Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2153(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0505/2008

Testi mressqa :

A6-0505/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/01/2009 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0006

Testi adottati
PDF 371kWORD 133k
It-Tlieta, 13 ta' Jannar 2009 - Strasburgu
Il-Politika Agrikola Komuni u s-sikurezza dinjija tal-ikel
P6_TA(2009)0006A6-0505/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Jannar 2009 dwar il-Politika Agrikola Komuni u s-Sigurtà Globali tal-Ikel (2008/2153(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 33 tat-Trattat dwar il-Komunità Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-25 ta" Ottubru 2007 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-għalf u tal-ikel(1), kif ukoll ir-Riżoluzzjoni tat-22 ta" Mejju 2008 dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel fl-UE u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw(2),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta" Novembru 2007 dwar l-avvanz fl-agrikoltura Afrikana – Proposta għall-iżvilupp agrikolu u s-sigurtà tal-ikel fl-Afrika(3),

–   wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi faċilità għal rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li dejjem qed jogħlew fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (COM(2008)0450),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2008 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjunijiet bl-isem Nindirizzaw l-isfidi taż-żieda kontinwa fil-prezzijiet tal-ikel - Direzzjonijiet għall-azzjoni tal-UE(COM(2008)0321),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tas-Samit Dinji tal-Ikel li sar f'Ruma mit-13 sas-17 ta' Novembru 1996 u l-objettiv li sal-2015 jonqos bin-nofs l-għadd ta" persuni li jbatu l-ġuħ,

–   wara li kkunsidra t-Tbassir Agrikolu 2008-2017 maħruġ mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u l-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill Dinji tal-Agrikoltura (Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Għarfien Agrikolu, ix-Xjenza u t-Teknoloġija għall-Iżvilupp - IAASTD),

–   wara li kkunsidra r-riżultat tal-"Verifika tas-Saħħa" tal-Politika Agrikola Komuni (PAK),

–   wara li kkunsidra n-negozjati tad-WTO taħt l-Aġenda ta" Doha dwar l-Iżvilupp,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta" Pariġi tat-2 ta' Marzu 2005 dwar l-effikaċità tal-għajnuna,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, (A6-0505/2008),

A.   billi, għall-ewwel darba mis-snin sebgħin, id-dinja qed tiffaċċja kriżi akuta tal-ikel, ikkawżata kemm minn fatturi strutturali, dawk fit-tul, u kemm minn fatturi determinanti oħra, bil-prezz tal-qamħirrum jitrippla minn dak li kien fl-2006 u l-prezz dinji tal-qamħ jiżdied b'aktar minn 180% fuq medda ta" sentejn, u żieda globali ġenerali fil-prezzijiet tal-ikel ta" madwar 83%,

B.   billi ż-żieda sinifikanti fil-prezzijiet ma kinetx prevista u seħħet fi żmien relattivament qasir bejn Settembru 2006 u Frar 2008; billi, barra minn hekk, il-prezzijiet dinjija ta" prodotti tal-ikel oħra rduppjaw fl-aħħar sentejn u huma mistennija li jibqgħu għoljin, minkejja l-waqgħa fil-prezzijiet ta" xi ċereali kif juri s-suq tal-futures,

C.   billi ż-żieda fil-prezz tal-għalf tal-annimali jirriżulta f'żieda fl-ispejjeż ta" produzzjoni, li tinvolvi riskju ta' fil-produzzjoni ta" prodotti ta" trobbija, li t-talba tagħhom qiegħda u għandha tiżdied, b'mod partikolari fl-ekonomiji emerġenti,

D.   billi l-FAO u l-OECD prevedew li, filwaqt li l-prezzijiet tal-prodotti jistagħu jaqgħu mil-livelli ogħla tas-sena li għaddiet, huma mhumiex mistennija li jaqgħu lura għal-livelli ta" qabel l-2006; billi, madanakollu, iċ-ċaqliq drammatiku tal-prezzijiet tal-kommoditajiet jista" jkun fattur iktar aċċentwat u regolari tas-suq dinji; billi l-prezzijiet ogħla tal-ikel mhux awtomatikament jiġu tradotti fi dħul ogħla għall-bdiewa speċjalment minħabba l-ħeffa li biha jiżdiedu l-ispejjeż għall-irziezet u minħabba ż-żieda fid-diverġenza li qed tiżviluppa bejn il-produttur u l-prezzijiet għall-konsumatur,

E.   billi l-istokkijiet dinjija tal-ikel naqsu għal livelli kritiċi baxxi, minn stokk ta" provvista ta" ikel għal sena wara t-Tieni Gwerra Dinjija għal provvista ta' stokk ta" 57 ġurnata fl-2007 għal provvista ta' 40 ġurnata biss fl-2008,

F.   billi, dawn u fatturi oħra kellhom konsegwenzi immedjati u serji għal għadd sostanzjali ta" persuni; billi, globalment, il-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel għaddset miljuni ta" nies aktar "l isfel fil-faqar u l-ġuħ, billi dawn l-iżviluppi taw bidu għal irvellijiet u tqanqil mad-dinja kollha, u ddestabbiliżżaw pajjiżi u reġjuni madwar id-dinja; billi anke fl- UE l-istokkijiet naqsu tant li bħalissa l-programm tal-emerġenza tal-ikel m'għandux aktar ikel xi jqassam,

G.   billi, skont l-estimi attwali mill-organizzazzjonijiet li qed jikkumbattu l-ġuħ fid-dinja, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw persuna waħda minn ħamsa bħalissa m'għandhiex ikel biżżejjed u qed tbati l-ġuħ kroniku u kuljum 30,000 tifel u tifla fid-dinja jmutu bil-ġuħ u minħabba l-faqar,

H.   billi l-agrikoltura tipprovdi impjieg u għixien għal iktar minn 70% tal-forza tax-xogħol fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għal iktar minn 80% f'ħafna pajjiżi Afrikani u b'konsegwenza t'hekk, il-politiki għall-iżvilupp rurali huma essenzjali biex ikunu miġġielda l-faqar u l-ġuħ b'mod effettiv;

I.   billi n-nisa jipproduċu bejn 60% u 80% tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u huma responsabbli għal nofs il-produzzjoni tal-ikel fid-dinja; billi n-nisa għandhom irwol estremament importanti fil-kura tal-familji tagħhom; u billi n-nisa għandhom ħafna inqas aċċess għall-art u għall-mezzi ta" produzzjoni milli għandhom l-irġiel u għalhekk għandhom jingħataw għajnuna u appoġġ xieraq,

J.   billi l-kriżi attwali tolqot l-aktar lill-familji bi dħul baxx kemm fl-UE kif ukoll fid-dinja li qed tiżviluppa, fejn il-proporzjon tad-dħul tal-familji li jintefaq fuq l-ikel jirrappreżenta bejn 60% u 80% tad-dħul totali, imqabbel mal-medja tal-UE ta" anqas minn 20%,

K.   billi l-Parlament u l-Kunsill ripetutament talbu li jkun hemm reazzjoni qawwija għall-problema globali, li tipprovdi, b'mod partikolari, il-finanzjament meħtieġ għall-inputs agrikoli u l-għajnuna għall-użi ta" strumenti ta" ġestjoni bbażati fuq is-suq,

