Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2204(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0020/2009

Testi mressqa :

A6-0020/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/02/2009 - 5.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0049

Testi adottati
PDF 338kWORD 97k
Il-Ħamis, 5 ta' Frar 2009 - Strasburgu
Il-Kummerċ Internazzjonali u l-Internet
P6_TA(2009)0049A6-0020/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-Internet (2008/2204(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-punt 18 dwar il-Kummerċ fil-Prodotti tat-Teknoloġija ta" l-Informazzjoni (magħruf ukoll bħala l-Ftehim tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni - ITA) tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta" Singapore tal-Ewwel Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), adottata fit-13 ta" Diċembru 1996,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali ta" Ġinevra dwar il-Kummerċ Elettroniku Globali tat-Tieni Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), adottata fl-20 ta" Mejju 1998,

–   wara li kkunsidra l-preżentazzjoni mill-Komunitajiet Ewropej rigward il-"Kwistjonijiet ta" Klassifikazzjoni u l-Programm ta" Ħidma dwar il-Kummerċ Elettroniku" lill-WTO fid- 9 ta" Mejju 2003,

–   wara li kkunsidra l-punt 46 dwar il-kummerċ elettroniku tad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta" Hong Kong dwar il-Programm ta" Ħidma ta" Doha tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-WTO, adottata fit-18 ta" Diċembru 2005,

-   wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/38/KE fir-rigward tal-perijodu tal-applikazzjoni ta' l-arranġamenti fit-taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli fuq is-servizzi tax-xandir bir-radju u bit-televiżjoni u xi servizzi forniti b'mezzi elettroniċi u r-rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar id-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas-7 ta" Mejju 2002 u temenda temporanjament id-Direttiva 77/388/KEE rigward il-valur miżjud lill-arranġamenti tat-taxxa applikabbli fuq servizzi ta' xandir tar-radju u t-televiżjoni u ċertu servizzi fornuti elettronikament (COM(2006)0210),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta" Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà ta" l-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku)(1),

-   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 792/2002 tas-7 ta" Mejju 2002 li jemenda temporanjament ir-Regolament (KEE) Nru 218/92 dwar kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam ta" tassazzjoni indiretta (VAT) rigward miżuri addizzjonali li jirrigwardaw il-kummerċ elettroniku(2),

-   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta" Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ(3),

–   wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-24 ta" Settembru 2008 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2002/21/KE dwar qafas regolatorju komuni għan-networks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi, id-Direttiva 2002/19/KE dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta', networks ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati, u d-Direttiva 2002/20/KE dwar l-awtorizzazzjoni ta' networks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi(4), id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta" Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika)(5) u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta" Ottubru 2004 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi ("ir-Regolament dwar kooperazzjoni fil-protezzjoni tal-konsumaturi'')(6),

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta" Mejju 1998 dwar il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Inizjattiva Ewropea fil-Kummerċ Elettroniku(7),

-   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007 dwar il-fiduċja tal-konsumatur fl-ambjent diġitali(8),

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0020/2009),

A.   billi iktar minn nofs iċ-ċittadini tal-UE u kważi 1.5 biljun persuna madwar id-dinja għandhom aċċess għall-Internet; billi wieħed minn kull tliet ċittadini tal-UE jwettaq xiri online, iżda 30 miljun biss iwettqu xiri transkonfinali fl-UE,

B.   billi skont id-WTO, il-kummerċ elettroniku huwa definit bħala "il-produzzjoni, reklamar, bejgħ u distribuzzjoni ta" prodotti permezz ta" netwerks ta" telekomunikazzjonijiet",

C.   billi tista" ssir distinzjoni bejn il-kunsinna ta" kontenut permezz ta" mezz ta" ġarr fiżiku u kontenut kodifikat diġitalment u trażmess elettronikament fuq l-Internet u għalhekk indipendentement minn mezz ta" ġarr fiżiku, fuq netwerks fissi u bla wajers,

D.   billi l-kummerċ elettroniku jista" jitwettaq jew fil-forma ta" tranżazzjonijiet minn negozju għal negozju, jew minn negozju għal konsumatur, jew inkella minn konsumatur għal konsumatur; filwaqt li l-kummerċ fuq pjattaforma tal-Internet biddel profondament il-mod li bih in-nies jinnegozjaw il-prodotti u s-servizzi, u ħoloq opportunitajiet ġodda b'mod partikolari biex l- intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jilħqu klijenti ġodda lil hinn mill-fruntiera,

