Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 22 ta' Ottubru 2008 - Strasburgu
Approvazzjoni tan-nomina ta' Baroness Catherine Margaret Ashton bħala membru tal-Kummissjoni
 Laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta' Ottubru 2008
 Xogħol temporanju permezz ta' aġenzija ***II
 Programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni ***I
 Il-promozzjoni ta' vetturi li ma jniġġsux ***I
 Varjazzjonijiet għall-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta" prodotti mediċinali ***I
 Ħarsien tal-konsumaturi rigward ċerti aspetti ta" timeshares ***I
 Evalwazzjoni tal-ftehima PNR Awstralja - UE
 Sfidi għall-ftehim kollettiv fl-UE
 Id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdid UE-Vjetnam u

Approvazzjoni tan-nomina ta' Baroness Catherine Margaret Ashton bħala membru tal-Kummissjoni
PDF 200kWORD 32k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 li tapprova l-ħatra ta' Catherine Margaret Ashton, il-Barunessa Ashton of Upholland, bħala Membru tal-Kummissjoni
P6_TA(2008)0505B6-0575/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 214(2), it-tielet subparagrafu, u l-Artikolu 215 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 4 tal-Ftehima ta' Qafas bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni(1),

–   wara li kkunsidra l-ittra ta' riżenja tas-Sur Peter Mandelson minn Membru tal-Kummissjoni, bid-data tat-3 ta' Ottubru 2008,

–   wara li kkunsidra n-nomina mill-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq ta' Catherine Margaret Ashton, il-Barunissa Ashton of Upholland, bħala Membru tal-Kummissjoni,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/779/KE, Euratom tas-6 ta' Ottubru 2008 li taħtar Membru ġdid tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej(2),

–   wara li kkunsidra s-seduta ta' smigħ tal-Kummissarju magħżula quddiem il-kumitat responsabbli, li saret fl-20 ta' Ottubru 2008,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 99 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Japprova l-ħatra ta' Catherine Margaret Ashton, il-Barunessa Ashton of Upholland, bħala Membru tal-Kummissjoni għall-bqija tal-mandat tal-Kummissjoni sal-31 ta' Ottubru 2009;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 117 E, 18.5.2006, p. 123
(2) ĠU L 267, 8.10.2008, p. 31.


Laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta' Ottubru 2008
PDF 259kWORD 79k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar ir-riżultat tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew li saret fi Brussell fil-15 u fis-16 ta' Ottubru 2008
P6_TA(2008)0506RC-B6-0543/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza wara il-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta' Ottubru 2008,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill Ewropew u d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15 u tas-16 ta' Ottubru 2008,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-qafas superviżorju tal-UE u tal-ftehim għall-istabilità finanzjarja, tal-14 ta' Mejju 2008, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar kwistjonijiet relatati fit-3 ta' Ġunju 2008, fl-4 ta' Diċembru 2007 u tfid-9 ta' Ottubru 2007,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi l-UE tinsab f'qagħda kritika rigward il-kriżi finanzjarja, l-isfida tal-bidla fil-klima u l-bżonn li jiġi stabbilit ftehim istituzzjonali ċar,

B.   billi l-kriżi finanzjarja attwali, li bdiet bil-każijiet tas-self b'ipoteka subprime fl-Istati Uniti, u li taf l-oriġini tagħha, fost l-oħrajn, minn snin ta' politika monetarja espansjonista żżejjed tar-Riserva Federali tal-Istati Uniti, min-nuqqas ta' trasparenza fis-swieq finanzjarji, mil-leverage eċċessiv tal-istituzzjonijiet finanzjarji, mis-sorveljanza dgħajfa tas-swieq finanzjarji, mill-kwalità ħażina tal-klassifikazzjoni u mis-suppożizzjonijiet ħżiena dwar l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-propjetà, fost l-oħrajn, issa nfirxet mad-dinja kollha minħabba li kulma jmur is-swieq qegħdin isiru aktar integrati,

C.   billi l-innovazzjoni tas-swieq finanzjarji tista' tkun ta' użu imma prodotti finanzjarji bħal dawn iridu jiġu regolati u jkunu trasparenti sabiex ikun żgurat bilanċ tajjeb bejn l-effiċjenza u l-istabilità, u billi s-swieq finanzjarji għandhom ikunu ta' servizz għall-ekonomija reali,

D.   billi l-għodod attwali ma rnexxilhomx iwaqqfu l-impatt tal-kriżi finanzjarja b'modi li jnaqqsu l-ispejjeż kollettivi u jevitaw ir-riskju, u billi hemm il-ħtieġa biex tiġi żgurata sorveljanza f'livell koerenti tal-UE tas-swieq finanzjarji li kulma jmorru qegħdin isiru aktar integrati; billi l-istabilità finanzjarja u l-ġestjoni tal-kriżijiet madankollu jinvolvu medda usa' ta' parteċipanti u mhux sorveljanti biss,

E.   billi l-konklużjonijiet tal-Presidenza mlaqqa' minħabba l-kriżi finanzjarja ma jsemmux lill-Parlament Ewropew bħala ko-leġiżlatur għall-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

F.   billi l-proċeduri parlamentari għar-ratifikazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona saru f'24 Stat Membru; billi r-riformi istituzzjonali li hemm fit-Trattat ta' Liżbona huma bżonjużi b'mod urġenti sabiex ikun żgurat li l-Unjoni Ewropea tiffunzjona bla problemi u b'mod ibbilanċjat, bi skrutinju demokratiku sħiħ,

G.   billi għall-avvenimenti politiċi importanti tal-2009, b'mod partikulari għall-elezzjonijiet Ewropej u għat-twaqqif ta' Kummissjoni Ewropea ġdida, hija meħtieġa ċarezza dwar id-dispożizzjonijiet istituzzjonali li għandhom japplikaw,

H.   billi l-UE għandha rwol importanti fix-xena internazzjonali f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, kemm permezz tat-tmexxija tagħha fin-negozjati internazzjonali kif ukoll fit-tnaqqis sinifikanti li impenjajna ruħna li nosservaw fis-27 Stat Membru; billi, f'dan ir-rigward, il-Kunsill Ewropew tat-8 u tad-9 ta' Marzu 2007 impenja ruħu li sal-2020 jikseb tnaqqis ta' 20% fl-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra, li għandhom jiżdiedu għal 30% fil-każ ta' ftehim intenazzjonali komprensiv,

I.   billi l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima hija kwistjoni ewlenija u għan ewlieni għall-mira tal-Unjoni Ewropea u għandha tiġi indirizzata permezz ta' strateġija komprensiva fil-livell internazzjonali,

J.   billi t-twettiq tal-objettivi tal-Istrateġija ta' Liżbona-Göteborg u tal-pakkett tal-enerġija u tal-bidla fil-klima jitlob investiment fit-tul, u billi l-irwol tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu jikber f'dan ir-rigward,

Il-konsegwenzi makroekonomiċi tal-kriżi finanzjarja globali fuq l-ekonomija reali

1.  Jisħaq bil-qawwa fuq l-importanza li l-politiki makroekonomiċi Ewropej iridu jirreaġixxu bil-ħeffa u b'mod tassew ikkoordinat sabiex it-tkabbir ekonomiku globali jerġa' jieħu r-ruħ; madankollu, josserva li l-prinċipji tal-Patt tal-Istabilità u tat-Tkabbir m'għandhomx jiddgħajfu, u li l-Istati Membri għandhom jimmiraw għat-tisħiħ fiskali;

2.  Huwa mħasseb serjament bis-sitwazzjoni tas-swieq finanzjarji u jitlob biex ikompli jsir l-infurzar ta' azzjonijiet koordinati sabiex terġa' tikber il-fiduċja fis-swieq;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li endorsjaw il-miżuri deċiżi mill-Eurogroup fit-12 ta' Ottubru 2008, bħala l-ewwel pass importanti u kkoordinat biex terġa' tiddaħħal il-fiduċja fis-swieq, jitkabbar is-self fost il-banek u jissaħħu l-fondi proprji tal-banek sabiex ikunu jistgħu jkomplu jsellfu lill-kumpaniji u lill-gruppi familjari; jaqbel li dawn il-miżuri kienu meħtieġa biex jilqgħu għall-kriżi finanzjarja attwali;

4.  Jikkunsidra li hu kruċjali li l-Istati Membri juru l-impenn qawwi tagħhom u l-ġestjoni effiċjenti tal-kriżi sabiex jerġa' jkun hemm kundizzjonijiet stabbli tas-swieq billi dan hu ta' importanza kbira għall-fiduċja; jemmen li l-inizjattiva tal-ewwel laqgħa li qatt saret bejn il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvernijiet tal-pajjiżi taż-żona tal-Ewro, li ħadu deċiżjonijiet fil-kapaċità tagħhom, jeħtieġ li tevolvi aktar;

5.  Jinnota li din il-kriżi għandha implikazzjonijiet lil hinn mis-swieq finanzjarji, b'mod partikulari rigward il-vijabilità tan-negozji, l-impjiegi, il-finanzi personali u l-SMEs, u li l-impatt ma kienx ikun prevedibbli li kieku l-awtoritajiet nazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u banek ċentrali oħra ma daħħlux miżuri sabiex jerġgħu jagħtu l-fiduċja mill-ġdid lis-sistema finanzjarja;

6.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal azzjoni fir-rigward tal-istabilità finanzjarja u tar-riskju sistemiku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-aġenda ta' Liżbona u jadattaw il-programmi ta' riforma nazzjonali tal-Istati Membri f'dan iż-żmien ta' distorsjoni ekonomika sa tmiem din is-sena sabiex jitħarsu l-impjiegi u d-dħul taċ-ċittadini tal-UE;

7.  Jikkunsidra li hu importanti li jkun meħtieġ ambjent makroekonomiku sostenibbli u orjentat lejn it-tkabbir; ifakkar fl-importanza kbira tal-aċċess kontinwu għall-kreditu għaċ-ċittadini u l-SMEs u l-investimenti fl-infrastrutturi tal-UE sabiex jiġi evitat tnaqqis drammatiku fit-tkabbir ekonomiku u fl-impjiegi; jisħaq fuq l-irwol li jista' jkollu l-Bank Ewropew tal-Investiment f'dan ir-rigward;

L-istrateġija għall-ħruġ mill-kriżi finanzjarja

8.  Hu determinat li jappoġġja miżuri li jistgħu jġibu lura l-likwidità fis-swieq, sabiex il-faċilitajiet tal-kreditu jkunu jistgħu jerġgħu jingħataw lin-negozji u lill-individwi; jagħraf il-ħtieġa ta' rassikurazzjoni għal kull min iħallas it-taxxi li l-miżuri li jittieħdu jirriflettu l-preokkupazzjonijiet tagħhom, u jinnota li t-twaqqif mill-ġdid tal-istabilità finanzjarja huwa kritiku għat-tkabbir ekonomiku tal-ġejjieni; jistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu t-tħaddim tas-sistema finanzjarja attwali jekk iridu jkunu serji dwar ir-rieda tagħhom li jerġgħu jdaħħlu l-fiduċja fis-swieq finanzjarji u biex jindirizzaw il-kriżi finanzjarja b'mod globali;

9.  Jilqa' bil-ferħ ir-reazzjoni rapida u komprensiva tal-Kummissjoni Ewropea fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna statali għall-miżuri li ttieħdu rigward l-istituzzjonijiet finanzjarji; fil-kuntest tal-monitoraġġ strett tal-miżuri ta' emerġenza, jistieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf tim interdixxiplinari, li jinkludi l-kompetenza tad-DĠ Kompetizzjoni, il-Kumitati Livell 3 u s-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali, sabiex jinġabru l-għerf u l-kapaċitajiet u sabiex ikun żgurat li jittieħdu deċiżjonijiet ibbilanċjati, imparzjali u ta' kwalità għolja fl-Istati Membri kollha;

10.  Japprezza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi grupp ta' livell għoli sabiex jelabora struttura superviżorja li tkun soda u sostenibbli kif ukoll tipprovdi għal integrazzjoni u koordinazzjoni transettorjali u transkonfinali aħjar; jenfasizza l-importanza li dan jingħata mandat ċar, fi żmien medda qasira ta' żmien, u li jirrapporta lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew;

