk li għandhom akkomodazzjoni fqira; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas ta" definizzjoni ta" l-UE ta" nuqqas ta" djar u tipprovdi aġġornamenti annwali dwar l-azzjoni meħuda u progress imwettaq fl-Istati Membri lejn it-tmiem ta" nuqqas ta" djar;

61.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex inaqqsu l-faqar ta" tfal b"50% sa l-2012, bħal tnaqqis bl-użu ta' indikaturi li m'humiex biss ekonomiċi, bħala l-ewwel impenn lejn it-tneħħija ta' faqar ta' tfal fl-Unjoni, u biex jallokaw biżżejjed riżorsi biex jilħqu dan l-għan; iqis li l-indikaturi użati biex ikejlu dan it-tnaqqis għandhom iqisu b'mod partikulari lil dawk it-tfal li ġejjin minn familji li jgħixu f'faqar estrem;

62.  Jimmarka l-importanza tal-promozzjoni tas-servizzi integrati li jirrispondu għall-karatteristika multidimensjonali ta-faqar u l-esklużjoni soċjali, pereżempju, il-konnessjoni bejn il-faqar u n-nies bla dar, il-vjolenza, is-saħħa u s-saħħa mentali, il-livell ta' edukazzjoni, l-integrazzjoni soċjali u komunitarja, in-nuqqas ta' aċċess għat-teknoloġiji ta' l-informatika u l-infrastruttura u t-twessiegħ tal-firda diġitali (digital divide);

63.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jadottaw approċċ ta" saħħa fil-politiki kollha u sabiex jiżviluppaw politiki soċjali u tas-saħħa integrati sabiex tkompli l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-forniment tal-kura u tas-saħħa, il-prevenzjoni u riżultat ta" saħħa, speċjalment fir-rigward ta" gruppi vulnerabbli u dawk l-aktar diffiċli li jintlaħqu;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu azzjonijiet volontarji u sabiex jgħinu fl-integrazzjoni soċjali tal-persuni li nqatgħu mis-suq tax-xogħol jew li m'għadhomx jipparteċipaw fih;

65.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed tiffoka aktar fuq aċċessibilità aħjar (disponiblità u aċċessibilità finanzjarja) u fuq il-kwalità tas-servizzi (l-involviment ta" l-utent, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni tar-rendiment, kundizzjonijiet tax-xogħol tajba, ugwaljanza fil-politiki ta" l-impjegar u tal-forniment, il-kordinazzjoni u l-integrazzjoni tas-servizz u infrastruttura fiżika xierqa);

66.  Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-koordinazzjoni tas-servizzi pubbliċi, b'mod partikulari l-ħoloq bejn servizzi għal tfal u dawk għal adulti; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jintroduċu programmi ta" assistenza għal ġenituri f'oqsma varji fejn il-faqar iwassal għal nuqqas ta" tagħrif fir-rigward ta" trobbija tat-tfal u biex jiżguraw li linji ta" għajnuna ta" tfal ikunu fornuti biżżejjed; jenfasizza li servizzi pubbliċi għal tfal u familji jridu jiżguraw li l-istrutturi, inċentivi, sistemi ta" mmaniġġjar ta" prestazzjoni, flussi ta" ffinanzjar u forza ta" ħidma xierqa jkunu fis-seħħ, li l-forza ta" ħidma ewlenija jkollha l-ħiliet ġusti , tagħrif u fiduċja, biex tipproduċi prevenzjoni aħjar u intervent minn kmieni u li s-servizzi jirrispondu għal ħtiġijiet ta" l-utenti, b'mod speċjali dawk il-familji vulnerabbli;

67.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jagħtu aktar importanza lill-fatt li tnaqqis fl-għotjiet għal servizzi speċifiċi bħal flus għall-pranzu, materjal ta" tagħlim u prajvits ta" l-iskejjel b'xejn, u għal divertiment essenzjali u opportunitajiet edukattivi barra mill-iskola, iwassal għall-esklużjoni soċjali, b'mod partikolari għat-tfal minn familji soċjalment vulnerabbli; jimmarka l-ħtieġa għall-Istati Membri sabiex jipprovdu opportunitajiet indaqs għall-integrazzjoni tat-tfal kollha permezz ta" politika attiva għall-isport fl-iskejjel u aċċess għat-teknoloġiji ta" informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinkorpora servizzi għat-tfal bħall-kura tat-tfal, it-trasport tat-tfal u l-ikel fl-iskejjel fil-lista ġenerali ta" servizzi soċjali ta" interess ġenerali;

68.  Jilqa" l-ħruġ ta" persuni b'diżabilità minn istituzzjonijiet iżda jinnota li dan jitlob livell għoli biżżejjed ta" servizzi ta" appoġġ u ta" kura bbażati fil-komunità li jkunu ta" kwalità għolja u li jiffavorixxu l-għixien indipendenti, id-dritt għall-għajnuna personali, id-dritt għall-kontroll tal-baġit proprju u l-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà;

69.  Jimmarka l-ħtieġa li l-Istati Membri jippromwovu l-iżviluppp u l-implimentazzjoni ta" strateġiji komprensivi dwar l-anzjani fil-livelli lokali u nazzjonali;

70.  Jemmen li għandha tittieħed aktar azzjoni kemm fuq livell ta" Stat Membru u kif ukoll fuq dak ta" l-UE sabiex il-vjolenza domestika u l-abbuż tat-tfal u ta" l-anzjani jiġu rrikonoxxuti, irriċerkati u ttrattati;

71.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jiżviluppaw approċċ aktar kostruttiv lejn il-politika tad-droga b'enfasi fuq l-edukazzjoni u t-trattament għad-dipendenza aktar milli fuq sanzjonijiet kriminali;

72.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprijoritizzaw il-miżuri ta" saħħa pubblika li jfittxu li jitrattataw direttament l-inugwaljanza li teżisti fis-saħħa u fl-aċċess għall-kura tas-saħħa ta" ħafna komunitajiet etniċi li qegħdin fil-minoranza;

73.  Jinnota li fl-Istati Membri kollha, l-abbuż ta" alkoħol u tad-droga jista' jwassal għall-kriminalità, il-qgħad u l-esklużjoni soċjali; għalhekk jemmen li huwa inaċċettabbli li għal ħafna persuni, l-uniku aċċess li għandhom għal dan it-tip ta" trattament u għall-pariri huwa permezz tas-sistema tal-ħabs;

74.  Jisħaq li hemm ħafna forom ta" diżabilità, inklużi problemi ta" mobilità, nuqqas ta" vista, nuqqas ta" smigħ, problemi ta' saħħa mentali, mard kroniku u diffikultajiet ta" tagħlim; jimmarka l-fatt li persuni b'aktar minn diżabilità waħda għandhom problemi eċċezzjonali, l-istess kif għandhom persuni li huma suġġetti għal ħafna diskriminazzjonijiet;

75.  Jitlob li tiġi eliminata l-istigmatizzazzjoni ta' persuni bi problemi mentali u persuni b'diffikultajiet ta' tagħlim, u għall-promozzjoni tas-saħħa mentali u l-benesseri, il-prevenzjoni ta" kundizzjonijiet mentali kif ukoll għal aktar riżorsi għat-trattament u l-kura;

76.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jinfurzaw leġiżlazzjoni għal kontra t-traffikar u għal kontra d-diskrimnazzjoni u b'mod partikolari sabiex jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill ta" l-Ewropa dwar Azzjoni Kontra t-Traffikar tal-Persuni;

77.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissalvagwardjaw il-politika ta" l-ażil imsejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem skond il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus ta" Rifuġjati u liġijiet oħra rilevanti dwar id-drittijiet tal-bniedem, waqt li jaħdmu biex itemmu d-dipendenza fuq il-benefiċċji ta' persuni li qed jitlobu l-ażil billi jippermettulhom li jaħdmu,u biex jikkunsidraw l-iżvilupp ta" aktar rotot ta" immigrazzjoni legali;

It-titjib tal-koordinazzjoni fil-politika u l-involviment tal-parteċipanti rilevanti kollha

78.  Jiddispjaċih li r-Rapport Konġunt dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali 2008 tal-Kummissjoni ma jipprovdix iffukar strateġiku suffiċjenti fuq l-eliminazzjoni tal-faqar u fuq t-tneħħija ta' l-esklużjoni soċjali;

79.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-approċċ ta" inklużjoni attiva għandu jippromwovi proċess ta" implimentazzjoni integrat fil-livelli ta" l-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, li jinvolvi l-partijiet kollha interessati (msieħba soċjali, NGOs, awtoritajiet lokali u reġjonali eċċ.) u għandu wkoll jipprevedi l-parteċipazzjoni attiva u l-għoti tas-setgħa lil persuni żvantaġġjati nfushom fl-iżvilupp, l-immaniġġjar, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni ta" strateġiji;

80.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm sensiela ta" miżuri uniformi fil-livell Ewropew bil-għan li jiġu evitati u penalizzati l-abbużi ta" kwalunkwe tip kontra l-minoranzi, l-persuni b'diżabilità u l-anzjani, fil-kuntest ta" azzjonijiet konkreti għal tnaqqis minn kull naħa tal-vulnerabilità ta' dawn il-gruppi soċjali, inkluż f'sens materjali;

81.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jerġgħu jqawwu attenzjoni strateġika ċara fuq l-eliminazzjoni tal-faqar u fuq il-promozzjoni ta' l-inklużjoni soċjali fil-kuntest ta' l-Aġenda Soċjali 2008 – 2012; jistieden għal impenn aktar espliċitu fi ħdan il-qafas taċ-ċiklu li jmiss tal-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni dwar il-Ħarsien Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali, għal Strateġija tal-Komunità dinamika u effettiva li tiffissa miri li għandhom tifsira u twassal għal ħolqien ta" strumenti effettivi u ta" monitoraġġ iffukati fuq il-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jindirizzaw il-problemi rigward il-proċessi ta" koordinazzjoni varji (Liżbona, strateġija ta" l-UE għal żvilupp sostenibbli, il-Metodu Miftuħ ta" Koordinazzjoni fl-oqsma ta" l-Inklużjoni Soċjali u l-Protezzjoni Soċjali) b'mod li jkun provdut impenn ċar lejn l-eliminazzjoni tal-faqar u l-promozzjoni ta' l-inklużjoni soċjali skond dawn il-politiki kollha;

82.   jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu objettivi u għanijiet speċifiċi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż sett ta' azzjonijiet politiċi għall-appoġġ tal-gruppi ta' nisa li jiffaċċjaw riskju ogħla ta' faqar u esklużjoni soċjali, bħall-familji mhux tradizzjonali u l-familji b'ġenitur wieħed, in-nisa migranti, in-nisa rifuġjati u ta' minoranzi etniċi, in-nisa anzjani u n-nisa b'diżabilità;

83.  Iħeġġeġ lill-imsieħba soċjali sabiex ikomplu bl-isforzi tagħhom li diġà bdew flimkien ma" l-Analiżi Konġunti ta" l-Imsieħba Soċjali u l-programm ta" ħidma tagħhom 2006-2008 dwar l-integrazzjoni ta" persuni żvantaġġjati fis-suq tax-xogħol; iqis li tmexxija aħjar hija meħtieġa sabiex jiġu kkordinati dawk l-attivitajiet relatati ma" l-imsieħba soċjali minn naħa u d-djalogu ċivili usa" (NGOs eċċ) dwar l-inklużjoni soċjali lilhinn mill-impjieg minn naħa oħra;

84.  Jappoġġja l-opinjoni tal-Kummissjoni li, rigward ir-Rakkomandazzjoni 92/441/KEE u l-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni fl-oqsma tal-Protezzjoni Soċjali u l-Inklużjoni Soċjali, jeħtieġ li jkun hemm indikaturi xierqa u sistemi nazzjonali komprensivi għall-ġbir u l-analiżi ta" dejta (eż. dejta ta" statistika dwar id-dħul medju disponibbli, konsum fid-djar, il-livell tal-prezzijiet, pagi minimi, skemi minimi ta" dħul u benefiċċji relatati); iqis li l-immonitorjar u l-analiżi ta" l-istrateġiji ta" implimentazzjoni għal inklużjoni soċjali u r-rapporti ta" progress ta" l-Istati Membri għandhom juru jekk id-dritt bażiku għal riżorsi suffiċjenti u assistenza soċjali li jippermettu persuni biex jgħixu f'dinjità humiex rispettati f'kull Stat Membru, kif ukoll fil-livell reġjonali;

85.  Jilqa" l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Impenn imġedded għal Ewropa Soċjali: Tisħiħ ta" Metodu Miftuħ ta" Koordinazzjoni għal Protezzjoni Soċjali u Inklużjoni Soċjali (COM(2008)0418), li tipproponi li ssaħħaħ l-OMC soċjali bit-titjib tal-metodi ta" ħidma u viżibilità tagħha u bit-tisħiħ ta" l-interazzjoni tagħha ma" politiki oħrajn; jilqa" b'mod speċjali l-proposti tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi miri għat-tnaqqis tal-faqar (b'mod ġenerali, faqar fost it-tfal, faqar fil-post tax-xogħol u faqar persistenti fuq perjodu ta' żmien fit-tul), għal livell minimu ta' dħul provdut permezz ta' pensjonijiet u għal aċċess għal u l-kwalità tal-kura tas-saħħa (tnaqqis tal-mortalità fost it-tfal, titjib tas-saħħa u żieda fl-aspettattiva tal-ħajja, eċċ.);

86.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri effettivi biex jiksbu l-objettivi ta' Barċellona dwar is-servizzi għall-kura tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jifformulaw rakkomandazzjonijiet dwar kif jilħqu l-ħtieġa għal servizzi ta" kura fl-Ewropa (b'mod aktar partikulari l-organizzar u l-iffinanzjar ta" kura għal tfal u persuni dipendenti oħrajn), anke t-twaqqif ta" miri u indikaturi preċiżi, bil-għan li jkunu provduti faċilitajiet għal kura tat-tfal fi ħdan l-Unjoni għal 90% ta" tfal mit-twelid sas-sena obbligatorja ta" skola u livell suffiċjenti ta" provvediment ta" kura għal persuni dipendenti oħrajn sa l-2015; jenfasizza l-fatt li s-servizzi kollha għandhom jissodisfaw il-kriterji li jkunu għall-but ta' kulħadd, aċċessibbli u ta' kwalità tajba sabiex it-trobbija tat-tfal u l-kura ta' dipendenti ma jibqgħux "riskju ta' faqar" b'mod speċjali għan-nisa;

87.  Jenfasizza li dawk l-aktar il-bogħod mis-suq tax-xogħol għandhom jibbenefikaw aktar mill-programmi tal-Komunità bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-inizjattiva EQUAL; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-kontribuzzjoni tal-Fondi Strutturali għall-objettivi tal-Metodu Miftuħ ta" Koordinazzjoni bbażati fuq l-indikaturi ta" l-inklużjoni soċjali u biex tinkoraġġixxi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament tal-Fond Soċjali Ewropew ġdid u l-użu ta" ffinanzjar ta" Progress biex jappoġġja miżuri ta" inklużjoni attiva u tesplora possibilitajiet biex jiġu allokati l-fondi ESF jew biex jiġi identifikat baġit speċifiku għal inizjattiva Komunitarja f'dan ir-rigward; jemmen li dan irrawwem ukoll il-ħolqien ta" netwerks ta" prattiki tajbin fil-ġlieda kontra l-faqar sabiex jitħeġġu l-iskambji ta" l-esperjenzi bejn l-Istati Membri;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jimpenjaw lilhom infushom sabiex jieħdu azzjonijiet effettivi fil-kuntest tas-Sena kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, li għandha tirrappreżenta pass sostanzjali lejn l-isforz favur il-ġlieda kontra l-faqar fit-tul;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tappoġġja l- partecipazzjoni li fiha tifsira u li hija sikura tat-tfal fil-kwistjonijiet kollha li jaffetwawhom, filwaqt li jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom opportunità indaqs sabiex jinvolvu ruħhom;

o
o   o

90.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti ta" l-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat għall-Ħarsien Soċjali.

(1) ĠU L 245, 26.8.1992, p.46.
(2) ĠU L 245, 26.8.1992, p.49.
(3) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 321.
(4) ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.
(5) ĠU C 45 E, 23.2.2006, p. 129.
(6) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(7) ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 604.
(8) Testi adottati, P6_TA(2007)0541.
(9) Testi Adottati, P6_TA(2008)0012.
(10) Testi adottati, P6_TA(2008)0286.
(11) Testi adottati, P6_TA(2008)0163.


Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina fir-rigward taż-żamma ta" l-impenji fil-kummerċ tas-servizzi *
PDF 198kWORD 33k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim taħt il-forma ta" Skambju ta" Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Ukraina fir-rigward taż-żamma ta" l-impenji fil-kummerċ tas-servizzi mniżżla fil-Ftehim ta" Sħubija u Kooperazzjoni (COM(2008)0220 – C6-0202/2008 – 2008/0087(CNS))
P6_TA(2008)0468A6-0337/2008

(Proċedura ta' konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2008)0220),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 71(1) u 80(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C6-0202/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 51 u 83(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat ghall-Kummerċ Internazzjonali (A6-0337/2008),

1.  Japprova l-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Ukraina.


IASCF: Reviżjoni tal-kostituzzjoni
PDF 286kWORD 53k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar "Il-IASCF: Reviżjoni tal-kostituzzjoni - Responsabilità Pubblika u l-Kompożizzjoni tal-Proposti għal Bidla tal-IASB"
P6_TA(2008)0469B6-0450/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2008, b'mod partikolari dwar il-governanza tal-Bord Internazzjonali tal-Istandards tal-Kontabilità (IASB),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità(1),

–   wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' April 2008 dwar l-Istandards Internazzjonali għar-Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) u l-governanza tal-Bord Internazzjonali tal-Istandards tal-Kontabilità (IASB)(2),

–   wara li kkunsidra Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1358/2007 tal- 21 ta" Novembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1725/2003 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skond ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-Istandard Internazzjonali ta" Rapportaġġ Finanzjarju (IFRS) 8(3) dwar l-iżvelar ta' oqsma operattivi, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament ta' l-14 ta' Novembru 2007 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni(4),

–   wara li kknsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' l-14 ta' Novembru 2007 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Kummissjoni li jemenda r-Regolament (KE) Nru 809/2004 dwar l-istandards tal-kontabilità li bi qbil magħhom titfassal l-informazzjoni storika li jkun fihom il-Prospetti dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-użu minn entitajiet ta" pajjiżi terzi li joħorġu t-titoli ta' informazzjoni ppreparata skond standards tal-kontabilità rikonoxxuti internazzjonalment(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar standards ta' kontabilità użati minn emittenti ta' pajjiżi terzi u l-ekwivalenti tagħhom lill-IFRS kif imsemmija fl-abbozz tal-miżuri ta' implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prospett u d-Direttiva dwar it-Trasparenza(6), li tistipula l-kundizzjonijiet li taħthom l-Unjoni Ewropea aċċettat il-proċess ta' konverġenza u ta' ekwivalenza bejn l-IFRS kif adottat mill-Unjoni Ewropea u l-Prinċipji ta' Kontabilità Aċċettati b'Mod Ġenerali (GAAPs) ta' l-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra r-rapport mill-Fondazzjoni Internazzjonali tal-Kumitat ta' Standards tal-Kontabilità (IASCF) bit-titolu "Reviżjoni tal-Kostituzzjoni - Kontabilità Pubblika u l-Kompożizzjoni tal-IASB - Proposti għal Tibdil", ta' Lulju 2008,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta" Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta" implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni(7),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi l-emittenti ta' l-UE huma meħtieġa li japplikaw l-istandards internazzjonali tal-kontabilità għar-rapporti finanzjarji konsolidati tagħhom,

1.  Jinnota li l-IASCF ipproponiet li twaqqaf Grupp ta' Monitoraġġ; hu tal-opinjoni li l-Grupp ta' Monitoraġġ għandu jkollu s-setgħa li jirrakkomanda kandidati bħala Fiduċjarji u jkun responsabbli biex japprova l-għażla tal-Fiduċjarji wara li jkun sar qbil dwar il-proċess ta' nominazzjoni;

2.  Jitlob biex il-Grupp ta' Monitoraġġ ikun involut biex issir l-aġenda għall-IASB sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabilità; jirrikonoxxi li l-proċess għat-tfassil tal-istandards ta' kontabilità li jiġi wara m'għandu jkollu l-ebda ndħil żejjed u kollox għandu jsir b'konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet kollha interessati, fosthom l-investituri;

3.  Jesprimi d-dubji tiegħu rigward kemm għandu jitwaqqaf Grupp ta' Monitoraġġ f'din il-fażi, qabel titnieda t-tieni fażi tal-proċess ta' konsultazzjoni tar-reviżjoni tal-governanza tal-IASB u mingħajr ma jkun hemm deskrizzjoni ċara tar-relazzjoni li għandha tkun stabilita bejn il-Grupp ta' Monitoraġġ u l-IASCF fil-kostituzzjoni ta' din tal-aħħar;

4.  Iqis li l-Grupp ta' Monitoraġġ għandu jirrifletti l-bilanċ taż-żoni monetarji l-aktar importanti tad-dinja, id-diversità kulturali, u l-interessi tal-ekonomiji żviluppati, ta' dawk ta' pajjiżi emerġenti kif ukoll ta' istituzzjonijiet internazzjonali li għandhom rekwiżiti ta' responsabilità quddiem l-awtoritajiet pubbliċi, u għandu jkollu sehem attiv fil-promozzjoni tat-trasparenza tar-rapportaġġ finanzjarju u fl-iżvilupp u t-tħaddim effettiv tas-swieq kapitali, kif ukoll biex tkun evitata l-proċiklikalità u tiġi żgurata l-istabilità tas-swieq finanzjarji u jiġi evitat ir-riskju sistematiku; jieħu l-pożizzjoni li l-Kumitat ta' Basel għas-Sorveljanza tal-Banek għandu jkun inkluż ukoll fil-grupp ta' monitoraġġ jinnota b'approvazzjoni l-proposta li l-Grupp ta' Monitoraġġ fil-bidu għandu jinkludi:

   a) il-membru responsabbli tal-Kummissjoni Ewropea,
   b) iċ-chairman tal-Kumitat IOSCO għas-Swieq Emerġenti,
   c) iċ-chairman tal-Kumitat Tekniku tal-IOSCO (jew il-viċi chairman jew iċ-chairman nominat tal-Kummissjoni tat-Titoli fil-każijiet fejn iċ-chairman ta' regolatur tat-titoli tal-UE, il-kummissarju tal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji Ġappuniżi jew iċ-chairman tal-Kummissjoni tat-Titoli u tal-Iskambji tal-Istati Uniti jkun ukoll iċ-chairman tal-Kumitat Tekniku tal-IOSCO),
   d) il-kummissarju tal-Aġenzija tas-Servizzi Finanzjarji Ġappuniżi,
   e) iċ-chairman tal-Kummissjoni tat-Titoli u tal-Iskambji tal-Istati Uniti, u
   f) iċ-chairman tal-Kumitat ta" Basel għas-Sorveljanza tal-Banek;

5.  Jiddeplora l-fatt li l-Parlament Ewropew ma ġiex ikkonsultat dwar it-twaqqif ta" Grupp Internazzjonali għall-Konsulenza dwar il-Kontabilità;

6.  Iqis li r-regolaturi tas-swieq finanzjarji tal-UE għandhom ikunu rappreżentati wkoll fil-Grupp ta' Monitoraġġ; jenfasizza li l-ebda organizzazzjoni m'għandha tkun rappreżentata fil-Grupp ta' Monitoraġġ b'iktar minn delegat wieħed;

7.  Jenfasizza l-istruttura istituzzjonali kumplessa tal-Grupp ta' Monitoraġġ; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Grupp ikollu mekkaniżmi ta' koperazzjoni effikaċi disponibbli sabiex l-operabilità tiegħu tkun żgurata u jkun jista' jaqdi r-responsabilitajiet ewlenin tiegħu; jinsisti, f'dan il-kuntest, li l-membri tal-Grupp ta' Monitoraġġ jkollhom kompetenzi biżżejjed biex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jinżammu responsabbli politikament;

8.  Hu mħasseb li xi membri li ġew proposti għall-Grupp ta' Monitoraġġ ma jeħtiġux emittenti domestiċi biex japplikaw l-IFRS; hu tal-fehma li s-sħubija f'dan il-Grupp għandha tidħol fis-seħħ biss wara li jkun hemm l-impenn li l-IFRS jiddaħħal bħala l-istandard domestiku; jenfasizza li l-ebda pajjiż m'għandu jkun rappreżentat fil-Grupp ta' Monitoraġġ b'iktar minn delegat wieħed;

9.  Jinnota li l-proposta tal-IASCF tipprevedi li l-IASB jikber minn 14 għal 16-il membru; isib li din iż-żieda għal 16-il membru hija aċċettabbli għaliex tista' twassal biex l-IASB jkun iktar ibbilanċjat, b'mod speċjali jekk il-proposta tal-IASCF tiġi emendata biex tiżgura li jkun hemm trattament parallel fiż-żoni monetarji dinjin l-aktar importanti;

10.  Jitlob biex jiġi konkluż Memorandum ta' Ftehim bejn it-tliet istituzzjonijiet sabiex jiġu definiti l-kundizzjonijiet tal-assoċjazzjoni tal-leġiżlaturi mal-ħidma tal-Grupp ta' Monitoraġġ, jekk dan jiġi stabbilit f'din il-fażi;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew kif ukoll lill-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej.

