Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar Aġenda għal Ġejjieni Sostenibbli għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali (2008/2134(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni msemmija "Aġenda għal Ġejjieni Sostenibbli għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali" (COM(2007)0869) tal-11 ta' Jannar 2007,
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 Ġunju 2008 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 549/2004, (KE) Nru 550/2004, (KE) Nru 551/2004 u (KE) Nru 552/2004 biex itejjeb il-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tal-avjazzjoni (COM(2008)0388),
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 216/2008 fil-qasam tal-ajrudromi, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u li jabroga d-Direttiva tal-Kunsill 2006/23/KE (COM(2008)0390),
– wara li kkunsidra d--Direttiva 2008/101/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE sabiex tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fi ħdan l-skema għall-iskambju ta" kwoti tal-emissjonijiet ta" gassijiet bl-effett tas-serra fi ħdan il-Komunità(1),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien ta' Ajru Uniku Ewropew(2), ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni bl-ajru fl-Ajru Uniku Ewoprew(3), u r-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-ajru uniku Ewropew(4),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta" Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabblixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni(5) (Regolament tal-EASA),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta' Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti tal-Komunità(6) (Regolament tal-Allokazzjoni ta' Slots),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 375/2007 tat-30 ta' Marzu 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1702/2003 li jistabbilixxi regoli ta' implimentazzjoni biex inġenji tal-ajru, prodotti, partijiet u tagħmir relatat jiġu ċertifikati bħala tajbin għall-ajru u li ma jagħmlux ħsara ambjentali, kif ukoll għaċ-ċertifikazzjoni ta' organizzazzjonijiet relatati mad-disinn u l-produzzjoni tagħhom(7),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2007 tat-30 ta' Marzu 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2042/2003 dwar il-kapaċità kontinwata li jintużaw fl-ajru ta' inġenji tal-ajru u prodotti, partijiet u tagħmir ajrunawtiku, u dwar l-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet u persunal involut f'dan ix-xogħol(8),
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tal-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistema ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru Ewropea (SESAR)(9),
– wara li kkunsidra l-proġett Inġennji tal-Ajru Żgħar Ekonomikament Effiċjenti (CESAR) iffinanzjat skont is-Sitt Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Ġunju 2008 bl-isem "L-Ajru Uniku Ewropew II": lejn avjazzjoni aktar sostenibbli u bi prestazzjoni aħjar" (COM(2008)0389),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tal-24 ta' Jannar 2007 bl-isem "Pjan ta' azzjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza tal-ajruporti fl-Ewropa" (COM (2006) 0819),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' April 2008 jisimha "Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta' slots f'ajruporti tal-Komunità, kif emendat" (COM(2008)0227),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Marzu 2007 bl-isem "L-istat tal-progress tal-proġett għall-implimentazzjoni tal-ġenerazzjoni l-ġdida tas-sistema Ewropea għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)" (COM(2007)0103),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A6-0501/2008),
A. billi l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali tinkludi varjetà ta' attivitajiet marbuta mal-inġenji tal-ajru; billi t-terminu jkopri l-operazzjonijiet tal-inġenji tal-ajru ċivili kollha minbarra t-trasport kummerċjali bl-ajru kif ukoll l-operazzjonijiet ta" trasport bl-ajru b'rikjesta, bi ħlas u ċivili,
B. billi dan is-settur jinkludi wkoll attivitajiet ta' valur għoli daqstant varjati, bħal ħidmiet speċjalizzati mill-ajru (kartografija mill-ajru, titjiriet agrikoli, tifi tan-nar, sorveljanza tat-traffiku), taħriġ tal-avjazzjoni u titjir rikreazzjonali,