L.   billi l-UE tibqa" produttur ewlieni tal-ikel, b'17% tal-produzzjoni dinjija tal-qamħ, 25% tal-produzzjoni dinjija tal-ħalib, 20% tal-produzzjoni dinjija tal-majjal u 30% mill-produzzjoni dinjija taċ-ċanga; billi l-UE hija wkoll importatur kbir ta" prodotti tal-agrikoltura, li għandha livell ta" provvista ħafna aktar baxx mil-limitu ta" awtosuffiċjenza f'bosta kommoditajiet agrikoli,

M.   billi l-UE hija fuq quddiem nett fl-iffissar ta" standards tal-produzzjoni tal-ikel fl-ogħla livell, u tikkonċentra fuq sistema ta" traċċabilità mir-razzett sal-furketta u tiggarantixxi s-sigurtà tal-ikel prodott fl-UE,

N.   billi l-UE tinsab ukoll fuq quddiem nett fl-inizjattivi għall-ħarsien ambjentali, li jservu biex iħarsu r-riżorsi naturali, iżda li jwasslu wkoll għal piżijiet ta" spejjeż addizzjonali għall-bdiewa tal-UE,

O.   billi l-UE hija d-donatur ewlieni globali fl-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja, iżda fuq livell internazzjonali, il-parti tal-għajnuna ddedikata għall-agrikoltura kompliet tonqos b'mod kostanti mis-snin tmenin, u b'mod partikolari, l-għajnuna li ġejja mill-Unjoni,

P.   billi minbarra l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri l-UE tradizzjonalment tiffinanzja madwar 10% tal-koperazzjoni dinjija fl-iżvilupp,; billi dan huwa kkonfermat bil-kontribut attwali permezz tal-istrumenti tal-KE (madwar EUR 1.8 biljun: EUR biljun permezz tal-faċilità l-ġdida għar-reazzjoni rapida għall-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-kumplament permezz tal-istrumenti disponibbli attwalment għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja),

Q.   billi, fl-isfond tal-pressjoni fuq ir-riżorsi naturali, id-domanda globali għall-ikel hija mistennija li tirdoppja sal-2050 u l-produzzjoni globali tal-ikel se jkollha tkompli tiżdied,

R.   billi, skont il-FAO, hemm bżonn li jiġu investiti EUR 30 biljun kull sena biex tkun assiguratà s-sigurtà tal-ikel għal popolazzjoni li laħqet 9 biljun ruħ fl-2050,

S.   billi l-ftehimiet internazzjonali u reġjonali attwali wrew li ma kinux biżżejjed biex jinnormalizzaw il-provvista tas-suq u l-kummerċ; billi ż-żieda qawwija riċenti fil-prezzijiet tal-ikel għandha tiftaħ għajnejn il-gvernijiet kollha madwar id-dinja li l-produzzjoni agrikola m'għandhiex titqies bħala fatt ovvju,

1.  Jafferma li s-sigurtà globali tal-ikel hija kwistjoni tal-akbar urġenza għall-UE u jitlob li jkun hemm azzjoni immedjata u kontinwa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-UE u fil-livell globali; iqis li huwa importanti li jiġu valorizzati l-agrikolturi kollha u l-kultivazzjonijiet tal-ikel tad-dinja; jenfasizza li l-ikel għandu jkun disponibbli bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi, filwaqt li jkun żgurat livell ta' għixien ġust għall-bdiewa;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-PAK bħala l-mezz li jiżgura l-produzzjoni tal-ikel fl-UE; jemmen li l-PAK ipprovdiet liċ-ċittadini tal-UE bi provvista sigura tal-ikel mit-twaqqif tagħha fl-1962, minbarra l-ħarsien u t-titjib tal-ambjent rurali u l-istandards tal-produzzjoni tal-ikel fl-UE li huma l-ogħla fid-dinja; jenfasizza li l-agrikoltura Komunitarja għandu jibqa" jkollha dan l-irwol fil-futur;

3.  Jinnota, madankollu, li tul l-aħħar 25 sena r-riżultat ta" ħafna riformi tal-PAK kien tnaqqis fil-produzzjoni agrikola fl-UE, b'bidla fl-enfasi fuq il-kwantità għal dik fuq produzzjoni ta" kwalità, ggwidata mis-suq; jemmen li din il-bidla fil-politika rriżultat f'telfien ta" opportunitajiet potenzjali tas-suq għall-produtturi tal-UE u wasslet għal żieda fid-dipendenza fuq l-ikel impurtat minn barra l-UE, prodott bi standards ta' produzzjoni differenti ħafna, u dan poġġa l-prodotti agrikoli fl-UE f'kundizzjonijiet ta" kompetizzjoni mhux ugwali;

Sitwazzjoni u kawżi

4.  Jiġbed l-attenzjoni li, qabel l-aktar ġirja riċenti fil-prezzijiet tal-ikel, 'il fuq minn 860 miljun ruħ madwar id-dinja sofrew ġuħ kontinwu; jinnota li l-Bank Dinji jbassar li ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-ikel tista" titfa" 100 miljun persuna f'faqar akbar;

5.  Jirrikonoxxi l-opinjoni tal-FAO li l-pajjiżi li huma importaturi netti tal-ikel huma dawk l-aktar milquta miż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u li ħafna minn dawn il-pajjiżi huma l-anqas żviluppati fid-dinja; Jerġa jaffirma l-fatt li l-povertà u d-dipendenza fuq ikel impurtat huma kawżi ewlenin għan-nuqqas ta" sigurtà tal-ikel; huwa konxju mill-fatt li persentaġġ żgħir tal-produzzjoni globali tal-ikel attwalment hija dejjem iktar kummerċjalizzata fis-swieq internazzjonali minn numru żgħir ta" pajjiżi esportaturi;

6.  Jinnota li l-ħsad taċ-ċereali bażiċi għall-2007 u l-2008 kien tajjeb; jiġbed l-attenzjoni li l-problema immedjata tan-nuqqas ta" sigurtà tal-ikel fl-2007 kienet minħabba l-waqgħa fil-provvista u ż-żieda fil-prezzijiet tal-kommoditajiet bażiċi; jinsab mħasseb ħafna dwar il-livelli baxxi ta" stokkijiet dinjija tal-ikel, li bħalissa, jipprovdu biss biżżejjed qamħ għad-dinja kollha għal anqas minn 40 ġurnata;

7.  Jenfasizza l-fatt li l-isforzi biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi tal-popli, b'mod partikolari rigward l-ikel u l-ilma, ħafna drabi huwa sors ta" kunflitt; jinnota li t-tkabbir tal-popolazzjoni dinjija, li hija mistennija li tiżdied bi 3 biljuni sal-2050 se tipprovoka tensjonijiet bħal dawn fir-reġjuni kollha tad-dinja; jitlob, għalhekk, li jitqies dan il-fattur ġeostrateġiku fil-formulazzjoni futura tal-politika agrikola;