(1) ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2008)0183.
(3) ĠU L 304, 22.11.2007, p. 9.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2007)0526.
(5) Testi Adottati, P6_TA(2007)0527.
(6) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 116.
(7) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.


Belarus
PDF 228kWORD 71k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-qagħda fil-Belarus wara l-elezzjonijiet parlamentari tat-28 ta' Settembru 2008
P6_TA(2008)0470RC-B6-0527/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-qagħda fil-Belarus, b'mod partikolari dik tat-22 ta" Mejju 2008(1),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006 dwar ir-rieda tal-Unjoni Ewropea li iġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u mal-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinanzi (ENP),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Presidenza tal-Kunsill f'isem l-UE tas-26 ta' Awwissu 2008 dwar il-ħelsien ta' Sergei Parsyukevich u Andrei Kim,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 u s-16 ta" Settembru 2008 dwar il-Belarus,

–   wara li kkunsidra s-sejbiet preliminari, tad-29 ta" Settembru 2008, tal-missjoni tal-OSCE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjoni fil-Belarus,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-elezzjonijiet parlamentari tat-30 ta' Settembru2008 fil-Belarus,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi, wara li l-awtoritajiet tal-Belarus ħelsu lill-priġunieri politiċi Alyaksandr Kazulin, Sergei Parsyukevich u Andrei Kim bejn is-16 u l-20 ta' Awwissu 2008, l-ebda priġunier politiku ieħor rikonoxxut fuq livell internazzjonali m'għadu jinsab il-ħabs fil-Belarus,

B.   billi l-ħelsien tal-priġunieri politiċi ġie rikonoxxut mill-UE bħala pass sinifikanti lejn l-adozzjoni min-naħa tal-Belarus tal-valuri fundamentali demokratiċi, tar-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, u din kienet waħda mill-kundizzjonijiet għar-reviżjoni tal-miżuri restrittivi li bħalissa qegħdin jorbtu lil xi personalitajiet politiċi ewlenin fil-Belarus u biex ir-relazzjonijiet mal-Belarus jerġgħu jitwaqqfu mill-ġdid,

C.   billi fl-10 ta' Lulju l-President Alexander Lukashenko fl-10 ta' ta' Lulju 2008 kien talab pubblikament biex l-elezzjonijiet jitmexxew b'mod miftuħ u demokratiku, u dan tennieh meta deher fuq it-televiżjoni nhar id-29 ta" Awwissu 2008, filwaqt li wiegħed li l-elezzjonijiet ikunu bla preċedent mil-lat tal-ġustizzja,

D.   billi l-UE ħarset lejn il-kondotta demokratika u l-aspett pluralistiku tal-elezzjonijiet parlamentari tat-28 ta' Settembru 2008 bħala opportunità oħra għall-Belarus biex juri jekk jirrispettax il-valuri demokratiċi u l-istandards Ewropej,

E.   billi f'dan il-kuntest l-UE laqgħet b'sodisfazzjon l-użu ta' osservaturi tal-OSCE/l-Uffiċju għall-Istituzzjonijiet tad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), saħqet fuq l-importanza ta' garanzija li dawn l-osservaturi jkollhom aċċess għall-fażijiet kollha tal-proċess eletttorali, fosthom l-għadd tal-voti, u u enfasizza b'mod partikulari l-importanza tal-garanzija tad-drittijiet tal-oppożizzjoni rigward id-dritt għall-kandidatura u għall-aċċess għall-kummissjonijiet tal-monitoraġġ elottorali u l-midja,

F.   billi, kieku li l-elezzjoni tmexxiet bla intoppi, l-UE kienet lesta li tibda reviżjoni tal-miżuri restrittivi kontra l-mexxejja tal-Belarus, u li tieħu passi pożittivi u konkreti li jwasslu biex bil-mod jiġu stabbiliti mill-ġdid ir-relazzjonijiet mal-Belarus,

G.   billi ma ngħata ebda widen għat-talba tal-Forzi Demokratiċi Magħqudin tal-Belarus biex il-gvern ikun involut fi djalogu miftuħ dwar il-proċess elettorali; billi l-kandidati tal-oppożizzjoni wrew tħassib dwar il-ġustizzja tal-proċess elettorali, waqt li rreferew għan-nuqqas ta' fiduċja tagħhom fil-proċess ta' votazzjoni u fit-tmexxija mistennija tal-għadd tal-voti,

H.   billi l-Missjoni ta' Osservazzjoni tal-elezzjoni tal-OSCE ddikjarat fil-konklużjonijiet preliminari tagħha li għalkemm kien hemm xi titjib żgħir, l-elezzjonijiet tat-28 ta' Settembru 2008, li saru f'ambjent ikkontrollat b'mod strett b'kampanja li bil-ħniena nħasset u kienu kkaratterizzati b'nuqqas ta' trasparenza fl-għadd tal-voti u fil-ġbir tar-riżultati mill-postijiet tal-votazzjoni differenti, fl-aħħar mill-aħħar ma laħqux l-istandards demokratiċi rikonoxxuti fuq livell internazzjonali,

I.   billi l-oppożizzjoni, li ma rebħet l-ebda wieħed mill-110 siġġijiet, għarfet l-elezzjonijiet bħala farsa, u esprimiet il-biża' li kien intemm il-perjodu ta' "namur" bejn il-President Lukashenko u d-demokrazija u stiednet lill-UE u lill-Istati Uniti biex ma jirrikonoxxux ir-riżultati tal-elezzjoni,

J.   billi Lidiya Yarmoshyna, kap tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Belarus, iddikjarat li l-elezzjonijiet li saru kienu 'ħielsa u ġusti',

K.   billi madwar 800 partitarju tal-oppożizzjoni protestaw f'Minsk tard dakinhar tal-elezzjoni,

1.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li l-priġunieri politiċi Alyaksandr Kazulin, Sergei Parsyukevich u Andrei Kim kienu nħelsu; jistenna, madankollu, li huma għandhom igawdu mid-drittijiet ċivili kollha ggarantiti liċ-ċittadini kollha tal-Belarus mill-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Belarus;

2.  Jiddispjaċih li l-progress sinifikanti fl-iżvilupp demokratiku fil-Belarus, li l-UE kienet ittamat li jkun hemm, fl-interess tal-poplu tal-Belarus, ma seħħx, u li, minkejja xi titjib żgħir, l-elezzjonijiet parlamentari tat-28 ta' Settembru 2008 fil-Belarus fl-aħħar mill-aħħar ma laħqux l-istandards internazzjonali;

3.  Jemmen li l-parlament li ġie elett fil-Belarus huwa ta' leġittimità demokratika dubjuża;

4.  Jinsab imħasseb li d-dimostrazzjoni li organizzat l-oppożizzjoni fit-28 ta' Settembru 2008 f'Minsk ġie deskritt bħala ksur serju tal-ordni pubbliku mill-Ministeru ghall-Intern, u huwa mħasseb ukoll dwar rapporti li taghrif dwar id-dimostrazzjoni kien se jiġi arkivjat fl-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali għal evalwazzjoni legali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarus biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-libertà ta' assemblea u ta' espressjoni, kif definit fil-kostituzzjoni tal-Belarus;

5.  Jinnota li, filwaqt li l-Unjoni Ewropea nnotat il-ħelsien riċenti ta' diversi attivisti demokratiċi tal-oppożizzjoni u ttamat li jkun hemm titjib fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet, in-nuqqas persistenti tal-organizzazzjoni ta" elezzjonijiet ħielsa u ġusti se jkun pass ieħor lura għall-Belarus u se jkompli jkun ta' sfida serja għar-rabtiet bejn il-Belarus u l-Unjoni Ewropea;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Belarus sabiex jikkonferma d-dikjarazzjonijiet tiegħu li huwa lest li jtejjeb il-koperazzjoni mal-UE u li joħloq kundizzjonijiet li jiffavorixxu aktar il-bidu ta' taħditiet bejn l-UE u l-Belarus;

7.  Jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Gvern tal-Belarus biex jersaq lejn elezzjonijiet futuri li jkunu ġenwinament demokratiċi skont l-istandards demokratiċi internazzjonali billi jagħmel ċertu tibdiliet fil-liġi u l-prattika elettorali, bħal:

   a) il-ħolqien ta' kundizzjonijiet u opportunitajiet ġusti għall-kandidati kollha biex dawn imexxu kampanja elettorali ġenwina;
   b) il-garanzija li l-partiti kollha li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet ikunu rappreżentati fil-livelli kollha tal-kummissjoni elettorali, b'mod partikulari fil-livell lokali tal-kummissjoni tal-elezzjoni;
   c) il-garanzija li l-voti mitfugħa ma jħallu l-eda dubju dwar xi possibilità ta' frodi f'dan ir-rigward;
   d) l-abolizzjoni tal-proċeduri tal-votazzjoni bikrija jew, għall-inqas, il-garanzija li l-voti mitfugħa b'mod bikri jkunu suġġetti għal proċedura separata minn dik tal-voti mitfugħa b'mod normali u li r-riżultati tal-votazjoni bikrija jiddaħħlu b'mod separat fil-protokolli elettorali;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Belarus biex jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem billi:

   a) jagħmel it-tibdil meħtieġ fil-Kodiċi Kriminali tal-Belarus billi jneħħi l-Artikoli 193, 367, 368 u 369-1, li wħud minnhom, b'mod partikulari l-Artikolu 193, huma kkwotati minn Amnety international u li huma użati ta' sikwit bħal mezz ta' ripressjoni;
   b) jieqaf mit-theddid bil-prosekuzzjoni kriminali, inkluż għal min ma jagħmilx is-servizz militari fil-Belarus, għal dawk l-istudenti li jkunu tkeċċew mill-universitajiet għall-pożizzjoni ċivili li jkunu ħadu u li jkunu mġiegħla jkomplu bl-istudji tagħhom barra l-pajjiż;
   c) ineħħi l-ostakli kollha li ma jħallux li ssir ir-reġistrazzjoni xierqa tal-NGOs fil-Belarus;
   d) itejjeb it-trattament tal-minoritajiet nazzjonali u r-rispett lejhom, inklużi r-rikonoxximent tal-korp elett b'mod leġittimu tal-Unjoni tal-Pollakki fil-Belarus mmexxija minn Angelika Borys, tal-kultura, tal-knejjes, tas-sistema edukattiva u tal-wirt storiku u materjali,
  

sabiex jintemm l-iżolament tal-pajjiż milll-bqija tal-Ewropa impost minnu stess u sabiex ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarus jitjiebu b'mod sinifikanti;

9.  Ifakkar li fil-21 ta" Novembru 2006 l-Unjoni Ewropea ddikjarat li hi lesta li ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat hekk kif il-Gvern tal-Belarus juri rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet bażiċi tal-poplu tal-Belarus;

10.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu d-djalogu mal-Belarus u biex joħolqu politika fir-rigward tal-Belarus, suġġetti għal kundizzjonalità strettament pożittiva b'approċċ ta' pass wara pass gradwali, mgħammra b'benchmarks, skedi, klawżola ta' reviżjoni u riżorsi finanzjarji adegwati;

11.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu reviżjoni selettiva u s-sospensjoni possibbli ta' miżuri restrittivi eżistenti, bil-għan li jinħolqu vantaġġi għaċ-ċittadini normali u jitħeġġeġ l-iżvilupp ta' soċjetà ħielsa;

12.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ma jneħħux il-projbizzjoni tal-viża għal dawk li huma mdaħħlin fil-ksur tal-istandards demokratiċi elettorali u d-driittijiet tal-bniedem; jitlob biex tiġi kkunsidrata sospensjoni parzjali ta' sitt xhur ta' din is-sanzjoni għal uffiċjali oħra, sakemm waqt dak il-perjodu tkun emedata l-liġi restrittiva dwar il-midja li kienet adottata fi tmiem Ġunju 2008 qabel ma tkun implimentata bis-sħiħ;

13.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi ulterjuri lejn il-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Belarus, peress li azzjoni ta' dan it-tip hija kruċjali biex jitwettaq l-għan ewlieni tal-politika tal-UE lejn il-Belarus, jiġifieri li jiġu faċilitati u intensifikati l-kuntatti bejn il-popli u biex il-pajjiż jiġi demokratizzat; iħeġġiġhom, f'dan il-kuntest, biex jikkunsidraw il-firxa ta' possibilitajiet li titnaqqas l-ispiża tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Belarus li jkunu deħlin fiż-żona ta' Schengen, li huwa l-unika mod kif jiġi evitat li l-Belarus u ċ-ċittadini tiegħu jsiru dejjem aktar iżolati; jitlob lill-awtoritajiet tal-Belarus biex itemmu l-prattika tagħhom li joħorġu viżi liċ-ċittadini tagħhom biex joħorġu, b'mod partikolari tfal u studenti;

14.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw l-applikazzjoni selettiva tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u Sħubija(2) u l-Istrument Ewropew tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Demokrazija(3) għall-Belarus billi jingħata aktar appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Belarus u, b'mod partikolari, biex tiżdied l-għajnuna finanzjarja lill-midja indipendenti, lill-NGOs u lill-istudenti tal-Belarus li jistudjaw barra l-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Kummissjoni lill-Università tal-Istudji Umanistiċi Ewropej tal-Belarus li tinsab f'eżilju f'Vilnius (il-Litwanja); jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jitolbu lill-gvern tal-Belarus jagħti sinjal ta' volontà tajba u ta' tibdil pożittiv billi jippermetti li l-Università tal-Istudji Umanistiċi Ewropej li tinsab f'eżilju f'Vilnius tirritorna b'mod legali fil-Belarus u terġa' tistabbilixxi ruħha f'kundizzjonijiet adegwati għall-iżvilupp futur tagħha f'Minsk; Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħtu appoġġ finanzjarju lis-stazzjon televiżiv indipendenti tal-Belarus Belsat;

15.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iqisu miżuri ħalli jtejbu l-ambjent tan-negozju, il-kummerċ, l-investiment, l-infrastuttura tal-enerġija u tat-trasport u l-kooperazzjoni bejn il-fruntieri bejn l-UE u l-Belarus, sabiex ikun hemm kontribut għall-benesseri u l-prosperità taċ-ċittadini tal-Belarus, kif ukoll għall-abilità tagħhom li, f'dan il-kuntest, jikkomunikaw mal-UE u jivvjaġġaw b'mod ħieles lejn l-UE;

16.  Jisgħobbih għad-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Belarus li ripetutament jiċħdu viżi ta' dħul lill-membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari nazzjonali f'dawn l-aħħar ftit snin; jitlob lill-awtoritajiet tal-Belarus biex ma joħolqux iktar xkiel li jżommu lid-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li jaħdmu favur ir-relazzjonijet mal-Belarus, milli jżuru l-pajjiż;

17.  Jilqa' r-rieda tan-nazzjon tal-Belarus biex jipproteġi l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-pajjiż tiegħu;

18.  Jilqa' l-approċċ li ħadu s'issa l-awtoritajiet tal-Belarus, minkejja l-pressjoni enormi, biex ma jirrikonoxxux l-indipendenza unilaterali ddikjarata mill-Ossetja t'Isfel u mill-Abkażja;

19.  Jinkundanna l-fatt li l-Belarus huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena tal-mewt, li tmur kontra l-valuri Ewropej;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assembleji Parlamentari tal-OSCE u l-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Istati Indipendenti u lill-Parlament u l-Gvern tal-Belarus.

(1) Testi Adottati, P6_TA(2008)0239.
(2) ĠU L 310, 9.11.2006,p.1.
(3) ĠU L 386, 29.12.2006, p.1.


Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha tad-WTO
PDF 204kWORD 38k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġejjieni tal-Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha tad-WTO
P6_TA(2008)0471RC-B6-0521/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta" Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tal-14 ta' Novembru 2001,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu rigward l-Aġenda ta' Doha għall-Iżvilupp (DDA),

–   wara li kkunsidra d-Dokument Finali tas-Sessjoni Annwali 2008 tal-Konferenza Parlamentari dwar id-WTO, adottat b'kunsens fit-12 ta" Settembru 2008 f'Ġinevra,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi l-laqgħat ministerjali tad-WTO maħsuba biex jikkonkludu r-Rawnd ta" Doha għall-Iżvilupp ("Rawnd ta' Doha") twaqqfu fl-aħħar ta" Lulju tal-2008,

B.   billi n-negozjati waqfu f'Ġinevra f'Lulju tal-2008; billi nkiseb xi progress fuq ċerti kwistjonijiet, filwaqt li kwistjonijiet importanti oħra għall-konklużjoni ta' modalitajiet sħaħ ma ġewx indirizzati fil-ftehima ta' qafas,

C.   billi l-interessi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikulari l-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs), kif ukoll l-impenn tal-membri kollha tad-WTO għar-Rawnd ta' Doha, għandhom jinżammu fil-qalba tan-negozjati,

D.   billi n-nuqqas li jiġi finalizzat ir-Rawnd ta' Doha jwassal għal żieda fl-inċertezza tal-ekonomija globali preżenti u jista' jipperikola l-kredibilità tas-sistema tal-kummerċ multilaterali u dan imbagħad iwassal għal qabża favur ftehimiet kummerċjali bilaterali u reġjonali,

1.  Jesprimi id-diżappunt u t-tħassib tiegħu għall-fatt li t-taħdidiet ministerjali tad-WTO f'Lulju 2008 kellhom jitwaqqfu;

2.  Itenni l-impenn sħiħ tiegħu għall-istrateġija multilaterali għall-politika kummerċjali u sabiex id-WTO tkun tista" tiggarantixxi riżultat komprensiv, ambizzjuż u bbilanċjat għall-kummerċ internazzjonali b'rispett sħiħ għall-Għanijiet tal-Millenju għall-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti;

3.  Huwa konvint li fil-kuntest preżenti, ikkaratterizzat bi kriżi ekonomika u finanzjarja, konklużjoni pożittiva tar-Rawnd ta' Doha tista' tkun fattur li jwassal għal stabilità;

4.  Jemmen li jiġri x'jiġri fil-kuntest tal-progress tad-DDA, id-WTO, flimkien mal-organizzazzjonijiet internazzjonali l-oħra, għandha bżonn tindirizza, b'mod konsistenti u urġenti, l-isfidi globali l-ġodda li fihom il-kummerċ għandu parti importanti, bħas-sigurtà tal-ikel, l-enerġija, l-Għajnuna għall-Kummerċ u l-bidla fil-klima;

5.  Huwa konxju bis-sħiħ tad-diffikultajiet tal-prinċipju ta" Impenn Uniku; jilqa" b'sodisfazzjon il-progress li sar sa issa matul in-negozjati, liema progress għandu jipprovdi bażi importanti u kkonsolidata għal-laqgħa li jmiss sabiex jitkompla r-Rawnd ta" Doha u sabiex jinkiseb riżultat ta" suċċess;

6.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti tal-Amerka, kif ukoll lill-G20 bħala parteċipanti ekonomiċi ġodda importanti, biex jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fin-negozjati attwali, biex jirrispettaw bis-sħiħ l-ispirtu tar-Rawnd ta" Doha u biex jagħmlu kull sforz biex jilħqu ftehim kemm jista' jkun malajr; għal darb'oħra jenfasizza l-importanza tad-divrenzjar bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi emerġenti;

7.  Jistieden lill-Indja u lill-Istati Uniti tal-Amerka biex isibu soluzzjoni politika għall-kwistjoni dwar il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' Mekkaniżmi ta' Salvagwardja Speċjali (SSM) biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-kummerċ u t-tħassib tas-sigurtà tal-ikel, sabiex tkun tista' ssir kontinwazzjoni tan-negozjati tad-DDA f'Ġinevra dwar kwistjonijiet oħra pendenti;

8.  Jitlob lill-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw aktar avvanzati biex isegwu l-inizjattiva Kollox barra l-Armi tal-UE, li toffri aċċess għas-suq mingħajr l-ebda dazju u mingħajr l-ebda kwota għall-LCDs; jenfasizza wkoll l-importanza tal-Għajnuna għall-Kummerċ;

9.  Jemmen li l-bżonnijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u speċjalment ta' LDCs għandhom jingħataw prijorità fin-negozjati tad-DDA, filwaqt li l-iżvilupp ikun fil-quċċata tal-kunsiderazzjonijiet kollha;

10.  Jemmen li d-diffikultajiet marbuta mad-DDA jenfasizzaw il-bżonn, ladarba r-Rawnd ta' Doha jintemm, biex tkun indirizzata b'urġenza l-kwistjoni tar-riforma tad-WTO sabiex tkun aktar effettiva u trasparenti u biex titjieb il-leġittimità demokratika, ir-responsabilità, it-trasparenza l-inklussività u l-integrità tagħha fl-istruttura usa" tal-governanza globali; jemmen li l-parlamentari għandhom jeżerċitaw skrutinju saħansitra aktar rigoruż u effettiv fil-qasam tal-kummerċ internazzjonali;

11.  Itenni l-bżonn ta' għajnuna teknika mmirata u l-bini tal-kapaċità biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu megħjuna jinvolvu ruħhom effettivament fid-DDA;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill biex jistabbilixxu ftehima fl-ispirtu tat-Trattat ta' Liżbona sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Parlament fin-negozjati internazzjonali tal-UE;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lid-Direttur Ġenerali tad-WTO.