C. billi bħalissa hemm nuqqas ta' dejta u informazzjoni statistika dwar l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali,
D. billi l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali hija s-sezzjoni tal-avjazzjoni ċivili li qed tikber bl-aktar rata mgħaġġla fl-Ewropa; billi l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali tikkomplementa t-trasport bl-ajru regolari magħmul mil-linji tal-ajru kummerċjali u għalhekk tipprovdi benefiċċji soċjali u kummerċjali speċifiċi ngħidu aħna billi żżid il-mobilità taċ-ċittadini, il-produttività tan-negozji u l-koeżjoni reġjonali,
E. billi l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali għandha importanza ekonomika li qiegħda dejjem tikber, b'mod partikulari għall-industrija tal-manifattura Ewropea, li kontinwament żiedet is-sehen tagħha fis-suq dinji u għandha potenzjal konsiderevoli biex tkompli tikber,
F. billi l-politika tal-avjazzjoni tal-UE tradizzjonalment iffukat fuq it-trasport kummerċjali bl-ajru, filwaqt li ma kkunsidratx kif xieraq l-impatt tagħha fuq l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali, li kulma jmur qiegħed jiżdied,
G. billi r-regoli maħsuba biex jirregolaw l-operat ta' inġenji tal-ajru kummerċjali komplessi ħafna jafu jpoġġu piż finanzjarju u regolatorju sproporzjonat fuq l-operaturi ta' inġenji tal-ajru privati żgħar; billi, għalhekk, irriżulta li strateġiji regolatorji maħsubin bil-mentalità li dak li jgħodd għal wieħed jgħodd għal kulħadd u l-infurzar uniformi ta' regoli fis-setturi differenti tal-avjazzjoni huma inadegwati f'ċerti aspetti,
H. billi l-aċċess għall-ispazju tal-ajru u għall-ajrudromi huwa kwistjoni ewlenija għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali; billi l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali kulma jmur qiegħda f'kompetizzjoni għal aċċess għall-ispazju tal-ajru u għall-ajrudromi mal-industrija usa" tal-linji tal-ajru,
1. Jilqa' b'mod ġenerali l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali minħabba li tipprovdi analiżi soda tal-kwistjonijiet li qed jaffettwaw is-settur u tidentifika numru ta' approċċi xierqa biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi ta' dan is-settur fi ħdan qafas ta' djalogu permanenti bejn il-partijiet kollha involuti;
Regolament proporzjonat u sussidjarjetà
2. Jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu l-interessi u l-partikolaritajiet tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali fl-iżvilupp tal-inizjattivi futuri dwar il-politika tat-trasport bl-ajru, bil-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tagħha; f'dan ir-rigward jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-proporzjonalità u tas-sussidjarjetà fit-tifsil u l-implimentazzjoni kemm tal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll ta' dik futura dwar l-avjazzjoni;
3. Ifakkar lill-Kummissjoni dwar il-bżonn li jitwettqu, fuq bażi sistematika, valutazzjonijiet tal-impatt segmentati sabiex jilqgħu għad-differenzjazzjoni tar-regolamenti li jaffettwaw il-kategoriji differenti ta' intrapriżi u utenti tal-ispazju tal-ajru, jekk ikun neċessarju u sakemm dan ma jikkompromettix is-sikurezza;
4. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex filwaqt li tkun qed tadotta r-regoli ta' implimentazzjoni dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, tiżgura li dawn ikunu proporzjonati u jaqblu mal-kategorija rispettiva tal-inġenji tal-ajru u l-operazzjoni;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon l-adattament riċenti tal-istandards ta' manutenzjoni għall-inġenji tal-ajru mhux involuti fit-trasport kummerċjali bl-ajru u b'mod partikulari għall-inġenji tal-ajru li mhumiex klassifikati bħala "inġenji tal-ajru mħaddma b'magna kumplessa" bħala eżempju tajjeb ta' regolament proporzjonat;
6. Jikkunsidra li jkun xieraq li għal dak li għandu x'jaqsam mal-avjazzjoni ġenerali jkun hemm ċertu livell ta' flessibilità fl-istadju tal-implimentazzjoni; jemmen li dan jista' jinkiseb billi ċerti poteri ta' superviżjoni jiġu ddelegati lill-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet tal-isport u rikreattivi soġġett għas-sovrintendenza adegwata mill-awtorità tal-avjazzjoni rilevanti u sakemm ma jkunx hemm kunflitt tal-interessi;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-possibilità li jiġu stabbiliti proċeduri ta' sigurtà ssemplifikati u proċessi ta' screening għall-passiġġieri tal-avjazzjoni kummerċjali mingħajr ma jiġu pperikolati b'xi mod is-sikurezza u s-sigurtà;
8. Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattika dwar il-miżuri ta' sigurtà f'ajruporti ta' daqs żgħir u medju;
Il-kapaċità tal-ajruporti u tal-ispazju tal-ajru
9. Jinnota li qed issir dejjem aktar diffiċli biex l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali tikseb aċċess mhux biss għall-ajruporti ewlenin iżda wkoll għall-ajruporti reġjonali minħabba li d-domanda li kulma jmur qed tikber mit-trasport tal-ajru kummerċjali qed tagħfas fuq id-disponibilità ta' slots u postijiet ta' parkeġġ;
10. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, permezz tal-awtoritajiet tal-ajruport tagħhom, jindirizzaw dawn il-problemi billi jimplimentaw miżuri ta' implimentazzjoni biex jottimizzaw l-użu tal-kapaċità eżistenti permezz ta' ppjanar aħjar u permezz tal-użu ta' teknoloġiji moderni, kif previst fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-kapaċità, l-effiċjenza u s-sikurezza tal-ajruporti fl-Ewropa ("il-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni);
11. Jistenna l-parir tal-Osservatorju Komunitarju l-ġdid dwar il-Kapaċità tal-Ajruporti rigward l-iżvilupp ta' miżuri għat-titjib tal-kapaċità tan-netwerk Ewropew tal-ajruporti, u jippretendi li l-osservatorju jkollu rwol importanti fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni;
12. Jemmen li l-elikotteri jistgħu jikkostitwixxu meżżi importanti ta' konnessjoni għal distanzi qsar bejn l-ajruporti u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkluduhom fl-istrateġiji għat-tkabbir tal-kapaċità;
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet reġjonali u lil dawk lokali biex jinvestu fil-modernizzazzjoni u t-twaqqif ta' ajruporti żgħar u ta' daqs medju, li huma ta' importanza kbira għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali;
14. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jinvestu fl-infrastruttura speċifika neċessarja meħtieġa għat-tħaddim u l-istazzjonar tal-inġenji tal-ajru fil-qasam tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali;
15. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet reġjonali u lil dawk lokali, sabiex jinvolvu lill-partijiet kollha interessati fil-proċess ta' konsultazzjoni bil-għan li, meta jkun xieraq, l-ajruporti potenzjali jew eżistenti jiġu dedikati għal użu speċifiku mill-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali; fir-rigward tal-ajruporti militari dekommissjonati, il-konsultazzjoni għandha tinkludi lill-awtoritajiet militari;
16. Jikkunsidra li huwa ta' importanza vitali li t-tqassim f'zoni tal-ispazju tal-ajru madwar l-ajruporti ta' daqs żgħir u medju jkun adegwat għall-utenti tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali, u li kwalunkwe tibdil f'dawn iz-zoni jkun ippreċedut minn konsultazzjoni ma' tali utenti;
17. Jenfasizza li n-negozju tal-avjazzjoni għandu jingħata, kulfejn huwa possibbli, aċċess xieraq għall-ajruporti maġġuri sabiex jiġi permess li jgħaqqad ir-reġjuni maċ-ċentri ekonomiċi tagħha u jitlob lill-Kummissjoni teżamina u tipprepara rapport lill-Parlament sal-aħħar tal-2009 dwar jekk hemmx il-ħtieġa li jadatta xi dispożizzjonijiet relevanti tar-Regolament dwar l-Allokazzjoni ta' Slots eżistenti;
18. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat, fil-livell tal-UE, approċċ armonizzat biex tiġi ggarantita l-konsistenza bejn l-islots tal-ajruporti u l-pjanijiet tat-titjiriet u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri approprjiati f'dan ir-rigward u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tal-koordinaturi tal-ajruporti Ewropej f'din il-materja;
19. Jistenna li l-introduzzjoni ta' sistema tal-Immaniġġjar tat-Traffiku tal-Ajru b'teknoloġiji state-of-the-art u innovattivi fi ħdan il-qafas tal-Impriża Konġunta SESAR tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frammentazzjoni tal-ispazju tal-ajru Ewropew u kontra l-konġestjoni prevista tiegħu u żżid b'mod sinifikattiv il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru, u dan ikun ta' benefiċċju għall-utenti kollha tal-ispazju tal-ajru, inkluża l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali;
