Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2139(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0018/2009

Testi mressqa :

A6-0018/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 03/02/2009 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0037

Testi adottati
PDF 239kWORD 71k
It-Tlieta, 3 ta' Frar 2009 - Strasburgu
L-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta" kwalità għolja fl-Ewropa
P6_TA(2009)0037A6-0018/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2009 dwar l-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta" kwalità għolja fl-Ewropa (2008/2139(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2007 bit-titolu "L-akkwist pubbliku pre-kummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta" kwalità għolja fl-Ewropa" (COM(2007)0799) (il-"komunikazzjoni tal-Kummissjoni"),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi, kuntratti tal-provvista pubblika u kuntratti tas-servizz pubbliku(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' kuntratti tax-xogħlijiet pubbliċi għal entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u l-posta(2),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni interpretattiva tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-liġi Komunitarja dwar l-Appalti Pubbliċi u l-Konċessjonijiet lil sħubijiet Pubbliċi-Privati istituzzjonalizzati (PPPI)(3),

–   wara li kkunsidra r-regoli tal-kompetizzjoni kollha applikabbli dwar l-Għajnuna Statali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta" Diċembru 2007 dwar inizjattiva tas-suq ewlieni għall-Ewropa (COM(2007)0860), u l-konsultazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' netwerks għall-akkwist pubbliku bħala appoġġ għal din l-inizjattiva,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta" Ġunju 2008 bl-isem " "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" – "Att dwar in-Negozji ż-Żgħar" għall-Ewropa" (COM(2008)0394), u d-dokument ta" ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-25 ta" Ġunju 2008 għall-kodiċi Ewropew tal-aħjar prattika għall-iffaċilitar tal-aċċess mill-intrapriżi żgħar u ta" daqs medju għall-kuntratti ta" akkwist pubbliku (SEC(2008)2193),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2006 dwar "Nipprattikaw l-għarfien: Strateġija għall-innovazzjoni msejsa fuq bażi wiesgħa għall-Unjoni Ewropea" (COM(2006)0502) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta" Mejju 2007(4),

–   wara li kkunsidra d-dokument ta" ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta" Frar 2007 bl-isem "Gwida dwar soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku: 10 elementi ta" prattika tajba" (SEC(2007)0280),

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Indipendenti ta" Esperti dwar ir-riċerka u l-iżvilupp u l-innovazzjoni bl-isem "Creating an Innovative Europe"(5) (ir-rapport Aho),

–   wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-akkwist pubbliku prekummerċjali: Inrawmu l-innovazzjoni biex niżguraw servizzi pubbliċi sostenibbli u ta" kwalità għolja fl-Ewropa(6),

–   wara li ikkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0018/2009),

A.   billi l-Istrateġija ta" Liżbona titlob lill-Istati Membri biex iżidu l-investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp għal 3% tal-prodott gross domestiku, impenn ewlieni biex jitrawmu l-innovazzjoni u l-ekonomija tal-għarfien,

B.   billi r-Rapport Aho identifika l-akkwist pubbliku bħala strument strateġiku biex tintlaħaq din il-mira,

C.   billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jgħinu biex jiżviluppaw l-għarfien espert meħtieġ biex isir l-aħjar użu mir-rakkomandazzjonijiet tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni,

D.   billi bħalissa m'hemm l-ebda strument disponibbli għall-Kummissjoni biex tippromwovi proġetti pilota dwar l-akkwist pubbliku prekummerċjali, u billi l-inizjattivi tinsab biss f'idejn l-Istati Membri,

1.  Jilqa" l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u jappoġġja l-mudell propost tal-akkwist pubbliku prekummerċjali ta" qsim tar-riskji u tal-benefiċċji bħala wieħed mill-promoturi tal-innovazzjoni;

2.  Iħaddan ir-Rapport Aho u b'mod partikulari l-opinjoni li l-Istati Membri għandhom jużaw l-akkwist pubbliku biex imexxu t-talba għal beni innovattivi filwaqt li jtejbu l-kwalità u l-aċċessibilità tas-servizzi pubbliċi;

3.  Jinnota li, minkejja l-ħafna programmi ta' riċerka Ewropej, ir-riżultati tagħhom għadhom ma ġewx sfruttati mill-awtoritajiet pubbliċi permezz tal-akkwist pubbliku;