11.  Japprova l-ħolqien ta' "unità għall-kriżi finanzjarja" u jitlob lill-Kunsill biex jaqbel f'inqas żmien dwar il-modalitajiet tal-operat u l-koperazzjoni tiegħu mal-grupp ta' livell għoli stabbilit; jikkritika bis-saħħa l-assenza tal-Parlament Ewropew minn din l-unita' tal-kriżi; jappoġġja l-ħolqien ta' sistema ta' twissija minn kmieni li tkun qawwija aktar li tithaddem mill-Kummissjoni u mill-BĊE u tkun responsabbli mis-setgħat ta' koordinazzjoni u ta' infurzar, fejn il-Kumitati ta' Livell 3 jkunu jistghu jippartecipaw;

12.  Japprova d-deċiżjoni tal-Kunsill li jtejjeb l-irwol tal-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) bħala entità li ssellef u tissellef;

13.  Jinsab imħasseb dwar il-periklu fis-swieq finanzjarji maħluq minħabba d-daqs tal-pakketti ta' għajnuna Statali u jikkunsidra li huwa importanti li, fl-interessi ta' min iħallas it-taxxi u tal-baġits tal-Istati Membri, kull darba li flus pubbliku jintnefaq biex tiġi salvata istituzzjoniji finanzjarja, dan għandu jsir fuq sorveljanza pubblika, b'titjib fil-governanza, limiti fis-salarji, responsabbiltà qawwija lejn l-awtoritajiet pubbliċi u strateġiji tal-investiment għall-ekonomija reali;

It-titjib tar-regolamenti

14.  Jitlob lill-Kunsill biex taħdem id f'id mal-Parlament Ewropew, u jitlob lill-Kummissjoni biex tuża s-setgħa ta' inizjattiva tagħha sabiex tipproponi miżuri għat-tisħiħ tal-qafas regolatorju u superviżorju u l-ġestjoni tal-kriżijiet tal-UE fil-livell regolatorju tal-UE;

15.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu analizzati b'attenzjoni l-kawżi tal-kriżi finanzjarja attwali, b'mod partikulari l-adegwatezza tas-superviżjoni u l-konformità mar-regoli eżistenti; itenni s-sejħa tiegħu biex jitfasslu miżuri leġiżlattivi rigward, b'mod partikulari, ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-banek, l-irwol tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, it-titolizzazzjoni u l-monitoraġġ tat-titolizzazzjoni, il-fondi koperti u tipi oħra ta' istituzzjonijiet ġodda, l-irwol tad-dejn eċċessiv, ir-rekwiżiti tat-trasparenza, ir-regoli tal-istralċ, l-ikklirjar fis-swieq barra l-Borża u l-mekkaniżmi ta' prevenzjoni ta' kriżijiet; jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex iżżid il-ħarsien minimu għad-depositi bankarji u jtenni l-impenn tiegħu biex janalizza l-proposta malajr;

16.  Itenni l-bżonn biex jissaħħaħ il-proċess ta' Lamfalussy, kif rikjest fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ottubru 2008 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar is-segwitu għal-Lamfalussy: il-futur tas-supervizjoni(1) , inkluża s-superviżjoni tal-akbar gruppi finanzjarji transkonfinali minn kulleġġi u d-dispożizzjoni ta' stejtus legali ċar u prerogattivi aktar b'saħħithom għall-Kumitati ta' Livell-3, bħala mezz biex titjieb is-superviżjoni fl-UE u tgħin id-djalogu internazzjonali u l-kordinazzjoni tal-politika f'dan il-qasam;

17.  Jirrimarka li kriżi li tmur oltra l-ġurisdizzjonijiet nazzjonali ma tistax tiġi ffaċċjata biss b'mod individwali mill-awtoritajiet nazzjonali, u li fil-kriżi transkonfinali, il-koperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet superviżorji huma ta' importanza fundamentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli sabiex b'mod konġunt, jiżviluppaw proposti adegwati għal ġestjoni effettiva tal-kriżijiet sabiex dawn jitqiesu mill-Parlament Ewropew; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jkun hemm tisħiħ tal-koordinazzjoni fil-livell tal-UE fil-laqgħat fil-livell tal-G8 u jemmen bis-saħħa li hemm bżonn ta' risposti globali għall-kriżi, li jistgħu jippromwovu l-istabbiliment ta' ordni finanzjarju internazzjonali ġdid, bir-riforma tal-istituzzjonijiet Bretton Woods;

18.  Jilqa' l-inizjattiva biex mill-aktar fis tiġi promossa konferenza internazzjonali biex jiġu diskussi l-azzjonijiet regolatorji u ta' superviżjoni li għandhom jiġu ffaċċjati biex tissolva l-kriżi attwali; jinsab konvint li l-UE għandu jkollha rwol ta' tmexxija meta jiġi diskuss il-ġejjieni tal-istruttura finanzjarja internazzjonali; jitlob lill-Kunsill Ewropew u lill-Kummissjoni biex idaħħlu lill-Parlament Ewropew f'dan il-proċess;

19.  Iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni biex tressaq mingħajr aktar dewmien il-proposta tagħha għal reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE tat-3 ta' Ġunju 2003 dwar tassazzjoni ta' savings fil-forma ta' pagamenti ta' imgħaxx(2);

It-Trattat ta" Liżbona

20.  Itenni r-rispett tiegħu għar-riżultati tar-referedum Irlandiż u għar-riżultati tal-proċeduri ta" ratifikazzjoni tal-Istati Membri, u jikkunsidra li hu possibbli li jiġu sodisfatti l-preokkupazzjonijiet li ntwerew mill-poplu Irlandiż sabiex tkun żgurata soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd qabel l-elezzjonijiet Ewropej; jinsab lest li joffri lill-Gvern kif ukoll lill-Parlament Irlandiż kull assistenza li jistgħu jeħtieġu sabiex jippreżentaw sett ta' proposti li jwasslu għal konsensus aktar wiesa' u aktar infurmat fl-opinjoni pubblika Irlandiża dwar il-ġejjieni tal-Irlanda fi ħdan Unjoni Ewropea riformata u msaħħa, u li tkun aċċettabbli għas-sħab tal-Irlanda fl-UE;

21.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex, fil-laqgħa tiegħu li jmiss, jiddefinixxi metodu u skeda programmatika li tippermetti li jinkiseb dan ir-riżultat;

L-Enerġija u l-bidla fil-klima

22.  Huwa tal-opinjoni li l-objettivi klimatiċi tal-UE għal wara l-2012 m'għandhomx jiġu ddubitati bħala konsegwenza tal-kriżi finanzjarja internazzjonali attwali; jieħu l-impenn li jikkopera mill-qrib mal-Kunsill u mal-Kummissjoni biex jintlaħaq ftehim effettiv u prattiku dwar il-Pakkett tal-Bidla fil-Klima u tal-Enerġija fl-iqsar żmien possibbli; jenfasizza madankollu li huwa ta' importanza fundamentali għall-industrija tal-UE, għall-impjegati tagħha u għall-konsumaturi li l-miżuri meqjusa biex jintlaħqu dawn l-objettivi jiġu evalwati fil-fond biex jiġu żgurati l-effetti tagħhom fuq il-kompetittività settorjali u ġenerali tal-kumpaniji tal-UE; ifakkar lill-Kunsill li din hija proċedura ta' kodeċiżjoni fejn hija meħtieġa maġġoranza kkwalifikata;

23.  Jitlob lill-Kunsill biex iżomm l-objettivi ambizzjużi proposti sabiex jintlaħaq ammont obbligatorju ta' 20% ta' enerġija rinnovabbli sostenibbli fil-konsum ġenerali finali tal-enerġija tal-Komunità, u ammont ta' 10% obbligatorju ta' enerġija minn sorsi rinnovabbli sostenibbli fis-settur tat-trasport ta' kull Stat Membru sal-2020;

24.  Jinnota l-appoġġ li ngħata mill-istess Kunsill Ewropew għal sforzi lejn tnaqqis ta' 30% fil-każ ta' ftehim internazzjonali jekk il-pajjiżi żviluppati l-oħra jikkommettu ruħhom għal tnaqqis paragunabbli fl-emissjonijiet u jekk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma ekonomikament iktar avvanzati jikkontribwixxu b'mod xieraq bi qbil mar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom;

25.  Ifakkar li huwa ta' imporatnza fundamentali għall-industrija tal-UE li l-miżuri neċessarji ta' flessibilità jiġu introdotti għall-iktar setturi esposti għal ''delokalizzazzjoni''/rilokazzjoni tal-karbonju u t-telf tal-kompetittività;

26.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-potenzjal tal-Qbid u Ħżin tad-Dijossidu tal-Karbonju biex jgħin fit-tnaqqis sostanzjali tas-CO2 fis-settur tal-enerġija u l-istallazzjonijiet industrijali kien rikonoxxut, fost l-oħrajn mill-Panel Internazzjonali dwar il-Bidla fil-Klima; jistieden għalhekk lill-Kunsill biex jiżgura li jkun ipprovdut finanzjament adegwat sabiex it-12-il proġett ta' dimostrazzjoni li talab jistgħu jibdew jaħdmu mill-2015;

27.  Ifakkar fil-bżonn li l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi standards tar-rendiment tal-emissjonijiet għall-karozzi l-ġodda tal-passiġġieri tiddaħħal bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi ta' użu ħafif (COM (2007)0856 bħala waħda mill-proposti leġiżlattivi fil-pakkett tal-bidla klimatika u tal-enerġija;

Is-sigurtà tal-enerġija

28.  Jitlob impenn politiku qawwi biex issir it-tranżizzjoni għall-ekonomija tal-UE b'livell baxx ta' karbonju, flimkien ma' użu ikbar ta' sorsi indiġeni, produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata u miżuri għall-iffrankar tal-enerġija biex ikunu promossi s-sorsi rinnovabbli, l-effiċjenza fl-enerġija u sorsi oħra ta' enerġija b'livell baxx ta' karbonju, bl-għan tad-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u t-tnaqqis tad-dipendenza fuq fjuwils fossili impurtati, minħabba li din il-bidla hija l-aktar risposta loġika għall-prezzijiet taż-żejt ogħla; jaqbel mal-prijorità li dawn il-miżuri strateġiċi għandhom ikunu appoġġati minn impenji finanzjarji b'saħħithom fir-riċerka u l-iżvilupp;

29.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex isegwu b'determinazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament bil-għan li tintlaħaq politika esterna Ewropea dwar l-enerġija, partikolarment billi tiġi promossa l-unità tal-UE fin-negozjati ma' fornituri tal-enerġija u ma' pajjiżi ta' transitu, u billi jiġu mħarsa l-interessi tagħha bħala entità sħiħa, billi tiġi żviluppata diplomazija tal-enerġija effettiva, jiġu adottati mekkaniżmi iktar effettivi bħala tweġiba għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi u tiġi żgurata d-diversifikazzjoni tal-fornituri tal-enerġija; ifakkar dwar il-bżonn li tiġi adottata strateġija għal dan il-għan, flimkien mal-istrumenti neċessarji biex din tiġi implimentata; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-ħolqien ta' interkonnessjonijiet neċessarji li għadhom ma jeżistux, partikolarment fil-parti tal-Lvant tal-Ewropa;

30.  Jilqa" b'sodisfazzjon is-sejħa tal-Kunsill biex tissaħħaħ u tkun issuplimentata l-infrastruttura kritika; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta n-networks trans-Ewropej tal-enerġija u tistabbilixxi pjan prijoritarju ta" interkonnessjoni, mingħajr ma tittraskura l-infrastruttura u l-faċilitajiet ta' ħażna għall-ilqugħ/għar-rigassifikazzjoni ta' gass naturali likwefatt; jilqa" l-attenzjoni speċjali li ngħatat lir-reġjuni iżolati tal-UE; jenfasizza l-importanza li tkun żviluppata iktar l-infrastruttura Ewropea tal-interkonnessjoni u tal-grid biex jinġab fis-swieq livell dejjem ogħla ta' enerġija mir-riħ li ġej minn barra l-kosta; jinnota li l-interkonnessjonijiet transkonfinali se jeħtieġu miżuri speċjali, bħall-iffinanzjar bi preferenza jew eżenzjonijiet mit-taxxa; jinnota li t-tlestija tal-konnessjonijiet nieqsa fit-TENs se ttejjeb is-sigurtà tal-provvista, kif ukoll tikkontribwixxi biex is-suq intern ikun komplut;