Użu mill-Parlament tas-simboli tal-Unjoni (Artikolu 202a ġdid)
PDF 297kWORD 46k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar id-dħul fir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament ta' Artikolu 202a ġdid dwar l-użu mill-Parlament tas-simboli tal-Unjoni (2007/2240(REG))
P6_TA(2008)0472A6-0347/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 dwar it-tlaqqigħ tal-Konferenza Intergovernattiva(1), b'mod partikolari l-paragrafu 23 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-ittra mingħand il-President tiegħu tat-12 ta' Settembru 2007,

–   wara li kkunsidra l-importanza tas-simboli biex terġa' tinħoloq konnessjoni bejn iċ-ċittadini u l-Unjoni Ewropea u biex tinbena identità Ewropea li hija komplimentari għall-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri,

–   wara li kkunsidra l-fatt li s-simboli ilhom jintużaw għal aktar minn 30 sena mill-Istituzzjonijiet Ewropej kollha, u kienu approvati formalment mill-Kunsill Ewropew fl-1985(2),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 201 u 202 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Kostituzzjonali (A6-0347/2008),

1.  Jiddeċiedi li jemenda r-Regoli ta' Proċedura tiegħu kif jidher hawn taħt;

2.  Ifakkar li din l-emenda tidħol fis-seħħ fl-ewwel ġurnata tas-sessjoni parzjali li jmiss;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni.

Test attwali   Emenda
Emenda 1
Ir-Regoli ta" Proċedura tal-Parlament
Titolu XIII – Dispożizzjonijiet Mixxellanji – Artikolu 202 a (ġdid)
Artikolu 202a
Is-simboli tal-Unjoni
1.  Il-Parlament għandu jagħraf u jagħmel tiegħu s-simboli tal-Unjoni li ġejjin:
– il-bandiera li turi ċ-ċirku ta' tnax-il kewkba tad-deheb fuq sfond ikħal;
– l-innu li huwa bbażat fuq "l-Odi lil Hena" mid-Disa' Sinfonija ta' Ludwig van Beethoven;
– il-motto 'Magħquda fid-diversità'.
2.  Il-Parlament għandu jiċċelebra Jum l-Ewropa fid-9 ta' Mejju.
3.  Il-bandiera għandha tittajjar fil-postijiet kollha tal-Parlament u fl-okkażjoni ta' avvenimenti uffiċjali. Il-bandiera għandha tintuża f'kull sala fejn isiru laqgħat tal-Parlament.
4.  L-innu għandu jindaqq fil-ftuħ ta' kull seduta kostituttiva u f'seduti solenni oħra, b'mod partikulari biex tingħata merħba lill-Kapijiet ta' Stat jew Gvern jew biex tingħata tislima lil Membri ġodda wara tkabbir.
5.  Il-motto għandu jidher fuq id-dokumenti uffiċjali tal-Parlament.
6.  Il-Bureau għandu jeżamina użu ulterjuri tas-simbolu fi ħdan il-Parlament. Il-Bureau għandu jistipula dispożizzjonijiet dettaljati għall-implimentazzjoni ta' dan l-Artikolu.

(1) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 347.
(2) Il-Kunsill Ewropew ta" Milan tat-28 u d-29 ta" Ġunju 1985.


L-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa fl-Unjoni Ewropea
PDF 279kWORD 106k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar l-indirizzar tal-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa fl-Unjoni Ewropea (2008/2074(INI))
P6_TA(2008)0473A6-0362/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2007 bl-isem "Li tindirizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta' nixfa fl-Unjoni Ewropea" (COM(2007)0414) ("il-Komunikazzjoni"),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma(1) ("id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma"),

–   wara li kkunsidra r-rapport dwar l-evalwazzjoni tal-impatt u l-istudji mħejjija mill-Istitut għall-Politika Ambjentali Ewropea u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta" Settembru 2003 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immaniġġjar tal-ilma fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-prijoritajiet għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta" l-UE(2),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta" Mejju 2006 dwar id-diżastri naturali (nirien tal-foresti, nixfa u għargħar) – l-aspetti agrikoli(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u tal-Kumitat għall-Agrikoltura (A6-0362/2008),

A.   billi l-kwistjoni tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa mhix limitata ġeografikament għall-Unjoni Ewropea iżda għandha riperkussjonijiet internazzjonali u hija problema globali; billi diġà jeżistu kunflitti internazzjonali dwar l-ilma u hemm perikolu dejjem jikber li dawn jiżdiedu fil-frekwenza,

B.   billi l-ilma huwa essenzjali għall-ħajja u huwa prodott komuni li m'għandux jiġi mminimizzat għal sempliċiment prodott bażiku; billi l-politika kollha dwar l-ilma għandha tkun immexxija mill-assigurazzjoni li kulħadd ikollu aċċess ġust għall-ilma, inklużi l-ġenerazzjonijiet futuri,

C.   billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa jirrappreżentaw sfida maġġuri b'impatti soċjo-ekonomiċi u ambjentali relevanti fl-UE; billi l-impatt ekonomiku totali tan-nixfa fil-livell tal-UE fl-aħħar 30 sena hu stmat għal EUR 100 biljun,

D.   billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa diġà jaffettwaw diversi partijiet tal-UE b'madwar għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni tal-UE li tgħix f'pajjiżi li r-riżorsi ta" l-ilma tagħhom jgħaddu minn stress,

E.   billi d-deżertifikazzjoni li qed taffettwa l-pajjiżi tal-komunità f'livelli differenti qed tfaqqar l-ambjent naturali u qed twassal għad-degradazzjoni tal-ħamrija u konsegwentament għat-telf tal-valur agrikolu tagħha,

F.   billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa ma jinħassux bl-istess intensità fir-reġjuni kollha tal-UE, filwaqt li l-ikbar intensità tinħass fl-Istati Membri li qegħdin iktar lejn in-Nofsinhar,

G.   billi hemm differenzi reġjonali sinifikanti fix-xejra li qed jieħdu l-problemi li qed jirriżultaw mill-iskarsezza ta" l-ilma u min-nixfa; billi l-aħjar mod hu li miżuri għall-iffaċċjar ta" dawn il-problemi jkunu bbażati fuq approċċ reġjonali,

H.   billi l-iskarsezza ta" l-ilma u n-nixfa ġraw bi frekwenza u severità dejjem jiżdiedu matul l-aħħar 30 sena u billi l-bidla fil-klima possibilment taggrava s-sitwazzjoni, billi tikkontribwixxi għal żieda ta" avvenimenti idroloġiċi estremi fl-UE u barra l-UE, li probabilment jaffetwaw kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità tar-riżorsi ta" l-ilma,

I.   billi t-tendenzi fl-użu ta" l-ilma mhumiex sostenibbli peress li l-UE qed tkompli taħli 20% mill-ilma tagħha minħabba l-ineffiċjenza,

J.   billi n-nixfa intensa, flimkien ma' anqas xita, qed iżidu dejjem aktar il-periklu ta' nirien tal-foresti, kif deher ċar fin-nirien devastanti li riċentement ħakmu l-Ewropa tan-Nofsinhar,

K.   billi ma teżisti ebda valutazzjoni komprensiva, teknika u xjentifikament solida dwar is-sitwazzjoni tal-kwantità tal-ilma fl-UE; billi d-data disponibbli fil-livell reġjonali u dwar il-varjazzjonijiet tal-istaġun hija limitata ħafna,

L.   billi l-iskarsezza ta" l-ilma tista" tkun ir-riżultat ta" kawżi naturali, attivitajiet tal-bniedem jew tar-relazzjoni reċiproka bejn it-tnejn, kemm permezz ta" użu żejjed tal-provvista naturali jew permezz tad-degradazzjoni tal-kwalità ta" l-ilma; billi l-użu ħażin ta" l-ilma huwa wieħed mill-kawżi tad-deżertifikazzjoni;

M.   billi t-turiżmu jżid aktar it-talba għall-ilma, partikolarment matul il-perjodu tas-sajf u fiz-zoni tal-kosta ta" l-Ewropa tan-Nofsinhar,

N.   billi t-tqajjim tal-kuxjenza u l-provvista ta" informazzjoni tajba liċ-ċittadini fil-forom differenti, pereżempju permezz ta" kampanji ta" informazzjoni u edukazzjoni, hija ta" importanza elementari biex ikunu faċilitati bidliet fl-imġiba u fil-prattiki u biex titrawwem kultura li ma taħlix ilma u li l-ilma jintuża b'mod effiċjenti,

O.   billi l-provvista pubblika ta" l-ilma huwa servizz pubbliku fundamentali marbut mas-saħħa pubblika li m'għandux jiġi ostakolat,

P.   billi l-iskarsezza ta" l-ilma u l-perjodi ta" nixfa huma kwistjonijiet ambjentali kumplessi, u għaldaqstant għandhom ikunu regolati mill-qrib ma" kwistjonijiet ambjentali oħra u b'kunsiderazzjoni tagħhom;

Q.   billi l-agrikoltura, bħala settur produttiv, tbati ħafna mill-effetti tal-iskarsezza ta" l-ilma u tan-nixfa, waqt li fl-istess ħin għandha rwol importanti fil-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma disponibbli;

R.   billi l-agrikoltura multifunzjonali fl-UE għandha rwol importanti fil-preservazzjoni tal-pajsaġġi, tal-bijodiversità u tal-ilma nadif u għalhekk għandha bżonn l-appoġġ finanzjarju għal ċerti miżuri kif ukoll għall-pariri xjentifiċi dwar il-ġestjoni tal-ilma,

S.   billi l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa jirrappreżentaw fattur notevoli li jkompli jgħolli l-prezzijiet tal-materja prima agrikola; billi hu neċessarju li tkun garantita provvista stabbli tal-ikel,

T.   billi kwantitajiet kbar ta' ilma huma meħtieġa fl-agrikoltura u, minħabba li din għaldaqstant tiddependi fuq il-provvista tal-ilma, l-agrikoltura trid tkun inkluża bħala parti responsabbli mis-sistemi reġjonali integrati ta' ġestjoni tal-ilma fejn għandu x'jaqsam l-użu bbilanċjat tal-ilma, it-twaqqif tal-ħela tal-ilma, l-adattament tal-pajsaġġ u l-ippjanar tal-uċuħ tar-raba, kif ukoll il-ħarsien tal-ilma mit-tniġġis,

U.   billi n-nixfa tiffavorixxi wkoll il-proliferazzjoni ta' ċerti pesti fitosanitarji, u b'hekk tipprovoka tnaqqis notevoli fil-ħsad,

V.   billi r-Raba' Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali (COM(2007)0273) jidentifika li l-bidla fil-klima, b'mod partikolari n-nixfa u l-iskarsezza tal-ilma, hi waħda mill-isfidi l-ġodda b'implikazzjonijiet territorjali kbar li trid tiġi trattata mill-politika ta" koeżjoni, u li sa llum din il-problema affettwat lil 11% tal-popolazzjoni u 17% tat-territorju ta" l-Unjoni Ewropea,

1.  Jilqa" b'sodissfazzjon il-Komunikazzjoni u jappoġġa l-ewwel sensiela proposta ta" għażliet dwar il-politika, imma jiddispjaċih li l-kamp ta" applikazzjoni tagħha huwa limitat għal-livell ta" l-UE u ta" l-Istati Membri biss; ifakkar li l-iskarsezza ta" l-ilma u n-nixfa huma problemi b'dimensjoni internazzjonali u li għandha tittieħed azzjoni b'mod li jirrifletti dan;

2.  Jenfasizza li n-natura transreġjonali u transkonfinali tal-baċiri tax-xmajjar jista" jkollha impatt transkonfinali fuq ir-reġjuni tan-naħa ta" fuq u t'isfel tax-xmajjar, u li għaldaqstant huwa indispensabbli għall-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali li jikkooperaw fil-kwistjoni ta" l-iskarsezza ta" l-ilma u tan-nixfa, filwaqt li jkun żgurat użu sostenibbli u tajjeb tar-riżorsi ta" l-ilma; iqis li l-ispeċifiċità ta" l-iskarsezza ta" l-ilma u l-perjodi ta" nixfa tirrikjedi azzjoni kkoordinata fil-livell ta" UE u ta" l-Istati Membri, kif ukoll fil-livell tal-gvernijiet reġjonali u lokali;

3.  Jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tillimita ruħha għall-promozzjoni ta" objettivi ġenerali, billi tipproponi numru limitat biss ta" miżuri preċiżi u ebda skadenza konkreta għall-implimentazzjoni tagħhom f'reġjuni mminaċċati mill-iskarsezza ta" l-ilma u min-nixfa; jiddispjaċih li m'hemmx miri realistiċi u limiti ta' żmien biex dawn jintlaħqu, kif ukoll li m'hemmx enfasi fuq il-bżonn ta" kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta programm kontinwu, b'mod partikolari rapport dwar il-progress fl-2009 u r-reviżjoni u l-iżvilupp ta" l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jenfasizza l-importanza tar-reġjuni bħala forza ta" tmexxija wara l-innovazzjoni teknoloġika fil-qasam ta" l-ilma, meta jkun ikkunsidrat li l-effiċjenza ta" l-ilma hi fattur importanti għall-kompetittività; iħeġġeġ, għalhekk, lill-awtoritajiet reġjonali biex jikkunsidraw il-kooperazzjoni interreġjonali fil-livell nazzjonali u fil-livell internazzjonali, l-iskambju ta" l-informazzjoni u s-sħubiji strateġiċi bl-għan li tiġi organizzata ġestjoni reġjonali ta" l-ilma effiċjenti;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet reġjonali u lokali sabiex japprofittaw ruħhom mill-opportunitajiet kbar offruti mill-Fondi Strutturali u jinvestu fit-titjib jew it-tiġdid ta" l-infrastruttura u t-teknoloġija eżistenti, b'mod partikulari f'reġjuni fejn ir-riżorsi ta" l-ilma jinħlew minħabba t-tnixxija fil-pajpijiet ta" l-ilma, inklużi, b'mod speċifiku, teknoloġiji nodfa li jiffaċilitaw l-użu effiċjenti ta" l-ilma u jistgħu jiġu marbuta ma" l-immaniġġjar integrat tar-riżorsi ta" l-ilma (IRM), b'mod partikulari sabiex jindirizzaw l-isfida ta" l-effiċjenża fir-rigward ta" l-ilma (mil-lat ta" ffrankar u mil-lat ta" użu mill-ġdid) fis-setturi industrijali u tal-biedja kif ukoll min-naħa tal-konsumaturi domestiċi, inkluż fil-ġżejjer u fl-ibgħad reġjuni;

6.  Jinsisti, f'dan ir-rigward, li l-allokazzjoni tal-fondi infrastrutturali għandha tkun orjentata lejn it-titjib tal-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma u konformi mal-ħtiġijiet eżistenti;

7.  Ifakkar li għandu jkun preferut l-approċċ min-naħa tat-talba fl-immaniġġjar tar-riżorsi ta" l-ilma; hu tal-opinjoni, madankollu, li l-UE għandha tadotta approċċ olitisku meta timmaniġġja r-riżorsi ta" l-ilma, li jgħaqqad flimkien miżuri ta" mmaniġġjar tat-talba, miżuri li jtejbu r-riżorsi eżistenti fi ħdan iċ-ċiklu tal-ilma, u miżuri li joħolqu riżorsi ġodda, u li l-approċċ hemm bżonn li jintegra l-kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi;

8.  Jinnota li l-miżuri min-naħa tal-provvista għandhom wkoll jitqiesu, bil-għan li tinkiseb l-aktar soluzzjoni li tkun ekonomikament u ambjentalment effiċjenti, filwaqt li l-bilanċ bejn il-provvista u t-talba jiġi ottimizzat, u filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm provvista pubblika kontinwa ta" ilma inkluż waqt kundizzjonijiet ta" nixfa, b'konformità mal-prinċipju ta" żvilupp sostenibbli; huwa tal-fehma li għandha titħeġġeġ azzjoni sabiex tiġi stabbilita ġerarkija effettiva tal-użu tal-ilma, u li l-bini ta' rotot sabiex l-ilma jiġi ttrasportat fuq distanzi kbar m'għandhiex tkun soluzzjoni għall-problema ta" l-iskarsezza ta" l-ilma; jisħaq, madankollu, fuq l-importanza li miżuri min-naħa tal-provvista jista" jkollhom għar-reġjuni l-aktar affettwati mill-iskarsezza ta" l-ilma u min-nixfa, li jistgħu jieħdu forma ta" possibilitajiet tradizzjonali, bħall-bini ta" infrastruttura li tirregola minn fejn jgħaddi l-ilma, jew soluzzjonijiet alternattivi u innovattivi bħall-użu mill-ġdid sostenibbli ta" ilma għar-rimi jew id-desalinazzjoni;

9.  Jenfasizza l-kontribut tal-popolazzjoni agrikola Ewropea fil-ġlieda kontra l-erożjoni tal-ħamrija u d-deżertifikazzjoni u jitlob li jkun rikonoxxut l-irwol kruċjali tal-produtturi Ewropej fl-ippreservar tal-veġetazzjoni f'reġjuni milquta minn nixfa persistenti jew mhedda mir-ramel li jinġarr mir-riħ; jenfasizza l-benefiċċji speċifiċi ta' uċuħ tar-raba' permanenti, tal-ġonna tas-siġar tal-frott u tal-għelieqi tad-dwieli, tal-mergħat u tal-foresti għall-ġbir tal-ilma;

10.  Jenfasizza l-importanza tal-kwistjoni tal-ġestjoni tal-ilma f'zoni muntanjużi u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiżviluppaw sens ta' solidarjetà bejn l-utenti fiz-zoni ta' fuq u dawk fiz-zoni t'isfel;

11.  Ifakkar fir-rabta bejn il-bidla fil-klima, l-iskarsezza ta" l-ilma u n-nixfa u l-kura territorjali integrata mmirata lejn il-manteniment u l-preservazzjoni tar-riżorsi lokali ta" l-ilma u hu mħasseb ħafna dwar l-impatt li possibilment ikun hemm fuq is-saħħa pubblika; jitlob li jitqies l-impatt fuq ir-riżorsi ta" l-ilma meta jiġu mfassla l-politiki għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima; jitlob li jsir studju fil-fond dwar ir-relazzjoni reċiproka bejn l-iżvilupp tal-bijofjuwils u d-disponibilità tar-riżorsi ta" l-ilma; jitlob, bl-istess mod, li ssir evalwazzjoni speċifika ta" l-installazzjonijiet b'konsum għoli ta" l-ilma; jisħaq fuq il-bżonn li l-kwistjoni ta" l-ilma tkun integrata sistematikament fl-oqsma kollha tal-politiki u li jinħoloq approċċ tassew integrat meta din tkun indirizzata, inklużi l-istrumenti finanzjarji u legali kollha tal-UE; jissottolinja li l-livelli politiċi kollha (nazzjonali, reġjonali u lokali) għandhom ikunu involuti fil-proċess;

12.  Jemmen li għandha tiġi stabbilità rabta bejn l-iskarsezza ta" l-ilma u n-nixfa u l-bidla fil-klima u l-istrateġiji speċifiċi għalihom, filwaqt li wieħed għandu jżomm f'moħħu li t-tħassib fir-rigward ta" l-adattament għall-bidla fil-klima għandu jiġi integrat bħala prijorità fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu li d-deforestazzjoni u l-iżvilupp urban bla rażan qed iwasslu għal żieda fl-iskarsezza ta" l-ilma; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet ikkonċernati biex iqisu kwistjonijiet marbuta mal-ilma fl-ippjanar tal-użu tal-art, l-aktar f'dak li jikkonċerna l-iżvilupp tal-attivitajiet ekonomiċi f'baċiri ta' xmajjar sensittivi, inkluż fil-gżejjer u fl-ibgħad reġjuni; jenfasizza li kwalunkwe provvista ta" ilma, independentement mill-iskop tal-konsum tagħha, trid tkun konformi mal-prinċipju ta" tariffi ġusti għall-ilma, u b'hekk tinkoraġġixxi lill-kumpanniji b'mod speċjali sabiex jużaw l-ilma b'mod aktar effiċjenti;

14.  Jenfasizza li r-reviżjoni tal-prijoritajiet tal-baġit tal-Komunità għandha tagħti prijorità aktar għolja lill-miżuri ambjentali u, b'mod partikulari, lill-politiki mfassla biex jikkumbattu l-effetti tal-bidla fil-klima, li jinkludu n-nixfa u l-iskarsezza tal-ilma, waqt li tiżgura li jkunu disponibbli r-riżorsi addizzjonali meħtieġa;

15.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra r-rabta intersettorjali bejn l-impatt soċjali u dak ekonomiku tal-bidla fil-klima fuq l-użu tal-art u l-ispejjeż tal-enerġija assoċjati mal-bidla fil-klima; iħeġġeġ lill-UE sabiex twettaq l-evalwazzjonijiet kollha dwar l-effiċjenza ta" l-ilma billi tuża indikaturi oġġettivi u ekonomiċi;

16.  Jagħraf li l-iskarsezza ta" l-ilma u l-perjodi ta" nixfa għandhom effetti diretti fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; isostni li dan għandu jitqies b'mod adegwat fl-iżvilupp tal-politika ġejjiena tal-koeżjoni, u li l-miżuri kollha baġitarji u l-istrumenti oħra meħtieġa għandhom isiru disponibbli għal dan l-għan;

17.  Jiġbed l-attenzjoni fuq il-fatt li s-sitwazzjoni ekonomika, il-kompetittività u l-opportunitajiet ta" l-iżvilupp ta" reġjun huma ddeterminati mill-kwistjonijiet ambjentali kumplessi msemmija fil-komunikazzjoni hawn fuq;

18.  Jirrikonoxxi l-importanza tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma bħala qafas biex jinkiseb "status tajjeb" għall-ilmijiet Ewropej kollha, biex jiġu promossi l-kooperazzjoni interreġjonali, l-użu sostenibbli tal-ilma u l-ħarsien tar-riżorsi disponibbli tal-ilma filwaqt li jingħata kontribut biex jittaffu l-effetti tal-għargħar u tan-nixfa, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tagħha u biex jiġi żgurat li miżuri dwar l-iskarsezza ta" l-ilma u n-nixfa ma jkollhom ebda effett negattiv fuq l-objettivi għall-kwalità ta" l-ilma;

19.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li tiġi ċċarata d-definizzjoni ta" "nixfa fit-tul" (fil-kuntest tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma) u l-implikazzjonijiet tagħha għall-kisba ta" l-objettivi ambjentali tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma f'perjodi ta" nixfa u wara perjodi bħal dawn; jirrimarka li l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa huma relatati imma differenti, u għalihom għandhom jiġu adottati strateġiji differenzjati;

20.  Jisħaq li hemm rabta mill-qrib bejn in-nixfa, it-telf tal-ħamrija, id-deżertifikazzjoni u n-nirien tal-foresti;

21.  Hu tal-fehma li l-pjan ta" mmaniġġjar tal-baċir tax-xmara skont d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma għandu jintegra wkoll l-immaniġġjar tan-nixfa u ta" diżastri idrometeoroloġiċi oħra u jistabbilixxi mmaniġġjar tal-kriżi mfassal għall-bżonnijiet konkreti tal-baċiri tax-xmajjar li jkunu mminaċċati mill-iskarsezza tal-ilma u min-nixfa, inklużi kooperazzjoni transkonfinali, parteċipazzjoni pubblika u sistemi ta" twissija bikrija f'livelli differenti, jiġifieri dak Ewropew, nazzjonali, reġjonali u dak lokali; jenfassizza l-ħtieġa li jiġi evitat il-ħolqien ta" ostakoli għar-rotot naturali tax-xmajjar fi sforz sabiex l-għargħar jonqos, u jħeġġeġ evalwazzjoni ta" l-impatt aktar estensiva fir-rigward ta" l-issiġillar tar-rotot naturali tal-fluss ta" l-ilma;

22.  Jenfasizza l-irwol tal-foresti fiċ-ċiklu ta" l-ilma u l-importanza ta" taħlita bbilanċjata ta" foresti, mergħat u art agrikola għall-immaniġġjar sostenibbli ta" l-ilma; jenfasizza, b'mod partikolari, l-irwol tal-ħamrija b'kontenut organiku għoli u l-adattazzjoni taċ-ċiklu ta" l-uċuħ tar-raba"; iwissi li l-konsum dejjem jiżdied ta" l-art huwa theddida għall-agrikoltura, is-sikurezza ta" l-ikel u l-immaniġġjar sostenibbli ta" l-ilma;

