Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2009 dwar l-Iran: il-każ ta' Shirin Ebadi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iran, l-aktar dawk dwar id-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra t-tielet laqgħa interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Majlis (Parlament) tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran, li saret fi Brussell fl-4 u l-5 ta' Novembru 2008, kif ukoll ir-rapport dwarha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tat-22 ta' Diċembru 2008 maħruġa mill-Presidenza tal-Kunsill, f'isem l-Unjoni Ewropea, dwar l-għeluq mill-pulizija Iranjana taċ-Ċentru għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem (CDHR) immexxi mill-Avukata u rebbieħa tal-Premju Nobel fl-2003, Shirin Ebadi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill tal-31 ta' Diċembru 2008 dwar t-theddid kontra s-Sinjura Ebadi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Jannar 2009 tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjoni Uniti dwar il-fastidju u l-persekuzzjoni kontra s-Sinjura Shirin Ebadi, u dwar is-sikurezza u s-sigurtà tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u, b'mod partikulari, ir-Riżoluzzjoni 63/191 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran,
– wara li kkunsidra r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Iżlamika tal-Iran tal-1 ta' Ottubru 2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adottata fid-9 ta' Diċembru 1998,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR), il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li tagħhom kollha l-Iran hija firmatarja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-qagħda ġenerali tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran kompliet sejra għall-agħar mill-2005 'l hawn fl-oqsma u l-aspetti kollha, b'mod partikulari rigward l-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili u tal-libertajiet politiċi, minkejja l-fatt li l-Iran wiegħed li jġib 'il quddiem u jħares id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali skont l-istrumenti internazzjonali differenti f'dan il-qasam,
B. billi fil-21 ta' Diċembru 2008 l-pulizija Iranjana u uffiċjali tas-sigurtà għalqu s-CDHR immexxi mis-Sinjura Shirin Ebadi, filwaqt li kienu qegħdin isiru t-tħejjijiet għaċ-ċelebrazzjoni li tfakkar is-60 anniversarju tal-UDHR,
C. billi fid-29 ta' Diċembru 2008 saret tfittxija fl-uffiċċju tas-Sinjura Shirin Ebadi f'Tehran u ttieħdu dokumenti u kompjuters; billi fl-1 ta' Jannar 2009 saru dimostrazzjonijiet minn folol ostili quddiem darha u l-uffiċċju tagħha, bil-kant ta' slogans kontriha, filwaqt li ġie mqaċċat l-isem fuq l-uffiċċju tagħha u nkitbu graffiti fuq il-bini,
D. billi qiegħda tiżdied l-evidenza li l-persekuzzjoni min-naħa tal-awtoritajiet Iranjani kontra Ebadi kompliet tikber minħabba l-kuntatti tagħha ma' uffiċjali tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU u l-użu min-naħa tagħhom ta' informazzjoni mogħtija miċ-Ċentru tagħha f'rapport tan-NU tat-2 ta' Ottubru 2008 dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran,
E. billi Shirin Ebadi rċeviet theddidiet ta' qtil wara li ddeċidiet li tiddefendi s-seba' membri tat-tmexxija ta' twemmin Baha'i li kienu arrestati flimkien f'Mejju 2008; billi s-CDHR kien ipprotesta wkoll kontra l-awtoritajiet minħabba li xi studenti ma tħallewx jattendu fl-universitajiet,
F. billi l-aġenzija uffiċjali Iranjana tal-aħbarijiet (IRNA), f'Awwissu 2008 xerrdet tagħrif falz li bint Shirin Ebadi, Narges Tavasolian, kienet ikkonvertiet għat-twemmin Baha'i, allegazzjoni li setgħet iġġib magħha konsegwenzi serji billi dawk ta' twemmin Baha'i huma ppersegwitati bil-kbir fl-Iran,
G. billi l-membri ta' ċentru ieħor magħruf tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, l-Organizzazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kurdistan (HROK) huma ippersegwitati wkoll mill-awtoritajiet u mhedda l-ħin kollu bl-arrest; billi l-fundatur tiegħu, Mohammad Sadiq Kaboudvand, ingħatatlu sentenza ta' 10 snin ħabs bl-akkuża ta' "aġir kontra s-sigurtà nazzjonali bit-twaqqif tal-HROK",
H. billi l-gvern u l-awtoritajiet tal-Iran għandhom l-obbligu affermattiv li jħarsu lill-avukati tal-jeddijiet; billi d-Dikjarazzjoni dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, imsemmija hawn fuq li l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat b'konsensus fl-1998, tiddikjara li l-istati "għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-ħarsien min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti [tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem] minn kull vjolenza, theddid, ritaljazzjoni, diskriminazzjoni avversa de facto jew de jure, pressjoni jew kull azzjoni arbitrarja oħra" bħala konsegwenza tal-isforz leġittimu tagħhom biex iġibu d-drittijiet tal-bniedem 'il quddiem,