4.  Jinnota l-attenzjoni li diġà ngħatat lill-akkwist pubbiku prekummerċjali, b'mod partikulari fl-Istati Uniti tal-Amerika, fiċ-Ċina u fil-Ġappun, li qegħdin jisfruttaw il-potenzjal b'mod attiv permezz ta" sensiela ta" strumenti tal-politika pubblika, bħall-proġett Defense Acquisition Performance Assessment (DAPA) fl-Istati Uniti tal-Amerika;

5.  Iqis li l-akkwist prekummerċjali jikkostitwixxi forza favur it-tkabbir immexxi mill-innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea, forza li mhix sfruttata biżżejjed u li għandha potenzjal sinifikanti biex tikseb servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja u faċilment aċċessibbli, bħall-kura tas-saħħa u t-trasport, kif ukoll biex tindirizza l-isfidi soċjali tal-bidla fil-klima, tal-enerġija sostenibbli u tal-popolazzjoni li qed tixjieħ;

6.  Jiddispjaċih li ħafna awtoritajiet pubbliċi mhumiex konxji mill-potenzjal tal-akkwist prekuntrattwali u għadhom ma jaġixxux bħala "konsumaturi intelliġenti";

7.  Iqis li l-benefiċċji ottimi ta" din l-inizjattiva se jitwettqu biss jekk l-awtoritajiet kontraenti jinkludu l-innovazzjoni bħala waħda mill-miri tal-programm ta' akkwist tagħhom;

8.  Jinnota li l-akkwist prekummerċjali jista" jitniehed fi ħdan il-qafas legali eżistenti tad-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE, li jeżentaw is-servizzi tar-riċerka u tal-iżvilupp mill-kamp ta" applikazzjoni tagħhom(7) sakemm is-servizzi mogħtija ma jitħallsux bis-sħiħ mill-awtorità kontraenti u l-benefiċċji ma jakkumulawx esklussivament lilha;

9.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissorveljaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali biex jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux limitati fl-akkwist prekummerċjali permezz ta" traspożizzjoni ineżistenti, mhux korretta, jew kumplessa b'mod mhux meħtieġ tal-eżenzjonijiet relevanti u permezz ta" rekwiżiti għall-għoti tal-offerti u mudelli tal-akkwist nazzjonali li jkunu elaborati b'mod mhux neċessarju;

10.  Minkejja l-approċċ distintiv meħud fl-akkwist prekummerċjali, jiġbed l-attenzjoni li għandhom japplikaw il-prinċipji tajba ta" akkwist, b'mod partikolari t-trasparenza u l-kompetittività, biex ikun żgurat li soluzzjonijiet integrati aħħarija jissodisfaw il-bżonnijiet tal-konsumaturi;

11.  Japprova l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li tipprovdi bażi konċettwali potenzjali għall-akkwist prekummerċjali u l-implimentazzjoni tiegħu, iżda jqis li hemm xi nuqqasijiet rigward il-mod kif il-proċedura proposta se titpoġġa fis-seħħ, speċjalment fuq livell lokali u reġjonali;

12.  Iqis li, f'dak li jirrigwarda l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għad m'hemmx biżżejjed informazzjoni dwar l-ostakli kontinwi li jżommuhom lura milli jimplimentaw akkwist prekummerċjali bil-għan li jkunu promossi soluzzjonijiet innovattivi ġenwini fl-interess pubbliku;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien biex jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti fl-awtoritajiet lokali, reġjonali u oħrajn imneħħija mill-amministrazzjoni ċentrali jiżviluppaw l-għarfien espert meħtieġ biex jimplimentaw akkwist innovattiv;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali responsabbli mill-kuntratti b'linjigwida ta" taħriġ u strumenti li juru kif jista" jintuża l-akkwist fir-riċerka u l-iżvilupp prekummerċjali;

15.  Jilqa", għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiffinanzja l-iskambju tal-prattiki tajbin u tat-taħriġ dwar l-akkwist prekummerċjali fil-programm ta" ħidma 2009 tas-Seba" Programm ta" Qafas;