31.  Jisħaq fuq il-bżonn li titjieb il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed f'arranġament istituzzjonali u multilaterali, inklużi kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u mat-tranżitu, u t-trasparenza tal-operazzjoni tas-suq;

32.  Jirrimarka li s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija hija prijorità għall-Unjoni Ewropea; jenfasizza f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp ta" proġetti konġunti tal-UE dwar l-enerġija rinovabbli għandu jkollhom irwol ewlieni biex ikun hemm iċ-ċertezza tal-provvista tal-enerġija, filwaqt li jiżguraw il-konformità mal-miri ta' Liżbona u ta' Göteborg;

33.  Jenfasizza li l-effiċjenza fl-enerġija mhix biss l-iktar mezz effettiv f'termini ta' nfiq fit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass bl-effett ta' serra iżda għandha wkoll impatt dirett pożittiv fuq l-ekonomija, permezz ta' kontijiet tal-fjuwil irħas u żieda f'kemm jiflaħ jonfoq il-konsumatur fuq prodotti u servizzi oħra; jistieden lill-Istati Membri biex iħaffu l-implimentazzjoni ta' politiki ta' effiċjenza fl-enerġija u tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

34.  Jikkunsidra li suq intern li jkun operattiv għal kollox huwa importanti ħafna għas-sigurtà tal-provvista; jinnota li s-suq tal-UE tal-enerġija għadu mhux komplut bis-sħiħ u li l-implimentazzjoni sħiħa hija imperattiva; jilqa" b'sodisfazzjon is-sejħa biex jiġi finalizzat il-pakkett leġiżlattiv dwar is-suq intern tal-enerġija qabel it-tmien tal-mandat parlamentari; jitlob lill-Kunsill biex jibda n-negozjati mal-Parlament dwar dak il-pakkett, fuq il-bażi tal-ftehim politika li sar fl-10 ta" Ottubru 2008 fil-Kunsill għall-Enerġija;

Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil

35.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Presidenza Franċiża dwar il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil safejn dan jippromwovi approċċ bilanċjat u koerenti għall-migrazzjoni fl-objettiv doppju tiegħu: li jipprovdi mezzi legali ta' migrazzjoni waqt li fl-istess ħin jittratta l-migrazzjoni illegali; f'dan il-kuntest jemmen li Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni għandha tkun ibbażata fuq is-suppożizzjoni li l-migranti huma membri individwali tas-soċjetà u ċittadini potenzjali; huwa tal-fehma, barra minn hekk, l-Istati Membri ghandhom jippruvaw jistabbilixxu politiki ċari u effettivi għall-inklużjoni u l-integrazzjoni soċjali; jikkunsidra, għaldaqstant, li jeħtieġ li dan il-Patt ikun akkumpanjat minn proposti legizlattivi konkreti;

36.  Jaqbel mal-Kunsill li l-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil għandu jipprovdi l-qafas għall-azzjoni taħt Presidenzi futuri;

Is-segwitu għall-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Settembru 2008

37.  Huwa tal-fehma li ma jistax ikun hemm soluzzjoni militari għall-kunflitti fil-Kawkasu, u jesprimi l-kundanna soda tiegħu ta' dawk kollha li rrikorrew għall-forza u l-vjolenza sabiex jibdlu s-sitwazzjoni fit-territorji separatisti Ġeorġjani tal-Ossetia tan-Nofsinhar u l-Abkhazia;

38.  Ifakkar fl-azzjoni militari sproporzjonata tar-Russja fil-bidu t'Awwissu 2008 fil-Ġeorġja u l-inkursjoni tagħha 'l ġewwa ħafna fil-pajjiż, kif ukoll id-deċiżjoni unilaterali tagħha li tirrikonoxxi l-indipendenza tal-Ossetia tan-Nofsinhar u l-Abkhazia;

39.  Jistieden lir-Russja biex tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha kif rikonoxxuti mill-Istati Membri kollha tal-UE;

40.  Jenfasizza li l-UE trid tirrevedi l-politika tagħha rigward ir-Russja jekk ir-Russja ma tikkonformax mal-impenji tagħha skont il-ftehim tat-12 t'Awwissu u tat-8 ta' Settembru 2008;

41.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward is-sitwazzjoni fil-Ġeorġja; ifakkar fl-impenji tal-ftehim tat-12 ta" Awwissu u tat-8 ta" Settembru; jenfasizza li l-irtirar tat-truppi Russi miz-zoni qrib l-Ossetia tan-Nofsinhar u l-Abkhazia huwa pass addizzjonali essenzjal; jitlob ir-ritorn malajr u f'sitwazzjoni sikura tar-rifuġjati, akkumpanjat mill-iskjerament tal-osservaturi tal-UE fit-territorju; jiddispjaċih mill-falliment tat-taħdidiet bejn ir-Russja u l-Ġeorġja f'Ġinevra fil-15 ta" Ottubru 2008;

42.  Jiddispjaċih, barra minn hekk, li l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) fil-Ġeorġja mhix qed titħalla tidħol fiż-żewġ reġjuni separatisti, fejn ir-Russja qed tippjana li tistazzjona 7 600 suldat tal-armata regolari minflok il-kontinġenti żgħar ta' truppi għaż-żamma tal-paċi Russi li kienu skjerati fiż-żewġ territorji wara l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tal-1992 sa' l-1994;

43.  Jistenna bil-ħerqa l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi dwar il-Ġeorġja tat-22 ta" Ottubru 2008; jilqa" b'sodifazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ politiku, finanzjarju u prattiku b'saħħtu lill-Ġeorġja; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq, u f'qasir żmien tiżgura s-segwitu, ta' miżuri mmirati lejn ir-rijabilitazzjoni u l-irkupru taz-zoni ta" kunflitt u biex iżżid l-għajnuna umanitarja bl-għan li tissetilja mill-ġdid u tipprovdi rifuġju qabel ix-xitwa lill-persuni affettwati mill-gwerra;

44.  Jinnota li l-kwistjonijiet pendenti kollha jridu jkunu solvuti waqt il-konferenza internazzjonali f'Ġinevra, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mas-sitwazzjoni bħalissa fl-Ossetia tan-Nofsinhar u l-Abkhazia, u l-futur tagħhom, u b'mod partikulari l-preżenza kontinwa militari Russa f'Akhalgori u Perevi fl-Ossetia tan-Nofsinhar u fil-wied ta' Kodori fl-Abkhazia, u li sakemm dan iseħħ ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ma jistgħux jiġu lura għan-normal għal kollox;

45.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li huwa importanti li jkun żgurat li persuni u NGOs li huma impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u ċivili jkunu jistgħu jaħdmu f'konformità mal-impenji li r-Russja ħadet mal-Kunsill tal-Ewropa u mingħajr intimidazzjoni;

46.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkunsidrau l-applikazzjoni selettiva tal-Istrument Ewropew ta" Viċinat u ta" Sħubija u l-Istrument Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem u għad-Demokrazija fil-Belarus billi jestendu iktar appoġġ lis-soċjetà ċivili fil-Belarus; jenfasizza li l-oppożizzjoni demokratika fil-Belarus għandha tkun involuta bis-sħiħ fid-djalogu bejn l-UE u l-Belarus;

47.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iniedu djalogu ta' veru mal-awtoritajiet Belarussi li jkun ibbażat fuq approċċ gradwali u b'kundizzjonijiet, mgħammar b'indikaturi, skedi ta' żmien, klawżoli ta' reviżjoni u mezzi finanzjarji adegwati;

48.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ li ngħata mill-Kunsill Ewropew għall-proġett tas-'Sħubija mal-Lvant' li qed jitfassal bħalissa mill-Kummissjoni biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-ġirien tal-Lvant tagħha; jenfasizza li din is-sħubija jrid ikollha kontenut konkret u tanġibbli, b'mod partikulari rigward il-libertà tal-moviment u l-kummerċ ħieles, iżda wkoll riżorsi finanzjarji biżżejjed fil-baġit tal-UE;

o
o   o

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P6_TA(2008)0476.
(2) ĠU L 157, 26.6.2003, p.38.


Xogħol temporanju permezz ta' aġenzija ***II
PDF 201kWORD 33k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-pożizzjoni komuni tal-Kunsill fir-rigward tal-adozzjoni ta' direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar xogħol temporanju permezz ta' aġenzija (10599/2/2008 – C6-0327/2008 – 2002/0072(COD))
P6_TA(2008)0507A6-0373/2008

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill (10599/2/2008 – C6-0327/2008),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(1) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2002)0149),

–   wara li kkunsidra l-proposta emendata tal-Kummissjoni (COM(2002)0701),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 67,

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A6-0373/2008),

1.  Japprova l-pożizzjoni komuni;

2.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni komuni;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 254(1) tat-Trattat tal-KE;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju-Ġenerali tiegħu sabiex jiffirma l-att wara li jkun ivverifika li l-proċeduri ntemmu kif imiss u sabiex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 25 E, 29.01.04, p. 368.


Programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni ***I
PDF 366kWORD 37k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-proposta għal deciżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni (COM(2008)0106 – C6-0092/2008 – 2008/0047(COD))
P6_TA(2008)0508A6-0404/2008

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0106),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 153 tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0092/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0404/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Iqis li l-ammont ta' referenza finanzjarja ta' EUR 55 000 000 li jidher fil-proposta leġiżlattiva għall-implimentazzjoni tal-programm għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2009 u l-31 ta' Diċembru 2013 għandu jkun jaqbel mal-limitu massimu stabbilit fis-sottointestatura 1a tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2007-2013;

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-22 ta' Ottubru 2008 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru .../2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi programm Komunitarju pluriennali dwar il-ħarsien tat-tfal li jużaw l-Internet u t-teknoloġiji l-oħrajn tal-komunikazzjoni

P6_TC1-COD(2008)0047


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Deċiżjoni Nru 1351/2008/KE.)


Il-promozzjoni ta' vetturi li ma jniġġsux ***I
PDF 285kWORD 38k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-proposta riveduta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' vetturi għat-trasport tat-triq li huma effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li ma jniġġsux (COM(2007)0817 – C6-0008/2008 – 2005/0283(COD))
P6_TA(2008)0509A6-0291/2008

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta riveduta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2007)0817),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2) u l-Artikolu 175(1) tat-Trattat KE, skont liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0008/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta" Proċedura,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A6-0291/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirreferi l-kwistjoni mill-ġdid lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sostanzjali jew tibdilha b'test ieħor;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-22 ta' Ottubru 2008 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta' vetturi ta' trasport fuq it-triq nodfa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija

P6_TC1-COD(2005)0283


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2009/33/KE.)


Varjazzjonijiet għall-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta" prodotti mediċinali ***I
PDF 359kWORD 37k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/82/KE u d-Direttiva 2001/83/KE fir-rigward tal-varjazzjonijiet għat-termini tal-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta" prodotti mediċinali (COM(2008)0123 – C6-0137/2008 - 2008/0045(COD))
P6_TA(2008)0510A6-0346/2008

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0123),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), u l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ippreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0137/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0346/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni hekk kif ġiet emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tikkonsultah jekk ikollha l-ħsieb li temenda din il-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ieħor;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-22 ta' Ottubru 2008 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2001/82/KE u d-Direttiva 2001/83/KE fir-rigward tal-varjazzjonijiet għat-termini ta" l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta" prodotti mediċinali

P6_TC1-COD(2008)0045


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2009/53/KE.)