8.  Jinnota bi tħassib iż-żieda fil-prezzijiet tal-inputs tal-irziezet (żidiet fil-prezzijiet tal-fertilizzanti, żrieragħ eċċ.) li rriżultat f'żieda fl-ispejjeż li ma ġietx ikkumpensata bl-istess mod għall-bdiewa kollha (b'mod partikolari fis-settur tat-trobbija) u li naqqret b'mod sinifikanti kwalunkwe żieda potenzjali fid-dħul tal-irziezet li seħħet minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-kommoditajiet u tal-ikel, u b'hekk tnaqqas l-istimulu għaż-żieda fil-produzzjoni; jinsab imħasseb li żidiet drammatiċi fil-prezzijiet tal-inputs jistgħu jirriżultaw f'anqas użu u potenzjalment fi tnaqqis tal-produzzjoni, li jista" biss jagħmel il-kriżi tal-ikel fl-UE u fid-dinja agħar;

9.  Jinnota li s-swieq tal-kommoditajiet qed juru tnaqqis nett tal-prezzijiet f'dan l-istaġun, u dan inissel tħassib fost il-produtturi u tnaqqis tal-fiduċja fost il-bdiewa;

10.  Jenfasizza l-importanza ta" analiżi komprensiva tal-prezzijiet jogħlew tal-ikel, b'kunsiderazzjoni għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija għall-konsumaturi, għall-fatturi klimatiċi aktar qawwija u għaż-żieda fid-domanda għall-enerġija minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni dinjija u jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga iktar ir-rabta possibbli bejn il-prezzijiet għoljin tal-ikel u l-prezzijiet li qed jiżdiedu tal-enerġija b'mod partikolari l-prezz tal-fjuwil; jenfasizza iktar li għandhom jittieħdu miżuri biex tonqos id-dipendenza tal-agrikoltura fuq is-sorsi ta" enerġija fossili, permezz ta" valorizzazzjoni tal-enerġija aktar effikaċi u żvilupp ta" sistemi ta" produzzjoni agrikoli li ma jaħlux enerġija;

11.  Jitlob li jkun hemm strumenti politiċi mmirati biex jevitaw ċaqliq drammatiku bħal dan li jagħmel ħsara lill-prezzijiet, u li jkunu konxji mill-ħtieġa li jiġi pprovdut livell ta' għixien ġust għall-produtturi; jemmen li s-sistema ta" Ħlas Uniku għal Kull Razzett, tipprovdi l-opportunità għall-bdiewa li jaqilbu minn produzzjoni għal oħra skont il-ħtiġijiet tas-suq, iżda din is-sistema tista" ma tkunx biżżejjed biex tlaħħaq maċ-ċaqliq drammantiku fil-prezzijiet tas-suq;

12.  Jiġbed l-attenzjoni għall-kawżi strutturali fuq medda itwal taż-żmien involuti fiż-żieda riċenti fil-prezzijiet ta' kommoditajiet agrikoli, inkluża ż-żieda regolari fid-domanda globali u t-tnaqqis kontinwu fl-investiment fl-agrikoltura produttiva; jinnota li, fost dawn il-fatturi, iż-żieda fil-prezz tal-enerġija, u b'mod partikolari fil-prezz taż-żejt kellha impatt maġġuri fuq il-produzzjoni agrikola dinjia (billi żiedet l-ispejjeż tal-produzzjoni fl-irziezet u dawk tat-tqassim tal-ikel) u fuq is-sitwazzjoni ta" kriżijiet tal-ikel fil-pajjiżi foqra (minħabba l-prezz tat-trasport tal-ikel ġewwa l-Istati);

13.  Jinnota li fl-2007, 2% tal-produzzjoni taċ-ċereali fl-UE marret f'bijofjuwils, imqabbla ma" 25% tal-produzzjoni tal-qamħirrum fl-Istati Uniti, li marret għall-produzzjoni tal-etanol f'dik is-sena; jitlob li jkun hemm evalwazzjoni globali ta" din it-tendenza u l-impatt fuq il-prezzijiet tal-ikel u koordinazzjoni tal-politika fil-livell globali biex ikun żgurat li l-provvista tal-ikel ma titqiegħedx fil-periklu minħabba l-ispinta mogħtija lill-produzzjoni tal-enerġija li tiġġedded; jitlob ukoll li l-ftehimiet internazzjonali u reġjonali jkollhom xi obbligi li bihom l-għajnuniet allokati għall-produzzjoni ta" bijofjuwils ma jkunux jistgħu jpoġġu f'periklu s-sigurtà tal-ikel tad-dinja u jkollhom jirrispettaw ir-regoli sabiex ma jkunx hemm tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-imsieħba kummerċjali; jitlob, madankollu, l-impenn sħiħ tal-UE fir-rigward tal-promozzjoni tal-bijofjuwils tat-tieni ġenerazzjoni;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ għal dak li għandu x'jaqsam mal-produzzjoni tal-bijofjuwils u ta" bijoenerġiji, min-naħa l-waħda u mal-istokkijiet tal-provvisti tal-ikel meħtieġa fuq livell globali, min-naħa l-oħra; jinnota li ż-żieda fil-produzzjoni ta" bijofjuwils u ta" bijoenerġiji jista" jkollha impatt pożittiv fuq is-settur agroalimentari, li, bħalissa, qed iġarrab l-effett tal-prezzijiet għoljin tal-materja prima li hija meħtieġa għall-industrija tal-ipproċessar, bħal m'huma l-fertilizzanti, iż-żejt tad-dijżil, eċċ.; jikkunsidra l-iżvilupp ta" sorsi ta" enerġija li jistgħu jiġġeddu jirrappreżenta alternattiva ekonomika u soċjali vijabbli ta" żvilupp għall-medda rurali u, b'mod parallel, approċċ sostenibbli għall-ħarsien tal-ambjent, u dan aktar u aktar jekk wieħed jikkunsidra l-objettivi tal-UE rigward l-enerġiji li jistgħu jiġġeddu minn issa sal-2020; fl-istess ħin jiġbed l-attenzjoni għal fatt li madanakollu għandhom ukoll jittieħdu xi miżuri li jwaqqfu l-effetti negattivi li ż-żieda fil-produzzjoni ta" kultivazzjonijiet ta" enerġija jista" jkollha fuq il-bijodiversità, il-prezzijiet tal-ikel u l-metodi tal-isfruttar tal-artijiet;

15.  Jinnota li l-UE għamlet kontribut konsiderevoli biex tiżdied il-provvista tal-kommoditajiet agrikoli billi neħħiet l-iskema tagħha tal-art imwarrba;

16.  Jiġbed l-attenzjoni għall-użanzi tal-ikel tal-konsumatur li qed jinbidlu b'pass mgħaġġel, speċjalment f'pajjiżi emerġenti b'bidla lejn konsum ta" aktar laħam u proteini li jirrikjedu aktar qmuħ; jinnota wkoll u japprezza ż-żieda fid-dħul reali f'pajjiżi bħaċ-Ċina u l-Indja, li se jkomplu jgħollu d-domanda għall-prodotti agrikoli u l-ikel ipproċessat;

17.  Jemmen li ż-żieda fil-konċentrazzjoni tas-suq fis-settur tal-bejgħ bl-imnut tal-ikel jeħtieġ li jkun immonitorjat sabiex ma jinħolqux sitwazzjonijiet ta" monopolju, għax l-attivitajiet tal-bejjiegħa l-kbar jistgħu ma jkunux dejjem fl-aħjar interessi tal-produtturi, ta" dawk li jipproċessaw jew tal-konsumaturi;