16.  Ifaħħar id-dokument ta" ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq dwar 10 elementi ta" prattika tajba għal soluzzjonijiet innovattivi fl-akkwist pubbliku u jilqa" l-attivitajiet usa" tal-Ewropa Pro Inno b'appoġġ għall-innovazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tħejji gwidi simili dwar l-aħjar prattika għall-akkwist prekummerċjali;

17.  Iqis li l-akkwist prekummerċjali għandu potenzjal kbir ħafna bħala pass ulterjuri lejn it-tisħiħ tal-akkwist innovattiv, imma jirrikonoxxi l-bżonn li jkun hemm kompetenzi speċjalisti fl-akkwist u li l-Istati Membri, bi sħubija man-negozji, l-universitajiet u ċ-ċentri ta" taħriġ biex jisponsorjaw attivitajiet ta" taħriġ biex jiżviluppaw għodod ta" ġestjoni;

18.  Jistieden lid-Direttorati-Ġenerali kompetenti tal-Kummissjoni biex jikkoperaw flimkien ħalli jipproduċu ktieb fil-lingwi uffiċjali kollha, li jkun komprensiv, li jinftiehem malajr, imma li jkollu ċ-ċertezza ġuridika b'illustrazzjonijiet prattiċi tal-każijiet li juru kif dawn il-prinċipji legali jistgħu jiġu applikati b'mod korrett fil-prattika, b'mod partikolari għall-użu tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u awtoritajiet kontraenti;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tpoġġi fil-ktieb, b'mod partikolari, eżempji prattiċi tal-qsim tar-riskji u l-benefiċċji skont il-kundizzjonijiet tas-suq; jikkunsidra, barra minn hekk, li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali għandhom ikunu mogħtija lill-kumpaniji li jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku pre-kummerċjali, minħabba li l-Istati Uniti u l-Ġappun jaħdmu fuq il-bażi ta' dan il-mudell, li jinkoraġġixxi numru kbir ta' kumpaniji li jkunu involuti fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku pre-kummerċjali;

20.  Jinnota b'mod partikolari l-importanza li jiġi żviluppat il-qsim tar-riskji u tal-benefiċċji skont il-kundizzjonijiet tas-suq biex ikun hemm akkwist prekummerċjali b'suċċess u li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jingħataw lill-intrapriżi parteċipanti;

21.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex fil-politika dwar l-innovazzjoni jidentifikaw sfidi pubbliċi għaż-żmien medju u twil li jridu jiġu solvuti permezz ta" soluzzjonijiet teknoloġiċi żviluppati permezz ta" akkwist prekummerċjali; hu tal-fehma li soluzzjonijiet ta" dan it-tip jistgħu jinkludu kompetizzjonijiet tat-tfassil u fondi tal-isfidi, bħad-Driverless Vehicle Challenge tal-Istati Uniti;

22.  Iqis li trasferimenti tal-għarfien bejn universitajiet teknoloġikament innovattivi, ċentri ta" riċerka u awtoritajiet responsabbli mill-kuntratti jiffurmaw parti integrali mill-akkwist prekummerċjali b'suċċess;

23.  Jiġbed l-attenzjoni li aġenziji tal-innovazzjoni bħal VINNOVA fl-Iżvezja, Tekes fil-Finlandja, Senternovem fl-Olanda u Innovation fin-Norveġja, għandhom sehem integrali fit-trasferiment ta' għarfien bejn klijenti prospettivi u riċerkaturi; permezz tat-trawwim tal-koperazzjoni bejn partijiet involuti fir-riċerka u l-iżvilupp, huma jinkoraġġixxu l-użu tal-akkwist prekummerċjali; għalhekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jeżaminaw l-operat ta" dawn l-aġenziji bħala bażi ta" referenza tal-attivitajiet tagħhom stess;

24.  Jinnota l-importanza tal-Pjattaformi tat-Teknoloġija tal-UE minħabba li jipprovdu qafas biex ikunu definiti l-prijoritajiet tar-riċerka u l-iżvilupp u biex l-innovazzjonijiet li huma lesti biex ikunu sfruttati jkunu marbuta mal-bżonnijiet ta' klijenti prospettivi; jinnota wkoll li l-Pjattaformi tat-Teknoloġija jistgħu jalinjaw l-iżvilupp bikri tas-suq ta" teknoloġiji ġodda mal-bżonnijiet tal-awtoritajiet pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni għalhekk biex tiżgura involviment aħjar tal-Pjattaformi tat-Teknoloġija fl-akkwist prekummerċjali;