Ħarsien tal-konsumaturi rigward ċerti aspetti ta" timeshares ***I
PDF 285kWORD 59k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħarsien tal-konsumaturi rigward ċerti aspetti ta" timeshares, prodotti ta" btala fuq tul ta" żmien, bejgħ mill-ġdid u skambju (COM(2007)0303 – C6-0159/2007 – 2007/0113(COD))
P6_TA(2008)0511A6-0195/2008

(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2007)0303),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), u l-Artikolu 95 tat-Trattat KE, skond liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament(C6-0159/2007),

–   wara li kkunsidra l-garanziji mogħtija mir-rappreżentant tal-Kunsill b'ittra tal-24 ta' Settembru 2008 sabiex tkun adottata l-proposta kif ġiet emendata, b'konformità mal-Artikolu 251(2), it-tieni subparagrafu, l-ewwel inċiż tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu kif ukoll tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0195/2008),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill adottata fl-ewwel qari fit-22 ta' Ottubru 2008 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Direttiva 2008/.../KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-konsumatur rigward ċerti aspetti ta" kuntratti ta" timeshare, kuntratti dwar prodotti ta" vaganza għal perijodu fit-tul, kuntratti ta" bejgħ mill-ġdid u kuntratti ta" skambju

P6_TC1-COD(2007)0113


(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, d-Direttiva 2008/122/KE.)


Evalwazzjoni tal-ftehima PNR Awstralja - UE
PDF 317kWORD 67k
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan (2008/2187(INI))
P6_TA(2008)0512A6-0403/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomondazzjoni lill-Kunsill minn Sophia in't Veld f'isem il-Grupp ALDE dwar il-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-servizz doganali Awstraljan (B6-0383/2008),

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6, 24, 29 u 38 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li huma l-bażi legali għal zona Ewropea ta' libertà, sigurtà u ġustizzja kif ukoll għal negozjati internazzjonali ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet fir-rigward tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija fi kwistjonijiet kriminali;

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/651/CFSP/JHA tat-30 ta' Ġunju 2008 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' data mir-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) derivata mill-Unjoni Ewropea minn trasportaturi bl-ajru lis-Servizz Doganali Awstraljan(1), u wara li kkunsidra l-istess Ftehima,

–   wara li kkunsidra l-fatt li skont l-Artikolu 24(5) tat-TUE, dik il-Ftehima qed attwalment torbot biss fuq bażi proviżorja lil dawk l-Istati Membri li ma joħorġux dikjarazzjonijiet li juru li kellhom jikkonformaw mal-proċedura kostituzzjonali tagħhom stess, kif għamlu l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, il-Latvja, l-Ungerija, Malta, l-Olanda, il-Polonja u l-Finlandja(2),

–   wara li kkunsidra li minħabba l-bażi legali magħżula għad-Deċiżjoni tal-Kunsill t'hawn fuq, b'mod partikolari l-Artikoli 38 u 24 tat-TUE (tal-aħħar jirreferi għar-relazzjonijiet esterni), l-Artikolu 21 tat-TUE teħtieġ li l-Presidenza tikkonsulta lill-Parlament dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi tal-politika barranija u tas-sigurtà komuni,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwistjoni tal-PNR(3),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR) u l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/82/KE tad-29 ta" April 2004 dwar l-obbligu tat-trasportaturi li jikkomunikaw l-informazzjoni dwar il-passiġġieri(4),

–   wara li kkunsidra l-prinċipji bażiċi tal-kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet, li jimplikaw li l-Parlament se jkun infurmat u kkonsultat bis-sħiħ, u wara li kkunsidra l-fatt li l-Parlament lanqas biss kien infurmat dwar in-negozjati pendenti mill-Kummissjoni u/jew il-Kunsill, b'kuntrarju għal dak li ġara fil-każ ta' Ftehimiet oħra relatati mal-PNR u wkoll matul l-ewwel stadju ta' negozjati mal-Awstralja fl-2003/2004(5),

–   wara li kkunsidra li minkejja n-nuqqas ta' rieda tal-istituzzjonijiet l-oħra, il-Parlament għandu jieħu pożizzjoni dwar kwistjoni li taffettwa d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u li hija wkoll attwalment diskussa bħala suġġett possibbli għal-leġiżlazzjoni tal-UE,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3), u l-Artikoli 83(5), u (94) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0403/2008),

1.  Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill:

   Dwar aspetti proċedurali
   a) iqis li l-proċedura segwita għall-konklużjoni tal-Ftehima hi nieqsa mill-leġittimità demokratika, għaliex fl-ebda stadju ma kien hemm skrutinju demokratiku sodisfaċenti jew approvazzjoni Parlamentari; jinnota li l-Kunsill b'mod regolari jagħżel din il-proċedura għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali li jaffettwaw id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea;
   b) jinnota li minkejja t-talbiet ripetuti tiegħu, il-Parlament fl-ebda stadju ma kien infurmat jew ikkonsultat dwar l-adozzjoni tal-mandat, l-andament tan-negozjati jew il-konklużjonijiet tal-Ftehima; u minħabba f'hekk, iqis li l-proċedura segwita mill-Kunsill ma tikkonformax mal-prinċipji tal-koperazzjoni leali;
   c) jinnota li l-approvazzjoni parlamentari fil-livell nazzjonali hija meħtieġa f'biss għaxra mis-27 Stat Membru tal-UE, mingħajr ma jkun hemm ebda possibilità li jiġu proposti xi modifiki; iqis din il-proċedura bħala waħda totalment mhux adegwata; u jinnota li modifiki futuri tat-termini tal-Ftehima se jsiru mingħajr l-approvazzjoni parlamentari fil-livell nazzjonali;
   d) jibqa' fid-dubju dwar il-bażi legali magħżula mill-Kunsill għal ftehima internazzjonali li tikkonċentra biss fuq il-bżonnijiet interni ta' sigurtà ta' pajjiż terz u li m'għandha l-ebda valur miżjud fir-rigward tas-sigurtà tal-UE, tal-Istati Membri tagħha jew taċ-ċittadini tal-UE; għalhekk iżomm id-dritt tiegħu li jidher quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-każ li parti terza turi dubji dwar il-leġittimità tal-Ftehima;
   e) jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinvolvu lill-Parlament u lill-parlamenti nazzjonali b'mod sħiħ fl-adozzjoni ta' mandat għal negozjati u fil-konklużjoni ta' kwalunkwe ftehim futur dwar it-trasferiment ta' data personali, b'mod partikolari d-diskussjonijiet attwali mal-Korea t'Isfel dwar it-trasferiment tad-data PNR;
   Dwar l-ambitu u l-għan
  f) jinnota li fit-test kollu tal-Ftehima tissemma lista sħiħa ta' raġunijiet, u jintużaw termini differenti wieħed ħdejn l-ieħor:
   - il-ġlieda kontra t-terroriżmu u delitti relatati kif ukoll delitti serji oħra, inkluż id-delitti organizzati li huma tranżnazzjonali fin-natura tagħhom (introduzzjoni),
   - strettament għall-iskop tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u delitti relatati (Artikolu 5(1)(i)) u delitti serji oħra, inkluż id-delitti organizzati li huma tranżnazzjonali fin-natura tagħhom (Artikolu 5(1)(ii)),
   - l-evażjoni fil-każ ta' mandat ta' arrest jew ta' detenzjoni fir-rigward tad-delitti msemmija hawn fuq (Artikolu 5(1)(iii)),
   - il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika u l-infurzar tal-liġi (introduzzjoni),
   - dwana, immigrazzjoni u delitti (referenzi għall-Atti rispettivi fl-introduzzjoni),
   - "fuq bażi ta' każ b'każ' fejn hu meħtieġ għall-protezzjoni tal-interess vitali għas-suġġett tad-dejta jew persuni oħra, b'mod partikolari fir-rigward tar-riskju ta' mewt jew korriment serju lis-suġġett tad-dejta jew oħrajn (Artikolu 5(2)),
   - riskju sinifikanti tas-saħħa pubblika (Artikolu 5(2)),
   - sorveljanza u responsabilità tal-amministrazzjoni pubblika, inklużi r-rekwiżiti skont l-Att tal-Libertà tal-Informazzjoni, l-Att tal-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Opportunitajiet Ugwali, l-Att tal-Privatezza, l-Att tal-Awditur Ġenerali, jew l-Att tal-Ombudsman (Artikolu 5(3));
   g) għalhekk iqis li l-limitazzjoni tal-iskop hija totalment inadegwata, li tagħmilha impossibbli li jiġi stabbilit jekk il-miżuri humiex ġustifikati u proporzjonati; u li b'riżultat ta' dan, il-Ftehima jista' ma jikkonformax mal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta tal-UE u dawk internazzjonali, jew li tikkonforma mal-Artikolu 8 tal-ECHR, li jeħtieġ limitazzjoni preċiża tal-iskop; iqis li din tista' tesponi lill-Ftehima għall-kuntestazzjoni legali;
   Dwar il-Protezzjoni tad-Dejta
   h) jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Att dwar il-Privatezza Awstraljan għandu japplika bħala test sħiħ għaċ-ċittadini tal-UE, imma hu mħasseb dwar xi eċċezzjonijiet u eżenzjonijiet li jistgħu jħallu liċ-ċittadini tal-UE bi protezzjoni legali mhux kompleta; jemmen li l-Ftehima għandha tkun konformi għal kollox, mhux biss mal-liġijiet tal-protezzjoni tad-dejta Awstraljani, imma wkoll u b'mod primarju mal-liġijiet tal-UE; jinsisti li sempliċi konformità mal-Ftehima ma tistax tieħu post sejba formali tal-adegwatezza, u li mhuwiex biżżejjed li l-liġijiet, il-politiki u l-prinċipji tal-protezzjoni tad-dejta tal-Unjoni Ewropea u tal-Awstralja jaqsmu bejniethom bażi komuni;
   i) jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li d-dejta tkun svelata biss bil-kwantità meta tkun anonima;
   j) jinnota, fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġetti u d-dejta li tikkonċernahom, li skont il-Ftehima l-Awstralja għandha tipprovdi sistema, aċċessibbli għall-individwi, tkun xi tkun in-nazzjonalità jew il-pajjiż ta' residenza, biex dawn l-individwi jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; sabiex ikunu infurmati l-passiġġieri, hi milqugħa b'sodisfazzjon ir-rieda tas-servizz tad-Dwana Awstraljan li tinforma lill-pubbliku dwar l-ipproċessar tad-dejta PNR;
   k) jirrimarka li, bid-differenza tal-Ftehima bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' dejta mir-rekord tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) minn trasportaturi bl-ajru lid-Dipartiment tal-Homeland Security tal-Istati Uniti (2007 Ftehima PNR)(6), fil-każ li tinqala' tilwima bejn il-partijiet minħabba l-Ftehima Awstraljana, hemm dispożizzjoni għal mekkaniżmu biex jissolva l-kunflitt, u fejn ikun hemm ċans kbir li jkun hemm ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehima, l-awtoritajiet tal-UE għall-protezzjoni tad-dejta jistgħu jeżerċitaw is-setgħat eżistenti tagħhom biex jissospendu l-ħruġ ta' dejta sabiex jiġu protetti l-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom;
   l) jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta għar-reviżjoni konġunta, imma jisgħobbih li għadha ma saret l-ebda skadenza fissa għal reviżjoni bħal din; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jitolbu għal reviżjoni qabel Ġunju 2010, u biex jippreżentaw is-sejbiet ta' dik ir-reviżjoni lill-Parlament;
   m) jilqa' b'sodisfazzjon, fir-rigward ta' trasferimenti sussegwenti, il-fatt li hemm possibilitajiet limitati għal dawn it-trasferimenti, b'mod partikolari ladarba trasferimenti sussegwenti jsiru biss fuq bażi ta' każ b'każ u s-servizz tad-Dwana Awstraljan iżomm reġistru tal-iżvelar kollu;
   n) jinnota li skont l-Artikolu 2(2), l-ebda dejta m'hi ser tinżamm, imma li perjodu ta' żamma ta' ħames snin u nofs jissemma fl-Anness, punt 12; għalkemm dan hu iqsar milli hemm fil-ftehimiet mal-Istati Uniti, il-Parlament iqis li l-proporzjonalità ta' perjodu ta' żamma ta' ħames snin u nofs ma tistax tiġi stabbilita għax ir-raġunijiet li għalihom id-dejta tal-passiġġier qed tinżamm mhumiex speċifikati b'mod suffiċjenti;
   o) jirrimarka, fir-rigward ta' dejta sensittiva, li s-servizz tad-Dwana Awstraljan ddikjarat b'mod speċifiku li ma tridx u m'għandhiex bżonn dejta sensittiva, li jwassal għall-mistoqsija għaliex ġurisdizzjonijiet oħra bħal ma huma l-Kanada u l-Istati Uniti għandhom bżonnha, u jagħti assigurazzjoni ikbar li s-servizz tad-Dwana Awstraljan attwalment tiffiltra u tħassar dejta sensittiva li hija tista' tirċievi; madankollu, il-fatt li r-responsabilità tal-kontrollur tad-dejta biex jiffiltra dejta sensittiva maħruġa mill-UE tingħata lill-benefiċjarji tad-dejta, per eżempju s-servizz tad-Dwana Awstraljan, hija konsistenti mal-istandards tal-protezzjoni tad-dejta aċċettati, bħal ma huma dawk tal-Konvenzjoni 108 tat-28 ta' Jannar 1981 tal-Kunsill tal-Ewropa(7) u tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali u tal-moviment ħieles ta' din id-dejta(8);
   p) jinsisti li l-iskambju ta' noti diplomatiċi biex tkun emendata l-lista ta' dipartimenti u aġenziji li jista' jkollhom aċċess għad-data PNR, hu metodu inaċċettabbli;
   q) jikkundanna l-fatt li, waqt li jitqiesu l-kategoriji ta' dejta ttrasferita lis-servizz tad-Dwana Awstraljan, id-dejta mitluba hija tal-istess kategoriji ta' dejta bħal dik tal-Ftehima tal-Istati Uniti tal-2007 imsemmija hawn fuq (l-34 qasam ta' dejta kienu miġbura f'19-il kategorija ta' dejta, biex tingħata l-impressjoni li l-ammont ta' dejta trasferibbli kien naqas sew, li fil-fatt ma kienx il-każ); ġabra daqshekk wiesgħa ta' dejta mhix ġustifikata u għandha tkun meqjusa bħala sproporzjonata;