18.  Jitlob li jkun hemm l-adozzjoni ta" soluzzjonijiet alternattivi li jaġġustaw il-bilanċ favur produtturi żgħar, li jsibu ruħhom f'diffikulta biex jinnegozjaw ma" bejjiegħa kbar; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li minkejja l-eżistenza fuq livell tal-UE ta" qafas leġiżlattiv kontra l-monopolju biex ikun evitat li produtturi kbar jabbużaw minn pożizzjonijiet dominanti fis-suq tal-UE, għad ma hemm l-ebda regolamenti speċifiċi biex ikunu miġġielda prattiki monopolistiċi mwettqa minn xi supermarkets u l-hypermarkets;

Reazzjonijiet tal-UE

19.  Jemmen li l-PAK għandha tibqa' l-punt ċentrali tal-politika tas-sigurtà tal-ikel tal-UE issa u wara l-2013; huwa tal-opinjoni li sistema ekoloġika li taħdem, artijiet fertili, riżorsi tal-ilma stabbli u ekonomija rurali polivalenti huma indispensabbli għas-sigurtà tal-ikel fit-tul; iqis ukoll li huwa ta" importanza fundamentali li l-PAK, flimkien ma" politiki Komunitarji oħra, jipparteċipaw aktar fil-bilanċ dinji tal-ikel;

20.  Jemmen, madankollu, bil-qawwi li l-PAK għandha tkompli tiġi addattata biex tilqa" għat-tħassib dwar is-sigurtà tal-ikel; huwa ddiżappuntat li fil-proposti leġislattivi tagħha ta" Mejju 2008dwar il-Verifika tas-Saħħa tal-PAK, il-Kummissjoni għadha ma ffaċċatx l-isfida b'mod sħiħ; jopponi aktar irtirar ta" miżuri tal-ġestjoni tas-suq u tnaqqis fil-ħlasijiet ta" appoġġ lill-bdiewa;

21.  Jitlob, fid-dawl tar-Reviżjoni tal-Baġit 2008-2009, li jkun hemm livell stabbli u kostanti ta" nefqa mill-UE u mill-Istati Membri fuq il-PAK biex ikun garantit dħul ġust għall-bdiewa; ifakkar li l-bdiewa jeħtieġu politika ta" ambjent stabbli li tippermetilhom jippjanaw għall-futur; jenfasizza li politika bħal din għandha qabel kollox tkun ibbażata fuq l-istabbiliment ta" xibka ta" sigurtà kontra l-perikli u l-kriżijiet dovuti jew minn fenomeni naturali serji jew minn distorsjoni tas-suq u minn tnaqqis tal-prezzijiet b'ammont u tul ta" żmien mhux normali; jiġbed l-attenzjoni, f'dan ir-rigward, għall-fatt li l-agrikoltura tipprovdi valur miżjud sinifikanti fl-ekonomiji nazzjonali u Ewropej;

22.  Jiġbed l-attenzjoni li s-suq waħdu ma jistax jiggarantixxi s-sigurtà tad-dħul li l-produtturi jeħtieġu biex ikomplu bil-biedja, minħabba l-ispiża għolja biex jikkonformaw mal-istandards tal-EU dwar il-produzzjoni, is-sigurtà, l-ambjent u l-benessri tal-annimali; madankollu, jilqa" l-orjentazzjoni akbar tal-PAK lejn is-suq; min-naħa l-oħra, jiddispjaċieh li l-għanijiet tar-riformi tal-2003 biex ikunu provduti prezzijiet ogħla tas-suq u biex ikun hemm inqas burokrazija għall-bdiewa, ma ntlaħqux b'mod sħiħ;

23.  Jemmen li diversi regoli ta" transkonformità huma ta" diżinċentiv għall-produtturi u li fejn ikun possibbli, dawn ir-regoli għandhom isiru inqas kumplessi; f'dan ir-rigward, jilqa" b'sodisfazzjon l-inizjattivi ta" simplifikazzjoni tal-Kummissjoni;

24.  Jinsab allarmat li l-leġiżlazzjoni tal-UE proposta (pereżempju, dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti), jista" jkollha impatt drammatiku billi jitnaqqsu l-għodod għad-dispożizzjoni tal-bdiewa biex jimmassimizzaw il-produzzjoni u jistgħu, fil-fatt, iwasslu għal tnaqqis drammatiku fil-produzzjoni tal-irziezet fl-UE; jitlob li jkun hemm studju dettaljat tal-impatt – partikolarment dwar l-implikazzjonijiet għas-sigurtà tal-ikel – tal-miżuri kollha proposti;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-impatt tal-inizjattivi li jtaffu l-effetti tal-bidla tal-klima fuq is-settur agrikolu; iqis li l-agrikoltura għandha tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-isforzi tat-tibdil fil-klima, iżda madankollu għandha wkoll tingħata r-riżorsi biex tkun tista" tittratta l-impatti tat-tibdil fil-klima bħala wieħed mis-setturi ekonomiċi li huwa l-aktar sensittiv għall-klima, sabiex dawn l-inizjattivi ma jnaqqsux il-produzzjoni tal-irziezet tal-UE u tispiċċa ssostitwita minn produzzjoni impurtata;

26.  Jemmen li jeħtieġ li jkunu riveduti s-sistemi ta" monitoraġġ tas-suq u tal-produzzjoni tal-UE u oħrajn internazzjonali biex ikun provdut mekkaniżmu ta" twissija aktar rapidu biex ikunu determinati x-xejriet tal-produzzjoni; jemmen fil-ħtieġa ta" skema ta" inventarju globali tal-ikel u ta' sistema globali ta" stokkijiet tal-ikel, u li l-UE għandha tieħu t-tmexxija fit-tfassil ta' sistema bħal din; iħeġġeġ lill-Kummisjoni biex taġixxi mal-imsieħba globali u biex tressaq proposta f'dan ir-rigward;

27.  Jitlob li jkun hemm politiki tal-assigurazzjoni effettivi li għandhom isiru disponibbli, li jipproteġu kontra flutwazzjonijiet massivi tal-prezzijiet u tad-dħul kif ukoll kontra impatti relatati mat-temp fuq il-produzzjoni;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal sistema effettiva ta" monitoraġġ tas-suq tal-UE lit kun kapaċi tirrekordja l-bidliet u t-tendenzi fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli u l-ispiża tal-inputs; jenfasizza l-fatt li sistema bħal din għandha tiżgura trasparenza u għandha tiffaċilita tqabbil transkonfinali ta" prodotti simili;

29.  Iqis li għandu jitwaqqaf osservatorju internazzjonali fil-FAO biex ikun iffaċilitat il-monitoraġġ tal-prezzijiet tal-prodotti agrikolu, tal-inputs u tal-ikel fuq livell internazzjonali;

30.  Jinnota li, permezz ta" riformi suċċessivi tal-PAK, l-elementi ta' tgħawwiġ fil-kummerċ tal-politika agrikola tal-Unjoni li jħallu impatt negattiv fuq il-bdiewa fid-dinja li qed tiżviluppa, ikunu ġew indirizzati, iżda r-relazzjonijiet kummerċjali għadhom mhux ugwali u għad iridu jsiru sforzi biex tiġi stabbilita sistema aktar ġusta;