25.  Jilqa" l-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni tal-Kummissjoni (LMI) bħala katalista qawwi għall-użu tal-akkwist prekummerċjali bħala appoġġ għall-innovazzjoni bl-għan li jiġu żviluppati swieq ewlenin ta' ċertu daqs, filwaqt li jinnota b'mod partikulari l-inizjattiva li jiġu stabbiliti netwerks tal-akkwist pubbliku biex tiġi appoġġjata l-Inizjattiva tas-Suq Ewlieni;

26.  Jilqa" l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-aċċess għall-akkwist pubbliku għall-intrapriżi ta" daqs żgħir u medju tal-Unjoni Ewropea fil-Kodiċi Ewropej tal-Aħjar Prattiki tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar;

27.  Jilqa" l-kjarifika tal-Kummissjoni li l-akkwist prekummerċjali jista" jitwettaq mill-awtoritajiet kontraenti fl-istadji kollha tal-iżvilupp u tat-tnedija fis-suq ta' prodott jew servizz ġdid, u mhux biss għar-riċerka fundamentali; jinnota li dan l-approċċ komprensiv jinkoraġġixxi l-aċċess mill-intrapriżi ta" daqs żgħir u medju għall-akkwist pubbliku;

28.  Ifaħħar il-proposta tal-Kummissjoni sabiex ikun ikkjarifikat l-irwol tal-awtoritajiet pubbliċi fit-trawwim tar-riċerka u l-iżvilupp u fl-istimulazzjoni tal-innovazzjoni permezz tal-attivitajiet ta" akkwist tagħhom; jenfasizza li l-politiki ta" akkwist tal-Istati Membri ma għandhomx ikunu preskrittivi żżejjed, minħabba li l-akkwist prekummerċjali b'mod prattiku jista" jkun organizzat b'modi differenti biex jissodisfa proġetti u bżonnijiet speċifiċi filwaqt li jibqgħu konformi mar-regoli tal-Komunità;

29.  Jikkunsidra li l-kunċett ta' akkwist pubbliku pre-kummerċjali huwa importanti, imma jibża' li mhux se jkollu suċċess biex jiġbed intrapriżi ta' daqs żgħir u medju sakemm dawn jifhmu b'mod ċar kif jaħdem l-akkwist pubbliku pre-kummerċjali, b'mod partikolari f'kuntest transkonfinali; jiġbed l-attenzjoni li l-prinċipju ewlieni tal-akkwist pubbliku pre-kummerċjali - jiġifieri li l-awtorità pubblika ma żżommx il-benefiċċji kollha li jiġu mir-Riċerka u l-Iżvilupp imma li kull kumpanija żżomm id-drittijiet ta' pussess fir-rigward tal-ideat ġodda li tiġġenera - jiżġura ċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-ideat għan-negozji li jipparteċipaw;

30.  Jirrikonoxxi li l-intrapriżi żgħar u ta" daqs medju jistgħu jibbenefikaw mill-akkwist prekummerċjali permezz tal-qsim tar-riskji (peress li għandhom kapaċitajiet iktar limitati għall-investiment), it-tkabbir progressiv (fid-daqs u fl-esperjenza) f'kull stadju tal-proċess ta' riċerka u ta' żvilupp u permezz tal-proċess ta" sejħa għall-offerti eħfef meta mqabbla mal-akkwist pubbliku tradizzjonali;

31.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonsolida dawn l-istrateġiji f'politika waħda ta" akkwist pubbliku mmirata biex tinkoraġġixxi l-innovazzjoni permezz tal-akkwist pubbliku, tal-akkwist prekummerċjali, tal-iżvilupp tas-swieq ewlenin u tat-tkabbir tal-intrapriżi ta" daqs żgħir u medju permezz tal-akkwist pubbliku;