2.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-parlamenti nazzjonali li attwalment qegħdin jikkunsidraw din il-Ftehima u/jew dik mal-Istati Uniti (il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Spanja, l-Ungerija, l-Olanda, il-Polonja) biex iqisu l-osservazzjonijiet/ir-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq;

3.  Ifakkar lill-Kunsill li, fl-eventwalità ta' dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona, il-ftehimiet kollha dwar il-PNR għandhom ikunu riveduti b'assoċjazzjoni mal-Parlament Ewropew fuq bażi ekwa;

o
o   o

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament Awstraljan.

(1) ĠU L 213, 8.8.2008, p.47.
(2) Ftit mill-Istati Membri adottaw dikjarazzjonijiet speċifiċi ppubblikati fil-Minuti tal-Kunsill u li huma aċċessibbli fl-indirizz li ġej: http://register.consilium.europa.eu/pdf/en/08/st10/st10439.en08.pdf
(3) Riżoluzzjonijiet tal-Parlament tat-13 ta' Marzu 2003 dwar it-trasferiment ta' data personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi (ĠU C 61 E, 10.3.2004, p.381), Riżoluzzjoni tad-9 ta' Ottubru 2003, dwar it-trasferiment ta' dejta personali mil-linji tal-ajru fil-każ ta' titjiriet transatlantiċi: is-sitwazzjoni tan-negozjati mal-Istati Uniti (ĠU C 81 E, 31.3.2004, p. 105), tal-31 ta' Marzu 2004 dwar l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-livell adegwat ta' protezzjoni provdut mid-dejta personali misjuba fir-Rekords tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNRs) trasferiti lejn il-"Bureau of Customs and Border Protection" tal-Istati Uniti (ĠU C 103 E, 29.4.2004, p. 665), rakkomondazzjoni lill-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2006 dwar in-negozjati għal ftehima mal-Istati Uniti dwar l-użu tad-data tar-rekords tal-ismijiet tal-passiġġieri (PNR) għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transnazzjonali, inkluż l-kriminalità organizzata (ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 250) u l-pożizzjoni tal-Parlament tas-7 ta' Lulju 2005 dwar il-ftehima bejn il-Komunità Ewropea u l-gvern Kanadiż dwar l-ipproċessar tad-dejta tal-passiġġieri tal-ajru (API/PNR) (ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 464).
(4) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 24.
(5) Il-Kumitat għal-Libertajiiet Ċivili, Ġustizzja u Affarijiet Interni ħa nota wkoll ta' dawn in-negozjati fuq il-bażi tal-opinjoni tal-Grupp tal-Artikolu 29 ta' Ħidma għall-Protezzjoni tad-Data dwar dan is-suġġett. Ara: http://ec.europa.eu/justice_home/fsj/privacy/docs/wpdocs/2004/wp85_en.pdf
(6) ĠU L 204, 4.8.2007, p. 18.
(7) Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar awtomatiku tad-dejta personali u emendi sussegwenti tagħha.
(8) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.


Sfidi għall-ftehim kollettiv fl-UE
PDF 335kWORD 104k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar sfidi għall-ftehim kollettiv fl-UE (2008/2085(INI))
P6_TA(2008)0513A6-0370/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2, b' mod partikolari, l-ewwel inċiż, tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 3(j) tat-Trattat tal-Komunita' Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 136, 137, 138, 139 u 140 tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 39 u 49 tat-Trattat tal-KE,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea kif emendat mit-Trattat ta" Liżbona tat-13 ta' Diċembru 2007, b'mod partikulari l-Artikolu 3 tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 152 tat-Trattat dwar il-funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea li jagħraf l-importanza tad-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv għall-iżvilupp,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 27, 28 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, b'mod speċjali l-Artikolu 11 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea, b'mod speċjali l-Artikoli 5,6, u 19 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Istatus Legali tal-Ħaddiema Migranti,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l- istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-provvediment ta' servizzi(1) (id-Direttiva dwar l-Istazzjonar ta' Ħaddiema – il-PWD),

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-provvediment ta' servizzi (SEC(2006)0439) (Rapport dwar is-Servizzi),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta" Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni ta" proċeduri għall-għoti ta" kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (id-Direttiva dwar is-Swieq Pubbliċi)(2),

–   wara li kkunsidra l-klawsola 'Monti' tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2679/98 tas-7 ta' Diċembru 1998 dwar l-iffunzjonar tas-suq intern fir-rigward tal-moviment ħieles tal-prodotti fl-Istati Membri(3),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta" Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern(4) (id-Direttiva dwar is-Servizzi),

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej (l-ECJ) tas-27 ta" Marzu 1990 fil-Kawża C-113/89 Rush Portugesa Ltda vs Office Nationale d'Immigration(5),

–   wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tad-9 ta' Awissu 1994 fil-Kawża C-43/93, Vander Elst(6), tat-23 ta' Novembru 1999 fil-Kawżi Magħquda C-369/96 u 376/96, Arblade(7), tal-25 ta' Ottubru 2001 fil-Kawżi Magħquda C-49/98, C-50/98, C-52/98, C-54/98, C-68/98 u C-71/98, Finalarte(8), tas-7 ta' Frar 2002 fil-Kawża C-279/00, il-Kummissjoni vs l-Italja(9), tat-12 ta' Ottubru 2004 fil-Kawża C-60/03, Wolff & Müller GmbH(10), tal-21 ta' Ottubru 2004 fil-Kawża C-445/03, il-Kummissjoni vs il-Lussemburgu(11), u tad-19 ta' Jannar 2006 fil-Kawża C-244/04, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja(12),

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-ECJ tal-11 ta" Diċembru 2007 fil-Kawża C-438/05, International Transport Workers' Federation and Finnish Seamen's Union v Viking Line(13) (il-Każ Viking),

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-ECJ tat-18 ta" Diċembru 2007 fil-Kawża C-341/05, Laval un Partneri Ltd(14),

–   wara li kkunsidra s-sentenza tal-ECJ tat-3 ta' April 2008, Kawża C-346/06, Rüffert(15),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Organiżżazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) li ġejjin: ILO-94 Klawżoli tax-Xogħol (Kuntratti Pubbliċi); ILO-87 Il-Libertà ta" Assoċjazzjoni u l-Ħarsien tad-Dritt ta' Organizzazzjoni; ILO-98, Id-Dritt ta' Organizzazzjoni u n-negozjar kollettiv; ILO-117 Għanijiet u Standards Bażiċi tal-Politika Soċjali, b'mod speċjali t-Taqsima IV; ILO-154 Negozjar Kollettiv,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema(16),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2004 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 96/71/KE fl-Istati Membri(17),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-promozzjoni ta' xogħol deċenti għal kulħadd(18),

–   wara li kkunsidra l-prinċipji Komuni tal-Flessigurtà, approvati mill-Kunsill Ewropew fl-14 ta" Diċembru 2007 kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-29 ta" Novembru 2007 dwar il-Prinċipji Komuni tal-Flessigurtà(19),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0370/2008),

A.   billi t-Trattat tal-KE jirrikonoxxi d-drittijiet fundamentali stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fil-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri u fi trattati u konvenzjonijiet internazzjonali differenti, bħala riferenzi fundamentali għal-liġi u l-prattika tal-Komunità,

B.   billi t-Trattat tal-KE jistabbilixxi għadd ta' prinċipji rilevanti, billi wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Komunità huwa s-suq intern ikkaratterizzat mit-tneħħija, bejn l-Istati Membri, tal-ostakli għall-moviment ħieles ta' prodotti, persuni, servizzi u kapital,

C.   billi wieħed minn dawk il-prinċipji huwa l-għarfien tad-drittijiet kostituzzjonali bażiċi taċ-ċittadini, inkluż id-dritt li jingħaqdu f'unjins, id-dritt li jistrajkjaw u d-dritt li jinnegozjaw ftehim kollettiv,

D.   billi l-prinċipji fundamentali tas-suq intern jinkludu l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu provduti s-servizzi,

E.   billi, skont l-Artikolu 39 tat-Trattat, il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema tinvolvi t-tneħħija ta" kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri fir-rigward tal-impjieg, tal-ħlas u ta' kundizzjonijiet oħra tax-xogħol u tal-impjieg,

F.   billi r-restrizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali possibbli skont it-Trattat tal-KE, jekk ifittxu għanijiet leġittimi kompatibbli mat-Trattat, huma ġġustifikati b'raġunament b'saħħtu ta' interess pubbliku, huma adattati biex jinkisbu l-objettivi mfittxija u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa bżonnjuż biex jintlaħqu; billi fl-istess waqt, skont l-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kwalunkwe limitazzjoni fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn dik il-Karta jistgħu jsiru biss jekk ikunu proporzjonali, meħtieġa u jilqgħu b'mod ġenwin l-objettivi ta" interess ġenerali rikonoxxut mill-Unjoni jew mill-ħtieġa li jipproteġu d-drittijiet jew il-libertajiet tal-oħrajn,

G.   billi l-ECJ tagħraf id-dritt tal-azzjoni kollettiva bħala dritt fundamentali li huwa parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja; dan id-dritt se jkun imnaqqax ukoll fit-Trattat jekk it-Trattat ta' Liżbona jkun irratifikat,

H.   billi l-Kummissjoni f'bosta okkażjonijiet enfasizzat l-importanza tal-qafas nazzjonali eżistenti tal-leġiżlazzjoni tal-impjiegi u n-negozjar kollettiv għall-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema,

I.   billi r-rapport tal-Kummissjoni ntitolat: ' Ir-relazzjonijiet industrijali fl-Ewropa 2006' jikkonkludi li l-innegozjar kollettiv żviluppat sew jista' jkollu influwenza pożittiva fuq l-inklużjoni soċjali,

J.   billi skont l-Artikolu 136 tat-Trattat tal-KE, il-Komunità u l-Istati Membri "għandu jkollhom bħala l-objettivi tagħhom... il-kundizzjonijiet tal-għejxien u tax-xogħol imtejba, sabiex l-armonizzazzjoni tagħhom tkun possibbli waqt li jinżamm it-titjib"; u billi bil-għan li jinkiseb dan il-għan, l-Artikolu 140 tat-Trattat tal-KE jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tippromwovi koperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-politika soċjali, b'mod partikulari fi kwistjonijiet marbuta mad-dritt ta' assoċjazzjoni u l-innegozjar kollettiv bejn il-ħaddiema u min iħaddem,