E.   billi ż-żamma tad-disponibbiltà tal-Internet tikkostitwixxi kundizzjoni essenzjali għat-tkabbir kontinwu tiegħu, kif ukoll dak ta" ekonomija u kummerċ globali iktar wiesa", li qiegħed jitwettaq b'dipendenza dejjem tiżdied fuq l-Internet,

F.   billi l-SMEs jistgħu jieħdu benefiċċju partikolari mill-kummerċ elettroniku f'termini ta" aċċess għal swieq esterni; billi, madankollu, l-iżvilupp totali ta" dawn il-metodi ta" kummerċ elettroniku ġodda għadu jsib bosta ostakoli rigward l-applikazzjoni prattika tagħhom,

G.   billi l-moviment liberu ta" informazzjoni huwa essenzjali sabiex ikun faċilitat il-kummerċ elettroniku u netwerk miftuħ u sigur li jippermetti t-tixrid ta" u l-aċċess għal informazzjoni tal-Internet jikkostitwixxi l-bażi li fuqha qed tinbena l-ekonomija globali tas-seklu 21,

H.   billi t-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (ICTs) issa huma komuni fl-ekonomija u li qed jiġu żviluppati u mxerrda pjattaformi u netwerks ġodda; billi jeżisti l-bżonn għal standards miftuħa li huma importanti għall-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u l-għażla effettiva tal-konsumatur,

I.   billi l-iżvilupp ulterjuri tal-ambjent kummerċjali "diġitalizzat" il-ġdid diġà pprovda u qed ikompli jipprovdi opportunitajiet ġodda għal tranżazzjonijiet ta" negozju tradizzjonali u moderni, biex tittejjeb il-pożizzjoni tal-konsumatur fil-katina kummerċjali u biex wieħed jasal għal mudelli ta" kummerċ totalment ġodda fir-relazzjonijiet bejn il-konsumatur u l-produttur,

J.   billi l-Internet joffri lill-konsumaturi l-possibbiltà li jagħmlu deċiżjonijiet iktar infurmati f'termini ta" kwalità u ta' prezz, meta mqabbla ma" mezzi tradizzjonali ta" xiri, u billi r-reklamar online sar mezz importanti li jiffaċilita l-kummerċ transkonfinali għal kumpaniji tad-daqsijiet kollha, iżda b'mod partikolari għall-SMEs sabiex dawn ikunu jistgħu jilħqu klijenti ġodda,

K.   billi ż-żieda fl-użu tal-Internet għal negozju jġib miegħu opportunitajiet sinifikanti, iżda wkoll ċertu sfidi,

L.   billi l-kumpaniji li joffru servizzi b'kontenut għandhom ikunu mħeġġa biex ikunu involuti f'mudelli ta" kummerċ ġodda u innovattivi li jinkorporaw l-opportunitajiet offruti mill-Internet u l-kummerċ elettroniku,

M.   billi t-teknoloġija u l-ekonomija se jiddettaw soluzzjonijiet legali peress li huwa ovvju li t-taħlita ta" oqfsa legali mhijiex adegwata,

N.   billi l-kummerċ elettroniku ġeneralment jiddependi fuq protezzjoni ta" proprjetà intellettwali, u billi ambjent legali sigur u prevedibbli għall-protezzjoni ta" proprjetà intellettwali , kif ukoll eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet, huma neċessarji sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni teknoloġika u t-trasferiment/tixrid tat-teknoloġija,

O.   billi kien osservat li skont il-liġi nazzjonali ta" msieħba kummerċjali importanti tal-UE, l-ewwel għandha tkun miksuba liċenzja ta" telekomunikazzjonijiet sabiex wieħed ikun jista' jipprovdi servizzi ta" kummerċ elettroniku, u dan għalhekk joħloq obbligu mhux neċessarju, speċjalment fid-dawl tal-proċeduri kumplessi li japplikaw fl-għoti ta" dawn il-liċenzji,