31.  Jinnota, madankollu, li r-riformi tal-politika tal-UE biex jintlaħqu r-rekwiżiti tad-WTO wasslu għar-riorjentament tal-għajnuniet tal-PAK lil hinn minn pagamenti marbuta mal-produzzjoni, tneħħija ta' miżuri tal-ġestjoni tas-suq u ftuħ tas-swieq, li ħallew lill-konsumaturi u l-produtturi esposti dejjem aktar għall-instabilità fis-suq dinji; jitlob li l-politiki tal-PAK jinkludu xi dispożizzjonijiet relatati mas-sigurtà tal-ikel u li l-ftehimiet kummerċjali jinkludu, għall-imsieħba, xi obbligi identiċi ta" regolamentazzjoni tas-suq li ma jpoġġux fil-periklu s-sigurtà tal-ikel tad-dinja; jistieden lill-Kummissjoni, fil-qafas tan-negozjati tal-WTO, biex tinvolvi ruħha favur aċċess ikkwalifikat għas-suq li jiggarantixxi li l-istandards ambjentali għoljin tal-agrikoltura tal-Unjoni u d-dritt ta" kull Stat Membru għas-sigurtà tal-ikel ma jitilfux mill-importanza tagħhom minħabba importazzjonijiet irħas;

32.  Jinnota li l-UE għadha għaddejja bl-impenji tagħha biex sal-2013 tneħħi r-rifużjonijiet kollha fuq l-esportazzjoni u li permezz tal-Verifika tas-Saħħa tal-PAK qed jiġu segwiti aktar riformi tal-istrumenti ta' appoġġ għas-suq, skont il-ftehimiet tad-WTO;

33.  Iqis li l-faċilità ta" finanzjament għal reazzjoni rapida għal prezzijiet tal-ikel dejjem jogħlew fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa l-ewwel pass meħtieġ biex jiġu trattati l-ħtiġijiet immedjati ta" dawk l-aktar milquta mill-kriżi tal-ikel; jenfasizza, madankollu, li din il-faċilità hija miżura ta" darba, imfassla biex tidderieġi fondi mill-Intestatura 4 tal-Baġit Ġenerali tal-UE lejn l-agrikoltura fuq skala żgħira fil-pajjiżi l-aktar milquta li se jkollhom bżonn jissaħħu permezz ta' investiment ulterjuri; iqis li l-Kummissjoni għandha tagħmel verifika ta' kif qed jintefqu l-flus u tassigura li dawn il-flus jintużaw b'mod sostenibbli fl-oqsma fejn hemm l-aktar bżonn tagħhom, u li għandu jkun hemm rappurtar regolari lill-Parlament; jitlob, barra minn hekk, li l-Parlament ikollu sorveljanza regolari tal-implimentazzjoni, permezz tal-"proċedura regolatorja bi skrutinju";

34.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-programmi attwali tagħha mfassla biex tiżgura s-sigurtà tal-ikel fl-Ewropa u madwar id-dinja; jitlob għat-tisħiħ tal-Programm Tematiku dwar is-Sigurtà tal-Ikel (2007-2010), li attwalment igawdi minn EUR 925 miljun għall-perjodu kollu tal-ipprogrammar; jilqa" l-proposta għal żieda fl-allokazzjoni baġitarja għall-Programm ta' Tqassim tal-Ikel għall-Aktar Persuni fil-Bżonn fil-Komunità (MDP) ippreżentat mill-Kummissjoni fis-17 ta' Settembru 2008; jitlob lill-Kummissjoni biex tadotta strateġija komprensiva fuq il-kwistjonijiet ta" sigurtà tal-ikel li ġġib koerenza bejn il-politiki Komunitarji kollha tal-Unjoni;

35.  Jinsab allarmat dwar il-kriżi finanzjarja globali attwali li tista" tirriżulta fi tnaqqis tal-finanzjament disponibbli għall-biedja; jistieden lill-Kummmissjoni biex tanalizza l-effetti tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur agrikolu u biex tikkunsidra proposti biex tiġi żgurata l-istabilità tas-settur, anke f'termini ta' aċċess għas-self u l-garanziji tal-kreditu;

36.  Jirreferi għal riċerka li turi li fil-parti l-kbira tagħhom il-konsumaturi mhumiex konxji tal-benefiċċji vitali pprovduti permezz tal-PAK bħala sigurtà tal-ikel u ikel bi prezzijiet raġonevoli(4); jitlob li jkun hemm politika ta' informazzjoni liċ-ċittadini u li jkun imġedded l-impenn lejn is-simplifikazzjoni, li jirriżultaw f'għarfien aħjar tal-istrumenti u l-benefiċċji tal-PAK; jipproponi li l-konsegwenzi li ma jkunx hemm politika agrikola komuni għandhom ikunu spiegati lill-pubbliku;

37.  Jemmen li l-PAK għandha tilgħab irwol sinifikanti fil-politiki għall-affarijiet barranin u għall-iżvilupp tal-UE b'attenzjoni speċjali għall-politika esterna dwar is-sigurtà tal-ikel; jemmen li, minbarra s-sigurtà tal-produzzjoni tal-ikel tal-UE, il-PAK tista" tikkontribwixxi biex tintlaħaq iż-żieda fid-domanda globali għall-ikel;

38.  Jiġbed l-attenzjoni li l-kunflitti armati jħallu impatt negattiv ħafna fuq il-produzzjoni ta" u l-aċċess għall-ikel; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konsegwenzi serji tas-suġġezzjoni għall-kunflitt rigward is-sigurtà tal-ikel, pereżempju permezz tal-migrazzjonijiet tal-massa, tal-paraliżi tal-produzzjoni agrikola, tal-impatt detrimentali fuq infrastruttura vitali;

39.  Jemmen li huwa kruċjali li tkun evitata taqtigħa kompetittiva vjolenti għar-riżorsi tal-ikel skarsi; jitlob, għalhekk, li jkun hemm koordinazzjoni effettiva tal-UE ma" organizzazzjonijiet mhux governattivi, mal-FAO u ma" aġenziji internazzjonali oħra fuq livell tekniku u man-NU fuq livell politiku biex ikun promoss aċċess ġust għar-riżorsi tal-ikel globali u biex tiżdied il-produzzjoni tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ewlenin filwaqt li konsistentement ikunu kkunsidrati l-bijodiversità u l-kriterji tal-iżvilupp sostenibbli;

40.  Iħeġġeġ lill-UE biex tgħin lill-pajjiżi li jinsabu f'riskju ta" kunflitt biex jiżviluppaw politiki agrikoli qawwija tagħhom ibbażati fuq aċċess faċli għall-materja prima, għall-edukazzjoni ta' kwalità u għall-fondi adegwati kif ukoll fuq infrastruttura affidabbli; jemmen li l-għajnuna tal-UE għandha tkun immirata lejn it-titjib tal-awtosuffiċjenza rigward l-ikel għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw riċevituri, li għandha ttejjeb is-sigurtà tal-ikel fuq bażi reġjonali u l-aċċess għall-ikel għall-ifqar taqsimiet tas-soċjetà;

