Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2663(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0063/2009

Testi mressqa :

B6-0063/2009

Dibattiti :

PV 04/02/2009 - 11
CRE 04/02/2009 - 11

Votazzjonijiet :

PV 05/02/2009 - 5.7
CRE 05/02/2009 - 5.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0052

Testi adottati
PDF 237kWORD 77k
Il-Ħamis, 5 ta' Frar 2009 - Strasburgu
Il-Kosovo
P6_TA(2009)0052B6-0063/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar il-Kosovo u l-irwol tal-UE

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, iffirmata fis-26 ta' Ġunju 1945,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta' Ġunju 1999 (S/RES/1244(1999),

–   wara li kkunsidra l-prinċipji ta" gwida sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni tal-istatus tal-Kosovo, adottati mill-Grupp ta' Kuntatt fis-7 ta' Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Marzu 2007 dwar il-futur tal-Kosovo u l-irwol tal-UE(1),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima għall-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali ffirmata fid-19 ta' Diċembru 2006 f'Bukarest,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tas-26 ta" Marzu 2007, tal-Mibgħut Speċjali tan-NU dwar l-istatus ġejjieni tal-Kosovo u dwar il-Proposta ta" Status Komprensiv (CSP) sabiex jiġi Riżolt l-Istatus tal-Kosovo,

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal-4 ta" Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, EULEX KOSOVO(2),

–   wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/123/PESK tal-4 ta" Frar 2008 li ħatret Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea fil-Kosovo(3),

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u Relazzjonijiet Esterni tat-18 ta' Frar 2008,

–   wara li kkunsidra l-ittri mibgħuta mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-President tas-Serbja u lill-President tal-Kosovo fit-12 ta" Ġunju 2008, dwar ir-rikonfigurazzjoni tal-Amministrazzjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK),

–   wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà, tat-12 ta" Ġunju 2008, dwar l-Amministrazzjoni Interim tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (S/2008/354),

–   wara li kkunsidra l-Konferenza tad-Donaturi tal-Kosovo, li saret fi Brussell fil-11 ta" Lulju 2008,

–   wara li kkunsidra l-arranġament tekniku bejn il-UNMIK u l-EULEX dwar il-passaġġ tal-beni fit-18 ta" Awwissu 2008,

   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 63/3 adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-8 ta" Ottubru 2008 (A/RES/63/3), li permezz tagħha ġie deċiż li tintalab opinjoni konsultattiva mingħand il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja rigward il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjoni unilaterali ta" indipendenza tal-Kosovo hix skont id-dritt internazzjonali,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tas-26 ta" Novembru 2008 (S/PRST/2008/44), li permezz tagħha, il-Kunsill tas-Sigurtà approva unanimament ir-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon dwar il-UNMIK (S/2008/692), u għaldaqstant tawtorizza l-iskjerament tal-missjoni EULEX fit-territorju kollu tal-Kosovo,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi fis-17 ta" Frar 2008 l-Assemblea tal-Kosovo iddikjarat l-indipendenza tal-Kosovo u impenjat ruħha għall-Proposta ta" Status Komprensiv (CSP) tal-Mibgħut Speċjali tal-NU Martti Ahtisaari,

B.   billi l-Gvern Serb adotta approċċ kostruttiv u impenja ruħu f'negozjati serji bil-għan li jintlaħaq ftehim; billi, minkejja ċ-ċirkostanzi kuntrarji, il-Gvern Serb żamm pożizzjoni pro-Ewropea,

C.   billi s-CSP hi mħaddna fil-Kostituzzjoni tal-Kosovo u liġijiet oħra; billi 25 pajjiż, fuq talba tal-mexxejja tal-Kosovo, iffurmaw il-Grupp ta" Tmexxija Internazzjonali (International Steering Group – ISG), li l-iskop primarju tiegħu hu l-implimentazzjoni sħiħa tas-CSP; billi l-ISP ħatar Rappreżentant Ċivili Internazzjonali (ICR) appoġġjat minn Ufficcju Civili Internazzjonali fil-Kosovo skont is-CSP; billi dan jimplika li l-Kosovo qed jimmaniġġja l-kwistjonijiet tiegħu stess, filwaqt li qed ikun suġġett għal sorveljanza fl-implimentazzjoni ta', inter alia, il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi,