P.   billi l-irwol tal-kummerċ elettroniku fost membri tad-WTO kiber malajr f'oqsma bħal dak bankarju, is-settur tat-telekomunikazzjonjiet, l-industrija tal-kompjuter, l-industrija tar-reklamar, is-servizzi ta" distribuzzjoni u kunsinna espressa ta" posta; billi n-numru tal-pajjiżi li ma jillimitax l-aċċess transkonfinali f'dawn l-oqsma huwa diġà sustanzjali; billi għaddew għaxar snin mit-tnedija tal-Programm ta" Ħidma tad-WTO dwar il-Kummerċ Elettroniku,

Q.   billi l-punti fundamentali tad-WTO dwar nuqqas ta" diskriminazzjoni, trasparenza u liberalizzazzjoni progressiva għandhom ikunu applikati b'mod li jiġu kkunsidrati l-veloċità u l-interattività tal-Internet, il-metodi ta" ħlas elettroniku, it-tneħħija tal-intermedjarji, iż-żieda fl-integrazzjoni tal-funzjonijiet tal-kummerċ f'sistema online, il-flessibbiltà ikbar ta" organizzazzjonijiet ta" negozju kif ukoll il-frammentazzjoni ikbar ta" negozji,

1.  Jenfasizza l-influwenza pożittiva tal-Internet fuq il-fatturi u l-istadji differenti f'negozju transkonfinali u internazzjonali ta" prodotti u servizzi matul l-aħħar għoxrin sena; jenfasizza li l-karattru inerentement internazzjonali tal-kummerċ elettroniku jirrikjedi ftehim u koperazzjoni universali;

2.  Jirrikonoxxi li l-innovazzjoni u l-kreattività kummerċjali online qed iżidu l-iżvilupp ta" strateġiji ġodda ta" negozju bħall-kummerċ bejn il-konsumaturi; jinnota li swieq online jaħdmu bħala intermedjarji ġodda sabiex jiffaċilitaw skambji, iżidu aċċess għall-informazzjoni bi prezz baxx ħafna, u ġeneralment jespandu l-iskop ta" relazzjonijiet bejn in-negozji;

3.  Jemmen li l-SMEs u l-imprendituri żgħar li huma parzjalment jew totalment involuti f'attivitajiet ta" kummerċ online, sabu pjattaforma ta" piż amministrattiv u kummerċjali kumparattivament baxx, li minnha, permezz ta" reklamar online speċifiku, jippromwovu u jbiegħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom lil klijentela li dejjem tespandi, u b'dan il-mod jaqbżu l-ostakoli tal-kummerċ, li parti minnhom huma qodma, u jippenetraw swieq preċedentement remoti u magħluqin;

4.  Jirrikonoxxi li problemi rigward il-garanzija tal-kwalità u s-sigurtà tal-prodotti dovuti għan-nuqqas ta" prattiki normali ta" kontroll fl-istadju tad-distribuzzjoni online għandhom ikunu indirizzat b'modi ġodda, bħal punti mogħtija mill-konsumaturi lill-bejjiegħa u opinjonijiet interpares bejn il-konsumaturi;

5.  Jitlob li ssir analiżi dettaljata dwar l-influwenza tal-kummerċ online fuq mudelli u attivitajiet ta" kummerċ konvenzjonali, sabiex ikun hemm għarfien dwar u konsegwentement ikunu evitati effetti ħżiena potenzjali;

6.  Jinnota bi tħassib li ħafna drabi, il-konsumaturi u l-bejjiegħa li jużaw l-ICT huma soġġetti għal trattament diskriminatorju meta jitqabblu mal-konsumaturi u l-bejjiegħa li jagħmlu l-istess tranżazzjonijiet fis-swieq li ma jkunux fuq l-Internet;

7.  Jilqa" l-fatt li l-konsumaturi qed jibbenefikaw mill-aċċess għal medda virtwalment bla limiti ta" prodotti u servizzi minħabba l-abolizzjoni effettiva ta" limitazzjonijiet ġeografiċi, ta" distanza u ta" spazju, kif ukoll il-possibbiltà li jkun hemm informazzjoni trasparenti u imparzjali, paragun ta" prezzijiet u l-konvenjenza ta" "fittex u ixtri" online, tul il-jum kollu għal kull min huwa mqabbad mal-Internet id-dar, ix-xogħol jew xi mkien ieħor;