23.  Jirrimarka li d-deżertifikazzjoni hija marbuta mill-qrib ma" l-ekonomija tal-foresti; iħeġġeġ li l-afforestazzjoni tintuża aktar sabiex il-fluss ta" l-ilma fil-wiċċ u taħt l-art jitrażżan u jittaffa u sabiex jonqsu d-degradazzjoni u t-telf tal-ħamrija;

24.  Jirrakkomanda li l-mekkaniżmu Komunitarju għall-protezzjoni ċivili tagħmel provvedimenti għal interventi f'sitwazzjonijiet ta" kriżi li jirriżultaw minn nixfa qawwija;

25.  Jenfasizza l-importanza li terġa" ssir evalwazzjoni tal-kwantitajiet disponibbli ta" l-ilma ta" taħt l-art fl-UE kollha u tar-regoli li jmexxu l-użu tiegħu, bl-għan ewlieni li jiġi żgurat l-użu razzjonali tar-riżorsi ta" l-ilma ta" taħt l-art skont il-ħtieġa tal-pajjiż individwali;

26.  Jinnota li l-Komunikazzjoni ma tindirizzax il-problemi li jinħolqu f'diversi reġjuni minħabba li d-drenaġġ ma jiġix ippurifikat;

27.  Jisħaq li m'għandhiex tintesa l-ħtieġa li jkunu protetti r-riżorsi ta" l-ilma ta" taħt l-art jekk dawn għandhom ikunu inklużi fl-immaniġġjar ġenerali tar-riżorsi ta" l-ilma;

28.  Jitlob lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex iqisu l-elementi ewlenin tal-komunikazzjoni dwar l-isfida tan-nuqqas tal-ilma u tan-nixfa fi ħdan setturi politiċi oħra, biex ikunu evitati effetti negattivi fil-qasam tal-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma;

29.  Jisħaq li l-esperjenza dinjija turi li d-devjazzjoni tax-xmajjar twassal għal ħsara irreparabbli fil-kundizzjonijiet ekoloġiċi u idromorfoloġiċi, u tista" tfisser li n-nies ikollhom jitilqu djarhom u li n-negozji jkollhom jirrilokaw, u b'hekk issir ħsara lill-koeżjoni soċjali u ekonomika; jistieden lill-Istati Membri sabiex jevitaw kwalunkwe deterjorazzjoni tal-baċiri tax-xmajjar tagħhom u sabiex jirrispettaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva ta" Qafas dwar l-Ilma, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex l-iffinanzjar ta" l-UE tagħtih biss lil proġetti li jikkonformaw ma' dawk ir-rekwiżiti;

30.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex mingħajr aktar dewmien jadotta deċiżjoni dwar il-proposta ta' Regolament li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-UE (COM(2005)0108), biex titjieb id-definizzjoni tal-kriterji u tas-sitwazzjonijiet eliġibbli, inklużi sitwazzjonijiet ta' nixfa, u b'hekk ikun aktar possibbli li tittieħed azzjoni kontra d-diżastri naturali b'mod aktar effettiv, flessibbli u bil-ħeffa, meta jitqies li l-Parlament diġà adotta l-pożizzjoni tiegħu fit-18 ta" Mejju 2006(4);

31.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-iffrankar tal-ilma hu l-ewwel prijorità tal-Kummissjoni bħala reazzjoni għall-iskarsezza u l-perjodi ta" nixfa; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-użu tal-Fondi Strutturali ma jaħdimx kontra din il-prijorità, sabiex tinkorpora l-immaniġġjar ta" l-ilma bħala kriterju li l-proġetti jridu jissodisfaw, u sabiex jikseb evidenza ta" l-użu sħiħ mill-awtoritajiet lokali u reġjonali ta" l-iffrankar ta" l-ilma u tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tad-Direttiva ta" Qafas dwar l-Ilma, qabel ma jingħataw finanzjament mill-Fondi Strutturali;

32.  Iqis li fejn mogħdija tal-ilma tgħaddi minn iktar minn Stat Membru wieħed, hu meħtieġ li tiddaħħal il-kooperazzjoni interreġjonali u transnazzjonali għall-ġestjoni integrata tal-mogħdijiet tal-ilma, b'mod partikolari b'rabta mal-agrikoltura;

33.  Ifakkar li kważi 20% ta" l-ilma fl-UE qed jintilef minħabba l-ineffiċjenza ta" l-ilma u jisħaq fuq il-bżonn għal investimenti maġġuri sabiex jittejbu l-progress tekniku fis-setturi ekonomiċi kollha (b'attenzjoni speċjali fuq l-iżjed użi intensivi ta" l-ilma u s-setturi fejn il-potenzjal ta" l-iffrankar ta" l-ilma huwa l-iżjed sinifikanti); jinnota li l-immaniġġjar ħażin tal-ilma hija problema li taffettwa l-iskarsezza ta" l-ilma, u li jista" jkollu iżjed impatti negattivi fiż-żminijiet tan-nixfa għad li ma jikkawżahiex, għax in-nixfa hija fenomenu naturali;

34.  Jipproponi lill-Kummissjoni – peress li l-problema ta" l-iskarsezza ta" l-ilma u tal-perjodi ta" nixfa hija marbuta mill-qrib mal-kwistjonijiet kumplessi ta" l-użu ħali ta" l-ilma – li l-kriterju tal-użu ekonomiku tal-ilma għandu jiġi inkorporat mas-sistema ta' kundizzjonijiet għall-għotja ta' sussidji minn-fondi tal-UE;

35.  Iħeġġeġ lill-UE biex tappoġġja t-teknoloġija, l-iskambji tal-aħjar prattiki u l-innovazzjoni li jużaw inqas ilma u enerġija u li jkunu mmirati biex itejbu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni - waqt li jżomm f'moħħu li t-telf ikkawżat mill-provvista tan-netwerk tat-tnixxijiet ta" l-ilma pubbliku f'ċentri urbani jista" jaqbeż il-50% - biex tikkunsidra l-possibilità li tippromwovi netwerk ta' bliet biex jinkoraġġixxu l-użu sostenibbli tal-ilma bil-għan li jiskambjaw prattiki tajbin bħall-użu mill-ġdid, l-iffrankar u l-effiċjenza mtejba fl-ilma u biex jaħdmu flimkien f'proġetti pilota ta' dimostrazzjoni; jistieden, bl-istess mod, lill-awtoritajiet lokali biex itejbu n-netwerks tal-provvista għad-distribuzzjoni ta" l-ilma li m'għadhomx jintużaw;

37.  Jisħaq li 40% ta" l-ilma użut fl-UE jista" ma jinħeliex; jitlob li jittieħdu miżuri u inċentivi finanzjarji konkreti biex ikun promoss użu iktar effiċjenti u sostenibbli tal-ilma; jistieden, bl-istess mod, li jkun hemm installazzjoni estensiva ta' tagħmir ta" kejl li jkejjel il-konsum ta" l-ilma sabiex jitħeġġeġ l-iffrankar, l-użu mill-ġdid u l-użu effiċjenti u razzjonali ta" l-ilma; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri l-iżjed milquta biex jużaw parti mill-fondi strutturali tagħhom għal proġetti li jtejbu l-użu tal-ilma u l-iffrankar tal-ilma; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-baċir tax-xmara biex jagħmlu analiżi ta" l-ispiża f'relazzjoni mal-benefiċċju għal miżuri ta" mmaniġġjar alternattiv ta" l-ilma fis-setturi kollha;

38.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi missielet l-ħela ta" l-ilma u li jiġu bbilanċjati l-użi ta" l-ilma, b'mod partikulari permezz tal-użu mill-ġdid, filwaqt li jżomm f'moħħu l-valuri diversi li għandu: bijoloġiċi, soċjali, ambjentali, simboliċi, kulturali u f'termini tal-pajsaġġi u t-turiżmu;

39.  Ifakkar li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma jistipula li "L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-prinċipju ta' rkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi tal-ilma (...) bi qbil partikolarment mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas" u għandhom jiżguraw li, sas-sena 2010, "l-politika tal-apprezzament tal-ilma tipprovdi inċentivi adegwati għall-utenti biex jużaw ir-riżorsi tal-ilma effiċjentement (...) [u] kontribut adegwat għall-użi differenti tal-ilma (...) għall-irkupru tal-ispiża tas-servizzi tal-ilma";

40.  Iqis li, filwaqt li l-politiki ta" l-immaniġġjar ta" l-ilma għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta" min iniġġes iħallas, dawn għandhom ikunu akkumpanjati wkoll b'miżuri li jwaqqfu t-telf sinifikanti li jirriżulta minn apparat difettuż u minn sistemi agrarji u wċuħ tar-raba" mhux adegwati;

41.  Jisħaq li jista' jinkiseb ħafna progress lejn użu iktar effiċjenti ta" l-ilma fis-settur agrikolu f'xi pajjiżi; jispera li l-kontroll tas-saħħa tal-Politika Agrikola Komuni se jikkkunsidra din il-problema u se jipproponi azzjonijiet konkreti li jippromwovu użu iktar sostenibbli ta" l-ilma permezz ta" inċentivi biex jiġu mobilizzati l-aħjar prattiki u teknoloġiji disponibbli, b'mod partikolari l-appoġġ għall-iżvilupp rurali, permezz tal-konformità reċiproka, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta" min iniġġes iħallas u tal-prinċipju ta" min juża jħallas, u l-Programmi għall-Iżvilupp Rurali; iqis li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja miżuri biex jittejjeb l-immaniġjar tal-ilma fl-agrikoltura, billi tippromwovi l-immodernizzar tas-sistemi tal-irrigazzjoni ħalli jitnaqqas il-konsum tal-ilma u billi ssaħħaħ ir-riċerka f'dan il-qasam;

42.  Jenfasizza l-irwol li għandhom il-programmi ambjentali fil-qafas tat-tieni pilastru tal-Politika Agrikola Komuni fl-istabbiliment ta' inċentivi għall-prattiki agrikoli li jħarsu s-sostenibilità u l-purezza tar-riżorsi tal-ilma;

43.  Jenfasizza l-fatt li l-produzzjoni tal-bijofjuwil se żżid it-talba għal kwantitajiet kbar ta" ilma, u jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir sorveljanza mill-qrib fuq l-impatt ta" l-użu tal-bijofjuwils u li ssir reviżjoni regolari tal-politiki ta" l-Unjoni Ewropea u nazzjonali dwar il-bijofjuwils;

44.  Josserva li l-utenti ewlenin ta" l-ilma (bħall-impjanti ta" l-enerġija) ma jikkonsmawx l-ilma iżda jirillaxaw l-ilma fiċ-ċiklu ta" l-ilma wara li jkunu użawh fil-proċessi tagħhom; jenfasizza li meta jagħmlu dan ikollhom effett qawwi fuq id-disponibilità tal-ilma tal-wiċċ, fuq is-sistemi ekoloġiċi u fuq is-saħħa pubblika minħabba li jżidu t-temperatura ta" l-ilma; jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu dawn l-effetti;

45.  Ifakkar li l-konsumaturi għandhom rwol maġġuri jekk irridu niksbu użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma fl-UE, u għalhekk jitlob lill-UE biex tnedi kampanja pubblika ta" informazzjoni u ta" edukazzjoni biex tqajjem iktar il-kuxjenza tan-nies dwar il-kwistjoni ta" l-ilma u tħeġġiġhom biex jieħdu azzjonijiet konkreti;

46.  Jirrimarka lill-Kummissjoni li bit-tfassil ta" politika effiċjenti tal-prezzijiet tal-ilma li turi l-valur reali ta" l-ilma, din tista" tinkoraġixxi lill-konsumaturi biex ikunu aktar ekonomiċi fl-użu tagħhom ta" l-ilma;

47.  Jenfasizza l-irwol ewlieni ta" l-awtoritajiet reġjonali u lokali u ta" l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kampanji tat-tqajjim ta" kuxjenza u fl-organizzazzjoni ta" attivitajiet edukattivi;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lir-reġjuni u l-bliet ta" l-Istati Membri sabiex iħeġġu l-iżvilupp ta" kultura ta" ffrankar ta" l-ilma fl-UE billi jippromwovu l-ġbir tal-ilma tax-xita u billi jnedu kampanji sabiex iqajmu l-kuxjenza pubblika dwar l-iffrankar tal-ilma, pereżempju permezz ta' programmi edukattivi xierqa; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħeġġeġ l-iskambju tal-prattiki tajba fost ir-reġjuni, il-bliet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filwaqt li jiffukaw fuq miżuri għall-iffrankar ta" l-ilma (inkluża l-purifikazzjoni ta" l-ilma tax-xita u tad-drenaġġ), għat-titjib fl-effiċjenza ta" l-ilma u għall-immaniġġjar tar-riskju ta" perjodi ta" nixfa;

49.  Iqis li hu meħtieġ li jkunu promossi kampanji ta' informazzjoni, kuxjenza u taħriġ għall-produtturi sabiex jingħata kontribut attiv għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma;

50.  Hu tal-fehma li sistema ta" ttikkettar għall-konsum ta" l-ilma tal-prodotti, li diġà teżisti għall-effiċjenza enerġetika, tkun għodda adegwata biex jinkiseb konsum ta" l-ima li jkun iżjed sostenibbli, iżda jisħaq li;

   a) sistema bħal din għandha tkun volontarja, u
   b) għandhom jitqiesu t-tikketti u l-iskemi ta" ttikkettar eżistenti biex jiġi evitat li l-konsumaturi jitħawdu minħabba volumi kbar ta" informazzjoni;

51.  Iħeġġeġ biex il-kriterji tar-rendiment ta" l-ilma għandhom, fejn ikun possibbli, isiru parti mill-istandards tal-kostruzzjoni tal-bini;

52.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha biex jiżviluppaw skema volontarja għat-tikkettar ta" mmaniġġjar sostenibbli ta" l-ilma u biex ifasslu programmi volontarji ta" ffrankar ta" l-ilma fid-diversi setturi ekonomiċi (pereżempju l-agrikoltura, it-turiżmu, il-manifattura);

53.  Huwa tal-fehma li l-ilma jrid jibqa' meqjus bħala wieħed mill-beni pubbliċi u bħala element fundamentali tas-sovranità ta' pajjiż li għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd bi prezzijiet 'soċjali u ambjentali' ġusti, b'kunsiderazzjoni partikulari tas-sitwazzjoni speċifika ta' kull pajjiż u tad-diversi sistemi agrikoli li jeżistu, kif ukoll għall-irwol soċjali tal-agrikoltura;

54.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li fl-2009 tiffinanzja proġett pilota maħsub biex ikopri r-riċerka, is-sorveljanza u l-immoniterjar għall-iżvilupp ta" attivitajiet ta" prevenzjoni biex titwaqqaf id-deżertifikazzjoni u l-formazzjoni 'steppe' fl-Ewropa biex b'hekk ikunu evitati l-erożjoni, id-deflazzjoni, it-telf agrikolu u tal-bijodiversità, jiżdiedu l-ħarsien u l-fertilità tal-ħamrija u l-kapaċità tal-ħamrija li żżomm l-ilma kif ukoll l-abilità tagħha li trażżan il-faħam; jerġa" jtenni l-importanza li tiġi stabbilita data affidabbli u trasparenti sabiex il-politika tkun tista" tkun tabilħaqq effettiva;

55.  Jilqa" t-twaqqif ta" l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa u tas-sistemi ta" twissija bikrija; jenfasizza l-importanza ta" diskussjoni estensiva dwar l-objettivi bażiċi, il-baġit u l-organizzazzjoni tagħhom;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-bidu ta" l-operat ta" l-Osservatorju Ewropew tan-Nixfa fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u jenfasizza li dan għandu jaħdem sabiex jikkomplementa d-data nazzjonali b'tagħrif reġjonali u lokali standard dwar ix-xita u l-konsum skont l-istaġuni u skont is-setturi sabiex jissaħħaħ it-teħid ta" deċiżjonijiet sod u strateġiku;

57.  Jenfasizza l-importanza ta' ħamrija li jkun fiha ħafna materjal organiku, sistema adattata ta' rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba' u taħlita bbilanċjata ta' foresti, mergħat u art tar-raba' għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma; iwissi li l-konsum dejjem akbar tal-art jikkostitwixxi theddida għall-agrikoltura, għas-sigurtà tal-provvista tal-ikel u għall-ġestjoni sostenibbli tal-ilma;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jerġgħu jkabbru msaġar f'zoni affettwati minn nixfiet ċikliċi u nirien fuq bażi ta' rispett għall-bijoklima u l-karatteristiċi ekoloġiċi tagħhom, u jittama li r-riabilitazzjoni tal-pajsaġġ rurali u urban tkun ittrattata bħala kwistjoni ta' importanza partikolari, b'kunsiderazzjoni xierqa għall-karatteristiċi lokali speċifiċi;

59.  Huwa tal-fehma li l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfiet ċikliċi aċċentwaw il-flaġell tan-nirien u tal-gravità tagħhom, żiedu l-fraġilità u r-riskju tal-qirda ta' ħafna speċi li huma karatteristiċi tal-foresti fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, li għalihom il-foresti jirrappreżentaw, f'ħafna każi, ir-riżors naturali ewlieni;

60.  Jenfasizza li l-ippjanar għall-mudell agrikolu Ewropew għandu jqis il-perikli ambjentali l-aktar frekwenti u gravi kif ukoll l-iskarsezza tal-ilma u n-nixfa u li, f'dak il-kuntest, mekkaniżmu effettiv tal-immaniġġjar ta' kriżijiet għandu jikkostitwixxi element fundamentali tal-Politika Agrikola Komuni;

61.  Huwa tal-fehma li l-valur ambjentali tal-foresti u l-produzzjoni agrikola jrid ikun evalwat mill-ġdid f'kuntest tal-bidla fil-klima fejn huwa assolutament vitali li jkun hemm bilanċ bejn iż-żieda fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u ż-żieda fil-kopertura forestali li l-kontribut tagħha bħala ħażna ta' karbonju jrid jitqies fil-politiki kollha dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b'effett ta' serra;

62.  Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tibqa' tenfasizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa f'livell internazzjonali, b'mod partikolari permezz tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ġlieda kontra d-Diżertifikazzjoni u l-Konvenzjoni ta' Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Bidla fil-Klima;

63.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernjijet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1
(2) ĠU C 76 E, 25.3.2004, p. 430.
(3) ĠU C 297 E, 7.12.2006, p.363.
(4) OJ C 297 E, 7.12.2006, p.331.


Il-Governanza tal-Artiku
PDF 219kWORD 55k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar il-Governanza tal-Artiku
P6_TA(2008)0474RC-B6-0523/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra s-Sena Polari Internazzjonali (Marzu 2007 - Marzu 2009),

–   wara li kkunsidra t-Tmien Konferenza tal-Membri Parlamentari tal-Artiku li saret f'Fairbanks, fl-Alaska mit-12 sal-14 ta' Awwissu 2008,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-Artiku li hi mistennija fil-ħarifa tal-2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar id-Dimensjoni tat-Tramuntana tas-16 ta' Jannar 2003(1), tas-17 ta' Novembru 2003(2), tas-16 ta' Novembru 2005(3) u tas-16 ta' Novembru 2006(4),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tar-rapport dwar l-Evalwazzjoni tal-Impatt fuq il-Klima tal-Artiku,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi l-Kummissjoni ippubblikat Komunikazzjoni fl-10 ta' Ottubru 2007 bl-isem "Politika Marittima Integrata għall-Unjoni Ewropea" (il-Blue Book) (COM(2007)0575),

B.   billi fl-14 ta' Marzu 2008 ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni ippreżentaw dokument ta' politika lill-Kunsill Ewropew, bl-isem "Il-Bidla fil-Klima u s-Sigurtà Internazzjonali",

C.   billi l-importanza ġeopolitika u strateġika tar-reġjun tal-Artiku qiegħda tikber, kif ġie ssimbolizzat bit-tqegħid ta' bandiera Russa f'qiegħ il-baħar 'l isfel mill-Pol tat-Tramuntana f'Awwissu 2007,

D.   billi l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Marittima (UNCLOS) għadha ma ġietx ratifikata mis-Senat tal-Istati Uniti u li ma kinitx mfassla b'kunsiderazzjoni speċifika għaċ-ċirkostanzi kurrenti tal-bidla fil-klima u l-konsegwenzi uniċi tas-silġ li qed idub fl-ibħra tal-Artiku,

E.   billi l-konferenza reċenti tal-membri parlamentari tal-Artiku ġabet flimkien rappreżentanti eletti mill-Parlament Ewropew, il-Kanada, id-Danimarka, Greenland, l-Iżlanda, il-Finlandja, in-Norveġja, l-Iżvezja, ir-Russja u l-Istati Uniti sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet ta' sikurezza marittima, kura tas-saħħa, ħarsien ambjentali u żvilupp sostenibbli,

F.   billi r-reġjun tal-Artiku attwalment mhuwiex irregolat minn normi jew regolamenti multilaterali, mfassla b'mod speċifiku, peress li qatt ma kien mistenni li jsir mogħdija ta' ilma navigabbli jew zona ta' esplojtazzjoni kummerċjali,

G.   billi t-traffiku marittimu fl-ilmijiet tal-Artiku kiber sewwa f'dawn l-aħħar snin minħabba li żdied l-interess fit-tħaffir 'il barra mill-kosta u minħabba li qegħdin jgħaddu aktar sikwit il-vapuri tal-cruises, kif ukoll minħabba l-prospetti li joffri l-Passaġġ tal-Majjistral,

H.   billi r-reġjun tal-Artiku jista' jkun li fih madwar 20% tar-riżervi taż-żejt u l-gass li għadhom ma ġewx skoperti fid-dinja,

I.   billi d-Dikjarazzjoni ta' Ilulissat ġiet adottata mill-"pajjiżi A5" (id-Danimarka, il-Kanada, in-Norveġja, ir-Russja u l-Istati Uniti) f'Mejju 2008,

J.   bili l-Kummissjoni pparteċipat b'mod sħiħ fil-konferenza dwar 'L-Artiku: il-Preokkupazzjoni Komuni Tagħna', organizzata mill-Kunsill Nordiku tal-Ministri f'Ilulissat (Greenland) fid-9 u fl-10 ta' Settembru 2008, u billi l-Parlament kkunsidra l-konklużjonijiet taċ-Chairperson fir-rigward tal-konferenza,

K.   billi l-konferenza msemmija hawn fuq iffukat ukoll fuq il-bidla fil-klima fir-reġjun, l-effetti tagħha fuq il-popolazzjonijiet indiġeni u l-possibilità li wieħed jadatta għaliha,

L.   billi r-rata tat-tisħin globali fir-reġjun tal-Artiku hija ħafna ogħla mill-bqija tad-dinja, b'żieda ta' 2° C fl-aħħar mitt sena meta mqabbla mal-medja ta' 0,6% fil-bqija tad-dinja,

M.   billi l-bidliet fil-kundizzjonijiet klimatiċi fiz-zona tal-Artiku huma diġà tali li l-poplu Inuit pereżempju m'għadux jista' jikkaċċja fil-manjiera tradizzjonali, peress li s-silġ huwa rqiq wisq biex jiflaħ is-slitti tagħhom, filwaqt li annimali selvaġġi bħall-ors polari, il-walrus u l-volpi huma fil-periklu li jaraw il-parti l-kbira tal-ambjent naturali tagħhom jgħosfor,