20. Madankollu, jenfasizza li l-programm SESAR għandu jikkunsidra b'mod sħiħ il-partikolaritajiet tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali u għandu jipproduċi benefiċċji reali għas-settur mingħajr ma jgħabbih b'piżijiet żejda;
21. Jemmen li wieħed mill-objettivi għandu jkun li l-utenti tar-Regoli Viżwali tat-Titjir (VFR) ikollhom aċċess għall-informazzjoni tat-traffiku, meteoroloġika u ajrunawtika b'mod faċli biex jintuża u effettiv f'sens ta' spejjeż;
22. Jinsisti li l-leġiżlazzjoni dwar l-"Ajru Uniku Ewropew" u s-SESAR m'għandhomx iwasslu għal rekwiżiti teknoloġiji sproporzjonati u eċċessivament għoljin għall-inġenji tal-ajru żgħar imħaddma taħt il-VFR, filwaqt li jirrikonoxxi bis-sħiħ li l-ajruplani kollha li jagħmlu użu minn spazju tal-ajru kkontrollat għandu jkollhom tagħmir li jipprovdi livell ta' sigurtà adegwat, bħalma hu t-tagħmir tal-ippożizzjonar;
Is-sostenibilità ambjentali
23. Jikkunsidra li l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali naqqset l-impatt ambjentali f'termini ta' emissjonijiet ta' CO2 u ħoss, meta mqabbel ma' dak tat-trasport kummerċjali bl-ajru;
24. Jemmen li madankollu, hemm bżonn li jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz ta' titjib ulterjuri tal-prestazzjoni ambjentali tal-inġenji tal-ajru ta' daqs iżgħar billi jintużaw fjuwils aktar nodfa u bil-promozzjoni tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni; f'dan ir-rigward jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi bħalma huma l-inizjattiva "Sema Nadif" u CESAR;
25. Jinnota li l-maġġoranza l-kbira tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva li tinkludi l-avjazzjoni fl-iskema ta' skambju ta' emissjonijietb' effett serra;
26. Huwa tal-fehma li l-kwistjonijiet tal-istorbju għandhom jiġu indirizzati fil-livelli nazzjonali u lokali skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà u jikkunsidra li l-immappjar tal-ħsejjes jikkostitwixxi għodda fost bosta li jagħtu metodoloġija ekwilibrata biex jiġi żgurat żvilupp tal-ajruporti mingħajr ma jiġi kkawżat tniġġis sinifikattiv fil-ħsejjes għaċ-ċittadini lokali;
Kwistjonijiet oħrajn
27. Jemmen li dawk li jfasslu l-politika għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom dejta adegwata u informazzjoni statistika dwar l-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali sabiex jifhmu kompletament is-settur u b'hekk ikunu kapaċi jirregolawh kif suppost; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-EUROSTAT jiżviluppaw u jimplimentaw approċċ sistematiku għall-ġbir u t-tqassim tad-dejta internazzjonali u Ewropea;
28. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kjarifika tad-definizzjonijiet legali min-naħa tal-Kummissjoni, inkluża d-definizzjoni ta' sjieda frazzjonali u jfakkar li din il-kwistjoni hija indirizzata fir-Regolament EASA kif rivedut u fir-regoli ta' implimentazzjoni relatati, li qed jiġu ppreparati bħalissa;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri xierqa biex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-industrija tal-manifattura tal-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali tal-UE fis-swieq dinjin;
30. Jikkunsidra bħala neċessarju li l-interessi tal-avjazzjoni ġenerali u kummerċjali jitqiesu fl-iżvilupp tal-politika esterna tal-avjazzjoni tal-UE, b'mod partikulari fir-rigward tat-titjiriet transatlantiċi;
31. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-appoġġ għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni ajrunawtika, b'mod partikulari fir-rigward tal-SMEs li jiżviluppaw u jibnu inġenji tal-ajru għall-Avjazzjoni Ġenerali u Kummerċjali;
32. Jikkunsidra bħala essenzjali l-promozzjoni tal-avjazzjoni rikreattiva u sportiva, kif ukoll l-aeroclubs, li jikkostitwixxu sors importanti ta' ħiliet professjonali għas-settur kollu tal-avjazzjoni;
33. Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-irwol importanti li dan is-settur tal-avjazzjoni għandu u jista' jibqa' jkollu fl-iżvilupp tat-taħriġ vokazzjonali għall-bdoti;
34. Jitlob lill-Kummissjoni tagħti rapport lill-Parlament Ewropew sa tmiem l-2009 dwar il-progress li jkun sar f'dak li għandu x'jaqsam tal-kwistjonijiet identifikati f'din ir-riżoluzzjoni;
o o o
35. Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.