8.  Jinnota li s-suq diġitali emerġenti ta" prodotti u servizzi mhux tanġibbli huwa diġà ikbar mill-kummerċ u l-provvista tradizzjonali u, barra minn hekk, dan ħoloq varjetà ġdida ta" kunċetti ta" kummerċ u ta' valuri ekonomiċi bħall-proprjetà immobbli diġitali (ismijiet ta" domain) u l-aċċess għal informazzjoni (muturi ta" tiftix);

9.  Jissuġġerixxi li aġir illegali bħall-falsifikazzjoni, il-piraterija, il-frodi, il-ksur ta" sikurezza ta" tranżazzjonijiet u l-ksur tal-ispazju privat taċ-ċittadini, m'għandux ikun attribwit għan-natura tal-mezz iżda għandu jitqies bħala aspett tal-attivitajiet kummerċjali illegali li kien jeżisti minn qabel fid-dinja fiżika, u li ġie kemm iffaċilitat kif ukoll imkabbar, minħabba l-bosta possibbiltajiet teknoloġiċi provduti, u li jseħħ prinċipalment meta l-mezz ma joperax fuq bażi ta' konformità mar-regoli fis-seħħ sabiex ikun jista' jibbenefika minn skema ta' responsabilità ġestita; jenfasizza l-bżonn li jinħolqu mekkaniżmi għall-adozzjoni u t-tisħiħ tal-miżuri ta' infurzar neċessarji u adegwati, u ta' koordinazzjoni iktar effettiva u kkonċentrata, li tippermetti li jiġi miġġieled u meqrud l-aġir illegali online eżistenti, speċjalment fir-rigward ta' każi li jistgħu jinvolvu riskji kbar għas-saħħa, bħal mediċini foloz, mingħajr ma jiġi affettwat l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku internazzjonali;

10.  Jappoġġja r-rispett mingħajr kundizzjonijiet tal-moralità pubblika u tal-etika ta" Stati u ta' popli, iżda jiddispjaċih rigward l-użu abbużiv li dejjem qed jiżdied taċ-ċensura fir-rigward ta" servizzi u prodotti online, li jopera bħala ostakolu kummerċjali moħbi;

11.  Jirrikonoxxi l-bżonn għal standards miftuħa u l-importanza tagħhom għall-innovazzjoni, il-kompetizzjoni u l-għażla effettiva tal-konsumatur; jipproponi li ftehimiet kummerċjali iffirmati mill-Komunità Ewropea għandhom jippromovu l-użu wiesa" u disponibbli tal-Internet għall-kummerċ elettroniku, sakemm il-konsumaturi jkun jista' jkolhom aċċess għal u jużaw is-servizzi u l-prodotti diġitali magħżula minnhom, sakemm dan ma jkunx ipprojbit mill-liġi nazzjonali;

12.  Jikkunsidra li d-daqs taż-żieda fi tranżazzjonijiet transkonfinali, id-diffikultà li tkun identifikata n-natura, l-oriġini u d-destinazzjoni ta" tranżazzjonijiet, u n-nuqqas ta" rekord sekwenzjali ta" verifika u punti ta" influwenza, ipoġġu in kwistjoni n-natura territorjali tal-iskemi fiskali; jinnota li jeżistu opportunitajiet għar-razzjonalizzazzjoni ta" amministrazzjoni tat-taxxa, għal tibdil ta" xogħol ta" kitba bi skambji ta" dejta elettronika u għall-mili b'mod elettroniku ta" rifużjonijiet tat-taxxa, kif ukoll għall-awtomazzjoni tal-proċess tal-ġbir tat-taxxa;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi u l-impriżi jiġu edukati, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu organizzati kampanji ta' informazzjoni fuq il-mezzi tax-xandir dwar il-prospetti ta' żvilupp, il-jeddijiet u l-obbligi tal-partijiet kollha kkonċernati fil-kummerċ internazzjonali fuq l-Internet;

14.  Jiddispjaċih dwar iż-żieda fin-numru ta" inċidenti ta" serq u ta' frodi online, kemm ta" dejta personali kif ukoll ta" flus; jemmen li nuqqas ta" fiduċja fis-sikurezza u s-sigurtà ta" tranżazzjonijiet u pagamenti jikkostitwixxi l-ikbar periklu għall-kummerċ elettroniku tal-futur; jitlob lill-Kummissjoni biex tinvestiga dwar il-kawżi u tirdoppja l-isforzi tagħha biex jinħolqu mekkaniżmi għat-tisħiħ tal-fiduċja tal-kumpaniji u tal-individwi f'sistemi ta" pagament elettroniku internazzjonali, kif ukoll biex jiġi stabbilit mezz adegwat sabiex tinsab soluzzjoni għall-argumenti relatati ma" prattiki kummerċjali illegali;