N.   billi l-UE għandha fost l-Istati Membri tagħha tliet pajjiżi Artiċi, u żewġ pajjiżi Artiċi oħra fost il-ġirien l-iktar qrib tagħha li jipparteċipaw fis-suq intern permezz tal-Ftehima taz-Zona Ekonomika Ewropea, li jfisser li l-UE u l-istati assoċjati tagħha flimkien jgħoddu aktar minn nofs is-sħubija numerika tal-Kunsill tal-Artiku,

1.  Huwa mħasseb ħafna dwar l-effetti tal-bidla fil-klima fuq sostenibilità tal-ħajjiet tal-popli indiġeni fir-reġjun kemm f'termini tal-ambjent ġenerali (il-kappa tas-silġ u l-permafrost li qegħdin jinħallu, il-livelli tal-baħar li qegħdin jogħlew u l-għargħar) kif ukoll tal-ambjent naturali (il-kappa tas-silġ li qiegħda tiċkien qiegħda toħloq problemi għad-drawwiet alimentarit tal-ors polari) u jenfasizza li kwalunkwe deċiżjoni internazzjonali marbuta ma' dawn il-kwistjonijiet trid kemm tinvolvi kif ukoll tikkunsidra kompletament lill-popli u n-nazzjonijiet kollha tal-Artiku;

2.  Ifakkar li fis-seklu għoxrin, it-temperaturi tal-arja fl-Artiku għolew bejn wieħed u ieħor b'5°C u li din iż-żieda hija għaxar darbiet aktar mgħaġġla mill-medja globali tat-temperatura osservata f'wiċċ il-baħar; jenfasizza li huwa mbassar tisħin ieħor ta' madwar 4-7° C fl-Artiku matul il-mitt sena li ġejjin; jemmen, għalhekk, li ż-żmien għad-dijanjosi għadda u li issa wasal iż-żmien għall-azzjoni;

3.  Jenfasizza li l-ispeċijiet u s-soċjetajiet tal-Artiku żviluppaw metodi ta' adattament tassew speċjalizzati għall-kundizzjonijiet ħorox li hemm fil-poli, u b'hekk saru vulnerabbli għall-aħħar għat-tibdil drammatiku li sar f'dawn il-kundizzjonijiet; jinsab imħasseb ħafna għall-walrus, l-ors polari, il-foka u mammali oħra tal-baħar li jiddependu mis-silġ fuq il-baħar biex jistrieħu, jieklu, jikkaċċjaw u jitgħammru u li jinsabu mhedda b'mod partikulari mill-bidla fil-klima;

4.  Jilqa' d-dikjarazzjoni ta' għeluq tal-konferenza adottata mill-Konferenza tal-Membri Parlamentari tal-Artiku f'Fairbanks fl-14 ta' Awwissu, 2008;

5.  Jilqa' l-fatt li t-Tramuntana Estrema saret parti mil-linja politika "Id-Dimensjoni tat-Tramuntana" tal-UE, iżda hu konvint li l-għarfien dwar l-importanza tal-Artiku f'kuntest globali jeħtieġ li jikber aktar billi jkun hemm politika indipendenti tal-UE għall-Artiku;

6.  Jisħaq fuq is-sinifikat tal-Artiku għall-klima globali f'dan ir-rigward u jittama li l-appoġġ preżenti għall-attivitajiet ta' riċerka f'dak ir-reġjun ikompli wkoll wara li tispiċċa s-Sena Polari Internazzjonali;

7.  Jistenna b'interess kbir il-Komunikazzjoni li se toħroġ il-Kummissjoni dwar il-politika għall-Artiku u jittama li tistabbilixxi l-pedament għal politika għall-Artiku sinifikanti fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex tindirizza, għall-inqas, dawn il-kwistjonijiet fil-Komunikazzjoni tagħha:

   a) l-istat attwali tal-bidla fil-klima u l-adattament għaliha fir-reġjun;
   b) l-għażliet tal-politika li jirrispettaw il-popolazzjonijiet indiġeni u l-għajxien tagħhom;
   c) il-bżonn li jkun hemm koperazzjoni mal-ġirien tagħna tal-Artiku fuq kwistjonijiet transkonfinali u b'mod partikulari fuq is-sikurezza marittima; u
   d) l-esplorazzjoni tal-għażliet għal struttura politika jew legali transkonfinali għall-ġejjieni, li tkun tista' sservi għall-ħarsien tal-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli u ordnat tar-reġjun, jew li tkun tista' sservi ta' intermedjarju fil-konfront politiku fir-rigward tar-riżorsi u r-rotot marittimi navigabbli fit-Tramuntana Estrema;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-politika tal-enerġija u s-sigurtà fir-reġjun Artiku fuq l-aġenda tagħha u biex tipproponi, b'mod partikulari, fil-komunikazzjoni mistennija tagħha dwar ir-reġjun, suġġetti u proċeduri għal ħidma konġunta xierqa għall-UE u l-pajjiżi tal-Artiku, fl-oqsma tal-bidla fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku u s-sikurezza marittima;

9.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-fatt li r-reġjun tal-Artiku, minħabba l-impatt tiegħu fuq il-klima tad-dinja u l-ambjent naturali uniku tiegħu, jistħoqqlu kunsiderazzjoni speċjali hekk kif l-UE tiżviluppa l-pożizzjoni tagħha għall-Konferenza tan-NU dwar il-Bidla fil-Klima tas-COP 15 li għandha ssir f'Kopenħagen fl-2009;

10.  Huwa tal-fehma li t-traffiku marittimu fir-reġjun (dak turistiku u dak relatat mat-tħaffir għaż-żejt fil-baħar) ma jgawdi xejn mit-tip ta' regoli minimi internazzjonali tas-sikurezza li jeżistu f'ilmijiet internazzjonali oħrajn - f'termini ta' ħarsien tal-ħajja tal-bniedem jew tal-ambjent u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, malajr kemm jista' jkun, isiru emendi xierqa għar-regolamenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO);

11.  Jenfasizza l-aspetti esterni tal-politika tal-enerġija u l-irwol tal-Artiku fit-tiswir tal-Politika tal-Enerġija tal-Ewropa, kif propost mill-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2007;

12.  Jappoġġja l-Kunsill Artiku biex ir-reġjun tal-Artiku jinżamm bħala reġjun ta' tensjoni baxxa, miftuħ għall-koperazzjoni internazzjonali fir-riċerka, sabiex il-potenzjal tiegħu bħala reġjun fornitur tal-enerġija għall-ġejjieni jkun jista' jiġi żviluppat f'qafas ambjentali sostenibbli;

13.  Għadu mħasseb dwar it-tellieqa li dejjem għaddejja għar-riżorsi naturali fl-Artiku, li tista' twassal għal theddid ta' sigurtà għall-UE u instabilità internazzjonali ġenerali;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tieħu sehem proattiv fl-Artiku billi, għall-inqas bħala l-ewwel pass, tikseb "status ta' osservatur" fil-Kunsill tal-Artiku, u jqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tistabbilixxi uffiċċju ddedikat għall-Artiku;

15.  Jissuġerixxi li l-Kummissjoni għandha tħejji l-ftuħ ta' negozjati internazzjonali intenzjonati biex iwasslu għall-adozzjoni ta' trattat internazzjonali għall-protezzjoni tal-Artiku, li jkollu bħala l-ispirazzjoni tiegħu lit-Trattat tal-Antartiku, kif supplimentat mill-Protokoll ta' Madrid iffirmat fl-1991, imma li jirrispetta d-differenza fundamentali rrapreżentata min-natura popolata tal-Artiku u mid-drittijiet u bżonnijiet konsegwenti tal-popli u n-nazzjonijiet tar-reġjun tal-Artiku; jemmen, madankollu, li, bħala punt ta' tluq minimu, trattat ta' dan it-tip jista' tal-anqas ikopri z-zona mhux popolata u mhux klejmjata fiċ-ċentru tal-Oeanu Artiku;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lin-Norveġja, lil Iżlanda, lir-Russja, lill-Kanada u lill-Istati Uniti u lil dawk li jipparteċipaw fil-koperazzjoni reġjonali.

(1) ĠU C 38 E, 12.2.2004, p.283.
(2) ĠU C 87 E, 7.4.2004, p.411.
(3) ĠU C 280 E, 18.11.2006, p.73.
(4) ĠU C 314 E, 21.12.2006, p.258.


L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq
PDF 243kWORD 64k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq (2008/2062(INI))
P6_TA(2008)0475A6-0357/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-konsegwenzi ta' l-esklużjoni tax-xufiera li jaħdmu għal rashom mill-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2002/15/KE tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq (COM(2007)0266),

-   wara li kkunsidra t-23 rapport tal-Kummissjoni tat-12 ta' Ottubru 2007 dwar l-implimentazzjoni fl-2003-2004 tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 dwar l-armonizzazzjoni ta" ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq (COM(2007)0622),

-   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 tal-20 ta' Diċembru 1985 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġislazzjoni soċjali relatata mat-trasport bit-triq(1),

-   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq(2),

-   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-15 ta" Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali relatata bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85(3),

-   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta" Marzu 2006 dwar il-kondizzjonijiet minimi għall-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) 3820/85 u 3821/85 dwar il-leġiżlazzjoni soċjali relatata ma' attivitajiet tat-trasport bit-triq u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 88/599/KEE(4),

-   wara li kkunsidra s-sentenza tal-24 ta" Settembru 2004 fil-Kawżi Konġunti C-184/02 u C-223/02 ir-Renju Spanjol u r-Repubblika tal-Finlandja vs il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea(5), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej iddeċidiet li xufiera li jaħdmu għal rashom ma jistgħux jiġu esklużi b'mod permanenti mill-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE,

-   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew – Inżommu "l-Ewropa miexja: Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna:‐ Reviżjoni ta' nofs it-term tal-White Paper tat-Trasport ta' l-2001 tal-Kummissjoni Ewropea(6),

-   wara li kkunsidra l-ittri tal-21 ta" Ġunju 2007 u d-29 ta" Ġunju 2007 mibgħuta mill-President tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali lill-Kummissarju Vladimir Spidla u lill-Viċi-President Jacques Barrot, u r-risposta tal-Viċi-President Barrot tat-3 ta" Ottubru 2007,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Fundazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet ta" l-Għixien u tax-Xogħol li jisimha "L-Impatt tad-direttiva dwar il-ħin tax-xogħol fuq il-ftehim kolletiv fil-qasam tat-trasport. "(7),

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0357/2008),

A.   billi uħud mill-Istati Membri m'għaddewx informazzjoni obbligatorja fil-ħin dwar l-attivitajiet ta' kontroll u l-implimentazzjoni, skond ir-Regolament (KEE) Nru 3820/85, bejn l-2003 u l-2004, bir-riżultat li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament tul il-perjodu msemmi (COM(2007)0622)) ġie ppreżentat sitt xhur tard,

B.   billi l-medja ta' l-ammont ta' kontravenzjonijiet li ġew innutati baqgħet stabbli, għalkemm in-numru totali ta' kontravenzjonijiet rrapportati f'xi Stati Membri tela' kunsiderevolment, b'żieda fil-ksur ta' regoli dwar il-waqfien u l-perjodi ta' mistrieħ filwaqt li l-ksur tar-regoli dwar il-tul tas-sewqan naqas,

C.   billi r-rapport bjennali li jmiss għandu jinkludi, għall-ewwel darba, informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE,

D.   billi hu ta" interess ġenerali li r-regoli dwar il-ħinijiet tax-xogħol, il-ħinijiet tas-sewqan u l-mistrieħ kemm għas-sewwieqa mobbli kif ukoll għal dawk li jaħdmu għal rashom jiġu applikati b'mod korrett,

E.   billi l-għan tad-Direttiva 2002/15/KE hu li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol sabiex titjieb il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza ta' persuni li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq u biex titjieb is-sikurezza tat-triq u biex il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jiġu konformi ma xulxin,

F.   billi d-Direttiva 2002/15/KE daħlet fis-seħħ fit-23 ta' Marzu 2002 u l-Istati Membri kellhom 3 snin li spiċċaw fit-23 ta' Marzu 2005 biex japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħha, u li, minkejja dan, il-biċċa l-kbira ta" l-Istati Membri ma rnexxilhomx jittrasponu d-Direttiva matul dan il-perjodu ta" tranżizzjoni ta" tliet snin,

G.   billi sentejn wara l-perjodu ta" tranżizzjoni previst għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE għad baqa" xi Stati Membri li għadhom ma ttrasponewx id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva,

H.   billi dawk li jaħdmu għal rashom huma esklużi mill-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE ta'lanqas sat-23 ta" Marzu 2009,

I.   billi r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi ta" l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mil-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE jitkellem kemm dwar il-vantaġġi kif ukoll dwar l-iżvantaġġi ta" l-inklużjoni jew l-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom, iżda ma jasalx għal konklużjonijiet definittivi,

J.   billi l-Parlament, f'diversi okkażjonijiet, irrimarka dwar l-importanza li tiġi ttrattata l-prattika ħażina li l-industrija tħaddan fl-ikklassifikar falz ta" impjegati bħala sewwieqa li jaħdmu għal rashom,

K.   billi jenħtieġ li jitneħħew id-differenzi bejn l-Istati Membri u li jingħata kontribut sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-settur tat-trasport bit-triq li tkun tinkludi lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom,

L.   billi hu importanti li jkun hemm koerenza mal-kamp ta" applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85 dwar it-tul tal-ħin ta" sewqan u ż-żmien tal-mistrieħ, bla distinzjoni bejn is-sewwieqa,

M.   billi l-illimitar tal-ħinijiet tax-xogħol għas-settur tat-trasport bit-triq ikun ħafna aktar effettiv fil-konfront tas-sikurezza tat-triq jekk ikun jinkludi lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom,

N.   billi l-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom ma tnaqqasx il-kapaċità jew il-ħtieġa li dawn jagħmlu xogħol amministrattiv jew ta' ġestjoni ta' l-impriża, minħabba li l-ħinijiet tax-xogħol affettwati permezz tad-Direttiva 2002/15/KE huma dawk relatati b'mod dirett mat-trasport bit-triq,

O.   billi l-parteċipanti soċjali li jirrappreżentaw lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew jaqblu dwar l-inklużjoni tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, sabiex b'hekk jiżguraw trattament indaqs għall-ħaddiema kollha tas-settur, jevitaw distorzjoni tal-kompetizzjoni u jippromwovu l-aħjar kundizzjonijiet ta" xogħol,

P.   billi l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea stabbiliet li l-Artikolu 71 tat-Trattat KE hu bażi legali adegwata u suffiċjenti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE għal ħaddiema li jaħdmu għal rashom, preċiżment għax jikkontribwixxi għall-objettivi tas-sikurezza tat-toroq u għall- konformità fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni,

Q.   billi l-Komunikazzjoni u r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi tal-esklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom mill-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE msemmija hawn fuq jirriflettu t-tħassib kontinwu dwar id-dewmien fit-traspożizzjoni u fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE f'xi Stati Membri, kif ukoll liġijiet soċjali oħra fil-qasam tat-trasport bit-triq.

R.   billi anke jekk hemm xi Stati Membri li għadhom m'għamlux traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE, ir-rapporti bijennali ta" implimentazzjoni għandhom jiġu ppreżentati skond l-iskeda stipulata fid-Direttiva,

1.  Jesprimi dispjaċir li għad hemm differenzi kunsiderevoli kontinwi fl-applikazzjoni u l-infurzar tar-Regolament (KEE) Nru 3820/85; jinnota li l-Istati Membri għandhom iqawwu l-isforzi tagħhom sabiex jiggarantixxu implimentazzjoni effiċjenti u uniformi tad-dispożizzjonijiet soċjali mtejba;

2.  Jinsab mħasseb dwar l-insuffiċjenzi u d-dewmien fit-traspożizzjoni u fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE f'xi Stati Membri; jenħtieġ kjarifika ċara u kumment mingħand dawn l-Istati Membri dwar ir-raġunijiet tan-nuqqas ta" implimentazzjoni, flimkien ma" indikazzjoni ta" x'ostakoli jista" jkun għad fadal;

3.  Jirrimarka li d-Direttiva 2002/15/KE tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi u t-traspożizzjoni tagħha m'għandhiex twassal għal livelli aktar baxxi ta" protezzjoni tal-ħaddiema jew għal anqas konformità b'kundizzjonijiet aktar favorevoli f'ċerti Stati Membri li jirriżultaw minn leġiżlazzjoni ġenerali ta" impjieg jew ftehimiet kollettivi,

4.  Jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu l-proċess ta" traspożizzjoni u biex ikunu l-aktar diliġenti possibbli fl-implimentazjzoni tar-regolamenti soċjali fil-qasam tat-trasport bit-triq, biex ikopru b'mod korrett l-interess ġenerali tas-sikurezza tat-toroq u s-saħħa u s-sikurezza tas-sewwieqa, filwaqt li jipprovdu qafas ċar ta' kompetizzjoni ġusta;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji r-rapporti ta" implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE kull sentejn kif stipulat, minkejja li għad hemm Stati Membri li għad iridu jittrasponu d-dispożizzjnoijiet tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom;

6.  Jinsab imħasseb dwar il-medja konstantament għolja ta' ksur, b'mod partikolari fil-qasam tat-trasport tal-passiġġieri, u jistenna mill-Istati Membri li jtejbu l-infurzar tad-dispożizzjonijiet legali;jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu inizjattivi konġunti sabiex jinkoraġġixxu skambju ta' informazzjoni u ta" staff, flimkien ma' kontrolli kkordinati;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkun soda ma' l-Istati Membri f'każijiet ta" ksur tal-liġi Ewropea f'dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet soċjali tal-qasam tat-trasport bit-triq, sabiex tipprovdi għal miżuri li jġiegħlu lil wieħed jikkonforma f'każ ta" nuqqas ta" konformità mad-dispożizzjonijiet u biex tieħu miżuri preventivi jekk ikun xieraq, bil-mezzi legali, biex tiżgura konformità rigoruża mal-leġiżlazzjoni komunitarja;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, skond il-proċedura ta" komitoloġija stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 561/2006, biex tipproponi linjigwida għal definizzjoni u klassifikazzjoni uniformi ta' infrazzjonijiet sa Ottubru 2008;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti l-prijorità li tixtraq lid-dimensjoni soċjali tas-sikurezza tat-toroq u tas-saħħa u s-sikurezza tax-xufiera u ta" utenti oħra tat-toroq b'rabta mal-konsiderazzjonijiet l-oħra kollha, hi u tipprepara l-impatt uffiċjali tagħha bil-għan li jkun hemm proposta leġiżlattiva li tbiddel id-Direttiva 2002/15/KE kif mitlub mill-Artikolu 2(1) tagħha;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tfassal l-evalwazzjoni tal-impatt imsemmija hawn fuq, tqis id-diffikulta tal-kundizzjonijiet tax-xoghol li jesperjenzaw ix-xufiera tat-trakkijiet li jivjaġġaw madwar l-Ewropa u li jinħolqu minħabba aċċess mhux xieraq għal zoni ta' mistrieħ minkejja l-fatt li l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 jirrikonoxxi speċifikament l-importanza ta" numru xieraq ta" zoni ta" mistrieħ sikuri għax-xufiera professjonali matul in-netwerk tat-toroq Ewropej, jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex issegwi l-proġett pilota għal zoni ta" pparkjar li jkunu sikuri mniedi mill-Parlament Ewropew, li jqis il-miżuri rrakkomandati fl-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar "Il-Politika Ewropea għas-Sikurezza fit-Toroq u Xufiera Professjonali – zoni ta" pparkjar li jkunu sikuri"(8);

11.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fit-tfassil uffiċjali tal-evalwazzjoni tal-impatt imsemmija hawn fuq, tqis b'mod sħiħ il-pożizzjoni u l-argumenti tal-Parlament biex is-sewwieqa li jaħdmu għal rashom jiġu inklużi b'mod sħiħ fil-kamp ta" applikazzjoni tad-Direttiva 2002/15/KE;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex, fit-tfassil uffiċjali tal-evalwazzjoni tal-impatt imsemmija hawn fuq tqis l-opinjoni ġenerali fis-settur tat-trasport dwar l-inklużjoni tas-sewwieqa li jaħdmu għal rashom, u jqis il-fatt li jkun diffiċli li ssir distinzjoni legali, u li jiġu segwiti l-każijiet ta", sewwieqa li "taparsi" jaħdmu għal rashom, biex ma nsemmux id-diffikultajiet prattiċi u burokratiċi biex jiġi żgurat li dawk il-figuri ma jintużawx minn ħafna bħala mezz ta' evażjoni mir-restrizzjonijiet tal-ħinijiet tax-xogħol;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta l-inizjattivi relevanti kmieni biżżejjed biex fit-23 ta" Marzu 2009, id-Direttiva 2002/15/KE kollha tkun tista" tidħol fis-seħħ bl-elementi kollha tagħha, u biex il-kamp ta" applikazzjoni tagħha jiġi estiż biex jinkludi lis-sewwieqa li jaħdmu għal rashom;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-evalwazzjonijiet tal-impatt jitlestew b'urġenza, sabiex tiġi konkluża analiżi oġġettiva mingħajr ebda dewmien dwar liema bidliet, jekk dawn ikunu meħtieġa, għandhom jiġu kkunsidrati;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-proċeduri ta' spezzjoni tat-traffiku f'kull Stat Membru u tgħaddi rapport dwarhom lill-Parlament; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'każ li jinstabu proċeduri ta' spezzjoni li jirristrinġu l-moviment ħieles ta' oġġetti jew ta' persuni, din tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti u tipproponi emendi, sabiex tiżgura proċeduri uniformi ta' spezzjoni tat-traffiku;

16.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippreżentaw l-informazzjoni u r-rapporti ta' implimentazzjoni bbażati fuq din l-informazzjoni b'aktar ħeffa, sabiex kull korrezzjoni legali potenzjali neċessarja li toħroġ mill-analiżi ta' l-implimentazzjoni tkun tista' tiġi indirizzata mingħajr aktar dewmien;

17.  Jikkunsidra li l-figuri għal darb'oħra jikkonfermaw il-fehma tiegħu li hemm ħtieġa urġenti għal aġġustamenti legali; huwa kunfidenti, għaldaqstant, fid-dawl tad-Direttiva 2006/22/KE¹, li daħlet fis-seħħ f'Mejju 2006 u r-Regolament (KE) Nru 561/2006,li daħal fis-seħħ f'April 2007, li r-regoli se jiġu nfurzati b'mod aktar strett u uniformi fil-ġejjieni;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti ta' l-Istati Membri, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1) ĠU L 370 31.12.1985, p. 1.
(2) ĠU L 80 23.3.2002, p. 35
(3) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.
(4) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 35.
(5) ECR [2004] I-7789.
(6) ĠU C 161, 13.7.2007, p. 89.
(7) http://www.eurofound.europa.eu/docs/eiro/tn0704039s/tn0704039s.pdf
(8) ĠU C 175, 27.7.2007, p. 88.