41.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li xi ekonomiji li qed jikbru jistgħu jkunu qed jippjanaw li jwellu art vasta f'partijiet ifqar tal-Afrika u l-Ażja għall-iskopijiet ta" tkabbir tal-prodotti agrikoli u jibgħatuhom lura fis-swieq tagħhom biex itejbu is-sigurtà tal-ikel tagħhom stess; jemmen li, flimkien mal-FAO, l-UE għandha titratta dan il-fenomenu bis-serjetà bħala theddida serja għas-sigurtà tal-ikel u għal politika agrikola effettiva f'pajjiżi ospiti;

Agrikoltura fid-dinja li qed tiżviluppa

42.  Jenfasizza l-fatt li l-isfidi attwali tal-ikel jitolbu li produzzjoni tal-ikel tiżdied sabiex jinżamm il-pass maż-żieda fid-domanda filwaqt li titjieb il-kwalità, jonqsu l-ispejjeż u tkun żgurata iktar sostenibilità; iqis li, sabiex dan jinkiseb, il-politiki pubbliċi jeħtieġu jkunu eżaminati bir-reqqa bil-għan li jitjiebu l-metodi tal-produzzjoni u tal-immaniġġjar tal-istokk, kif ukoll il-kontroll tas-suq dinji;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa ta" aktar azzjoni fuq perjodu ta" żmien medju u twil biex tiġi żviluppata l-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, partikolarment fl-Afrika, billi jikkunsidra r-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq(IAASTD); huwa tal-opinjoni li l-iżvilupp agrikolu jista" jservi bħala bidu għall-iżvilupp ekonomiku ta" pajjiż;

44.  Jemmen li l-Fond Ewropew tal-Iżvilupp għandu jkun iffukat aktar fuq l-agrikoltura, b'mod partikolari fuq l-irziezet iż-żgħar u fuq l-ipproċessar tal-prodotti fil-post peress li l-maġġoranza tal-fqar fid-dinja jgħixu f'zoni rurali li jiddependu bil-kbir mill-produzzjoni agrikola; minn barra dan, iqis li għandhom isiru sforzi sabiex jiġu stabbiliti r-regoli għall-kummerċ agrikolu, li jiggarantixxu l-provvisti tal-ikel fil-pajjiżi kollha; jemmen li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jingħataw vantaġġi kummerċjali li jappoġġaw it-tisħiħ tal-produzzjoni nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-premessi hawn fuq fil-qafas tan-negozjati tal-WTO u tal-ftehimiet ta" sħubija ekonomika (EPAs) mal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

45.  Iqis li wieħed mill-ostakli serji għaż-żieda fil-produzzjoni agrikola fil-pajjiżi li qed jiviluppaw huwa n-nuqqas ta" aċċess mill-bdiewa żgħar għas-self u l-mikrokrediti biex jinvestu fi żrieragħ, fertilizzanti u mekkaniżmi ta" irrigazzjoni aħjar; jenfasizza, barra minn dan, il-kwistjoni tal-garanziji tas-self li f'ħafna każi mhumiex disponibbli; isejjaħ lill-Bank Ewropew għall-Investiment biex jara kif jista' jipprovdi programmi għall-produtturi lokali tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'garanziji tas-self li jappoġġaw l-aċċess għall-kreditu u l-mikrokreditu;

46.  Itenni t-twemmin tiegħu fil-ħtieġa ta' swieq agrikoli integrati reġjonalment; isejjaħ lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-koperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali; ifakkar lill-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fis-suċċess tal-integrazzjoni agrikola fl-Ewropa u l-istabilità li ġabet magħha għal aktar minn 50 sena; għalhekk iħeġġeġ lill-komunitajiet ekonomiċi reġjonali ta" Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku biex iżidu l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tal-agrikoltura u jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex inaqqsu l-ostakoli għall-kummerċ ta' bejniethom;

47.  Jenfasizza iktar il-fatt li l-bżonnijiet agrikoli jkunu trasformati minn sistema ta" biedja fuq skala żgħira ħafna għal ekonomija rurali li toħloq ħafna impjiegi; iqis, barra minn hekk, li sabiex ikunu żviluppati setturi agrikoli robusti, għandha titpoġġa enfasi partikolari fuq miżuri li jappoġġjaw bdiewa żgħażagħ fid-dinja li qed tiżviluppa; jemmen li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha ta" koperazzjoni u ta" appoġġ biex timmodernizza l-ktajjen tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex dawn isisri aktar effiċjenti; iqis, barra minn hekk, li l-UE għandha tappoġġa l-inizjattivi, bħall-programm komuni ta" żrigħ, imniedi mill-Unjoni Afrikana u l-imsieħba nazzjonali u reġjonali tagħha;

48.  Iqis li, jekk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw se jsegwu politika għall-iżvilupp effettiva, huma għandhom jadottaw strateġija nazzjonali jew reġjonali komuni għall-iżvilupp agrikolu b'miżuri ta" appoġġ ċari għall-produtturi u l-prodotti; iqis, f'dan il-kuntest, li l-għajnuna għall-iżvilupp li tagħti l-UE mhux sejra jkollha natura frammentarja, iżda tkun parti mill-istrateġija nazzjonali jew reġjonali komuni kofinanzjata għall-iżvilupp agrikolu;

49.  Jitlob li jinħoloq fond permanenti għas-sigurtà tal-ikel bħala appoġġ għall-ifqar fid-dinja, taħt l-Intestatura 4 tal-Baġit Ġenerali tal-UE biex jikkumplimenta miżuri oħra ta' żvilupp iffinanzjati mill-UE;

50.  Jilqa" inizjattivi globali bħat-Task Force ta" Livell Għoli tan-NU dwar il-Kriżi Dinjija tas-Sigurta' tal-Ikel u jqis li l-UE għandha tikkordina l-isforzi tagħha mat-Task Force; jenfasizza l-importanza tal-Linjigwida Voluntarji għall-appoġġ tar-realizzazzjoni progressiva tad-dritt għal ikel adegwat fil-kuntest tas-sigurta' tal-ikel nazzjonali adottati mill-Istati Membri tal-FAO f'Novembru 2004; jipproponi, barra minn dan, li sabiex tiġi żgurata d-disponibilità tal-ikel, għandu jinħoloq programm dinji ta' obbligu dwar l-istokkijiet, kif ukoll sistema bażika aħjar ta' ħżin tal-inputs ewlenin tal-produzzjoni (proteini, fertilizzanti, żrieragħ, pestiċidi), billi jibbaża ruħu preferibbilment fuq l-atturi tas-settur privat, inklużi l-kooperattivi tal-bdiewa;

51.  Huwa konxju mill-impenji Ewropej lejn id-dinja li qed tiżviluppa u l-obbligi attwali u futuri tagħna lejn id-WTO; jitlob li l-miżuri ta" appoġġ tal-UE għandhom jappoġġaw l-għanijiet imsemmija fid-Dikjarazzjoni ta' Maputo tal-2002 tal- gvernijiet Afrikani; jistieden lill-Istati Membri biex jirrispettaw l-impenji tagħhom lejn il-kisba tal-Miri tal-Iżvilupp tal-Millenju tan-NU, b'mod partikoli l-allokazzjoni ta" 0.7% tal-Prodott Gross Nazzjonali għall-għajnuna għall-iżvilupp; madankollu huwa tal-opinjoni, li l-kwalità tal-għajnuna għall-iżvilupp hija aktar importanti mill-ammonti li jiġu ddedikati għaliha;