15.  Jenfasizza li s-sigurtà u l-kredibilità tat-tranżazzjonijiet marbutin mal-oġġetti jew mas-servizzi kulturali huma essenzjali;

16.  Jinnota li l-fiduċja tiddependi mhux biss fuq modi sempliċi, affidabbli u sikuri kif jintuża l-Internet, iżda wkoll inter alia fuq il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi u d-disponibilità ta" rimedji xierqa;

17.  Jenfasizza l-bżonn għal koperazzjoni regolatorja internazzjonali jekk il-kummerċ elettroniku internazzjonali għandu jikber għall-potenzjal totali tiegħu; jikkunsidra li jeħtieġ li jkun hemm approċċ ġdid u modern għall-oqsma problematiċi ta" kummerċ elettroniku sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jibbenefikaw minn protezzjoni tal-privatezza tagħhom u mit-tnaqqis fl-ispejjeż u mill-opportunitajiet ġodda għal kummerċ li jirriżultaw mill-Internet;

18.  Jikkunsidra li d-diskussjoni għall-isfidi kurrenti u futuri ta" kummerċ tal-Internet globali għandha sseħħ f'qafas strutturat u ta" sostenn reċiproku bbażat fuq sistemi ta' regoli istituzzjonalizzati fost protagonisti interdipendenti, biex b'hekk dan jippermetti proċess modern u inklużiv ta" governanza b'diversi partijiet interessati kif muri fil-Forum ta" Governanza tal-Internet; jinnota li l-modi attwali ta" governanza tal-Internet huma karatterizzati min-natura mħallta tagħhom li jonqosha strumenti ta" tmexxija ġerarkiċi funzjonali u regolatorji;

19.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta" progress fin-negozjati tal-WTO dwar il-kwistjoni importanti tal-klassifikazzjoni tal-hekk imsejħa "prodotti diġitalizzati", il-fatt li l-Aġenda tal-Iżvilupp ta' Doha ma tordnax negozjati speċifiċi dwar il-kummerċ elettroniku u li ma sar ebda progress dwar l-iffissar ta" Moratorju permanenti tat-Taxxa Doganali tad-WTO dwar Trażmissjonijiet Elettroniċi; jinnota li għad hemm inċertezza rigward il-valutazzjoni doganali xierqa ta" prodotti diġitali u għad hemm nuqqas ta" ftehim rigward liema regoli u obbligi (Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ tas-Servizzi jew Aspetti Relatati mal-Kummerċ ta" Drittijiet ta" Proprjetà Intellettwali) għandhom japplikaw għal prodotti kkonsenjati diġitalment;

20.  Jilqa" l-proposta tal-Kummissjoni lid-WTO biex taġġorna u tespandi d-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar Kummerċ fi Prodotti ta" Tekonoloġija ta" Informazzjoni, magħrufa wkoll bħala l-Ftehim tat-Teknoloġija tal-Informatika (ITA), li tistabbilixxi limitu ta" żmien qasir, sabiex tingħata spinta addizzjonali fil-kummerċ ta" dawn il-prodotti, sabiex tiġbed iktar parteċipanti, sabiex tindirizza ostakli mhux tariffarji u sabiex tkun indirizzata ż-żieda fl-isfidi ta" żvilupp u konverġenza teknoloġika; jiddispjaċih, madankollu, dwar l-interpretazzjonijiet varji tal-ITA mill-partijiet u jistieden lill-Kummissjoni timplimenta bis-sħiħ il-kelma u l-ispirtu tal-ITA u biex tappoġġja approċċ modern u realistiku għal kwalunkwe ftehim futur b'konformità mat-talba għal aktar prodotti tal-informazzjoni teknoloġika ħielsa mid-dazju tal-importazzjoni;