Is-segwitu tal-proċess Lamfalussy: l-istruttura futura ta' sorveljanza
PDF 502kWORD 122k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-proċess Lamfalussy: l-istruttura futura ta' sorveljanza (2008/2148(INI))
P6_TA(2008)0476A6-0359/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Raba' Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta' Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji(1),

–   wara li kkunsidra s-Seba' Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta' Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 86/635/KEE tat-8 ta' Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra(3),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/674/KEE tad-19 ta' Diċembru 1991 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta" intrapriżi tal-assigurazzjoni(4),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta" Mejju 1994 dwar skemi ta" garanzija għal depożiti(5),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 dwar ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta' istituzzjonijiet ta' kreditu(6),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar is-superviżjoni supplementari ta' istituzzjonijiet ta' kreditu, impriżi ta' assigurazzjoni u ditti tal-investiment f'konglomerat finanzjarju(7),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji(8),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat(9),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-istabbiliment u l-eżerċizzju tal-attività ta" istituzzjonijiet ta" kreditu (riformulazzjoni)(10),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital tal-kumpaniji tal-investiment u l-istituzzjonijiet tal-kreditu (riformulazzjoni)(11),

–   wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-insegwiment tan-negozju tal-Assigurazzjoni u r-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (riformulazzjoni) (COM(2008)0119),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Settembru 2004 dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra Mġiba Ħażina Korporattiva u Finanzjarja (COM(2004)0611),

   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2004/913/KE tal-14 ta' Diċembru 2004 dwar it-trawwim ta' reġim xieraq għar-rimunerazzjoni tad-diretturi ta' kumpaniji kkwotati fil-borża(12),

   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-politika tas-servizzi finanzjarji (2005-2010 - White Paper(13) ), tal-4 ta' Lulju 2006 dwar il-konsolidazzjoni tal-industrija tas-servizzi finanzjarji(14), tat-28 ta' April 2005 dwar l-istat attwali tal-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-UE(15) u tal-21 ta' Novembru 2002 dwar ir-regoli ta' sorveljanza prudenti ta' l-Unjoni Ewropea(16),

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Forum ta' Stabilità Finanzjarja dwar it-Titjib tar-Reżiljenza tas-Swieq u ta' dik Istituzzjonali tas-7 ta' April 2008,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-arranġamenti tal-UE għall-qafas ta' sorveljanza u l-istabbiltà finanzjarja, adottati fl-14 ta' Mejju 2008, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kwistjonijiet relatati wara l-laqgħat tiegħu tat-3 ta' Ġunju 2008, l-4 ta' Diċembru 2007 u d-9 ta' Ottubru 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 192(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0359/2008),

A.   billi għadha għaddejja r-reviżjoni tad-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE u saret proposta mhix mistennija dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu,

B.   billi l-Kummissjoni ma indirizzatx sensiela ta' talbiet mill-Parlament, fosthom dawk li saru fir-riżoluzzjonijiet tagħha msemmija hawn fuq u billi l-lista ta' rakkomandazzjonijiet dwar kif tista' titjieb il-funzjoni tas-sorveljanza tas-swieq finanzjarji tidher fl-Anness,

C.   billi s-sorveljanza finanzjarja ma żammitx il-pass mal-integrazzjoni tas-swieq u l-evoluzzjoni globali tas-swieq finanzjarji titlob li s-sistemi ta' regolamentazzjoni u ta' sorveljanza attwali jiġu aġġornati sabiex ikunu indirizzati r-riskji sistematiċi, jipprovdu stabilità finanzjarja, jilħqu l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea u jagħtu kontribut biex titjieb il-governanza finanzjarja globali,

D.   billi kull suġġeriment tal-Parlament Ewropew għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji, u r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fl-Anness jeħtieġ li jkunu żviluppati b'konsultazzjoni mal-awtoritajiet ta' sorveljanza, mal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u ma' entitajiet rilevanti oħra,

E.   billi qiegħed jikber l-għadd ta' banek pan-Ewropej li l-attivitajiet tagħhom huma mifruxa f'bosta Stati Membri; billi r-rabta mill-qrib bejn bosta awtoritajiet nazzjonali ħolqot kumplessità u ċajpret il-linji ta' responsabilità, b'mod speċjali għas-sorveljanza prudenzjali fil-livell makro u għall-immaniġġjar tal-kriżijiet,

F.   billi l-kriżi finanzjarja attwali, li faqqgħet minħabba l-ipoteki subprime fl-Istati Uniti u prodotti li ġejjin minnhom, issa nfirxet mad-dinja kollha minħabba n-natura dejjem aktar integrata tas-swieq, u dan isaħħaħ l-indikazzjoni li r-regolamentazzjoni u s-sorveljanza attwali tas-swieq finanzjarji mhijiex konverġenti biżżejjed kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak internazzjonali; billi riforma tar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tas-swieq finanzjarji għalhekk għandha tintlaqa' tajjeb,

G.   billi l-kriżi wasslet għal restrizzjoni ta' kreditu li ġiebet magħha żieda fil-prezz tal-kreditu għal ħafna operaturi tas-swieq; billi t-taqlib attwali fis-swieq finanzjarji jista' jagħmel pressjoni fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi,

H.   billi l-medjazzjoni fis-swieq kapitali u forom ġodda ta' vetturi finanzjarji ġiebu magħhom kemm benefiċċji kif ukoll sorsi ġodda ta' riskju sistematiku b'mod globali,

I.   billi l-mudell "mill-produzzjoni sad-distribuzzjoni" saħħaħ il-kompetizzjoni u firex ir-riskji; billi madankollu dak il-mudell dgħajjef l-inċentivi għall-evalwazzjoni u l-monitoraġġ tar-riskju u wassal biex f'xi każijiet titkisser id-diliġenza dovuta,

J.   billi prattiki mhux xierqa bħall-immaniġġjar inadegwat tar-riskju, is-self irresponsabbli, id-dejn eċċessiv (leverage), id-diliġenza dovuta dgħajfa u l-irtirar tal-likwidità bla mistenni jippreżentaw riskji sinifikanti għall-istituzzjonijiet finanzjarji u jistgħu jheddu l-istabilità finanzjarja,

K.   billi t-tekniki innovattivi, li kienu mfassla biex inaqqsu r-riskju fuq il-livell mikro u kienu konformi mar-regolamenti stess, jistgħu jwasslu għall-konċentrazzjoni tar-riskju u u r-riskju sistematiku,

L.   billi jrid ikun evitat l-arbitraġġ regolatorju li jagħmel il-ħsara,

M.   billi l-banek fl-Ewropa qed isiru dejjem aktar trans-konfinali u l-ħtieġa li jkun hemm risposta koordinata għax-xokkijiet serji, kif ukoll il-ħtieġa li r-riskji lis-sistema jkunu indirizzati b'mod effikaċi, jeżiġu li jkun hemm tnaqqis sinjifikattiv fid-divrenzjar bejn is-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri; billi hemm ħtieġa li wieħed imur lil hinn mill-istudji diġa mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea f'dan ir-rigward u sabiex tkun emendata d-Direttiva 94/19/KE malajr kemm jista' jkun sabiex jingħata l-istess livell ta' protezzjoni għad-depożiti bankarji fl-Unjoni Ewropea kollha sabiex tkun ippreservata l-istabbilita finanzjarja u l-fiduċja ta' dawk li jagħmlu d-depożiti u sabiex ikun evitat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni,

N.   billi livelli xierqa ta' trasparenza lejn il-pubbliku, l-investituri u l-awtoritajiet ta' sorveljanza jridu jkunu ggarantiti,

O.   billi l-iskemi ta' kumpens li jirriflettu r-rendiment individwali u tal-intrapriżi m'għandhomx jippremjaw ir-riskju eċċessiv għal żmien qasir, bi ħsara għar-rendiment u l-prudenza meħtieġa għal żmien itwal,

P.   billi l-kunflitti ta' interess, li jistgħu joħorġu mill-mudell ta' negozju li jintuża minn xi istituzzjonijiet finanzjarji, mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, u mill-kumpaniji tal-awdituri u tal-avukati, għandhom ikunu indirizzati u mmonitorjati,

Q.   billi l-fallimenti tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu rigward il-prodotti ta' struttura kumplessa u l-kunċett żbaljat tat-tifsira ta' klassifikazzjoni min-naħa tal-parteċipanti fis-swieq kienu fatturi li wasslu għal ekonomiji esterni sostanzjalment negattivi u għal inċertezzi fis-swieq; billi jeħtieġ li l-proċeduri tal-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jkunu riveduti,

R.   billi proposti ta' awtoregolazzjoni li saru mill-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għad ma kinux ittestjati u x'aktarx li mhumiex biżżejjed biex ilaħħqu mal-irwol ċentrali li għandhom fis-sistema finanzjarja,

S.   billi l-integrazzjoni tas-swieq, li hija ta' benefiċċju b'mod ġenerali, għandha tkun akkumpanjata minn strateġija integrata b'mod xieraq għas-sorveljanza, u dan jevita wkoll il-burokrazija żejda u hu konsistenti ma' politiki ta' regolamentazzjoni aħjar,

T.   billi l-Kummissjoni għandha tagħmel evalwazzjoni komprensiva tal-impatt ta' proposta leġiżlattiva,

U.   billi l-Unjoni Ewropea trid regolamentazzjoni u sorveljanza li jkunu implimentati b'mod iktar konsistenti u effikaċi, imma li ma jkunux ta' piż żejjed, sabiex timmitiga r-riskju ta' kriżijiet finanzjarji futuri u biex tiżgura kundizzjonijiet indaqs bejn pajjiż u ieħor u bejn il-parteċipanti kollha fis-suq; billi l-Unjoni Ewropea għandu jkollha rwol internazzjonali minn ta' quddiem u għandha ssaħħaħ l-implimentazzjoni u l-konverġenza konsistenti tar-regolamentazzjoni u s-sorveljanza tagħha,

V.   billi tinħtieġ reviżjoni komprensiva tal-arranġamenti regolatorji u ta' sorveljanza attwali fl-UE, kif ukoll inizjattivi għat-titjib tal-koperazzjoni globali fis-sorveljanza li jkopru l-qafas tal-adegwatezza tal-kapital, it-trasparenza u l-governanza bħala rekwiżiti fundamentali għall-arranġamenti regolatorji u ta' sorveljanza effikaċi b'mod li jkun ikkoordinat,

W.   billi l-istrateġija ta' sorveljanza għandha tkun adattata għall-ispeċifiċitajiet tan-negozju u ta' xi aspetti tiegħu li huma diġà regolati; billi l-għanijiet tas-sorveljanza tas-swieq finanzjarji u tas-sorveljanza prudenzjali ta' istituzzjonijiet partikulari huma differenti,

X.   billi l-proposti għandhom iqisu n-negozjati dwar il-proposta tas-Solvency II u r-reviżjoni tad-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE,

Y.   billi jeħtieġ li l-koperazzjoni dwar is-sorveljanza tqis id-dimensjoni ta' pajjiżi terzi għas-sorveljanza tal-gruppi internazzjonali billi l-biċċa l-kbira tal-gruppi finanzjarji l-kbar fl-Unjoni Ewropea, jekk mhux kollha, għandhom interessi f'pajjiżi terzi,

Z.   billi wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-3 ta' Ġunju 2008, tal-4 ta' Diċembru 2007 u tad-9 ta' Ottubru 2007, diġà qiegħed isir programm kbir ta' ħidma biex isir titjib speċifiku għall-arranġamenti għall-koperazzjoni dwar is-sorveljanza fl-UE; billi qegħdin isiru wkoll programmi estensivi ta' ħidma fl-Unjoni Ewropea u mad-dinja kollha bil-għan li jinftiehmu l-kawżi tat-taqlib fis-swieq u biex issir reazzjoni xierqa,

AA.   billi għandu jitwaqqaf grupp ta' għorrief sal-ħarifa tal-2008 li jgħaqqad flimkien il-partijiet interessati differenti bħal kontrolluri, regolaturi u rappreżentanti tal-industrija, u li joħroġ b'viżjoni ta' sorveljanza għal żmien itwal; billi dan il-grupp għandu jkollu l-impenn li jiżviluppa mappa u pjan direzzjonali għal riforma radikali aktar fit-tul bil-għan li jkun hemm integrazzjoni istituzzjonali sħiħa; billi jmur lil hinn mill-arkitettura tas-sorveljanza finanzjarja, il-grupp għandu jindirizza wkoll kwistjonijiet bħal sett ta' regoli uniċi għas-sorveljanza finanzjarja, skema ta' garanzija ta' depożitu u reġim komuni ta' falliment li jikkorrispondu għal sistema finanzjarja u ta' sorveljanza integrata,

1.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq quddiem il-Parlament, sal-31 ta" Diċembru 2008, fuq il-bażi tal-Artikolu 44, l-Artikolu 47(2), l-Artikolu 55, l-Artikolu 95, l-Artikolu 105(6), l-Artikolu 202, l-Artikolu 211 jew l-Artikolu 308 tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva, jew proposti, li tkopri l-kwistjonijiet imsemmija fir-rakkomandazzjonijiet dettaljati ta' hawn taħt;

2.  Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipju ta' sussidjarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;

3.  Iqis li, fejn ikun xieraq, l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta jew proposti mitluba għandhom ikunu koperti minn allokazzjonijiet tal-baġit tal-UE;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati annessi magħha lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI:

RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

1.  Rakkomandazzjoni 1 - Prerekwiżiti bażiċi għall-arranġamenti regolatorji u ta' sorveljanza effettivi

Il-Parlament Ewropew iqis li l-atti leġiżlattivi li għandhom jiġu adottati għandu jkollhom l-għan li jirregolaw:

1.1.  Miżuri għat-titjib tal-qafas regolatorju għas-servizzi finanzjarji fl-UE:

Il-qafas tal-adegwatezza tal-kapital, b'mod partikulari:

   a) reviżjoni tar-regoli tar-rekwiżiti ta' kapital billi jsaħħu d-dispożizzjonijiet dwar l-immaniġġjar tar-riskju, il-likwidità u l-espożizzjoni b'mod konsistenti u, fejn ikun il-każ, b'mod antiċikliku għall-entitajiet kollha li joperaw fis-swieq finanzjarji, u jiżgura li jkun hemm rekwiżiti ta' kapital xierqa għall-entitajiet kollha li joperaw fis-swieq finanzjarji, filwaqt li jitqies ir-riskju sistematiku;
   b) titjib tar-reżiljenza tal-qafas tal-adegwatezza tal-kapital sabiex jilqa' għat-taħwid fis-swieq finanzjarji, filwaqt li jkunu osservati r-responsabilitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali għall-immaniġġjar tal-kriżijiet;
   c) garanzija li r-regoli jkunu antiċikliċi sakemm ikun possibbli;
   d) riforma tal-qafas biex itejjeb l-immaniġġjar tar-riskju; garanzija tal-adegwatezza tal-mudelli matematiċi u, skond il-każ, iwessa' l-firxa tax-xenarju u l-frekwenza tal-ittestjar tal-istress;
   e) garanzija ta' rekwiżiti ta' kapital xierqa għall-prodotti finanzjarji u derivattivi kumplessi;
   f) garanzija tar-rivelazzjoni ta' operazzjonijiet li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ, vetturi ta' investiment strutturat (SIVs) u kwalunkwe faċilità ta' għajnuna għal-likwidità, u garanzija ta' evalwazzjoni kif suppost tar-riskji li dawn jippreżentaw, sabiex il-parteċipanti fis-swieq ikunu jafu bl-eżistenza ta' dawn il-vetturi u kif jaħdmu.

1.2.  Miżuri għat-titjib tat-trasparenza:

   (a) Titolizzazzjoni: trawwim tat-trasparenza, iċ-ċarezza, u l-għoti ta' dejta (kull tliet xhur) dwar prodotti finanzjarji kumplessi u l-proċess ta' titolizzazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-inizjattivi tal-industrija li għaddejjin bħalissa; garanzija li t-titolizzazzjoni u l-proċess ta' klassifikazzjoni tal-kreditu ma jirriżultawx f'żieda mhix ġustifikata fil-valur totali tal-prodott titolizzat lil hinn mill-valur tal-assi bażi;
   (b) Prodotti Finanzjarji Kumplessi (CFS): garanzija li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu jużaw terminoloġija ta' klassifikazzjoni konsistenti u xierqa li tikkjarifika kif prodotti bħal dawn huma differenti minn xulxin, b'mod speċjali rigward il-volatilità, il-kumplessità u l-vulnerabilità għall-istress tas-swieq, filwaqt li titqies il-ħtieġa għall-investituri li jiżviluppaw proċeduri għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta' prodotti strutturati bla ma wieħed jistrieħ biss fuq il-klassifikazzjonijiet;
  (c) Regoli ta' kontabilità, klassifikazzjoni u pprezzar:
   i) garanzija ta' trattament ta' kontabilità xieraq tal-vetturi ta' titolizzazzjoni materjali, sabiex il-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji ma jkunux jistgħu jħallu barra mill-karta tal-bilanċ, b'mod artifiċjali, vetturi bi skop speċjali jew SIVs, eċċ.;
   ii) garanzija li r-regoli dwar l-istandards ta' klassifikazzjoni u l-ipprezzar ta' prodotti finanzjarji kumplessi jkunu xierqa, b'mod partikulari fil-kuntest tal-IAS 39, għandhom ikunu implimentati b'koperazzjoni mal-IASB u ma' entitajiet internazzjonali oħra kompetenti;
   (d) Swieq mhux regolati: iż-żieda fit-trasparenza fis-swieq over-the-counter (OTC) rigward il-likwidità tagħhom, l-indirizzar ta' sorsi ewlenin ta' riskju sistematiku (jiġifieri, riskju ta' konċentrazzjoni mill-kontroparti) u, fejn ikun xieraq, kuraġġ biex il-parteċipanti fis-swieq japprovaw in-negozju OTC fil-kmamar tal-ikklerjar.

1.3.  Miżuri ta' governanza:

   (a) Titolizzazzjoni: Rekwiżit li l-emittenti jevalwaw u jimmonitorjaw ir-riskju u jiggarantixxu t-trasparenza tad-dejn jew l-ipoteki li joħorġu huma biex jippermettu lill-investituri li jwettqu d-diliġenza dovuta suffiċjenti;
   (b) Skemi ta' rimunerazzjoni: garanzija li l-istituzzjonijiet finanzjarji jiżvelaw il-politika ta' rimunerazzjoni tagħhom, inkluż id-dritt li wieħed ibigħ jew jixtri titoli bi prezz fiss fi żmien speċifikat (stock options), b'mod partikulari r-rimunerazzjoni u l-pakketti ta' kumpens tad-diretturi; garanzija li t-tranżazzjonijiet kollha li jinvolvu d-diretturi jistgħu jiġu identifikati b'mod ċar fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji; garanzija li l-kontrolluri prudenzjali jinkludu fl-evalwazzjoni tagħhom tal-immaniġġjar tar-riskju l-influwenza tal-iskemi ta' rimunerazzjoni, l-iskemi ta' bonus u t-tassazzjoni, biex ikun żgurat li dawn ikun fihom inċentivi bilanċjati u ma jinkoraġġux it-teħid ta' riskji estremi;
   (c) Reġim ta' responsabilità tal-intrapriżi: garanzija li jkunu stabbiliti r-reġimi ta' responsabilità li jipprovdu għal multi u pieni oħra xierqa għal min jonqos li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji, u li jippermettu li l-istaff eżekuttiv fl-istituzzjonijiet finanzjarji jiġi sospiż jew skwalifikat milli jaħdem mis-settur finanzjarju kollu, jew partijiet minnu, fil-każ ta' ksur ta' dmirijiet jew ta' negozju illeċitu;
   (d) L-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu: miżuri li jindirizzaw, pereżempju, kunflitti ta' interess, sistemi ta' assigurazzjoni ta' kwalità u ta' superviżjoni b'manjiera konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet meqjusa tal-Forum għall-Istabilità Finanzjarja, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titolizzazzjoni, il-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titolizzazzjoni u l-Grupp ta' Esperti Ewropej tat-Titolizzazzjoni tas-Swieq dwar it-titjib potenzjali tal-proċessi ta' klassifikazzjoni tal-kreditu, filwaqt li jittieħdu lezzjonijiet skond il-każ mis-superviżjoni tal-awdituri; jitqiesu b'mod partikulari: it-trasparenza fil-metodoloġiji tal-klassifikazzjoni, tal-premessi u t-testijiet ta' prova; biex il-kontrolluri jkunu jistgħu jitolbu "sekwenza ta' verifika" tal-korrispondenza tal-emittent jew tal-aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu u biex jiġu notifikati fil-każ ta' tħassib sinifikanti dwar il-mudelli; garanzija li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jgħaddu tagħrif imtejjeb dwar il-karatteristiċi partikulari ta' prodotti tad-dejn kumplessi, prodotti marbuta mal-ipoteki u d-dejn tradizzjonali, u li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni japplikaw simboli differenti għall-klassifikazzjoni ta' prodotti kumplessi ta' dejn, prodotti marbuta mal-ipoteki u d-dejn tradizzjonali; garanzija li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu jipprovdu trasparenza mtejba dwar il-metodoloġija u l-kriterji rilevanti għall-klassifikazzjoni partikulari ta' prodotti kumplessi tad-dejn, prodotti marbuta mal-ipoteki u dejn tradizzjonali.

2.  Rakkomandazzjoni 2 - Stabilità finanzjarja u miżuri ta' riskju sistematiku

Il-Parlament Ewropew iqis li l-atti leġiżlattivi li għandhom jiġu adottati għandu jkollhom l-għan li jirregolaw:

   (a) L-istabilità finanzjarja u r-riskji sistemiċi: twaqqif ta' bażijiet tad-dejta, xenarji li jħarsu lejn il-ġejjieni, politiki għas-sorveljanza prudenzjali fil-livell makro u l-istabilità finanzjarja, kif ukoll sistema ta' twissija bikrija u garanzija li l-Bank Ċentrali Ewropew (ECB), is-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ESCB) u l-Kumitat tal-Kontrolluri Bankarji tal-ESCB (BSC) jieħdu sehem attiv fl-inizjazzjoni, fit-twettiq u fit-tħaddim tagħhom; garanzija li l-kontrolluri f'isem l-UE u l-banek ċentrali għandhom jipprovdu informazzjoni prudenzjali fil-livell mikro li tkun miġbura, mhux pubblika u kunfidenzjali lill-BĊE, permezz tal-Kumitat tal-Kontrolluri Bankarji (BSC), sabiex dan ikun jista' jwettaq il-funzjoni tiegħu u jevita r-riskju sistematiku;
  (b) Arranġamenti tal-UE biex ikunu evitati, immaniġġjati u solvuti l-kriżijiet: b'mod partikulari:
  i) titjib kif meħtieġ tal-arranġamenti biex ikunu evitati u mmaniġġjati l-kriżijiet fil-livell tal-UE, inklużi:
   - il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' riskji finanzjarji sistemiċi fil-livell tal-UE;
   - it-twaqqif ta' sistema ta' twissija bikrija u mekkaniżmu ta' intervent minn kmieni min-naħa tal-UE biex tittratta ma' entitajiet li jkunu dgħajfa jew qegħdin ifallu, fejn ikun ikkonċernat grupp finanzjarju transkonfinali tal-UE jew meta l-istabilità finanzjarja tal-UE tkun mhedda; mekkaniżmu bħal dan għandu jkun definit b'mod tajjeb u ċar, għandu jkun kapaċi jagħti spinta lill-azzjoni, u jikkonforma mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE;
   - il-faċilitazzjoni ta' trasferimenti ta' fondi transkonfinali fi ħdan grupp f'sitwazzjonijiet estremi billi jitqiesu l-interessi tal-kredituri tal-entitajiet individwali tal-grupp u b'kunsiderazzjoni għad-Direttiva 2001/24/KE;
   - il-ġestjoni ta' kriżijiet transkonfinali u l-kjarifika tar-regoli tal-għajnuna tal-Istat f'każijiet ta' kriżijiet transkonfinali;
   ii) titjib tal-arranġamenti għas-soluzzjoni ta' kriżijiet permezz tat-titjib tar-regoli tal-UE għall-istralċ u l-istipular tal-arranġamenti dwar il-qsim tal-piż fost l-Istati Membri rilevanti fil-każ ta' falliment fil-gruppi finanzjarji transkonfinali;
   c) garanzija li r-regoli tal-UE dwar il-garanziji ta' depożitu jkunu kkoordinati biżżejjed biex jiggarantixxu l-istess kundizzjonijiet għall-istituzzjonijiet finanzjarji; ir-regoli tal-UE dwar il-garanziji ta' depożitu għandhom ikunu riveduti b'urġenza sabiex ikun evitat d-divrenzjar arbitrarju bejn livelli ta' garanzija fl-Istati Membri li jistgħu iżidu aktar il-volatilità u jdagħjfu l-istabbilità finanzjarja minflok ma jżidu s-sigurtà u l-fiduċja tal-investituri biex ikomplu jagħtu appoġġ lill-iżvilupp ta' skemi ex-ante ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji; il-livell ta' rimborż għandu jiżdied b'mod sinifikanti u d-disponibilità tar-rimborżi lil klijenti tax-xiri bl-imnut fil-każ ta' istituzzjoni finanzjarja li tkun qiegħda tfalli għandha tkun iggarantita fi żmien raġonevoli fis-sitwazzjonijiet transkonfinali wkoll;
   d) regoli simili għandhom ikunu promossi għall-garanziji ta' assigurazzjoni, filwaqt li tiġi rikonoxxuta n-natura differenti tal-assigurazzjoni u l-operazzjonijiet bankarji;
   e) garanzija ta' diversità tas-swieq u kuraġġ lill-istituzzjonijiet li għandhom finanzjament jew obbligazzjonijiet għat-tul biex jiddiversifikaw is-swieq u r-riskji tal-likwidità.

