Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta" għalf (COM(2008)0124 – C6-0128/2008 – 2008/0050(COD))
(Proċedura ta' kodeċiżjoni: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2008)0124),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 251(2), l-Artikolu 37 kif ukoll l-Artikolu 152(4)(b) tat-Trattat tal-KE, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C6-0128/2008),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 51 tar-Regoli ta' Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A6-0407/2008),
1. Japprova l-proposta mill-Kummissjoni kif emendata;
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni annessi ma' dan;
3. Jistieden lill-Kummissjoni biex għal darb'oħra tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk fi ħsiebha temenda l-proposta tagħha b'mod sostanzjali jew tibdilha b'test ieħor;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-5 ta' Frar 2009 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru .../2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta" għalf, li temenda r-Regolament (KE) Nru 1831/2003 u li tirrifjuta d-Direttivi 79/373/KEE, 80/511/KEE, 82/471/KEE, 83/228/KEE, 93/74/KEE, 93/113/KE u 96/25/KE u d-Deċiżjoni 2004/217/KE
(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari jaqbel ma' l-att leġislattiv finali, ir-Regolament (KE) Nru .../2009.)
ANNESS
Dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar:
1.Ir-Reviżjoni tal-Anness IV:
Sabiex l-Anness IV (dwar it-tolleranzi għat-tikkettar tal-kompożizzjoni ta' materjali tal-għalf u għalf kompost), previst fl-Artikolu 11 tar-Regolament, jiġi adottat għall-iżvilupp xjentifiku u teknoloġiku, il-Kummissjoni u s-servizzi tagħha għandhom il-ħsieb li jevalwaw l-Anness IV msemmi. F'dan il-kuntest il-Kummissjoni se tqis ukoll ċerti materjali tal-għalf b'kontenut ta' umdità ta' aktar minn 50%.
2.L-ittikkettar tal-addittivi:
Il-Kummissjoni se tistudja jekk il-prinċipji tal-informazzjoni permezz tal-ittikkettar tal-għalf jistgħux japplikaw ukoll għall-addittivi u għat-taħlitiet imħejjija minn qabel awtorizzati skont ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 dwar addittivi għall-użu fin-nutrizzjoni tal-annimali.
3.Interpretazzjoni ta' "kwalunkwe motivi ta' urġenza rrelatati mas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u mal-ambjent", kif indirizzat mill-Premessa 21, Artikolu 5 u Artikolu 17
"Il-Kummissjoni tifhem li "kwalunkwe motivi ta' urġenza rrelatati mas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u mal-ambjent" jistgħu jinkludu motivi ta' urġenza li jirriżultaw, fost l-oħrajn, min-negliġenza, frodi intenzjonati u atti kriminali."