K.   billi, skont il-preambolu tal-PWD, il-promozzjoni tad-dispożizzjoni transnazzjonali tas-servizzi teħtieġ kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ħielsa u ġusta kif ukoll miżuri li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u f'konformità mal-qafas legali li għandu x'jaqsam mal-liġi dwar l-impjieg nazzjonali u r-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri,

L.   billi l-PWD stqarret b'mod ċar fil-premessa 12 li "Il-liġi tal-Komunità ma tipprekludix lill-Istati Membri milli japplikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, jew il-ftehim kollettiv li għalih ikunu daħlu l-imsieħba soċjali , għal kull persuna impjegata anki temporanjament, fi ħdan it-territorju tagħha, għalkemm min iħaddimha jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor" u li "Il-liġi tal-Komunità ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jiggarantixxu r-rispett ta' dawn ir-regoli bil-mezzi xierqa",

M.   billi l-objettiv tal-PWD - li jipprovdi klima ta' kompetizzjoni ġusta u miżuri li jiggarantixxu rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema - huwa importanti, fl-era li fiha l-provvista transnazzjonali ta' servizzi qed tespandi, għall-ħarsien tal-ħaddiema kkonċernati, waqt li jkun irrispettat il-qafas tal-liġi tal-impjiegi u r-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri, sakemm dan ma jmurx kontra l-leġiżlazzjoni Komunitarja,

N.   billi skont il-PWD il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom jistabbilixxu nukleu ta" regoli mandatorji għall-ħarsien minimu ta" ħaddiema stazzjonati li għandhom jitħarsu fil-pajjiż li qed jospita mingħajr ma tixxekkel l-applikazzjoni ta" termini u kundizzjonijiet tal-impjieg li jkunu aktar favorevoli għall-ħaddiema,

O.   billi l-Artikolu 3(8) tal-PWD jippermetti lid-Direttiva li tiġi implimentata permezz tal-leġiżlazzjoni jew permezz tal-ftehim kollettiv li ġie ddikjarat li japplikaw universalment, jew li huwa ġeneralment applikabbli għall-impriżi simili kollha fl-industrija kkonċernata jew li ġie konkluż mir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tax-xogħol u minn dawk ta' min iħaddem fil-livell nazzjonali u li huwa applikat fit-territorju nazzjonali; billi l-ECJ tafferma wkoll li ladarab l-għan tal-PWD mhijiex li tarmonizza s-sistemi biex ikunu stabbiliti t-termini u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-Istati Membri huma ħielsa li jagħżlu sistema fil-livell nazzjonali li mhux neċessarjament imsemmija fost dawk imniżżla fil-PWD,

P.   billi d-dispożizzjonijiet ċentrali fl-Artikolu 3(1) tal-PWD jikkonsistu minn regoli mandatorji internazzjonali li l-Istati Membri qablu fuqhom; jinnota li d-dispożizzjonijiet tal-ordni pubbliku fl-Artikolu 3(10) għandu jikkonsisti f'regoli mandatorji internazzjonali iżda huma inkwadrati b'tali mod li l-Istati Membri jkollhom id-diskrezzjoni fil-kuntest tad-definizzjoni tagħhom fil-leġiżlazzjoni nazzjoanli; billi l-użu tal-Artikolu 3(10) huwa importanti għall-Istati Membri ladarba jippermettilhom li jikkunsidraw bosta aspetti bħas-suq tax-xogħol, il-politika soċjali u tħassib ieħor inkluż il-protezzjoni tal-ħaddiema, waqt li jkun irrispettat il-prinċipju tat-trattament ugwali;

Q.   billi l-mobilità tal-ħaddiema tat kontribut qawwi lill-impjiegi, lill-prosperità u lill-integrazzjoni tal-UE, u li wasslet biex iċ-ċittadini jkollhom opportunitajiet ġodda biex jiżviluppaw l-għarfien u l-esperjenza kif ukoll biex jiksbu standards aħjar ta' għejxien,

R.   billi l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kkodifika d-dritt tal-innegozjar kollettiv u l-azzjoni kollettiva,

S.   billi l-PWD tat l-opportunità lil iktar minn miljun ħaddiem biex jaħdmu barra minn pajjiżhom b'kundizzjonijiet bla periklu u siguri mingħajr problemi u kunflitti,

T.   billi l-applikazzjoni uniformi u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet tal-PWD huma essenzjali sabiex ikunu żgurati l-objettivi tagħha, b'mod partikulari l-osservanza tal-arranġamenti tan-negozjar kollettiv eżistenti fl-Istati Membri,

U.   billi l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tas-Servizzi jindika b'mod ċar li mhux fi ħsiebu jieħu post il-PWD u huwa mingħajr preġudizzju għaliha,

V.   billi minħabba l-moviment ħieles tal-prodotti l-klawżola li ġejja (magħrufa bħala l-klawsola "Monti") kienet inkluża fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2679/98; Artikolu 2: "Dan ir-Regolament ma jistax jiġi interpretat bħala li jaffettwa b 'ebda mod l-eżerċizzju ta' drittijiet fundamentali kif magħrufa fl-Istati Membri, inkluż id-dritt jew il-libertà tal-istrajk. Dawn id-drittijiet jistgħu jinkludu wkoll id-dritt jew il-libertà li jittieħdu azzjonijiet oħra koperti mis-sistemi speċifiċi tar-relazzjonijiet industrijali fl-Istati Membri",

W.   billi l-Artikolu 1(7) tad-Direttiva tas-Servizzi tipprevedi li: "Din id-Direttiva ma taffettwax l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u bil-liġi Komunitarja. Lanqas ma taffettwa d-dritt li wieħed jinnegozja, jikkonkludi u jinforza ftehim kollettiv u li jieħu azzjoni industrijali skont il-liġi u l-prattiċi nazzjonali li jirrispettaw il-liġi Komunitarja",

X.   billi l-Kunsill Ewropew stabbilixxa prinċipji biex joħloq mudelli tas-suq tax-xogħol li minbarra livell għoli ta" sigurtà għandhom ukoll livell għoli ta" flessibilità, (magħrufa bħala "l-mudell ta" flessigurtà"); billi huwa rikonoxxut li parti importanti tal-mudell ta" flessigurtà li rnexxielu jinkludi sħab soċjali b'saħħithom b'firxa ta' applikazzjoni sinifikanti għall-innegozjar kollettiv,

Y.   billi huwa l-irwol tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li tinterpreta l-liġi Komunitarja fid-dawl tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u li tiżgura li fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tat-Trattat tal-KE tkun irrispettata l-liġi,

Z.   billi hija r-responsabilità tal-qrati nazzjonali li jiżguraw, fuq bażi ta' każ b'każ, jekk il-kriterji biex tiġi osservata r-restrizzjoni tal-libertajiet fundamentali kif ukoll tal-kompatibbli mal-liġi Komunitarja humiex sodisfatti,

AA.   billi d-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva u li jitwettqu l-ftehim kollettiv huwa dritt fundamentali li jifforma parti integrali mill-prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja; billi f'dan il-kuntest il-Qorti tal-Ġustizzja m'għandhiex toqgħod fuq stqarrija tal-Kunsill u tal-Kummissjoni bid-data tal-24 ta" Settembru 1996 li ma ġietx adottata mill-Parlament (bħala koleġiżlatur) sabiex l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta" "dispożizzjonijiet ta" ordni pubblika" u "dispożizzjonijiet nazzjonali importanti għall-ordni pubblika" tkun limitata biss għar-regoli mandatorji stipulati fil-leġiżlazzjoni,

AB.   billi s-sentenza tal-ECJ tal-21 ta' Settembru 1999 fil- Każ C-67/96 Albany International BV(20) fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni tagħti lit-trejd junjins grad sinifikanti ta' diskrezzjoni rigward kwistjonijiet marbuta mas-suq tax-xogħol,

AC.   billi ġie osservat li kien hemm opinjonijiet u interpretazzjonijiet eżistenti differenti fi ħdan il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u bejn il-Qorti u l-Avukati Ġenerali tagħha fil-każijiet varji li għandhom x'jaqsmu mal-PWD, b'mod partikulari l-każ Laval u l- każijiet Rüffert msemmija hawn fuq; billi meta opinjonijiet u interpretazzjonijiet bħal dawn ikun differenti, jista' jkun hemm każ għal kjarifika fid-dawl tal-bilanċ bejn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali,

1.  Jenfasizza li l-libertà li jkunu offruti s-servizz hija waħda mill-punti fundamentali tal-proġett Ewropew; jikkunsidra madankollu, li dan għandu jkun ibbilanċat, min-naħa, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-objettivi soċjali stabbiliti fit-Trattati u min-naħa l-oħra rigward id-dritt tas-sħab pubbliċi u soċjali biex jiżguraw in-nuqqas ta' diskriminazzjoni, it-trattament ugwali, u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għejxien u tax-xogħol; ifakkar li n-negozjar kollettiv u l-azzjoni kollettiva huma drittijiet fundamentali li huma rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li t-trattament ugwali huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

2.  Huwa tal-opinjoni li kull ċittadin tal-UE għandu jkollu d-dritt li jaħdem fejn irid fl-Unjoni Ewropea u għalhekk għandu jkollu d-dritt għal trattament ugwali; għalhekk jiddispjaċih li dan id-dritt mhux applikat b'mod uniformi fl-UE; huwa tal-opinjoni li l-arranġamenti tranżizzjonali li jibqgħu hemmhekk għandhom ikunu suġġetti għal reviżjoni riġoruża mill-Kummissjoni, biex ikun evalwat jekk humiex verament meħtieġa biex jevitaw distorsjonijiet fis-swieq tax-xogħol nazzjonali u li meta ma jkunx il-każ, għandhom jitneħħew kemm jista' jkun malajr;

3.  Jenfasizza li l-libertà li jkunu pprovduti servizzi ma tmurx kontra u mhijiex superjuri għad-dritt fundamentali tas-sħab soċjali biex jippromwvu djalogu soċjali u biex jieħdu azzjoni industrijali, speċjalment, ladarba dan huwa dritt kostituzzjonali f'bosta Stati Membri; jenfasizza li l-intenzjoni tal-klawsola Monti kienet li tħares id-drittijiet kostituzzjonali fundamentali fil-kuntest tas-suq intern; ifakkar fl-istess ħin li l-moviment ħieles tal-ħaddiema huwa wieħed mill-erba' libertajiet tas-suq intern;

4.  Jilqa" b'sodisfazzjon it-Trattat ta" Liżbona u l-fatt li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandha torbot legalment; jinnota li dan jinkludi d-dritt tat-trejdjunjins li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehim kollettiv fil-livelli xierqa u, fil-każ ta" kunflitti ta" interess, li jieħdu azzjoni kollettiva (bħal strajk) sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom;

5.  Jenfasizza li l-libertà li jkunu pprovduti servizzi mhijiex superjuri għad-drittijiet fundamentali li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikulari id-dritt tad-trejd junjins li jieħdu azzjoni industrijali, b'mod partikulari ladarba dan huwa dritt kostituzzjonali f'bosta Stati Membri; jenfasizza għalhekk li s-sentenzi tal-ECJ għall-kawżi Rüffert, Laval u Viking juru li huwa meħtieġ li l-libertajiet ekonomiċi, kif stabbiliti fit-Trattati, għandhom ikunu interpretati b'tali mod li ma jaffettwawx l-eżerċizzju tad-drittijiet soċjali fundamentali kif rikonoxxuti fl-Istati Membri u mil-liġi tal-Komunità, inkluż id-dritt li jiġu nnegozjati, konklużi u infurzati ftehim kollettiv kif ukoll li tittieħed azzjoni kollettiva, u li ma jaffettwawx l-awtonomija tas-sħab soċjali meta jkunu qed eżerċitati dawn id-drittijiet fundamentali li jħarsu l-interessi soċjali u l-interessi tal-ħaddiema;

6.  Jenfasizza li l-PWD tippermetti li l-awtoritajiet pubbliċi u s-sħab soċjali jistabbilixxu termini u kundizzjonijiet ta' impjieg li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema skont it-tradizzjonijiet differenti fl-Istati Membri;