52.  Jiddispjaċih li t-tnaqqis fl-ammont ta" għajnuna għall-iżvilupp ddedikat għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali, kien 17% fl-1980 u 3% biss fl-2006; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tidderieġi u timmonitorja l-kontribut tal-appoġġ finanzjarju Ewropew b'mod li jintlaħaq tkabbir immexxi mill-agrikoltura u biex tagħmel minn kollox biex il-gvernijiet jonfqu l-ammont ta" 10% mill-baġit nazzjonali fuq is-settur agrikolu, kif impenjaw ruħhom li jagħmlu (billi tistabbilixxi pereżempju xi objettivi fil-mira għall-politiki agrikoli nazzjonali);

53.  Jafferma mill-ġdid li għall-Istati tal-AKP, is-settur agrikolu huwa aktar kapaċi minn oħrajn biex jiġġenera tkabbir għall-poplu rurali fqir, u b'hekk jagħmlu kontribuzzjoni tanġibbli għall-kisba tal-ewwel Għan tal-Millenju għall-Iżvilupp dwar il-qerda tal-faqar estrem u l-ġuħ u jenfasizza kif għalhekk huwa kruċjali li wieħed jieħu azzjoni immedjata u jkun promos investiment ikbar fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali;

54.  Jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp rurali għandu jkun primarjament ibbażat fuq id-dritt għall-ikel u d-dritt għall-produzzjoni tal-ikel, dritt li jippermetti lil kull individwu li jkollu dritt għal ikel kulturalment xieraq, sustanzjuż u sigur prodott permezz ta" metodi sostenibbli u li ma jagħmlux ħsara għall-ambjent fi struttura agrikola awtonoma;

55.  Jistieden lill-UE biex tirrikonoxxi d-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għas-sovranità tal-ikel u biex tappoġġja dan permezz ta" miżuri mmirati li primarjament jużaw u jiżviluppaw l-istrutturi u r-riżorsi disponibbli - bħaż-żrieragħ, id-demel, u l-mezzi ta' produzzjoni - kif ukoll permezz tat-trawwim ta' integrazzjoni reġjonali;

56.  Jistieden lill-UE biex terġa" tpoġġi l-agrikoltura fiċ-ċentru tal-aġenda għall-iżvilupp tagħha, billi tagħti prijorità speċifika lill-programmi għall-iżvilupp rurali inklużi miri ċari għat-tnaqqis tal-faqar u objettivi fattibbli, b'mod partikolari miżuri li jippromwovu agrikoltura fuq skala żgħira u l-produzzjoni tal-ikel għas-swieq lokali permezz tal-użu tal-bijodiversità, b'mod partikolari fokus fuq il-bini tal-kapaċità għall-bdiewa żgħar u għan-nisa;

57.  Jistieden lill-UE biex tingħaqad mal-Istati Membri, mal-Gvernijiet tal-Pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, ma" organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-banek għall-iżvilupp reġjonali u ma" fondazzjonijiet private, ma" organizzazzjonijiet mhux governattivi u mal-awtoritajiet lokali biex tinkorpora proġetti ġodda u programme ta" intervenzjoni għall-prezzijiet tal-ikel dejjem jogħlew fi programme reġjonali b'mod aħjar;

58.  Jitlob li jkun hemm miżuri li jtejbu t-taħriġ li jippermettu liż-żgħażagħ ikomplu l-edukazzjoni għolja fl-agrikoltura, inkluż taħriġ dwar kif jintlaħqu l-istandards sanitarji u phytosanitary tal-UE, kif ukoll li jinħolqu opportunitajiet ta" impjieg għall-dawk iggradwati fl-agrikoltura bl-iskop tat-tnaqqis tal-faqar u l-migrazzjoni miz-zoni ruralu u urbani u bl-iskop li jkun evitat "it-telf tal-aħjar imħuħ" (brain drain) - migrazzjoni minn pajjiżi li qed jiżviluppaw għal pajjiżi żviluppati;

59.  Ifakkar fil-Kodiċi ta" Kondotta għall-Prevenzjoni u l-Immaniġġjar tal-Kriżi tal-ikel tal-2008 tan-Netwerk għall-Prevenzjoni ta' Kriżijiet tal-ikel u jitlob lid an il-kodiċi jkun implimentat u osservat fil-PAK; jappoġġja, barra minn hekk, u jħeġġeġ l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni tal-interessi tan-nisa, tal-koperattivi tal-biedja fuq skala żgħira u ta" gruppi ta" produtturi sabiex tkun żgurata s-sigurtà u l-awtosuffiċjenza tal-ikel;

60.  Jinsab imħasseb ħafna mill-fatt li, ħafna drabi, il-baġits militari u tad-difiża huma akbar mill-baġits tal-agrikoltura u l-ikel;

61.  Jemmen li l-bdiewa ż-żgħar huma s-sisien tal-iżvilupp agrikolu; jenfasizza uħud mill-problemi l-aktar severi li qed jiffaċċaw il-bdiewa ż-żgħar fid-dinja li qed tiżviluppa, bħall-aċċess għas-swieq, l-artijiet, l-għarfien, il-finanzjament, l-inputs u t-teknoloġija; itenni l-importanza tal-iżvilupp tal-infrastruttura u l-investiment fl-irziezet iż-żgħar u f'metodi tradizzjonali adattati għall-kundizzjonijiet lokali u ta" inputs tal-produzzjoni baxxi;

62.  Jinnota li nuqqas ta' kummerċ fi prodotti ta' l-ikel huwa fattur sinifikanti fil-produzzjoni globali tal-ikel u li skont l-FAO, għalkemm il-produzzjoni globali tar-ross żdiedet fl-2007, il-kummerċ tar-ross f'dik l-istess sena naqas;

63.  Jemmen li liberalizzazzjoni ulterjuri mhux ikkontrollata tal-kummerċ agrikolu se twassal għal żieda ulterjuri fil-prezzijiet tal-ikel u volatilità ogħla tal-prezzijiet; jenfasizza l-fatt li dawk li se jintlaqtu l-agħar se jkunu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw li huma importaturi tal-ikel u li huma l-iktar vulnerabbli; jenfasizza, barra minn hekk, li r-regoli tal-kummerċ dinji ma għandhom taħt l-ebda ċirkostanza jostakolaw id-dritt ta" pajjiżi u reġjuni li jappoġġjaw is-setturi tal-biedja tagħhom bil-għan li jiżguraw is-sigurtà tal-ikel għall-popolazzjoni tagħhom;

64.  Jemmen li politiki dwar il-ftuħ tas-suq għall-prodotti agrikoli fil-qafas tad-WTO u ta" ftehimiet bilaterali dwar kummerċ ħieles ikkontribbwew b'mod sinifikanti għat-telf tas-sigurtà tal-ikel f'ħafna pajjiż li qed jiżviluppaw u fil-kuntest tal-kriżi globali attwali tal-provvista tal-ikel; jistieden lill-Kummissjoni biex terġa tevalwa l-approċċ tagħha dwar is-suq ħieles fil-kummerċ agrikolu skont il-każ;