21.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar diġà fil-qafas tal-GATS, fit-Trattati tal-Internet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Propjetà Intellettwali (WIPO), il-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Kummerċ Internazzjonali (UNCITRAL), fix-xogħol estensiv tal-Organizzazzjoni għal Koperazzjoni Ekonomiku u Żvilupp (OECD) u l-qafas estensiv ta' politika li ġie adottat fil-Laqgħa Ministerjali tal-OECD f'Seoul fl-2008, u fis-Samit Dinji dwar is-Soċjetà tal-Informazzjoni f'Ġinevra f'Diċembru 2003 u f'Tuneż f'Novembru 2005;

22.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Ħarsien u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjoni Kulturali bħala strument essenzjali biex jiggarantixxi li l-eżenzjoni kulturali għat-tranżazzjonijiet kummerċjali internazzjonali fi prodotti u servizzi ta' natura kulturali u kreattiva tinżamm fil-qafas internazzjonali tad-WTO; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimplimentaw malajr il-Konvenzjoni fil-politiki kemm interni kif ukoll esterni tal-Unjoni Ewropea;

23.  Jenfasizza l-fatt li ftehimiet ta" kummerċ ħieles bilaterali u reġjonali ma jistgħux jipprovdu risposti kompluti għal aċċess estensiv għas-suq; madanakollu, jistieden lill-UE tinkludi sistematikament fil-ftehimiet ta" kummerċ ħieles bilaterali u reġjonali dispożizzjonijiet espliċiti li jkopru l-użu wiesa' u miftuħ tal-Internet għall-kummerċ fi prodotti u servizzi, u fluss ta' informazzjoni mingħajr xkiel, billi, pereżempju, ma timponix jew ma żżommx ostakli żejda għall-fluss ta' informazzjoni bejn il-fruntieri, u billi tapplika l-prinċipji ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni, regolazzjoni trasparenti u regolazzjoni li mill-inqas tirristrinġi l-kummerċ għat-tranżazzjonijiiet bl-Internet; jappoġġja l-isforzi magħmula mill-UE biex tistabbilixxi djalogu ta" kooperazzjoni dwar kwistjonijiet regolatorji bħala parti mill-ftehimiet bilaterali tagħha ma" imsieħba kummerċjali ta' pajjiżi terzi; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri biex kif jintlaħqu dawn il-ftehimiet ikunu ppreparati jikkontribwixxu għal dan id-djalogu ta" kooperazzjoni;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-applikabilità tal-istrumenti tal-kummerċ sabiex tarmonizza u tiftaħ l-użu ta" spettru sabiex tkun tista" tippromwovi aċċess mobbli għas-servizzi tal-Internet u b'hekk tistimola l-innovazzjoni, it-tkabbir u l-kompetizzjoni;

25.  Jenfasizza li hemm bżonn li tingħata attenzjoni biex il-provvista ta" servizzi online, inkluż il-kummerċ elettroniku, ma jkunx suġġett għal proċeduri domestiċi ta" awtorizzazzjoni mhux neċessarji, kemm fl-UE u fil-pajjiżi tal-imsieħba kummerċjali tagħna, li jirriżulta f'impediment de facto fil-provvista ta" dawn is-servizzi;

26.  Huwa tal-opinjoni li fil-kuntest tal-akkwist pubbliku internazzjonali, li fih it-teknoloġiji jippermettu li jsir kummerċ elettroniku transkonfinali, forom ġodda ta', pereżempju, irkanti kombinati għal konsorzji tal-SMEs u l-pubblikazzjonijiet fuq l-Internet u l-avviżi ta' sejħiet għall-offerti jippermettu żieda sinifikanti fil-kummerċ tal-akkwisti mhux biss fl-Unjoni Ewropea iżda wkoll fid-dinja u b'hekk issir promozzjoni tal-kummerċ elettroniku transkonfinali;

27.  Ifakkar li l-konklużjoni tal-Ftehim tal-Kummerċ kontra l-Falsikazzjoni għandu jipprovdi bilanċ bejn l-infurzar effettiv tad-Drittijiet tal-Propjetà Intellettwali (IPRs) u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-konsumaturi, u biex jingħata kontribut għal aktar innovazzjoni, fluss tal-informazzjoni u l-użu ta' servizzi leġittimi fl-ambjent tal-kummerċ elettroniku;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kampanji ta" informazzjoni u edukazzjoni bl-użu ta' għodod tradizzjonali u bbażati fuq l-Internet sabiex titqajjem kuxjenza fost il-konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom bl-iskop li tiżdied il-fiduċja tagħhom fil-kummerċ fuq l-Internet;