7.  Jenfasizza li l-premessa 22 tal-PWD tistqarr li d-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġi tal-Istati Membri rigward azzjoni kollettiva li tiddefendi l-interessi tan-negozji u l-professjonijiet li hija kkonfermata mill-Artikolu 137(5) tat-Trattat tal-KE;

8.  Jenfasizza għalhekk il-bżonn li t-trattament ugwali u l-istess paga għall-istess xogħol fl-istess post tax-xogħol ikunu ssalvagwardjati u msaħħa kif stabbilit fl-Artikoli 39 u 12 tat-Trattat tal-KE; jikkunsidra li fil-qafas tal-libertà li jkunu pprovduti s-servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment, iċ-ċittadinanza ta' min iħaddem, kif ukoll tal-impjegati jew tal-ħaddiema stazzjonati ma tiġġustifikax nuqqas ta' ugwaljanza rigward kundizzjonijiet tax-xogħol, paga jew l-eżerċizzju ta' drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-istrajk;

9.  Jenfasizza l-importanza li jkunu evitati effetti negattivi fuq il-mudelli tas-suq tax-xogħol li diġà huma kapaċi jikkombinaw livell għoli ta" flessibilità fuq is-suq tax-xogħol ma" livell għoli ta" sigurtà, u minflok, jiġi promoss aktar dan il-metodu;

L-impatt ġenerali

10.  Jinnota li l-effett orizzontali ta' ċertu dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KE jiddependi fuq il-fatt li kundizzjonijiet preċiżi jiġu sodisfatti, fosthom il-kundizzjoni li huma jagħtu d-drittijiet lill-individwu li jkollu interess fil-konformità mal-obbligi kkonċernati; jesprimi t-tħassib tiegħu li, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-sentenzi li dan l-aħħar ħarġu mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-effett orizzontali tal-Artikolu 43 tat-Trattat tal-KE ġie identifikat kif xieraq, u jikkunsidra li dan jista' jwassal għal aktar kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

11.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, skont il-prinċipji u t-tradizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, bosta Stati Membri, f'koperazzjoni mas-sħab soċjali, stabbilew standards għolja ta' kundizzjonjiet tax-xogħol li jtejbu l-benessri tal-ħaddiema kollha u jsaħħu t-tkabbir ekonomiku kif ukoll il-kompetittività;

12.  Jemmen li l-intenzjoni tal-leġiżlatur fil-PWD u d-Direttiva tas-Servizzi hija inkompatibbli mal-interpretazzjonijiet li jistgħu joħolqu kompetizzjoni mhux ġusta bejn l-impriżi; jinnota li l-impriżi li jiffirmaw u jimxu mal-ftehim kollettiv jista' jkollhom żvantaġġ kompetittiv fir-rigward tal-impriżi li jirrifjutaw li jagħmlu dan;

13.  Jikkunsidra li l-applikazzjoni u l-infurzar korretti tad-dispożizzjonijiet tal-PWD huma essenzjali biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tagħha, jiġifieri biex jiġi ffaċilitat il-forniment ta' servizzi waqt li tiġi garantita l-protezzjoni xierqa tal-ħaddiema u biex jiġu rrispettati kompletament l-arranġamenti għan-negozjar kollettiv li jeżistu fl-Istati Membri fejn jiġu stazzjonati l-ħaddiema fil-qafas ta' dik id-Direttiva;

14.  Għalhekk huwa tal-opinjoni li l-libertà li jkunu pprovduti servizzi transkonfinali fis-suq intern tkun ulterjorment imsaħħa billi jkun żgurat li l-fornituri domestiċi u barranin tas-servizz jiffaċċjaw l-istess kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u l-istess kundizzjonijiet ekonomiċi fil-post tat-twassil tas-servizz;

15.  Jippromwovi attivament il-kompetittività fuq il-bażi tal-għarfien u l-innovazzjoni kif stabbilità fl-Istrateġija ta' Liżbona;

16.  Jiddubita dwar l-introduzzjoni ta' prinċipju ta' proporzjonalità għal azzjonijiet kontra impriżi li, billi jistrieħu fuq id-dritt ta' stabbiliment jew id-dritt li jkunu pprovduti servizzi minn fruntiera għall-oħra, inaqqsu apposta t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjiegi; jikkunsidra li ma għandu jkun hemm ebda domanda dwar l-użu ta' azzjoni industrijali biex ikun hemm trattament ugwali u biex ikunu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti;

17.  Jenfasizza l-fatt li l-libertajiet ekonomiċi tal-UE qatt ma jistgħu jkunu interpretati li jagħtu d-dritt lill-impriżi biex jevadu jew jaħarbu minn liġijiet u prattiki nazzjonali soċjali u tal-impjiegi, u lanqas għall-kompetizzjoni mhix ġusta dwar pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol; jikkunsidra għalhekk li azzjonijiet transkonfinali minn impriżi li jistgħu jxekklu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjiegi fil-pajjiż li qed jospita għandhom ikunu proporzjonali u ma huma bl-ebda mod awtomatikament ġustifikati mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar, pereżempju, il-moviment ħieles tas-servizzi jew il-libertà tal-istabbiliment;

18.  Jenfasizza li l-liġi tal-Komunità għandha tirrispetta l-prinċipju tan-nuqqas ta' diskriminazzjoni; jenfasizza ulterjorment li l-leġiżlatur tal-Komunità għadu jiżgura li ma jinħoloq ebda xkiel la għall-ftehim kollettiv, pereżempju, dawk li jimplimentaw il-prinċipju ta' paga ugwali għall-istess xogħol għall-ħaddiema kollha fuq il-post tax-xogħol, indipendentement miċ-ċittadinanza tagħhom jew dik ta' min iħaddimhom, fil-post fejn is-servizz ikun ipprovdut, u lanqas għal azzjoni industrijali bħala appoġġ għal ftehim bħal din li hija f'konformità mal-liġijiet u l-prattiki nazzjonali;

19.  Jirrikonoxxi li s-sentenzi tal-ECJ fil-kawżi Laval, Rüffert u Luxembourg msemmija hawn fuq ħolqu tħassib serju rigward il-mod li bih direttivi ta' armonizzazzjoni minimi għandhom jiġu implimentati;

20.  Jinnota li l-kunsiderazzjonijiet soċjali msemmija fl-Artikoli 26 u 27 Direttiva dwar is-Swieq Pubbiċi jippermettu lill-Istati Membri li joħolqu kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni billi jistabbilixxu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg li jmorru lil hinn mir-regoli mandatorji għall-ħarsien minimu;

21.  Huwa tal-opinjoni li l-bażi legali limitata tal-moviment ħieles tal-PWD tista' twassal biex il-PWD tkun interpretata bħala stedina għal kompetizzjoni mhux ġusta fir-rigward tal-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; għalhekk, jitqies li l-bażi legali tal-PWD għandha titwessa" sabiex tinkludi riferenza għall-moviment ħieles tal-ħaddiema;

22.  Jenfasizza li bħala riżultat il-qagħda preżenti tista' twassal biex il-ħaddiema fil-pajjiżi li jospitawhom iħossuhom taħt pressjoni mill-kompetizzjoni tal-pagi baxxi; jikkunsidra għalhekk li l-implimentazzjoni konsistenti tal-PWD għandha tiġi żgurata fl-Istati Membri kollha;

23.  Ifakkar li disa' Stati Membri rratifikaw il-Konvenzjoni 94; jiddispjaċih li anki sentenzi ġudizzjarji jonqsu milli jieħdu kont xieraq tal -Konvenzjoni 94 tal-ILO u huwa mħasseb li l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni fl-Istati Membri kkonċernati tista' tkun f'kunflitt mal-applikazzjoni tal-PWD; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika din il-qagħda bħala kwistjoni ta' urġenza u biex tkompli tippromwovi r-ratifika ta' din il-Konvenzjoni sabiex isaħħaħ ultejorment l-iżvilupp ta' klawsoli soċjali f'regolamenti ta' xiri pubbliku, li fih innifsu huwa objettiv tad-Direttiva dwar is-Swieq Pubbliċi;

24.  Jinnota li għadu ma ġiex rikonoxxut li, skont il-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO, ir-restrizzjonijiet dwar id-dritt għall-azzjoni industrijali u d-drittijiet fundamentali tista' biss tkun iġġustifikata fuq bażi ta' saħħa, ordni pubbliku u fatturi oħra simili;

Talbiet

25.  Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jinfurzaw il-PWD kif xieraq; jenfasizza ukoll li l-leġiżlazzjoni u r-regoli tas-suq tax-xogħol rigward in-negozjati u l-ftehim kollettiv huma ta' kompetenza tal-Istati Membri u l-imsieħba soċjali; jinnota, f'dan ir-rigward, li hija r-responsabilità tal-Istati Membri li jtejbu u li jagħmlu użu sħiħ mill-prevenzjoni, il-monitoraġġ u l-miżuri ta' infurzar, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

26.  Jikkunsidra li l-leġiżlazzjoni preżenti tal-Komunità fiha kemm modi kif wieħed jaħrab minnha kif ukoll inkonsistenzi u għalhekk setgħat ħalliet li jsiru interpretazzjonijiet tal-PWD li ma kinux l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Komunità, li kien qed ifittex li jikseb bilanċ ġust bejn il-libertà li jkunu pprovduti servizzi kif ukoll il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni biex tħejji l-proposti leġiżlattivi meħtieġa li għandhom jassistu fl-evitar ta' interpretazzjonijiet li jmorru kontra xulxin fil-ġejjieni;

27.  Għalehkk jilqa' b'sodisfazzjon l-istqarrija tat-3 ta' April 2008 li fiha l-Kummissjoni impenjat ruħha li mhux biss tkompli tindirizza l-kompetizzjoni li hija bbażata fuq standards soċjali baxxi iżda anki enfasizzat li l-libertà li jkunu pprovduti servizzi ma tmurx kontra u ma hija bl-ebda mod superjuri għad-dritt fundamentali tal-istrajk u tas-sħubija ma' trejd junjin; iħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2008 mingħajr dewmien biex tinsab soluzzjoni għan-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet problematiċi ulterjuri u abbużi, kif ukoll li tinħoloq il-klima mixtieqa ta' fiduċja reċiproka u ta' kunfidenza; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex irawmu koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni fir-rigward tal-monitoraġġ u l-iskambju tal-aħjar prattika; jikkunsidra li dan ikun mod effettiv li bih tittieħed azzjoni kontra l-abbużi;

28.  Jiġbed l-attenzjoni li hu importanti li r-regoli dwar is-suq tax-xogħol Ewropew ikunu trasparenti u ekwivalenti għal kulħadd, imma jinnota wkoll li tradizzjonijiet politiċi differenti jagħmluha diffiċli ħafna li jkun hemm mudell uniku tas-suq tax-xogħol; għalhekk jikkunsidra li, fejn ċertu Stati Membri jkunu partikularment affetwati, għandha titwettaq evalwazzjoni tal-impatt dettaljata tas-sentenzi hawn fuq msemmija fil-livell nazzjonali b'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-indikazzjoni tal-Kummissjoni li issa lesta biex teżamina mill-ġdid l-impatt tas-suq intern fuq id-drittijiet tax-xogħol u l-innegozjar kollettiv.

30.  Jissuġġerixxi li dan ma għandux jeskludi reviżjoni parzjali tal-PWD. Kwalunkwe reviżjoni ta" dik id-Direttiva għandha ssir wara analiżi ddettaljata fuq livell nazzjonali tal-isfidi reali għall-mudelli differenti tal-ftehim kollettiv. Ir-reviżjoni, jekk tkun ikkunsidrata li hija utli, għandha titratta b'mod partikolari kwistjonijiet bħall-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli, il-livelli ta" ħlas, il-prinċipju ta" trattament indaqs għall-ħaddiema fil-kuntest tal-moviment ħieles tas-servizzi, ir-rispett għall-mudelli differenti tax-xogħol u l-perjodu ta" kariga;

31.  Jemmen li l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali kif rikonoxxut fl-Istati Membri, fil-konvenzjonijiet tal-ILO u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkluż id-dritt li jiġu negozjati, konklużi u infurzati ftehim kollettiv u d-dritt li jittieħdu azzjonijiet industrijali ma għandux ikun ipperikolat,

32.  Jenfasizza li għandu jkun assolutament ċar li l-PWD u d-Direttivi l-oħra ma jwaqqfux lill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali milli jitolbu aktar kundizzjonijiet favorevoli, immirati lejn trattament ugwali tal-ħaddiema, u li hemm assigurazzjonijiet li l-leġiżlazzjoni tal-Komunità tista' timplimenta fuq il-bażi tal-mudelli kollha tas-suq tax-xogħol li jeżistu.