65.  Jistieden lill-pajjiżi l-kbar esportaturi tal-ikel (il-Brażil, l-Arġentina, it-Tajlandja, eċċ) biex ikunu fornituri affidabbli tal-ikel bażiku u biex jevitaw restrizzjonijiet tal-esportazzjoni li jista" jkollhom konsegwenzi diżastru, speċjalment fuq pajjiżi foqra li qed jiżviluppaw importaturi tal-ikel;

66.  Jinsab allarmat dwar il-kriżi finanzjarja dinjija attwali li tista" twassal għal tnaqqis fil-fondi disponibbli għal għajnuna għall-iżvilupp pubblika; jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tal-għajnuna għall-iżvilupp u biex tkompli tfassal proposti bl-għan li tkun appoġġjata l-agrikoltura fl-ifqar pajjiżi tad-dinja;

67.  Jiġbed l-attenzjoni li l-kriżi globali tal-ikel hija fost l-ikbar theddidiet għall-paċi u s-sigurtà fid-dinja; Jilqa" b'sodisfazzjoni f'dak ir-rigward l-isforzi riċenti tal-Kummissjoni biex tinvestiga modi kif tiġi trattata l-kwistjoni tas-sigurtà global ital-ikel; jistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw inizjattivi bħal dawn fuq livell nazzjonali u lokali;

Riċerka u Żvilupp

68.  Itenni l-impenn tiegħu lejn l-investiment fit-teknoloġija u l-innovazzjoni fl-agrikoltura u l-produzzjoni tal-irziezet;

69.  Jenfasizza l-importanza ta" riċerka ffinanzjata minn fondi pubbliċi li sservi biex tkun promossa s-sigurtà tal-ikel iktar milli tiffoka biss fuq interessi industrijali; jitlob li jkun hemm investiment fir-riċerka mhux biss f'teknoloġiji ġodda individwali iżda wkoll f'sistemi ta" biedja komprensivi li se jservu l-għan ta' sigurtà tal-ikel għal perjodu ta" żmien twil; Jenfasizza f'dan ir-rigward l-irwol ta" pijunier li jista" jilgħab dan il-qasam, pereżempju, permezz ta" pjattaforma teknoloġika tal-UE għar-riċerka agrikola ekoloġika;

70.  Jenfasizza l-importanza tar-riċerka iżda wkoll tat-trasferiment tal-għarfien miksub mir-riċerka għal-livell tal-irziezet permezz ta" servizz estiż effikaċi għall-irziezet, b'mod partikolari fid-dinja li qed tiżviluppa; jitlob li tissaħħaħ ir-riċerka agrikola u l-ħolqien tal-għarfien;

71.  Jinsab imħasseb li l-enfasi magħmula fl-UE dwar il-transkonformità tista" tkun ta' ħsara għar-riċerka u l-pariri dwar il-produzzjoni fl-irziezet; jenfasizza l-bżonn tat-tnejn;

72.  Jitlob li jkun hemm programm aċċellerat ta" riċerka u żvilupp dwar l-agrikoltura sostenibbli u li ma taħlix enerġija addattata lokalment; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġaw ir-riċerka mmirata lejn iż-żieda fil-produttività fir-rigward ta' applikazzjonijiet fl-agrikoltura; huwa konxju mit-tħassib tal-konsumaturi tal-UE;

Agrikoltura dinjija sostenibbli

73.  Jinsab imħasseb dwar il-bidliet fix-xejriet tat-temp li jirriżultaw mill-bidla fil-klima, li kif inhu mbassar, se jikkawżaw aktar perjodi ta" nixfa u għargħar, b'impatti negattivi fuq il-ħsad u l-prevedibbiltà tal-produzzjoni agrikola globali;

74.  Jinsab imħasseb li l-implimentazzjoni fl-UE ta" proposti biex ikomplu jnaqqsu l-gassijiet serra jistgħu jaffettwaw ħażin il-prodozzjoni tal-ikel Ewropea, partikolarment it-tkabbir tal-annimali;

75.  Jirrikonoxxi li effiċjenza enerġetika imtejba hija meħtieġa fis-settur agrikolu minħabba li tiġġenera sehem sinifikanti mill-emissjonijiet totali CO2;

76.  Iqis li l-espansjoni tal-produzzjoni tal-bijofjuwils u l-bijoenerġija jista" jkollha impatt pożittiv fuq is-settur tal-ipproċessar tal-ikel u tal-agrikoltura, settur li qed isofri minn prezzijiet ogħla tal-inputs bħall-fertilizzanti, pestiċidi u dijżil, kif ukoll l-ispejjeż għat-trasport u għall-ipproċessar;

77.  Jirrikonoxxi li s-settur tal-agrikoltura jappoġġja l-għixien tal-maġġoranza tal-popolazzjoni f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw u għalhekk jinkoraġġixxi lil dawn il-pajjiżi biex jiżviluppaw mekkaniżmu ta" politiki agrikoli stabbli u trasparenti li se jiżguraw pjanar fuq medda twila ta' żmien u żvilupp sostenibbli;

78.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-effetti taż-żieda fil-produzzjoni tal-bijoenerġija fl-UE u f'pajjiżi terzi rigward bidliet fl-użu tal-art, fil-prezzijiet tal-kommoditajiet tal-ikel u l-aċċess għall-prodotti tal-ikel;

79.  Jerġa' jtenni li inċentivi għall-kultivazzjoni sostenibbli ta" prodotti agrikoli użati għall-enerġija ma jostakolawx il-produzzjoni tal-ikel;

80.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp biex jevitaw u jadattaw għal-bidla fil-klima, inkluża, fost affarijiet oħra, riċerka fil-ġenerazzjoni li jmiss ta" bijofjuwils, b'mod partikolari l-użu ta" prodotti agrikoli li jipproduċu ħafna enerġija, fertilizzanti li ma jagħmlux ħsara għall-ambjent l jkunu kemm jista" jkun effettivi, teknoloġiji ġodda b'effetti negattivi minimi fuq l-użu tal-art, l-iżvilupp ta" tipi ta" pjanti ġodda li huma reżistenti għall-bidla fil-klima u għawġ ieħor relatat u riċerka fil-modi kif jintuża l-iskart fl-agrikoltura;

81.  Jemmen li hemm bżonn ta" riċerka agrikola ulterjuri sabiex tiżdied il-produttività sostenibbli tal-irziezet u jistieden lill-Istati Membri biex jisfruttaw b'mod sħiħ l-opportunitajiet offruti f'dan ir-rigward mis-Seba" Programm ta" Qafas tal-Komunita' Ewropea għar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-attivitajiet ta' dimostrazzjoni, u biex jadottaw miżuri li se jtejbu l-produzzjoni agrikola b'mod sostenibbli u b'effiċjenza enerġetika.

o
o   o

82.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 263E, 16.10.2008, p.621.
(2) Testi Adottati, P6_TA(2008)0229.
(3) ĠU C 297E, 20.11.2008, p. 201.
(4) Agri Aware TNS/Mrbi riċerka mwettqa fl-Irlanda f'Awwissu 2008.

Avviż legali - Politika tal-privatezza