29.  Jikkundanna l-frammentazzjoni tas-suq elettroniku tal-UE li huwa r-riżultat ta" dispożizzjonijiet regolatorji li jippermettu jew jirrikjedu partizzjoni tas-suq ġeografiku, dispożizzjonijiet regolatorji li jipprevjenu jew jimpedixxu l-provvista online ta" prodotti jew servizzi, restirzzjonijiet kuntrattwali fuq distributuri, inċertezza legali, nuqqas ta" fiduċja tal-konsumatur fis-sikurezza tas-sistemi ta" pagament, ħlasijiet għoljin għall-aċċess għall-Internet, u kwalunkwe limitu dwar id-disponibilità ta" għażliet ta" kunsinna;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tippubblika fuq il-websajt tagħha informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumatur fir-rigward tal-kummerċ internazzjonali bl-Internet, li tkun tiffoka b'mod partikolari fuq kwistjonijiet kontrattwali, il-ħarsien tal-konsumaturi minn prattiki kummerċjali inġusti, il-privatezza u d-drittijiet tal-awtur;

31.  Jemmen li d-defiċjenzi regolatorji tas-suq online tal-UE qed jostakolaw l-iżvilupp ta" ambjent industrijali u kummerċjali online Ewropew stabbli u b'saħħtu, li jirriżulta f'livelli mhux sodisfaċenti ta" parteċipazzjoni minn konsumaturi Ewropej fl-UE u tranżazzjonijiet ta" kummerċ internazzjonali u jostakola l-kreattività u l-innovazzjoni fl-attività kummerċjali; jiddispjaċih dwar il-fatt li n-numru tal-kumpaniji bbażati fl-UE li jipprovdu biss servizzi online huwa estremament baxx;

32.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-konsumatur (COM(2008)0614) li, huwa ttamat, se ġġib aktar ċertezza legali, trasparenza u protezzjoni għan-numru jiżdied ta' konsumaturi li qed jixtru minn fuq l-Internet, l-aktar għal dak li għandu x'jaqsam mal-kunsinni, ir-riskju, il-konformità mal-kuntratt u l-garanziji kummerċjali;

33.  Ifakkar li l-fiduċja, b'mod partikolari għall-konsumaturi u għall-SMEs, hija kruċjali biex isir użu sħiħ mill-possibilitajiet li joffri l-kummerċ bl-Internet, kif enfasizzat fir-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Ġunju 2007;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu kull opportunità biex jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-fiduċja permezz ta' azzjoni fil-fora internazzjonali rilevanti, bħall-WTO, u biex jagħmlu sforzi biex ikun hemm standards u regoli globali li jqisu l-aħjar prattiki Ewropej;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-interoperabilità legali tas-servizzi tal-Internet permezz tal-iżvilupp ta" mudelli ta" liċenzji u soluzzjonijiet legali oħra kumpatibbli mal-ġurisdizzjonijiet fejn il-liġi privata ma ġietx armonizzata, b'mod partikolari għal indemnifikazzjoni ta" liċenzja volontarja ta" standards online internazzjonali, u biex ixxerred ir-riżultati tanġibbli eżistenti Ewropej għal interoperabilità legali bħala mezz biex tnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet u l-inċertezza legali tal-fornituri online;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni, jekk ikun xieraq, biex flimkien mal-OECD, tħejji studju dettaljat li jinkorpora l-istatistiċi dwar il-kummerċ internazzjonali bl-Internet;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija komprensiva għat-tneħħija tal-ostakli fuq l-użu tal-kummerċ elettroniku li għadhom jaffettwaw lill-SMEs (aċċess għal ICT, spejjeż ta" żviluppar u manteniment ta" sistemi ta" negozju elettroniku, nuqqas ta" fiduċja, nuqqas ta" informazzjoni, inċertezza legali dwar argumenti tranżnazzjonali, eċċ), u rakkomandazzjonijiet ta' politika lill-SMEs inkluża l-offerta ta' inċentivi għall-parteċipjazzjoni akbar fi prodotti u servizzi ta" kummerċ online; jinkoraġixxi, f'dan ir-rigward, il-ħolqien ta" database, maħsub biex jipprovdi sostenn b'informazzjoni u gwida dwar il-ġestjoni lill-parteċipanti ġodda u bla esperjenza fil-kummerċ online, u analiżi ekonomika kumparattiva tal-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku u riklamar online għall-SMEs, kif ukoll studji ta" każijiet ta" kummerċ online ta" suċċess tal-SMEs fl-UE;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkuraġġixxu lill-SMEs biex jużaw l-Internet u biex jorganizzaw pjattaformi għall-qsim tal-informazzjoni u għall-iskambju tal-aqwa prattiki u jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu l-akkwist pubbliku permezz tal-użu elettroniku, filwaqt li jieħdu ħsieb biex jiżguraw l-Aċċessibilità elettronika (eAccessibility);