32.  Iqis, bħala parti minn strateġija konsolidata li tippromwovi l-innovazzjoni permezz tal-akkwist prekummerċjali, li l-kampanji pubbliċi jipprovdu atmosfera mtejba għall-awtoritajiet kontraenti biex jinvestu iktar f'attivitajiet li jinkoraġġixxu l-innovazzjoni bi dħul fuq l-investiment li jkun għal żmien itwal; jappoġġja, f'dan ir-rigward, l-opportunitajiet għan-netwerking bejn l-awtoritajiet lokali, reġjonali u pubbliċi nazzjonali fir-rigward tal-akkwist prekummerċjali;

33.  Iqis li l-akkwist prekummerċjali jista" jaħdem bl-iktar mod effettiv jekk ikun hemm biżżejjed inċentivi għall-awtoritajiet pubbliċi biex jagħmlu impatt fuq is-swieq tar-riċerka u l-iżvilupp u għall-fornituri biex ikunu involuti fi proġetti tal-gvern; jinnota, għalhekk, li f'ċerti Stati Membri diġà jeżistu inċentivi finanzjarji importanti ħafna fl-użu tal-akkwist prekummerċjali, fejn proporzjon sostanzjali tal-ispejjeż tal-ewwel akkwist prekummerċjali jaqa' f'idejn awtorità ċentrali;

34.  Iqis li, fi ħdan il-kamp ta" applikazzjoni tal-programmi tal-Komunità li jistimulaw l-innovazzjoni, għandhom jitqiesu inċentivi finanzjarji għall-awtoritajiet pubbliċi madwar l-Unjoni Ewropea biex iwettqu b'mod konġunt akkwist prekummerċjali tat-teknoloġija innovattiva fis-swieq ewlenin u f'oqsma oħra ta" interess komuni Ewropew;

35.  Jinnota li proġetti pilota Komunitarji ta" dan it-tip jistgħu jibbenefikaw minn reviżjoni awtomatika mill-Kummissjoni u minn pubblikazzjoni usa" ta' esperjenzi prattiċi u minn klawsoli kuntrattwali li jippermettu lix-xerrejja li jirreferu għal preċedenti solidi li jistgħu jintużaw ukoll fi gwida tal-aħjar prattiki;

36.  Jidentifka l-bżonn għal proġett pilota Ewropew fil-kuntest tal-akkwist pubbliku pre-kummerċjali, biex juri bl-eżempju approċċ ta' implimentazzjoni li jiżgura ċ-ċertezza legali u l-akbar protezzjoni għan-negozji, b'mod partikolari għall-intrapriżi ż-żgħar u ta' daqs medju li, b'definizzjoni, huma l-partijiet l-aktar dgħajfa meta mqabbla mal-awtoritajiet kontraenti u l-impriżi l-kbar li ġeneralment ikunu involuti fl-akkwist pubbliku;

37.  Jinnota li t-tisħiħ tal-akkwist prekummerċjali jibqa" wieħed mill-ħafna modi għall-Istati Membri biex jagħtu spinta lill-innovazzjoni u lir-riċerka; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri biex jippromwovu l-innovazzjoni billi jinvolvu lill-parteċipanti kollha, inklużi universitajiet, istituti ta" riċerka u korpi oħra mdaħħla fil-promozzjoni tal-iżvilupp ekonomiku, sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jiġu involuti aktar mal-intrapriżi innovattivi; iqis li dan l-impenn għandu jiġi inkluż fi strateġija konsistenti għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-iżvilupp;

38.  Jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li, bil-għan li titħeġġeġ il-kompetizzjoni, għandhom jiġu promossi l-użu tas-sistemi elettroniċi tal-akkwist pubbliku u l-proċedura dinamika sabiex jiġi ffaċilitat il-proċess tal-akkwist pre-kummerċjali;

39.  Jagħti l-istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114.
(2) ĠU L 134, 30.4.2004, p. 1.
(3) ĠU C 91, 12.4.2008, p. 4.
(4) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 455.
(5) http://ec.europa.eu/invest-in-research/action/2006_ahogroup_en.htm
(6) ĠU C 325, 19.12.2008, p. 44.
(7) Artikolu 16(f) tad-Direttiva 2004/18/KE u Artikolu 24(e) tad-Direttiva 2004/17/KE.

Avviż legali - Politika tal-privatezza