D.   billi s'issa 54 pajjiż, fosthom 22 mis-27 Stat membru tal-UE, irrikonoxxew l-indipendenza tas-Serbja,

E.   billi s-27 Stat Membru tal-UE bagħtu Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (EUSR) fil-Kosovo, Peter Feith, li jservi wkoll bħala l-ICR; billi l-ICR jissorvelja l-implimentazzjoni sħiħa tas-CSP u l-EUSR joffri l-appoġġ u l-pariri tal-UE fil-proċess politiku fil-Kosovo,

F.   billi l-istabilità reġjonali tal-Balkani tal-Punent hi prijorità għall-Unjoni Ewropea, li għal din ir-raġuni nidiet il-missjoni EULEX; billi l-EULEX diġa laħqet il-kapaċità operattiva inizjali tagħha fil-Kosovo u għaldaqstant assumiet ir-responsabilitajiet tagħha fil-qasam tal-qrati, il-pulizija, il-faċilitajiet korrettivi u d-dwana, inklużi xi funzjonijiet eżekuttivi, bil-għan li toffri monitoraġġ, tiggwida u tagħti pariri lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-Kosovo f'oqsma kollha relatati mal-istat tad-dritt f'sens usa",

G.   billi permezz ta" skjerament fit-territorju tal-Kosovo fit-Tramuntana tax-xmara Ibar ukoll, il-EULEX tagħti kontribut għall-għan, miftiehem mill-partijiet kollha, tal-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt u l-ħolqien ta" sistema tal-ġustizzja koerenti fil-Kosovo kollu kif ukoll jiġi żgurat aċċess indaqs għall-ġustizzja għaċ-ċittadini kollha,

L-Irwol Ewropew

1.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-iskjerament b'suċċess tal-EULEX fit-territorju kollu tal-Kosovo, inkluża l-parti tat-Tramuntana tax-xmara Ibar, b'konformità mar-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-Istqarrija Presidenzjali sussegwenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, tas-26 ta' Novembru 2008, imsemmija hawn fuq;

2.  Jenfasizza l-impenn tal-UE li tikkonforma mad-dritt internazzjonali u li jkollha rwol mexxej għall-iżgurar tal-istabilità fil-Kosovo u fil-Balkani tal-Punent kollha kemm huma; ifakkar ir-rieda tiegħu li jgħin fl-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo billi joffri prospetti ċara għas-sħubija fl-UE, kif għamel għar-reġjun kollu kemm hu;

3.  3 Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għadhom ma rrikonoxxewx l-indipendenza tal-Kosovo biex jagħmlu dan;

4.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta" Marzu 2007, kif hemm referenza għaliha hawn fuq;

5.  Jinnota, f'dan ir-rigward, li bħalma ħabbar ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għall-UNMIK fil-Kosovo, Lamberto Zannier, mid-9 ta" Diċembru 2008 il-UNMIK m'għadx baqgħalha setgħat fil-qasam tal-pulizija u tad-dwana, u dalwaqt se tgħaddi lill-EULEX is-setgħat kollha li baqgħalha fil-qasam tal-ġustizzja, u b'hekk tiżgura li l-Kosovo jiffunzjona taħt stat ta" dritt waħdieni;

6.  Jitlob lill-komunità internazzjonali sabiex turi appoġġ sħiħ lill-EULEX u tiffaċilita l-proċess biex il-EULEX tieħu f'idejha l-ħidmiet relevanti kollha fil-Kosovo fil-qasam tad-dwana, tal-pulizija u tal-qrati, ħidmiet li qabel kienu f'idejn il-UNMIK;

7.  Jistenna li l-EULEX tiffunzjona skont il-mandat tagħha tal-UE bil-għan li tippromwovi l-iżvilupp stabbli tal-Kosovo u tiggarantixxi l-istat tad-dritt għall-komunitajiet kollha fil-Kosovo; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-EULEX taqdi l-interessi tal-minoranzi etniċi kollha fil-Kosovo, minħabba li se tindirizza, inter alia, l-ilmenti dwar id-diskriminazzjoni etnika, il-fastidju u l-vjolenza u l-ħafna kwistjonijiet pendenti dwar il-proprjetà;