39.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tiftaħ djalogu pubbliku permezz ta" karta tal-argumenti tagħha intitolata "Opportunitajiet fi Prodotti u Servizzi Online" u billi tistabbilixxi grupp ta" konsulenti biex jikkollaboraw fit-tfassil ta" rapport dwar kwistjonijiet relevanti;

40.  Jinnota li l-Internet ġab miegħu approċċ ġdid għall-produzzjoni, il-konsum u t-tixrid tal-prodotti u s-servizzi kulturali, li jista' jikkontribwixxi għall-komprensjoni interkulturali fuq il-bażi tal-aċċess ħieles u ġust għall-ICTs ġodda u r-rispett għad-diversità kulturali u lingwistika;

41.  Jenfasizza li l-prodotti u s-servizzi kulturali u artistiċi għandhom natura kemm ekonomika kif ukoll kulturali, u li huwa importanti li jinżamm dan l-għarfien fin-negozjati u l-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali, u permezz tan-netwerks globali billi l-konvenzjoni tal-UNESCO tiġi implimentata b'mod li legalment jorbot;

42.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li l-industriji kulturali Ewropej jisfruttaw għal kollox l-opportunitajiet ġodda li ġab miegħu il-kummerċ online, l-aktar fis-settur awdjoviżiv, mużikali u tal-pubblikazzjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin joffru protezzjoni effettiva kontra t-traffikar illeċitu u l-piraterija; madankollu, dan m'għandux jaffettwa l-politika tal-Komunità Ewropea, kif dikjarata b'mod ċar fil-mandat ta' negozjar, li tikkonsisti f'li l-Komunità toqgħod lura milli tressaq offerti jew taċċetta talbiet ta' liberalizzazzjoni fil-qasam awdjoviżiv u kulturali;

43.  Jikkunsidra li l-Internet qed isir l-iktar mezz effiċjenti sabiex jimtela l-vojt kummerċjali bejn it-Tramuntana u Nofsinhar; jikkunsidra li l-Internet qed jiftaħ toroq ġodda ta" kummerċ li jikkonnettjaw il-pajjiżi l-inqas żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw b'sistemi kummerċjali avvanzati u ċentrali, billi jżid il-flussi ta" esportazzjoni tagħhom u jevita l-iżvantaġġi ta" prattiki kummerċjali tradizzjonali;

44.  Jemmen li l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi l-inqas żviluppati u pajiżi oħra li qed jiżviluppaw fil-kummerċ internazzjonali permezz tal-Internet għandha tkun appoġġjata permezz ta" żieda fl-investiment primarjament f'infrastruttura bażika bħal netwerks ta" telekomunikazzjoni u mezzi ta" aċċess; jenfasizza l-bżonn ta' provvista ta" servizzi tal-Internet b'inqas spejjeż u ta' kwalità aħjar; jirrikonoxxi li l-liberalizzazzjoni tat-telekomunikazzjoni wasslet għal żieda fl-investiment fl-infrastruttura, servizz imtejjeb u innovazzjoni;

45.  Jirrikonoxxi li f'xi pajjiżi, l-utenti għandhom aċċess għall-Internet permezz ta" mekkaniżmi mobbli;

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1.
(2) ĠU L 128, 15.5.2002, p. 1.
(3) ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21.
(4) Testi Adottati, P6_TA(2008)0449.
(5) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(6) ĠU L 364, 9.12.2004, p. 1.
(7) ĠU C 167, 1.6.1998, p. 203.
(8) ĠU C 146 E, 12.6.2008, p. 370.

Avviż legali - Politika tal-privatezza