3.  Rakkomandazzjoni 3 - Qafas ta' sorveljanza

Il-Parlament Ewropew iqis li l-atti leġiżlattivi li jiġu adottati għandu jkollhom l-għan li jintegraw u jikkompletaw is-sistema regolatorja u ta' sorveljanza attwali permezz tal-linji ta' gwida li ġejjin:

3.1.  Is-sorveljanza ta' gruppi finanzjarji transkonfinali kbar:

   a) sal-31 ta' Diċembru 2008, għandu jidħol regolament li jirrikjedi kulleġġi ta' kontrolluri għall-ikbar gruppi finanzjarji jew kumpaniji possedenti transkonfinali li joperaw fl-UE. Ir-regolament għandu jinkludi kriterji ċari għall-identifikazzjoni ta' gruppi finanzjarji jew kumpaniji possedenti transkonfinali li għalihon se jkunu obbligatorji kulleġġi bħal dawn. Fil-każ tal-involviment sostanzjali ta' pajjiżi terzi, għandhom ikunu evitati l-istrutturi paralleli separati, u l-kontrolluri tal-pajjiżi terzi jistgħu jkunu mistiedna biex jinvolvu ruħhom sakemm ikun raġonevoli u prattiku;
   b) il-kulleġġi għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti ta' awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza li jittrattaw is-sorveljanza prudenzjali. Ir-regolament għandu jinkludi prinċipji ċari biex jiġi deċiż liema awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza għandhom id-dritt li jkunu rappreżentati fil-kulleġġi mandatorji, b'kunsiderazzjoni għad-daqs tal-grupp fis-suq ta' Stat Membru, il-volum ta' operazzjonijiet transkonfinali, il-volum u l-valur tal-assi biex jirriflettu l-importanza tal-attivitajiet tal-grupp, filwaqt li jkun żgurat li jkunu rappreżentati l-Istati Membri kollha li fihom ikunu qegħdin joperaw l-intrapriża ewlenija, il-kumpaniji sussidjarji u l-fergħat importanti, u wkoll titqies il-ħtieġa li jiġu involuti kontrolluri minn pajjiżi terzi fejn ikun raġonevoli u prattiku. Għandha tingħata attenzjoni speċjali għall-isfidi li qegħdin iħabbtu wiċċhom magħhom il-kontrolluri f'ekonomiji li qegħdin jirkupraw bil-ħeffa. Biex tinkiseb l-integrazzjoni fl-operazzjonijiet, il-kontrollur ewlieni għandu jkollu t-tmexxija tal-proċess sħiħ fil-kulleġġ, jiġifieri għandu jkun il-punt ċentrali ta' kuntatt għall-grupp finanzjarju, u jiżgura li l-kompiti u r-responsabilitajiet fil-kulleġġ jiġu ddelegati b'mod xieraq;
   c) il-kulleġġi għandhom ikunu preseduti normalment mill-kontrollur ta' konsolidazzjoni fis-sorveljanza minn Stat Membru fejn hi stabbilita l-amministrazzjoni ċentrali jew l-uffiċċju prinċipali fl-UE tal-gruppi finanzjarji jew kumpaniji possedenti transkonfinali. Il-kontrollur ewlieni għandu jospita u primarjament jipprovdi l-istaff għas-segretarjat;
   d) garanzija tal-ġbir, l-iskambju u l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti fost il-membri tal-kulleġġ u fost il-kontrolluri kollha involuti fl-UE u jsiru arranġamenti biex isir l-akbar skambju ta' informazzjoni possibbli mal-kontrolluri tal-pajjiżi terzi;
   e) il-kulleġġi għandhom jiddeċiedu, fejn ikun xieraq, permezz tas-sistema ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata bbażata fuq il-prinċipji u l-għanijiet li jiżguraw li jkun hemm konsistenza, trattament ġust u xieraq kif ukoll l-istess kundizzjonijiet għal kulħadd.

3.2.  Konfigurazzjoni tas-sorveljanza tal-UE: Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3:

   a) sal-31 ta' Diċembru 2008, huwa meħtieġ regolament biex isaħħaħ u jikkjarifika l-istatus u r-responsabilità tal-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3, billi jagħtihom status legali proporzjonat mad-dmirijiet tagħhom, u jikkoordina u jissimplifika l-azzjonijiet tal-awtoritajiet ta' sorveljanza tas-setturi differenti, isaħħilhom il-kompiti tagħhom u jiżgura li jkollhom staff u riżorsi xierqa.
   b) flimkien mad-dmirijiet ta' konsulenza, il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 għandhom jingħataw il-kompitu (u l-għodda u r-riżorsi) li jippromwovu b'mod attiv il-konverġenza fis-sorveljanza u kundizzjonijiet ugwali fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni Ewropea. Il-kontrolluri nazzjonali għandhom ikunu impenjati fl-eżekuzzjoni tal-kompiti u d-deċiżjonijiet tal-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3. Dan għandu jkun inkluż fil-mandati tal-kontrolluri nazzjonali u l-mandati tagħhom għandhom ikunu konformi bejniethom.
   c) il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 għandhom iressqu pjan ta' ħidma annwali. Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom japprovaw il-pjanijiet u r-rapporti ta' ħidma annwali.
   d) il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet fuq il-bażi tas-sistema ta' votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata li tkun ġusta u xierqa li tieħu kont tad-daqs relattiv tas-settur finanzjarju u l-GDP ta' kull Stat Membru , kif ukoll tal-importanza sistematika tas-settur finanzjarja għall-Istat Membru; din il-proċedura għandha tintuża kemm fid-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet ta' konverġenza ta' sorveljanza kif ukoll għall-pariri lill-Kummissjoni dwar il-leġiżlazzjoni u r-regolamentazzjoni.
  (e) Il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 għandhom:
   i) jiżviluppaw proċeduri għall-forniment tad-dejta f'sitwazzjonijiet transkonfinali;
   ii) joħorġu rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet speċifiċi (makro) ta' prattiki ta' sorveljanza;
   iii) joħorġu linji gwida biex jiżguraw li l-prattiki ta' sorveljanza tal-kulleġġi jkunu koerenti u simplifikati;
   iv) jiżviluppaw proċeduri ta' medjazzjoni ta' kunflitti li jistgħu jqumu bejn il-membri tal-kulleġġi;
   v) ifasslu standards komuni għar-rappurtaġġ u rekwiżiti għall-forniment ta' dejta għall-gruppi, l-aħjar f'format li jista' jintuża għal ħafna skopijiet, bħall-XBRL (Extensible Business Reporting Language);
   vi) jirrappreżentaw lill-UE fil-korpi ta' kontrolluri tas-settur internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli;
   vii) jistabbilixxu proċess ta' bord ta' reviżjoni darba kull sena għal kull kulleġġ sabiex ikun żgurat li jkun hemm konverġenza fil-proċessi tal-kulleġġi. Il-bord ta' reviżjoni għandu jitwaqqaf bħala grupp konġunt tal-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 u tal-Kumitat tas-Sorveljanza Bankarja, b'dan tal-aħħar idaħħal il-perspettiva prudenzjali fil-livell makro li hija kruċjali sabiex tkun żgurata l-koperazzjoni mill-qrib bejn il-kontrolluri u l-banek ċentrali u sabiex ikunu mmaniġġjati tajjeb is-sitwazzjonijiet ta' kriżi.
   f) iċ-chairmen tal-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 għandhom jiltaqgħu b'mod regolari biex tissaħħaħ il-koperazzjoni u l-koerenza transkonfinali bejn it-tliet Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3. Safejn ikun possibbli għandha tintuża l-medjazzjoni biex ikunu solvuti kwistjonijiet fl-ewwel istanza mal-medjatur(i) miftiehma mill-partijiet involuti fil-kwistjoni kkunsidrata. Fin-nuqqas ta" dan, grupp magħmul miċ-chairmen tal-Kumitati tal-Lamfalussy tal-Livell 3, flimkien ma" chairman u viċi-chairman indipendenti, għandhom jingħataw is-setgħat legali biex imexxu medjazzjoni u fejn ikun xieraq, jintervjenu biex isolvu kunflitti bejn is-superviżuri fl-istruttura ta" kulleġġi u kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 settorjali; Iċ-chairman u l-viċi-chairman għal dak il-grupp ta" koordinazzjoni tal-Kumitat Lamfalussy Livell 3 għandhom ikunu nnominati mill-Kummissjoni u approvati mill-Parlament għal terminu ta" ħames snin.
  g) flimkien għandhom:
   i) jikkoordinaw il-ħidma bejn il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3;
   ii) jipprovdu dejta u statistika komuni;
   iii) jikkoperaw mal-Kumitat tas-Sorveljanza Bankarja u mal-BĊE bl-għan li jiġu kkoordinati l-kwistjonijiet ta' stabilità finanzjarja;
   iv) fejn jinħtieġ, jistabbilixxu arranġamenti biex jiġu trattati kunflitti li jistgħu jqumu bejn il-kontrolluri nazzjonali u/jew settorjali li jieħdu sehem fil-kulleġġi, jew bejn il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3;
   v) jippromwovu kultura Ewropea ta' sorveljanza għall-ġejjieni li tkun solida u sostenibbli u li tipprovdi integrazzjoni u koordinazzjoni transsettorjali u transkonfinali aħjar;
   h) ifasslu arkitettura ta' sorveljanza li tkun solida u sostenibbli u li tipprovdi integrazzjoni u koordinazzjoni transsettorjali u transkonfinali aħjar.

3.3.  Arranġamenti għas-sorveljanza tal-istabilità finanzjarja tal-UE

   a) sal-31 ta' Diċembru 2008, hija meħtieġa proposta għall-arranġamenti għas-sorveljanza tal-istabilità finanzjarja fil-livell tal-UE. Dawk l-arranġamenti għandhom jiżguraw il-ġbir u l-analiżi effikaċi ta' informazzjoni prudenzjali fil-livelli mikro u makro sabiex ikun identifikat minn kmieni l-potenzjal ta' riskju għall-istabilità finanzjarja, integrat mal-ħidma globali dwar l-istabilità finanzjarja. Dawk l-arranġamenti għandhom jippermettu lill-kontrolluri u lill-banek ċentrali tal-UE biex jirreaġixxu fil-pront u jiżviluppaw forza ta' reazzjoni rapida għal sitwazzjonijiet ta' kriżi b'impatt sistemiku fuq l-Unjoni Ewropea.
   b) l-arranġamenti għas-sorveljanza għandhom, b'mod importanti, jimmiraw lejn it-tisħiħ tar-rabtiet orizzontali bejn il-politika ekonomika fuq livell makro u s-sorveljanza tas-swieq finanzjarji. F'dan ir-rigward, l-irwol tal-BĊE għandu jissaħħaħ. Għandhom ikunu żviluppati l-proċeduri għall-koperazzjoni u għall-qsim tal-informazzjoni bejn il-Kumitati Lamfalussy tal-Livell 3 u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali/il-Kumitat għas-Sorveljanza Bankarja.
  c) il-kwistjonijiet speċifiċi li għandhom ikunu indirizzati jinkludu:
   i) it-twaqqif ta' sistema kif suppost għall-ġbir u l-iskambju ta' dejta ta' sorveljanza;
   ii) l-analiżi u l-elaborazzjoni ta' din id-dejta;
   iii) l-iżvilupp ta' proċeduri għall-forniment u l-ġbir ta' dejta kunfidenzjali;
   iv) l-għotja ta' sinjali ta' twissija bikrija dwar id-dinamiki li jistgħu jipperikolaw l-istabilità tas-sistema finanzjarja;
   v) il-mekkaniżmi għal forza ta' reazzjoni rapida fil-każ ta' theddida għall-istabilità finanzjarja;
   vi) ir-rappreżentazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-korpi internazzjonali tal-kontrolluri, bħall-Forum ta' Stabilità Finanzjarja, u l-identifikazzjoni ta' kontroparti tal-UE għall-kontrolluri fi bnadi oħra tad-dinja.

(1) ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.
(2) ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.
(3) ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1.
(4) ĠU L 374, 31.12.1991, p. 7.
(5) ĠU L 135, 31.5.1994, p. 5.
(6) ĠU L 125, 5.5.2001, p. 15.
(7) ĠU L 35 , 11.2.2003, p. 1.
(8) ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1.
(9) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.
(10) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.
(11) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.
(12) ĠU L 385, 29.12.2004, p. 55.
(13) ĠU C 175E, 10.7.2008, .p. 392.
(14) ĠU C 303E, 13.12.2006, p. 110.
(15) ĠU C 45E, 23.2.2006, p. 140.
(16) ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 394.


Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013
PDF 289kWORD 99k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ottubru 2008 dwar 'Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013' (2008/2115(INI))
P6_TA(2008)0477A6-0350/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 152 u l-Artikoli 163 sa 173 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 intitolata 'Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013' (COM(2007)0630),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 u s-6 ta' Diċembru 2007 dwar il-White Paper intitolata 'Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013',

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għar-Reġjuni tad-9 ta' April 2008 dwar il-White Paper intitolata 'Flimkien għas-Saħħa: Approċċ Strateġiku għall-UE 2008-2013'(1),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 li tistabbilixxi t-tieni programm ta' azzjoni Komunitarja fil-qasam tas-saħħa (2008-2013)(2),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 u t-2 ta' Ġunju 2006 dwar il-valuri u l-prinċipji komuni fis-sistemi tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea(3),

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta' Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk(4),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-1 ut-2 ta' Ġunju 2006 dwar is-saħħa tan-nisa(5),

–   wara li kkunsidra s-Seba' Programm ta' Qafas tal-Komunità Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(6),

–   wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2007 dwar 'Strateġija għall-Ewropa dwar kwistjonijiet ta' saħħa marbuta man-Nutriment, il-Piż Żejjed u l-Obeżità' (COM(2007)0279),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2006 dwar il-protezzjoni ta' ħaddiema Ewropej fis-settur tas-saħħa minn infezzjonijiet fid-demm minħabba korrimenti li jirriżultaw minn labar tas-siringi(7),

–   wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fl-istrateġija qafas dwar 'Is-Saħħa għal Kulħadd fis-Seklu 21',

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar id-donazzjoni u t-trapjant tal-organi: Azzjonijiet politiċi fil-livell tal-UE(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar il-ġlieda kontra l-kanċer fl-Unjoni Ewropea wara t-tkabbir(9),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sigurta? fuq ix-xogħol(10),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Lulju 2007 dwar azzjoni għat-trattament ta' mard kardjovaskulari(11),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta" Settembru 2006 dwar it-titjib fis-saħħa mentali tal-popolazzjoni - lejn strateġija dwar is-saħħa mentali għall-Unjoni Ewropea(12),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar l-Ambjent u s-Saħħa 2004-2010(13),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006 dwar id-dijabete(14),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0350/2008),

A.   billi s-saħħa hija waħda mill-affarijiet l-aktar prezzjużi, billi l-għan tagħna huwa s-saħħa għal kulħadd u billi għandna niggrantixxu livell għoli ta' saħħa,

B.   billi l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li kwalunkwe diskriminazzjoni inter alia fuq il-bażi tas-sess, ir-razza, il-kulur, l-etniċità jew l-oriġini soċjali għandha tkun ipprojbita u l-Artikolu 35 jiddikjara li kulħadd għandu d-dritt għall-aċċess għal kura tas-saħħa preventiva u d-dritt għall-kura medika u li għandu jiġi żgurat livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa tal-bniedem,

C.   billi l-effett pożittiv tal-iżviluppi fis-saħħa huwa li aktar u aktar nies qed jgħixu aktar fit-tul,

D.   billi r-rati dejjem ikbar ta' kanċer, dijabete, mard kardjovaskulari, mard rewmatiku, mard mentali, problemi ta' piż żejjed u obeżita?, flimkien ma' nutrizzjoni ħażina u mhux xierqa, HIV/AIDS, il-kwalità ħażina tal-ambjent u l-fatt li reġa' tfaċċa ċertu mard marbut mal-inugwaljanza soċjali, kif ukoll sfidi ġodda li dejjem iżjed qed jheddu s-saħħa fl-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha, li b'hekk iżidu l-bżonn ta' prevenzjoni u ta' forniment ta' kura tas-saħħa formali u informali kif ukoll ir-rijabilitazzjoni wara l-mard,

E.   billi t-theddidiet ġodda possibbli għas-saħħa b'dimensjonijiet transkonfinali, bħall-pandemiji, it-tendenzi ġodda ta' mard li jittieħed, il-mard tropikali u t-terroriżmu bijoloġiku, u l-konsegwenzi tal-bidla fil-klima u l-globalizzazzjoni, b'mod partikulari fir-rigward tal-ilma, l-ikel, iż-żieda fil-faqar u l-migrazzjoni, kif ukoll theddid eżistenti bħat-tniġġis ambjentali, qed isir aktar serju,

F.   billi s-sistemi tal-kura tas-saħħa li jipprovdu l-għajnuna huma element essenzjali tal-Mudell Soċjali Ewropew u s-servizzi soċjali u tas-saħħa ta' interess ġenerali jwettqu xogħol ta' interess ġenerali, u b'hekk huma ta' kontribut kbir għall-ġustizzja soċjali u għall-koeżjoni soċjali,

G.   billi l-popolazzjoni li qed tixjieħ qed tbiddel it-tendenzi ta' mard u qed iżżid il-ħtieġa tal-forniment ta' kura tas-saħħa formali u informali u qed tagħmel pressjoni fuq is-sostenibilita? tas-sistemi tas-saħħa, u billi għalhekk jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali għall-appoġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni kemm mis-settur pubbliku kif ukoll mis-settur privat, u billi qed isir appell għal politiki b'saħħithom li jappoġġjaw l-ewwel stadji tal-ħajja, b'mod partikulari f'xi Stati Membri,

H.   billi hemm diskrepanzi kbar fil-kura tas-saħħa fl-Istati Membri u bejniethom,

I.   billi ċ-ċittadini jistennew dejjem iżjed azzjoni komuni u effettiva dwar is-saħħa,

J.   billi fl-istess ħin għandhom ikunu rrispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa u l-libertà tagħhom li jiddeċiedu liema tipi ta' servizzi tas-saħħa jqisu xierqa li jipprovdu, b'konformità stretta mal-prinċipju ta' sussidjarità, kif ukoll ir-rispett għas-sistemi differenti ta' mmaniġġjar u għall-approċċi speċifiċi magħżula mill-Istati Membri għall-integrazzjoni tal-forniment ta' servizzi tas-saħħa pubbliċi u privati,

K.   billi fil-każ ta' tħassib imsejjes fuq raġunijiet etiċi, hija l-kompetenza tal-Istati Membri li jiddeterminaw jekk servizz speċifiku jikkwalifikax jew le bħala servizz tas-saħħa,

L.   billi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol huwa qasam li fih l-UE għandha ambitu ċar ta" responsabilità biex tieħu azzjoni,

M.   billi hemm oqsma fejn l-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu b'mod effettiv waħidhom u billi l-UE hija impenjata favur politika tas-saħħa komuni li biha tista' tipprovdi valur miżjud (eż. skambju ta' informazzjoni u prattika tajba),

N.   billi l-investiment fis-saħħa huwa essenzjali għall-iżvilupp tal-bniedem u għandu impatt indirett fuq is-setturi varji tal-ekonomija,

O.   billi hemm nuqqas ta" ċarezza rigward il-għadd tal-flussi differenti u tal-programmi tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa,

P.   billi l-opportunitajiet għall-prevenzjoni tal-mard għadhom mhux sfruttati,

Q.   billi l-antibijotiċi qed isiru dejjem inqas effettivi u r-reżistenza għall-antibijotiċi qed tiżdied, billi l-livelli ta' reżistenza madwar l-UE huma differenti, minħabba l-attitudnijiet differenti fir-rigward tal-użu u l-kontroll tal-antibijotiċi (f'uħud mill-Istati Membri l-konsum ta' antibijotiċi huwa minn 3 sa 4 darbiet aktar milli fi Stati Membri oħrajn), billi r-reżistenza għall-antibijotiċi hija problema Ewropea minħabba ċ-ċaqliq frekwenti, inkluż it-turiżmu, li jżid ir-riskju li jinxterdu l-batterji reżistenti, u għalhekk l-użu mhux xieraq tal-antibijotiċi għandu jkun immoniterjat u għandu jitħeġġeġ l-użu prudenti tal-antibijotiċi, u billi ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) iservi bħala l-aġenzija xierqa għall-koordinazzjoni ta' dawn l-attivitajiet,

R.   billi 40% tal-infiq fuq is-saħħa huwa marbut ma' stili ta' ħajja mhux tajbin għas-saħħa (li jirriżultaw pereżempju mill-konsum ta' alkoħol, tabakk, min-nuqqas ta' attività jew minn dieta ħażina),

S.   billi l-ħarsien effettiv tas-saħħa u s-sikurezza fuq ix-xogħol jista' jipprevjeni aċċidenti industrijali, jimpedixxi t-tfaċċar ta' mard ikkawżat minħabba x-xogħol u jnaqqas in-numru ta' nies li jispiċċaw b'diżabilità permanenti minħabba raġunijiet li għandhom x'jaqsmu max-xogħol,

T.   billi d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta" April 2004 dwar il-ħarsien tal-ħaddiema kontra r-riskji marbuta mal-espożizzjoni għall-karsinoġeni u għall-mutaġeni ma tkoprix b'mod adegwat liċ-ċittadini tal-UE fuq il-post tax-xogħol minn espożizzjoni għal sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni(15),

U.   billi n-nutrizzjoni ħażina, li taffettwa għadd sinifikanti ta' ċittadini tal-UE, inkluż madwar 40% tal-pazjenti fl-isptarijiet u bejn 40% u 80% tal-anzjani fid-djar tal-kura, tiswa lis-sistemi Ewropej tal-kura tas-saħħa ammonti simili għal dawk tal-obeżità u l-piż żejjed,

V.   billi s-saħħa mhix influwenzata biss mill-alkoħol, mit-tabakk, min-nuqqas ta' attività, mid-dieta u minn fatturi esterni simili, u għalhekk għandha tingħata aktar attenzjoni lid-dimensjoni psikosomatika ta' ħafna mard u lill-kawżi aktar profondi tan-numru dejjem akbar ta' persuni affettwati mid-depressjoni jew minn disturbi mentali oħrajn,