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill rigward il-ħolqien ta' sistema elettronika għall-iskambju ta' informazzjoni bħala kwistjoni ta' urġenza ladarba din tista' tippermetti li l-Istati Membri joħduha kontra l-abbużi b'mod aktar effettiv.

34.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jadottaw miżuri li jikkumbattu l-abbużi, b'mod partikulari rigward l-attivitajiet ta' dawk il-"letterbox-companies" li mhumiex involuti f'negozju ġenwin u effettiv fil-pajjiż li fih stabbiliti iżda li nħolqu, kultant anki direttament mill-kuntrattur ewlieni fil-pajjiż li jospita, għar-raġuni sempliċi li jitwettaq negożju fil-pajjiż li jospita, sabiex tkun skansata l-applikazzjoni sħiħa tar-regoli u r-regolamenti tal-pajjiżi li jospita b'mod partikulari fir-rigward tal-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi regoli ċari fil-kodiċi ta' kondotta li joħduha kontra l-"letterbox companies" għall-impenji li jaqgħu taħt id-Direttivi tas-Servizzi;

35.  Itenni li d-drittijiet soċjali fundamentali mhumiex subordinati għad-drittijiet ekonomiċi fil-ġerarkija tal-libertajiet fundamentali; għalhekk isaqsi li jerġa' jiddaħħal fil-liġi primarja l-bilanċ bejn d-drittijiet fundamentali u libertajiet ekonomiċi sabiex tkun evitata l-ġirja biex jitnaqqsu l-istandards soċjali;

36.  Jilqa' l-pożizzjoni komuni tal-Kunsill dwar id-Direttiva l-ġdida dwar l-Impjieg Temporanju Permezz ta' Agenziji li għandha tipprovdi għal trattament mhux diskriminatorju mill-ewwel jum tal-impjieg sakemm l-imsieħba soċjali ma jiftehmux mod ieħor;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq il-Komunikazzjoni tant mistennija dwar l-innegozjar kollettiv transnazzjonali li tipproponi l-istabbiliment ta' qafas legali għall-ftehim kollettiv transnazzjonali;

o
o   o

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
(2) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.
(3) ĠU L 337, 12.12.1998, p. 8.
(4) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(5) [1990] ECR I-1470.
(6) [1994] ECR I-3803.
(7) [1999] ECR I-8453.
(8) [2001] ECR I-7831.
(9) [2002] ECR I-1425.
(10) [2004] ECR I-9553.
(11) [2004] ECR I-10191.
(12) [2006] ECR I-885.
(13) [2007] ECR I-10779.
(14) [2007] ECR I-11767
(15) Għadu mhux ippubblikatfl-ECR.
(16) ĠU C 313 E, 20.12.2006, p. 452.
(17). ĠU C 92 E, 16.4.2004, p. 404.
(18) ĠU C102 E, 24.4.2008, p.321.
(19) Testi adottati, P6_TA(2007)0574.
(20) [1999] ECR I-5751.


Id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, u il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdid UE-Vjetnam u
PDF 234kWORD 47k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' Ottubru 2008 dwar id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u il-Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdid UE-Vjetnam
P6_TA(2008)0514RC-B6-0538/2008

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Vjetnam,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Koperazzjoni tal-1995 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, irratifikat mill-Vjetnam fl-1982,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi t-tieni round ta' taħdidiet bejn l-UE u l-Vjetnam saret f'Ħanoj fl-20 u l-21 ta' Ottubru 2008,

B.   billi sar smigħ dwar il-Vjetnam, il-Laos u l-Kambodja mis-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-25 ta' Awwissu 2008,

C.   billi l-laqgħa fil-qafas tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn it-Trojka tal-UE u l-Vjetnam hija ppjanata għal Diċembru 2008,

D.   billi l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta' Koperazzjoni bejn il-Komunita' Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam jiddikjara: "Ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huwa l-bażi għall-koperazzjoni bejn il-partijiet u għat-twettiq tal-Ftehim u li huwa element essenzjali tal-Ftehim",

E.   billi l-libertà tal-assemblea fil-Vjetnam hija ristretta ħafna: f'Settembru 2008 l-Gvern Vjetnamit nieda l-aktar ripressjoni ħarxa tiegħu f'għexieren ta' snin kontra dimostranti Kattoliċi paċifiċi li kienu qed jipparteċipaw f'tishir ta' talb f'Ħanoj biex jitolbu r-ritorn tal-proprjetajiet tal-knisja kkonfiskati mill-Gvern Vjetnamit,

F.   billi l-libertà tal-istampa fil-Vjetnam hija ristretta ħafna: fl-2008, bosta ġurnalisti Vjetnamiti ġew arrestati jew ikkastigati talli rrappurtaw dwar korruzzjoni uffiċjali u, fid-19 ta' Settembru 2008, il-kap tal-uffiċju ta' Ħanoj tal-Associated Press Ben Stocking ġie arrestat u msawwat mill-pulizija talli rrapporta laqgħa paċifika ta' Kattoliċi Vjetnamiti f'Ħanoj,

G.   billi l-minoranzi etniċi tal-Għoljiet tat-Tramuntana u dawk Ċentrali għadhom suġġetti għal diskriminazzjoni, konfiska tal-art tagħhom u vjolazzjoni tal-libertajiet reliġjużi u kulturali tagħhom; billi la l-organiżżazzjonijiet non-governattivi ndipendenti u lanqas ġurnalisti barranin ma għandhom aċċess bla restrizzjonijiet għall-Għoljiet Ċentrali biex jevalwaw is-sitwazzjoni reali tal-Montagnards, u b'mod partikolari ta' dawk li ġew irripatrijati bil-forza mill-Kambodja; billi mill-2001 aktar minn 300 Montagnard ingħataw sentenzi ta' priġunerija għal attivitajiet politiċi jew reliġjużi paċifiċi,

H.   billi, minkejja l-appelli kostanti u ripetuti mill-komunità internazzjonali, il- patrijarka suprem tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, Thich Quang Do (ta' 79 sena), rebbieħ tal-Premju Rafto 2006 għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġie mitfugħ il-ħabs bosta drabi mill-1982 u għadu taħt arrest domiċiljarju effettiv,

I.   billi l-Gvern Vjetnamit għadu ma rrikonoxxiex il-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam (UBCV) , l-akbar organizzazzjoni ta' Buddisti fil-Vjetnam ,

J.   billi l-Vjetnam implimenta leġiżlazzjoni biex jillimita l-libertà tal-aċċess għall-internet, b'kontrolli ta' filtrazzjoni u ta' kontenut, u wettaq arresti ta' ħafna 'dissidenti ċibernetiċi' talli użaw l-internet biex ixerrdu l-opinjonijiet tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jew talli pparteċipaw f'diskussjonijiet fuq l-internet dwar id-demokrazija; billi fl-10 ta' Settembru 2008 l-kittieb u attivist tad-demokrazija fuq l-internet Nguyen Hoang Hai, magħruf bil-psewdonimu Điếu Cày, ingħatatlu sentenza ta' priġunerija,

K.   billi membri tal-minoranza etnika Khmer (Khmer Krom) fil-Vjetnam tan-Nofsinhar sofrew persekuzzjoni reliġjuża u konfiska ta' art; billi l-awtoritajiet neżżgħu madwar 20 patri Buddist Khmer Krom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi protesta paċifika fi Frar 2007 li talbet li jkun hemm aktar libertà reliġjuża, u bagħtu 5 minnhom il-ħabs; billi l-awtoritajiet Vjetnamiti poġġew lill-patri Buddist Khmer Krom Tim Sakhorn taħt arrest domiċiljarju wara l-ħelsien tiegħu mill-ħabs f' Ġunju 2008; billi l-awtoritajiet użaw forza eċċessiva kontra bdiewa Khmer Krom li kienu qed jippetizzjonaw għal soluzzjoni għall-kunflitti dwar l-artijiet,

1.  Jenfasizza li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam irid iwassal għal titjib tanġibbli fil-Vjetnam; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jevaljaw mill-ġdid il-politika ta' koperazzjoni mal-Vjetnam, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-Artikolu 1 tal-Ftehim ta' Koperazzjoni tal-1995, li jgħid li l-koperazzjoni hija bbażata fuq ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi benchmarks ċari għall-evalwazzjoni tal-proġetti ta' żvilupp attwali fil-Vjetnam sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mal-klawsola tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija nklużi fil-Ftehim hawn fuq msemmi;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-qafas tan-negozjati li hemm għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija u Koperazzjoni ġdid bejn l-UE u l-Vjetnam, li se jinkludi klawsola ċara tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija b'mekkaniżmu ta' implimentazzjoni għal dik il-klawsola, biex iqajmu man-naħa Vjetnamita l-bżonn li tieqaf il-vjolazzjoni sistematika attwali tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem qabel il-konklużjoni tal-ftehim u, b'mod partikolari, biex jitolbu lill-Gvern Vjetnamit:

   bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, biex jikkoperaw b'mod attiv mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, billi jistiednu lir-Rapporteur Speċjali dwar il-Libertà tar-reliġjon u t-twemmin l-Intolleranza Reliġjuża, li żar lill-Vjetnam l-aħħar fl-1998, u l-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja, li żar il-Vjetnam l-aħħar fl-1994, biex iżiru l-Vjetnam; u biex jipprovdu lill-uffiċjali tan-NU u lir-Rapporteurs Speċjali b'aċċess mhux limitat għar-reġjuni kollha, inklużi l-Għoljiet Ċentrali u tat-Tramuntana, fejn għandhom jitħallew jagħmlu intervisti kunfidenzjali ma' priġunieri u detenuti politiċi u reliġjużi, kif ukoll ma' Montagnards li qed ifittxu ażil li ġew irritornati l-Vjetnam mill-Kambodja;
   biex jeħles immedjatament lill-persuni kollha li ntbagħtu l-ħabs jew li huma miżmuma minħabba l-espressjoni paċifika ta' twemmin politiku jew reliġjuż, inklużi aktar minn 300 Kristjan Montagnard, kif ukoll patrijiet Buddisti Khmer Krom, attivisti demokratiċi, petizzjonanti tad-drittijiet tal-art, dissidenti ċibernetiċi, mexxejja tat-trejdjunjins, parruċċani Kattoliċi, u segwaċi tal-Buddiżmu Hòa Hảo u r-reliġjon Cao Đài;
   biex jipprovdu immedjatament ħelsien sħiħ mill-arrest domiċiljarju lil Thích Quảng Độ, u Tim Sakhorn;
   biex iħallu lill-organizzazzjonijiet reliġjużi indipendenti jwettqu liberament attivitajiet reliġjużi mingħajr indħil mill-gvern u jħallu lil dawn l-organizzazzjonijiet reliġjużi jirreġistraw b'mod indipendenti mal-gvern jekk jagħżlu li jagħmlu dan; biex jirritornaw il-proprjetajiet tal-knisja u l-pagodas ikkonfiskati mill-Gvern Vjetnamit u biex jerġgħu jistabbilixxu l-istatus legali tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam;
   biex ineħħu dispożizzjonijiet fil-liġi Vjetnamita li jikkriminalizzaw id-dissidenza u ċerti attivitajiet reliġjużi fuq il-bażi ta' delitti kontra s-'sigurtà nazzjonali' li mhumiex definiti b'mod preċiż biex jiġi żgurat li dawn il-liġijiet ma jkunux jistgħu jiġu applikati kontra dawk il-persuni li eżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin reliġjuż;
   biex itemmu ċ-ċensura u l-kontroll tal-Gvern Vjetnamit fuq il-media domestika kollha, inklużi l-internet u l-komunikazzjonijiet elettroniċi, u jawtorizzaw il-pubblikazzjoni ta' gazzetti u rivisti indipendenti u privati;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Gvern u l-Parlament tal-Vjetnam.

Avviż legali - Politika tal-privatezza