8.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-Gvern Serb qabel mal-iskjerament tal-EULEX, l-aktar waħda importanti mill-missjonijiet PESD (Politika Ewropea ta' Sigurta' u Difiża) s'issa, u r-rieda tiegħu li jikkopera magħha; jinkoraġġixxi s-Serbja biex tkompli turi din l-attitudni kostruttiva, li hi konsistenti mal-aspirazzjonijiet tal-pajjiż li jsir membru fl-UE;

9.  Jilqa" b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni adottata skont l-arranġamenti tranżitorji miftehma bejn in-NU u l-Gvern Serb, li jinħatar uffiċjal għoli Serb tal-pulizija fil-Kosovo, li jaħdem fi ħdan is-Servizz tal-Pulizija tal-Kosovo iżda jirrapporta b'mod dirett lill-EULEX, bħala l-ewwel pass fl-isforzi sabiex tiġi żgurata rappreżentazzjoni adegwata tal-minoranzi kollha fil-pulizija tal-Kosovo;

10.  Iqis li l-arranġamenti tranżitorji negozjati bejn in-NU u l-Gvern Serb jeħtieġ jiġi rivedut fid-dawl tal-iżviluppi fil-post, meta l-EULEX tilħaq il-kapaċità operattiva sħiħa tagħha;

11.  Iħeġġeġ lill-EULEX sabiex b'mod urġenti tindirizza l-każijiet ġudizzjarji li qegħdin b'lura b'superviżjoni internazzjonali, filwaqt li tingħata prijorità lil każijiet li jinvolvu vjolenza inter-etnika, delitti tal-gwerra u korruzzjoni f'livell għoli, sabiex jingħata kontribut lit-tisħiħ tal-istat tad-dritt;

12.  Iqis li t-twaqqif ta" programm ta" protezzjoni tax-xhieda li jiffunzjona hu essenzjali għal azzjoni legali effettiva kontra kriminali ta" livell għoli fil-Kosovo, b'mod partikulari fir-rigward tad-delitti tal-gwerra;

13.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom biex jiżguraw azzjoni esterni koerenti mill-Unjoni u l-implimentazzjoni tal-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK imsemmija hawn fuq; għaldaqstant jitlob lill-Kap tal-missjoni EULEX KOSOVO, M. Yves de Kerbamon u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE sabiex jaħdmu id f'id minn jum għall-ieħor; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-familja tal-UE sabiex taġixxi b'mod kollettiv u b'mod koordinat sabiex isiru sforzi akbar biex tkun promossa l-parteċipazzjoni tas-Serbi tal-Kosovo fil-ħajja politika, ekonomika u soċjali tal-Kosovo, u jitlob lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE sabiex jiżgura li l-Gvern tal-Kosovo b'mod immedjat jieħu passi tanġibbli f'dan ir-rigward, fosthom permezz ta" miżuri speċifiċi ta" żvilupp ekonomiku għar-reġjun ta" Mitrovica, meta l-istat tad-dritt ikun reġa" ġie stabbilit;

14.  Jistieden lill-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Politika Estera u ta' Sigurta' Komuni biex juri l-appoġġ ċar tiegħu għall-missjoni Ewropea fil-Kosovo (EULEX KOSOVO) u sabiex iżur il-pajjiż mill-aktar fis possibbli;

15.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tuża l-istrumenti kollha disponibbli tal-Komunità, b'mod partikulari l-Istrument ta' Qabel l-Adeżjoni, biex trawwem l-iżvilupp soċjo-ekonomiku tal-Kosovo, tiżdied it-trasparenza, l-effiċjenza u d-demokrazija fil-gvern u s-soċjetà tal-Kosovo u biex taħdem lejn il-paċi u l-istabilità fil-Kosovo u fir-reġjun kollu kemm hu; jilqa" b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta studju tal-fattibilità li jeżamina modi ta" kif jista" jissaħħaħ l-iżvilupp soċjo-ekonomiku u politiku tal-Kosovo, u jittama li l-istudju jkun ibbażat fuq djalogu serju mal-awtoritajiet tal-Kosovo u kkumplimentat permezz tal-impenn politiku mġedded tagħhom li jaħdmu lejn ir-riformi meħtieġa;

