Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2516(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B6-0066/2009

Dibattiti :

PV 03/02/2009 - 11
CRE 03/02/2009 - 11

Votazzjonijiet :

PV 04/02/2009 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0045

Testi adottati
PDF 211kWORD 45k
L-Erbgħa, 4 ta' Frar 2009 - Strasburgu
Ir-rilokazzjoni tal-priġunieri tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo
P6_TA(2009)0045RC-B6-0066/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-4 ta' Frar 2009 dwar ir-ritorn u r-rilokazzjoni tal-priġunieri tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali, Ewropej u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u dwar il-projbizzjoni tad-detenzjoni arbitrarja, l-għejbien furzat u t-tortura, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Kastigi oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984,

–   wara li kkunsidra l-koperazzjoni transatlantika bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, speċjalment fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2006 dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri fi Guantánamo(1),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2006 dwar Guantánamo(2),

–   wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2004 lill-Kunsill dwar id-dritt tal-priġunieri ta' Guantánamo li jkollhom proċess ġust(3),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2002 dwar il-priġunieri fi Guantánamo Bay(4),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-15 ta' Frar 2006,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rapporteurs Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Torturi rigward l-Istati Uniti,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Jannar 2009 tal-President tal-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tad-19 ta' Jannar 2009,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Terroriżmu,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Ewropew għal-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà u tal-Presidenza tal-UE,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2007 dwar l-allegat użu tal-pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u għaż-żamma illegali ta' priġunieri(5) u l-attivitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istess kwistjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

A.   billi wara l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru 2001, l-Istati Uniti stabbilixxiet faċilità ta' detenzjoni ta' sigurtà għolja fi Guantánamo Bay (Kuba), fejn ġew miżmuma dawk issuspettati li huma terroristi,

B.  B billi l-priġunieri fi Guantánamo Bay ġew miċħuda d-drittijiet fundamentali tagħhom, l-iktar id-dritt għal smigħ xieraq, u ġew soġġetti għal tekniki ta' interrogazzjoni ħarxa, bħall-'water boarding', li jammontaw għal tortura u trattament krudili, inuman jew degradanti,

C.   billi f'għadd ta' sentenzi tal-Qrati tal-Istati Uniti, inkluża l-Qorti Suprema, ġew rikonoxxuti drittijiet parzjali u limitati, inkluża l-possibilità li jingħata aċċess għall-qrati ċivili Amerikani,

D.   billi lista ppubblikata mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tinkludi 759 ex priġunier u priġunieri attwali fi Guantánamo; billi inħelsu 525 priġunier, filwaqt li 5 mietu waqt id-detenzjoni bħalissa hemm madwar 250 priġunier fi Guantánamo, li minnhom:

   għadd jibqgħu fi Guantánamo sempliċement għax m'hemmx pajjiż li jistgħu jirritornaw lejh b'mod sikur; dawn huma kollha persuni li qatt ma nġabu akkużi kontrihom u mhux se jiġu akkużati mill-Istati Uniti tal-ebda delitt;
   għadd li qed jitqies jekk jitressqux għal proċess quddiem qorti,
   għadd minnhom li hu maħsub li huma theddida potenzjali, imma l-Istati Uniti m'għandux intenzjoni li jressaqhom quddiem qorti,

E.   billi l-użu tat-tortura u ta' mezzi illegali oħra jimplika li l-'evidenza' miġbura mhijiex ammissibbli fil-qrati, b'mod li tagħmilha impossibbli li jkun hemm prosekuzzjonijiet u kundanni minħabba terroriżmu,

F.   billi l-awtoritajiet tal-Istati Uniti jallegaw li 61 ex priġunier ta' Guantánamo Bay kienu involuti fit-terroriżmu wara l-ħelsien tagħhom;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet, kif ukoll l-ordnijiet eżekuttivi oħra relatati, tal-President tal-Istati Uniti Barack Obama għall-għeluq ta' Guantánamo Bay, li jimmarkaw bidla importanti fil-politika tal-Istati Uniti rigward ir-rispett tal-liġi umanitarja u internazzjonali; u jinkoraġġixxi l-amministrazzjoni l-ġdida biex tieħu aktar passi f'din id-direzzjoni;

2.  Ifakkar li r-responsabilità ewlenija għall-proċess kollu tal-għeluq tal-faċilità ta' detenzjoni ta' Guantánamo Bay u tal-futur tal-priġunieri tagħha hija tal-Istati Uniti; madankollu jafferma li r-responsabilità għar-rispett tal-liġi internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem hija tal-pajjiżi demokratiċi kollha, b'mod partikolari tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, li flimkien jirrappreżentaw komunità ta' valuri;

3.  Jistieden lill-Istati Uniti biex jiżguraw li jirrikonoxxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali lill-priġunieri ta' Guantánamo, fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali u tal-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, u:

   li kull priġunier li kontrieh l-Istati Uniti għandha biżżejjed evidenza jingħata smigħ xieraq u pubbliku mingħajr dewmien minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali u jinżammu f'ħabs fl-Istati Uniti jekk jinstabu ħatja,
   li kull priġunier li mhux se jinġiebu akkużi kontrieh u li jagħżel b'mod volontarju li jmur lura f'pajjiżu, jintbagħat lura f'pajjiżu mill-aktar fis possbbli,
   li kull priġunier li mhux se jiġi akkużat u li ma jistax jintbagħat lura fil-pajjiż ta' oriġini tiegħu minħabba li hemm riskju reali li fil-pajjiż tiegħu jkun torturat jew persegwitat, għandu jingħata l-għażla li jkollu aċċess fl-Istati Uniti, jingħata protezzjoni umanitarja fl-Istati Uniti kontinentali u kumpens,

4.  Jistieden lill-Istati Membri biex, bħala reazzjoni għat-talba mingħand l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti għal koperazzjoni biex jinstabu soluzzjonijiet, ikunu lesti li jaċċettaw priġunieri minn Guantánamo fl-UE, biex jgħinu sabiex tissaħħaħ il-liġi internazzjonali b'mod li jiġi żgurat, bħala prijorità, it-trattament ġust u uman ta' kulħadd; ifakkar lill-Istati Membri li għandhom id-dmir ta' koperazzjoni fidila biex jikkonsultaw lil xulxin dwar l-effetti possibbli fuq is-sigurtà pubblika madwar l-UE;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Komuni Barranija u ta' Sigurtà, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.

(1) ĠU C 300 E, 9.12.2006, p. 136.
(2) ĠU C 290 E, 29.11.2006, p. 423.
(3) ĠU C 102 E, 28.4.2004, p. 640.
(4) ĠU C 284 E, 21.11.2002, p. 353.
(5) ĠU C 287 E, 29.11.2007, p. 309.

Avviż legali - Politika tal-privatezza