1. Jikkundanna bil-qawwa r-ripressjoni, il-persekuzzjoni u t-theddid kontra s-Sinjura Shirin Ebadi u l-għeluq taċ-Ċentru għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Tehran u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-persekuzzjoni li kulma tmur qiegħda tikber tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran; jiġbed l-attenzjoni li l-attakk tal-forzi tas-sigurtà Iranjani fuq iċ-Ċentru għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem (CDHR) f'Tehran huwa tentattiv aktar wiesa' biex jagħlaq ħalq il-komunità tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran;
2. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-fatt li l-persekuzzjoni, it-theddid u l-attakki kontinwi kontra s-Sinjura Ebadi mhux biss huma ta' periklu għas-sikurezza u s-sigurtà tagħha, iżda wkoll għall-attivisti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem Iranjani kollha;
3. Jenfasizza li l-għeluq taċ-Ċentru għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem (CDHR) mhuwiex biss attakk fuq is-Sinjura Shirin Ebadi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran iżda wkoll attakk fuq il-komunità internazzjonali kollha tad-drittijiet tal-bniedem, li tagħha hija membru influwenti u waħda minn ta' quddiem;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iranjani biex iwaqqfu r-ripressjoni, il-persekuzzjoni u t-theddid kontra s-Sinjura Shirin Ebadi, sabiex jiġu ggarantiti s-sikurezza u s-sigurtà tagħha, kif ukoll biex jawtorizzaw il-ftuħ mill-ġdid taċ-Ċentru għad-Difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex iħallu lis-CDHR, lill-HROK u lil asoċjazzjonijiet oħra tad-drittijiet tal-bniedem jaħdmu bla tfixkil;
5. Jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex josservaw l-impenji internazzjonali tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u, b'mod aktar speċifiku, id-dritt tal-assemblea paċifika li jinsab fil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi li ġiet iffirmata u ratifikata mill-Iran;
6. Itenni t-tħassib tiegħu rigward il-persekuzzjoni u l-priġunerija ta' ċittadini Iranjani li jaħdmu għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem, u li jagħmlu kampanji kontra l-piena tal-mewt, u li sikwit jirriżulta f' li jiġu akkużati li jkunu qegħdin jaġixxu kontra s-sigurtà nazzjonali; jistieden ukoll lill-Iran biex itemm il-fastidju, l-intimidazzjoni u l-persekuzzjoni tal-avversarji politiċi u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inter alia billi jeħles il-persuni mitfugħin il-ħabs b'mod arbitrarju jew fuq il-bażi tal-fehmiet politiċi tagħhom u biex itemm l-impunità għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
7. Jikkundanna bl-akbar qawwa t-tliet każijiet ta' tħaġġir li ġraw fil-belt ta' Mashhad lejn tmiem Diċembru 2008, kif ikkonfermat mill-kelliemi għall-ġudikatura, u jistieden lill-awtoritajiet Iranjani biex josservaw il-moratorju li ddikjaraw u biex idaħħlu b'mod urġenti leġiżlazzjoni li tabolixxi dan il-kastig krudili;
8. Hu mħasseb b'mod serju dwar il-qagħda ta' saħħet Mohammad Sadiq Kaboudvand li kulma tmur sejra lura minn mindu ntefa' l-ħabs; iqisu bħala priġunier tal-kuxjenza u jitlob biex jinħeles minnufih u bla kundizzjoni, kif ukoll biex tingħatalu kura medika;
9. Jiddispjaċih ferm dwar il-metodu ta' sospenjoni użat b'mod kontinwu kontra l-istudenti sabiex jiġu kkastigati talli jkunu organizzaw dibattiti pubbliċi miftuħa u jistieden lill-awtoritajiet biex jeħilsu lil dawk li ġew arrestati fl-okkażjoni tal-aħħar Jum Nazzjonali tal-Istudenti annwali, fis-6 ta' Diċembru 2008, fl-Università ta' Shiraz;
10. Jappella lill-awtoritajiet Iranjani biex iħares ir-rispett għall-minoranzi reliġjużi, kif stipulat mill-gvern, u biex jeħles fil-pront lill-mexxejja tal-Bahia' Fariba Kamalabadi, Jamaloddin Khanjani, Afif Naeimi, Saeid Rasaie, Mahvash Sabet, Behrouz Tavakkoli u Vahid Tizfahm, billi dawn jinsabu l-ħabs biss fuq il-bażi tat-twemmin tagħhom;
11. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu bl-analiżi tagħhom tal-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u biex fl-ewwel nofs tal-2009 iressqu quddiem il-Parlament rapport komprensiv dwar il-kwistjoni u biex ikomplu jqajmu każijiet konkreti ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;
12. Jenfasizza li l-konklużjoni possibbli fil-ġejjieni ta' Ftehim ta' Koperazzjoni u Kummerċ bejn l-Iran u l-UE tiddependi wkoll minn titjib sostanzjali fil-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran;
13. Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill u lir-rappreżentanti diplomatiċi tal-Istati Membri fl-Iran biex b'mod urġenti jieħdu azzjoni flimkien rigward it-tħassib imsemmi aktar 'il fuq;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kuunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kap tal-Ġudikatura tal-Iran, kif ukoll lill-gvern u l-parlament tar-Repubblika Iżlamika tal-Iran.