16.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tati każ urġenti tal-promozzjoni ta' proġetti lokali li jiffaċilitaw ir-rikonċiljazzjoni bejn il-komunitajiet varji u tippromwovi aktar il-mobilità tan-nies;

17.  Iqis li l-proġetti maħsubin, per eżempju, biex iċ-ċimiterji vandalizzati jiġu restawrati bl-involviment dirett tal-parteċipanti lokali, ikollhom valur simboliku kunsiderevoli għall-komunitajiet fil-Kosovo u jikkontribwixxu għal klima interetnika aħjar; jistieden lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE sabiex jiżguraw li inizjattivi simili jkunu fuq quddiem fl-aġenda tal-gvern tal-Kosovo;

18.  Barra minn dan, huwa tal-fehma, li l-ħolqien ta' Kulleġġ Universitarju Ewropew multietniku, flimkien maċ-ċentri universitarji eżistenti fi Pristina u Mitrovica, u ta' servizzi kulturali, soċjali u ta' kura tas-saħħa li jkunu speċifikament maħsubin biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-komunità Serba fil-Kosovo ċentrali jkun ta' inċentiv kbir lejn il-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-Komunità Serba fil-Kosovo; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, sabiex tieħu azzjoni immedjata bil-għan li twettaq dan il-proġett flimkien mal-Gvern tal-Kosovo;

19.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Memebri sabiex jgħinu lill-Gvern tal-Kosovo biex isolvi n-nuqqas serju ta' staff f'oqsma ewlenin tal-amministrazzjoni pubblika, sabiex jgħinu fit-taħriġ tal-uffiċjali tas-servizz ċivil u sabiex jgħinu fit-titjib tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni, sabiex jiġi żgurat li l-amministrazzjoni tiffunzjona mingħajr problemi, u sabiex ir-rabtiet bejn l-awtoritajiet u s-soċjetà ċivili jissaħħu;

It-tmexxija tal-Kosovo

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-sitwazzjoni mtejba tas-sigurtà fil-Kosovo; jappoġġa l-isforzi tal-pulizija tal-Kosovo biex tikseb livell ambizzjuż ta' professjonalitàu affidabilità; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa essenzjali ta' forza tal-pulizija li tkun multietnika fiz-zoni kollha tal-Kosovo; jilqa' b'sodisfazzjon għalhekk il-fatt li xi uffiċjali Serbi reġgħu lura fil-forzi tal-pulizija tal-Kosovo u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo sabiex jappoġġaw l-integrazzjoni mill-ġdid ta' dawk l-ufiċjali tal-pulizija li għad iridu jiġu lura;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' tmexxija deċentralizzata, kif stipulat fis-CSP; jenfasizza li d-deċentralizzazzjoni mhix biss hija fl-interess tal-komunità Serba, iżda taħdem favur iċ-ċittadini kollha tal-Kosovo, għaliex tagħmel lill-gvern aktar trasparenti u tqarrbu aktar lejn iċ-ċittadini;

22.  Itenni l-importanza ta' soċjetà ċivili b'saħħitha li ssaħħaħ il-prinċipji demokratiċi li fuqhom isserraħ it-tmexxija tal-Kosovo; iħeġġeġ lill-gvern tal-Kosovo biex, f'dan ir-rigward, jappoġġja l-movimenti paċifiċi taċ-ċittadini u l-iżvilupp ta' midja ħielsa mingħajr ebda indħil politiku;

23.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li d-dispoċizzjonijiet għall-ħarsien tal-minoranzi miġbura fil-Kostituzzjoni tal-Kosovo jiġu implimentati u jqis li l-implimentazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-minoranzi hija fundamentalment importanti għall-istabilità tal-Kosovo u tar-reġjun kollu kemm hu;