W.   billi l-Istati Membri għandhom jippromwovu aktar l-għajnuna għall-persuni affettwati minn mard kroniku u/jew minn disabilità sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati fis-soċjetà kemm jista' jkun possibbli,

X.   billi, f'ħafna Stati Membri, id-domanda dejjem ikbar għal servizzi tal-kura tas-saħħa qed toħloq ħtieġa urġenti biex jittieħdu passi attivi għar-reklutaġġ u ż-żamma ta' professjonisti tal-kura tas-saħħa u biex jiġu pprovduti servizzi ta' appoġġ għall-qraba u l-ħbieb li jipprovdu kura bla ħlas lid-dipendendti tagħhom,

Y.   billi għandha tingħata aktar attenzjoni fl-istrateġija tas-saħħa tal-UE għall-kura tas-saħħa fit-tul permezz tal-użu ta' teknoloġiji ġodda, il-kura ta' persuni li jsofru minn mard kroniku u l-forniment ta' kura tas-saħħa fid-djar għall-anzjani u għall-persuni b'diżabilitajiet fiżiċi jew mentali u s-servizzi għal dawk li jieħdu ħsiebhom u billi, f'dan il-kuntest, għandha ssir ħidma favur sinerġiji bejn is-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-White Paper tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar strateġija tal-UE dwar is-saħħa għall-perjodu 2008-2013 u jappoġġja l-valuri, il-prinċipji, l-għanijiet strateġiċi u l-azzjonijiet speċifiċi stipulati fiha;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina mill-ġdid xogħol eżistenti fil-qasam tas-saħħa biex tiddetermina liema flussi ta" xogħol qed iġibu valur għall-Kommunità u għall-Istati Membri; bħala parti minn din il-ħidma jistieden lill-Kummissjoni biex tiddetermina liema huma l-metodi ta" xogħol u l-prattiki li jżidu l-valur tax-xogħol tal-Istati Membri fil-qasam tas-saħħa u liema huma li għandhom ikunu kkoordinati aħjar;

3.  Jemmen li, minħabba l-eżistenza ta' theddidiet ġodda għas-saħħa, jeħtieġ li s-saħħa tiġi indirizzata bħala kwistjoni politika ewlenija fl-Istrateġija ta' Liżbona, li tinkludi l-ħtieġa li ċ-ċittadini jkollhom aċċess għal kura tas-saħħa diċenti tal-ogħla kwalità disponibbli sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ħaddiema b'saħħithom u kompetittivi;

4.  Jiddeplora l-fatt li l-White Paper ma tiffissax objettivi speċifiċi u kwantifikabbli li jekk jintlaħqu jipproduċu riżultati tanġibbli u jirrakkomanda li jiġu adottati dawn l-objettivi;

5.  Jenfasizza li l-kura tas-saħħa teħtieġ l-appoġġ ta' politiki effettivi fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha fl-Istati Membri u fl-Unjoni Ewropea ('Is-Saħħa fil-Politiki kollha') u f'livell globali;

6.  Jenfasizza l-importanza fondamentali li jiġi rikonoxxut id-dritt tal-irġiel u tan-nisa li jkollhom influwenza akbar dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' saħħithom u mal-kura tas-saħħa u d-dritt tat-tfal għall-ħarsien ta' saħħithom mingħajr kundizzjoni, fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali tal-universalità, l-ugwaljanza u s-solidarjetà;

7.  Jinnota li, skont id-WHO, il-mard kroniku u b'mod partikulari l-puplesiji u l-mard tal-qalb, qed jeċċedu b'mod kostanti l-mard infettiv;

8.  Bħala parti mill-isforzi sabiex jiġi evitat il-mard, jirrakkomanda li tiġi adottata b'mod wiesa' l-prattika li jsiru evalwazzjonijiet tal-impatt fuq is-saħħa, minħabba li l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem tad-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet fuq livelli varji, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-parlamenti nazzjonali huwa impatt li jista' jitkejjel;

9.  Jenfasizza li l-pjanijiet ta' azzjoni għandhom jindirizzaw, b'mod partikulari, il-kawżi ta' ċertu mard u l-ħtieġa tat-tnaqqis u l-prevenzjoni ta' epidemiji u pandemiji; jinnota li hemm ukoll problemi marbuta mas-sessi, bħall-kanċer fil-prostata fil-każ tal-irġiel u l-kanċer ċervikali fil-każ tan-nisa u li għandhom jiġu żviluppati politiki speċifiki fir-rigward ta' dawn;

10.  Jirrakkomanda li l-mandat tal-ECDC jiġi estiż għal mard li ma jitteħidx;

11.  Jipproponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi bħala objettiv ta' prijorita?, it-tnaqqis fl-inugwaljanzi u d-diskrepanzi evitabbli relatati mas-saħħa fl-Istati Membri u bejniethom, kif ukoll bejn il-gruppi soċjali u s-sezzjonijiet differenti tal-popolazzjoni, inklużi l-irġiel u dawk bi problemi ta' saħħa mentali; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri biex jinfurzaw b'mod sħiħ il-leġiżlazzjonijiet Komunitarji bħad-Direttiva dwar it-Trasparenza(16);

12.  Jenfasizza li l-azzjonijiet immirati lejn it-tnaqqis tad-diskrepanzi fis-saħħa għandhom jinkludu promozzjoni mmirata, edukazzjoni pubblika u programmi ta' prevenzjoni;

13.  Jemmen li l-isforzi għall-prevenzjoni tal-mard u l-kampanji ta' vaċċinazzjoni, fejn jeżistu prodotti effettivi, għandhom jiżdiedu b'mod sinifikanti; għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal pjan ambizzjuż għal azzjonijiet ta' prevenzjoni għall-perjodu sħiħ ta' ħames snin; jaqbel li l-infiq fuq is-saħħa, speċjalment fuq il-prevenzjoni u d-djanjożi bikrija tal-mard, mhuwiex biss spiża, iżda huwa wkoll investiment li jista' jkun evalwat f'termini ta' Snin ta' Ħajja B'Saħħitha (Healthy Life Years) bħala Indikatur Strutturali ta' Liżbona;

14.  Jenfasizza l-fatt li s-saħħa hija stat ta" benessri fiżiku, mentali u soċjali sħiħ u mhux sempliċement in-nuqqas ta' mard jew ta' diżabilità;

15.  Jenfasizza li l-aċċess għal informazzjoni affidabbli, indipendenti u li tista' titqabbel dwar drawwiet tajbin għas-saħħa, mard u għażliet ta' trattament huwa prerekwiżit għal strateġija effettiva għall-prevenzjoni tal-mard;

16.  Jenfasizza li x-xewqa li jkun evitat il-mard m'għandhiex twassal għal klima fis-soċjetà li ma tħallix li jitwieldu tfal b'mard kroniku jew b'diżabilità; jappella lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi assistenza konkreta għall-ġenituri ta' tfal b'mard kroniku u/jew b'diżabilità;

17.  Barra minn hekk jenfasizza li, sabiex ikun promoss l-investiment fis-saħħa, huwa vitali li titkejjel l-effettività tal-investimenti li saru s'issa u jiġu ppublikati r-riżultati;

18.  Jenfasizza l-importanza li jsiru programmi ta' screening organizzati tajjeb, komprensivi u effettivi sabiex ikun faċilitat is-sejbien bikri u t-trattament immedjat tal-mard, u b'hekk titnaqqas il-mortalità u l-morbidità;

19.  Jemmen li d-drittijiet taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa u r-responsabilità tagħhom għal saħħithom stess għandhom ikunu fundamentali ladarba l-UE li timponi standards għolja f'dak li jirrigwarda s-saħħa u l-ikel tul il-ħajja kollha tal-persuni u jitlob sabiex ikun hemm aktar investiment fir-riċerka rigward l-għarfien dwar is-saħħa sabiex ikunu identifikati l-aktar strateġiji xierqa biex din il-kwistjoni tkun indirizzata fost gruppi differenti tal-popolazzjon; jinkoraġġixxi lis-setturi kollha tas-soċjetà sabiex jadottaw stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa;

20.  Jenfasizza li l-kunċett ta' 'stil ta' ħajja' (jiġifieri dieta tajba għas-saħħa, in-nuqqas ta' abbuż mid-drogi u attività fiżika suffiċjenti) għandu bżonn ikun ikkomplementat minn dimensjoni psikoloġika (jiġifieri approċċ ibbilanċjat lejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja); isostni li stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa jinkludi saħħa mentali u fiżika tajba u li dawn huma wkoll fatturi importanti fiż-żamma ta' ekonomija kompetittiva;

21.  Jistenna li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikulari kemm għall-kwistjoni tas-sostenibilita? tas-sistemi tas-saħħa, kif ukoll, f'dak il-kuntest, għall-irwol u r-responsabilità tal-industrija farmaċewtika;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiddefinixxi valuri fundamentali tas-saħħa u tistabbilixxi sistema ta' indikaturi tas-saħħa (f'livelli nazzjonali u sotto-nazzjonali) u li tippromwovi programmi għall-għarfien dwar is-saħħa u programmi għall-prevenzjoni ta' problemi tas-saħħa;

23.  Jenfasizza li l-projbizzjoni li l-ġisem uman u l-partijiet tiegħu jsiru għajn ta' qliegħ finanzjarju, kif imsemmi fl-Artikolu 3 tal-Karta tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali, għandha tkun ikkunsidrata bħala l-prinċipju li jiggwida fil-qasam tas-saħħa, speċjalment fil-qasam tad-donazzjoni u t-trapjant ta' ċelluli, tessuti u organi;

24.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni, fl-ispirtu ta' 'saħħa għal kulħadd', li tippromwovi s-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard fost il-gruppi tal-etajiet kollha; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu enfasizzati l-kwistjonijiet ewlenin relatati mas-saħħa, bħalma huma n-nutrizzjoni, l-obeżita?, in-nutrizzjoni ħażina, l-attivita? fiżika, il-konsum ta' alkoħol, drogi u tabakk u r-riskji ambjentali, inkluż it-tniġġis tal-arja, kemm fuq il-post tax-xogħol kif ukoll id-dar u skont il-prinċipju ta' ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, filwaqt li jingħata appoġġ għal xjuħija b'saħħitha u filwaqt li jitnaqqas il-piż tal-mard kroniku;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tieħu approċċ aktar olistiku fir-rigward tan-nutrizzjoni u tagħti prijorità prinċipali lin-nutrizzjoni ħażina, flimkien mal-obeżità, fil-qasam tas-saħħa, billi kull fejn ikun possibbli tinkorporaha fl-inizjattivi ta' riċerka, edukazzjoni u promozzjoni tas-saħħa ffinanzjati mill-Komunità u fis-sħubijiet fil-livell tal-UE;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, biex fil-qafas tal-istrateġija tal-kura tas-saħħa tal-UE, jaħdmu favur l-iżvilupp ta" linji gwidi għal definizzjoni komuni tad-diżabilità, li tista' tinkludi persuni b'mard kroniku jew b'kanċer u sadanittant, jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma wettqux dan, biex jieħdu azzjoni mill-aktar fis possibbli biex jinkludu lil dawn il-persuni fid-definizzjonijiet nazzjonali tagħhom tad-diżabilità;

27.  Barra minn hekk, jitlob li tingħata prijorità lill-iżgurar li l-persuni b'diżabilità jingħataw aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u li jingħata ffinanzjar li jirrifletti dan l-objettiv;

28.  Jitlob li jkun hemm miżuri effettivi biex tkun miġġielda r-resistenza kontra l-antibijotiċi kif ukoll miżuri sabiex l-antibijotiċi jkunu disponibbli permezz ta' preskrizzjoni biss, linji gwida biex jitnaqqsu l-preskrizzjonijiet tal-antibijotiċi billi jkunu limitati għal każijiet fejn l-użu tal-antibijotiċi jkun verament meħtieġ, sforzi biex jitjiebu t-testijiet li jagħtu indikazzjoni sabiex jitħeġġeġ l-użu aktar kawt tal-antibijotiċi u, fejn ikun xieraq, tal-kodiċi tal-iġene; jappella sabiex tingħata attenzjoni speċjali lill-batterji Staphylococcus aureus reżistenti għall-metiċillin (MRSA); jinnota li l-ECDC għandu jissorvelja u jevalwa l-applikazzjoni tal-linji gwida u tal-kodiċijiet;

29.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri għall-ħtieġa li tkun appoġġjata r-riċerka u jiġu promossa l-prevenzjoni, id-djanjożi bikrija u t-trattament xieraq tal-mard kroniku sabiex ikunu żgurati l-benessri u l-kwalità tal-ħajja tal-morda;

30.  Jirrikonoxxi l-irwol vitali tal-professjonisti li jieħdu ħsieb il-morda fis-settur tas-saħħa u fil-forniment tal-kura tas-saħħa u għalhekk jitlob li tingħata attenzjoni lill-politiki li jappoġġjaw lil daw il-professjonisti u li jipproteġulhom saħħithom flimkien mas-saħħa ta' dawk li jikkuraw;

31.  Jinnota li sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa u biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-pazjent madwar l-UE, l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn il-korpi regolatorji għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa rispettivi tagħhom huwa essenzjali;

32.  Fil-qafas tal-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa, jitlob skambji aktar effettivi tal-aħjar prattiki fi ħdan l-UE u fl-oqsma kollha tal-forniment tal-kura tas-saħħa, b'mod partikulari fir-rigward tal-programmi ta' screening u d-djanjożi u t-trattament ta' mard serju bħall-kanċer;

33.  Jemmen li l-UE għandha tieħu passi ulterjuri biex il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa jkunu protetti minn aċċidenti u korrimenti fuq il-post tax-xogħol fejn teżisti evidenza xjentifika jew medika ta' din il-ħtieġa;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tinkludi s-sustanzi li huma tossiċi għar-riproduzzjoni fil-proposta li se tagħmel dalwaqt għall-emendar tad-Direttiva 2004/37/KE;

35.  Japprova l-azzjoni mitluba fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Jannar 2008 imsemmija hawn fuq dwar l-istrateġija tal-UE 2007-2012 dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrispetta l-opinjoni tal-Parlament u tieħu l-miżuri mitluba u biex tippreżenta l-inizjattivi meħtieġa li għandhom jinkludu:

   - L-iffissar ta" miri għat-tnaqqis tal-mard marbut max-xogħol;
   - Proposta għal direttiva dwar diżordnijiet muskoloskeletali;
   - Proposta għal reviżjoni tad-Direttiva 2004/37/KE;
   - Miżuri biex tkun indirizzata l-problema li qed dejjem tikber tal-vjolenza minn partijiet terzi;

36.  Jiddispjaċih li, minkejja t-talbiet ripetuti u speċifiċi tal-Parlament, il-Kummissjoni għadha trid tipproponi l-emendar tad-Direttiva 2000/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Settembru 2000 dwar il-ħarsien tal-ħaddiema minn riskji marbuta mal-espożizzjoni għal aġenti bijoloġiċi fuq il-post tax-xogħol(17) bil-għan li jkunu indirizzati r-riskji serji li hemm għall-ħaddiema fil-qasam tal-kura tas-saħħa minħabba li jaħdmu b'labar u strumenti mediċi li jaqtgħu jew bil-ponta; jistieden lill-Kummissjoni biex tħaffef it-twettiq tal-istudju tal-impatt permezz tas-sejħa għall-offerti (2007/S 139-171103) u jitlob li tkun adottata emenda xierqa żmien sew qabel tmiem tal-leġiżlatura Parlamentari kurrenti skont ir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-6 ta' Lulju 2006;

37.  Iqis li l-applikazzjoni fqira tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-Komunità wkoll għandha impatt negattiv fuq l-istat tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE;

38.  Jenfasizza li, f'ċerti sitwazzjonijiet, iċ-ċittadini tal-UE jiffaċċjaw problemi ta' saħħa, bħat-tniġġis, li jirrappreżentaw theddida konsiderevoli għas-saħħa u jaffettwaw l-iżvilupp tajjeb tat-tfal u jnaqqsu l-medja tal-għomor fl-UE(18);

39.  Jemmen li hija essenzjali azzjoni li tippromwovi stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa fil-familji, fl-iskejjel, fl-isptarijiet, fid-djar tal-kura, fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-postijiet ta' divertiment sabiex ikun hemm prevenzjoni effettiva tal-mard; u saħħa mentali tajba; jirrikonoxxi li l-familja hija ta' importanza vitali biex jiġi stabbilit mudell ta' 'stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa' li ta' spiss ikun irreplikat aktar tard tul il-ħajja;

40.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri dwar l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li jitlob lill-korpi leġiżlattivi biex iqisu l-interessi tat-tfal bħala kunsiderazzjoni primarja, billi, fost metodi oħra, issir id-dispożizzjoni meħtieġa għal-liv tal-maternità u tal-ġenituri, għall-ħarsien tas-saħħa u l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa waqt il-maternità, filwaqt li b'mod partikulari jitqies l-effett tal-preżenza u l-imħabba tal-ġenituri, kif ukoll it-treddigħ, fuq l-iżvilupp mentali u fiżiku tat-tfal żgħar;

41.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-kura tas-saħħa u l-informazzjoni għan-nisa tqal u għal dawk li jkunu qed ireddgħu rigward ir-riskji marbuta mal-konsum ta" alkoħol, drogi u tabakk waqt it-tqala u waqt it-treddigħ;

42.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-għarfien pubbliku dwar is-saħħa riproduttiva u sesswali sabiex jiġu evitati tqaliet mhux mixtieqa u t-tixrid ta" mard li jittieħħed sesswalment u biex jitnaqqsu l-problemi soċjali u tas-saħħa kkaġunati mill-infertilità;

43.  Jappoġġja azzjoni dwar tipi speċifiċi ta' mard u jemmen li, sabiex tkun aktar effettiva, jeħtieġ li jinstabu metodi ta' xogħol u organizzazzjoni xierqa sabiex titjieb il-koperazzjoni interistituzzjonali;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkunsidraw il-kontribuzzjoni li jistgħu jagħtu l-politiki soċjali u tas-saħħa integrati (il-forniment ta' servizzi tas-saħħa relevanti fl-ambitu soċjali) lejn approċċ modern għall-promozzjoni u l-ħarsien tas-saħħa, b'mod partikulari għas-sezzjonijiet l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni bħat-tfal żgħar u dawk li mhumiex awtosuffiċjenti;

45.  Jemmen li l-UE għandha tiffoka dejjem aktar fuq l-isforzi tagħha marbuta ma' programmi ta' riċerka dwar gruppi ta' pazjenti li għad li huma importanti ta' spiss jiġu ttraskurati, bħal dawk li għandhom problemi ta' saħħa mentali u l-irġiel;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex ikomplu jesploraw, fil-qafas tal-istrateġija tas-saħħa tal-UE, is-sinerġiji bejn ir-riċerka xjentifika u dik teknoloġika, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam ma' tipi ġodda ta' riċerka f'setturi mediċi li attwalment mhux jingħataw biżżejjed fondi, fuq naħa, u l-iżvilupp ta' setturi mediċi u terapiji ġodda fuq in-naħa l-oħra, sabiex ikun possibbli għal kulħadd li jkollu aċċess għal dawn it-terapiji ladarba dawn jista' jkollhom impatt pożittiv ħafna fuq l-istat tas-saħħa taċ-ċittadini tal-UE u f'termini ta' żieda fl-effiċjenza tas-sistema;

47.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ propost mill-Kummissjoni bil-għan li jkun hemm ġlieda effettiva kontra l-iffalsifikar tal-mediċini u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tippromwovi l-abbozzar ta' konvenzjoni internazzjonali dwar dan is-suġġett jew l-annessjoni ta' protokoll addizzjonali mal-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Palermo);

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membru biex jistabbilixxu ċentri ta' eċċellenza għal kull grupp ta' mard importanti, li għandhom iservu bħala punt ta' referenza, informazzjoni u gwida għall-pazjenti u l-familji tagħhom, għat-tobba, għall-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, għall-industrija u għal oħrajn;

49.  Jinnota li l-awtoritajiet tas-saħħa reġjonali u lokali f'bosta Stati Membri ta' spiss ikunu responsabbli għall-ippjanar, l-immaniġġjar, l-operat u l-iżvilupp tas-settur tas-saħħa u ta' spiss ukoll jerfgħu r-responsabilita? finanzjarja tas-settur, ikollhom għarfien profond dwar is-settur tas-saħħa u huma msieħba essenzjali fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' politika tas-saħħa;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw l-impatt pożittiv rikonoxxut tal-kuri termali fuq il-konvalexxenza u l-ħarsien tas-saħħa tal-persuni;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-iżvilupp tal-'e-health', ta' teknoloġiji ġodda għall-kura tas-saħħa u ta' innovazzjoni mmexxija mill-utent fit-tagħmir mediku;

52.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex jitwaqqaf mekkaniżmu ta' koperazzjoni strutturat fil-livell tal-UE u biex tiġi stabbilita koperazzjoni eqreb mal-partijiet ikkonċernati, bil-parteċipazzjoni tas-soċjeta? ċivili; jenfasizza l-ħtieġa li l-organizzazzjonijiet tal-impjegati u ta' min iħaddem jiġu inklużi fi sħubija;

53.  Jappella lill-Istati Membri biex, flimkien mal-awtoritajiet reġjonli u lokali, jużaw il-mekkaniżmu ta' koperazzjoni biex itejbu l-iskambju tal-aħjar prattika; jistieden lill-Kummissjoni biex tkun proattiva fit-tfassil ta' linji gwida u rakkomandazzjonijiet imsejsa fuq dawn il-prattiki tajbin;

54.  Jaqbel li l-azzjonijiet li jaqgħu taħt l-istrateġija tas-saħħa tal-UE għandhom jiġu appoġġjati permezz tal-istrumenti finanzjarji eżistenti sat-tmiem tal-Qafas Finanzjarju attwali (2007-2013), mingħajr konsegwenzi baġitarji addizzjonali;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex, meta jfasslu strateġiji nazzjonali dwar is-saħħa, jinkludu l-prijoritajiet li għandhom ikunu ssodisfati fi proġetti oħra li ma jkunux limitati għall-qasam tas-saħħa pubblika;

56.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 172, 5.7.2008, p.41.
(2) ĠU L 301, 20.11.2007, p. 3.
(3) ĠU C 146, 22.6.2006, p. 1.
(4) ĠU L 213, 15.6.2004, p. 8.
(5) ĠU C 146, 22.6.2006, p. 4.
(6) Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 (ĠU L 412, 30.12.2006, p.1).
(7) ĠU C 303 E, 13.12.2006, p. 754.
(8) Testi Adottati, P6_TA(2008)0130.
(9) Testi Adottati, P6_TA(2008)0121.
(10) Testi Adottati, P6_TA(2008)0009.
(11) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 561.
(12) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 148.
(13) ĠU C 304 E, 1.12.2005, p. 264.
(14) ĠU C 296 E, 6.12.2006, p. 273.
(15) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50. Verżjoni korretta ĠU L 229, 29.6.2004, p. 23.
(16) Direttiva tal-Kunsill 89/105/KEE tal-21 ta' Diċembru 1988 dwar it-trasparenza ta' miżuri li jirregolaw il-prezzijiet ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u l-inklużjoni tagħhom fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sistemi nazzjonali tal-assigurazzjoni tas-saħħa (ĠU L 40, 11.2.1989, p.8).
(17) ĠU L 262, 17.10.2000, p. 21.
(18) "L-ambjent fl-Ewropa: Ir-raba' evalwazzjoni- L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (10 ta' Ottubru 2007).

Avviż legali - Politika tal-privatezza