24.  Iħeġġeġ lil-Gvern tal-Kosovo sabiex ikompli jimpenja ruħu biex jippromwovi spirtu ta' paċi, tolleranza u djalogu interkulturali u interreliġjuż fost il-komunitajiet tal-Kosovo, jiġifieri l-Albaniżi, is-Serbi, ir-Roma, l-Ashkali, l-Eġizzjani, il-Gorani, it-Torok u l-Bożnijaċi, sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet ġusti biex ir-refuġjati jerġgħu lura lejn il-Kosovo, inkluż permezz ta' investiment f'opportunitajiet ta' impjieg, fl-infrastrutura u fil-forniment ta' servizzi bażiċi fl-oqsma rilevanti, u sabiex jiġi żgurat li l-minoranzi jibbenefikaw mill-miżuri msemmija hawn fuq;

25.  Jesprimi tħassib dwar il-kritika min-naħa tas-Segretarju ġenerali tan-NU fir-rapport tiegħu dwar l-UNMIK imsemmi hawn fuq hawn fuq imsemmi dwar il-kriterji tal-għażla tal-benefiċjarji għall-fondi ta' ritorn proposti mill-Ministeru għall-Komunitajiet u r-Ritorn tal-Kosovo; ifakkar lill-Gvern tal-Kosovo li, fid-dawl tat-tnaqqis kbir fin-numru ta' ritorni, il-fondi skarsi disponibbli għandhom jibqgħu jiġu indirizzati esklussivament biex jiffaċilitaw ir-ritorn lejn il-Kosovo ta' persuni imċaqilqin minn arthom;

26.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet internazzjonali u lil dawk lokali sabiex jissetiljaw il-kwistjoni tal-istatus legali tal-persuni Roma, Ashkali u Eġizzjani li m'għandhomx stat u li jgħixu fil-Kosovo, inkluż id-dritt tal-pussess; jistieden lill-awtoritajiet sabiex itejbu s-sitwazzjoni ta' dawn il-komunitajiet billi jiggarantixxu aċċess ugwali għal edukazzjoni integrata ta' kwalità u, fejn ikun possibbli, għal edukazzjoni fil-lingwa materna tagħhom, jagħtu aċċess għas-suq tax-xogħol u għall-kura tas-saħħa filwaqt li jipprovdu kundizzjonijiet sanitarji u abitabbli xierqa u li jiżguraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja soċjali u politika;

27.  Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas gravi tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-familji Roma fil-kampijiet tar-refuġjati ta' Osterode u Cesmin Lug; jemmen li dan huwa marbut direttament mal-pożizzjoni ħażina ta' dawn il-kampijiet, li jinsabu fuq iż-żoni tossiċi għall-aħħar li fihom jiġi eliminat l-iskart tal-minjieri taċ-ċomb ta' Trepça; jilqa' b'sodisfazzjon ir-rappreżentazzjonijiet inizzjali tal-Kummissjoni lill-Gvern tal-Kosovo u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tkompli taħdem biex tikseb b'urġenza iċ-ċaqlieq tal-familji kkonċernati;

28.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu approċċ meqjus u sensittiv fil-kwistjoni tar-ripatrijazzjoni furzata tal-membri ta" minoritajiet etniċi, fuq kollox is-Serbi tal-Kosovo u r-Roma tal-Kosovo, li ilhom jgħixu fil-Punent tal-Ewropa għal bosta snin, u biex fl-istess ħin jimplimentaw miżuri biex isaħħu l-integrazzjoni soċjoekonomika tal-persuni kkonċernati;

29.  Jisħaq li r-rispett lejn id-diversità kulturali jinsab fil-qalba tal-proġett Ewropew; jenfasizza li, li wieħed jifhem id-dimensjoni multietnika tal-patrimonju reliġjuż u kulturali hija kundizzjoni meħtieġa għall-paċu u l-istabilità fir-reġjun; għalhekk iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex jaħdmu lejn djalogu tekniku dwar il-ħarsien, il-konservazzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-promozzjoni tal-patrimonju kulturali u reliġjuż u tal-identità kulturali tal-Kosovo;

30.  Jinnota li l-Kostituzzjoni tal-Kosovo, tirrikonoxxi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, iżda wkoll il-fatt li n-nisa mhumiex involuti biżżejjed fl-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-Kosovo u li huma żvantaġġjati f'termini ta' opportunitajiet ta' edukazzjoni u ta' impjieg; għalhekk jistieden lill-Gvern tal-Kosovo sabiex iniedi u jimplimenta miżuri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni, sabiex jiġu żgurati l-opportunitajiet ugwali għan-nisa, ir-rappreżentazzjoni proporzjonali tagħhom fl-istituzzjonijiet tal-Kosovo u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika tal-pajjiż; barra minn hekk jitlob lill-Gvern tal-Kosovo sabiex jieħu miżuri effettivi sabiex jikkumbatti l-vjolenza domestika kontra n-nisa;

31.  Jinsisti li l-iskambji akkademiċi għandhom ikunu appoġġjati u promossi permezz ta' programmi bħal Erasmus Mundus sabiex iċ-ċittadini tal-Kosovo jitħeġġu biex jiksbu kwalifiki u esperjenzi fl-UE, bl-aspettativa li l-edukazzjoni wiesgħa tgħinhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp demokratiku tal-pajjiż;

32.  Iħeġġeġ lill-Kosovo u lis-Serbja sabiex jinvolvu ruħhom fi djalogu kostruttiv dwar l-interess komuni u sabiex jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni reġjonali;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li fil-proċess tal-privatizzazzjoni jkun hemm ir-rieda u t-trasparenza, sabiex tiġi evitata kwalunkwe impressjoni ta' nepotismu u korruzzjoni;

34.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-Kosovo u dwar l-influwenza negattiva li l-pass kajman tar-riformi, il-korruzzjoni rampanti, u l-kriminalità organizzata qed ikollhom fuq l-ekonomija u fuq il-kredibilità tal-istituzzjonijiet tal-Kosovo; jenfasizza l-ħtieġa li l-Gvern tal-Kosovo jagħmel sforz ġenwin sabiex jassigura aktar trasparenza u responsabilità u sabiex isaħħaħ ir-rabtiet bejn il-livell politiku u s-soċjetà ċivili, jistieden lill-Gvern tal-Kosovo sabiex juża l-flus pubbliċi u dawk li ġejjin minn donaturi internazzjonali b'mod trasparenti u responsabbli, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-Kosovo joqrob aktar lejn l-istandards Ewropej fl-oqsma tar-responsabilità tas-settur pubbliku u tat-trasparenza ekonomika; iqis li dan huwa essenzjali għall-ħolqien ta' ambjent li jiġbed l-investiment u l-iżvilupp kummerċjali;

35.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni ekonomika reġjonali sħiħa u l-obbligi tal-konformità ma' u l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim CEFTA

36.  Jagħti parir lill-awtoritajiet tal-Kosovo sabiex jinvestu fl-enerġija li tiġġedded u biex ifittxu li joħolqu kooperazzjoni reġjonali f'dan il-qasam;

37.  Jesprimi tħassib serju dwar in-nuqqas ta' eneġija fil-Kosovo u jifhem il-ħtieġa li din il-problema tiġi ttrattata; madanakollu jinsab imħasseb dwar il-pjan tal-gvern li jibni impjant uniku kbir li jaħdem bil-linjite f'zona li fiha joqgħodu ħafna nies; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kosovo sabiex iqis l-impatt tal-impjant il-ġdid tal-linjite fuq l-ambjent, is-saħħa pubblika u fuq l-użu ta' riżorsi skarsi bħall-art u l-ilma, u sabiex jikkonforma mal-istandards ambjentali Ewropej u mal-politika Ewropea għall-bidla fil-klima;

38.  Jitlob lill-ICR sabiex jissorvelja x-xoljiment tal-Korp għall-ħarsien tal-Kosovo (Kosovo Protection Corps) u l-ħolqien tal-Forza għas-Sigurtà tal-Kosovo (Kosovo Security Force (KSF)) taħt is-superviżjoni diretta tal-KFOR; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kosovo sabiex jipprovdi għal superviżjoni ċivili sħiħa tal-KSF; jemmen li ma tistax issir reviżjoni tal-Ftehima Kumanovo bejn in-NATO u l-Gvern Serb sakemm ma jiġux garantiti stabilità u sigurtà sħaħ u sakemm ir-relazzjoni bejn is-Serbja u l-Kosovo ma tiġix iċċarata;

o
o   o

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tal-Kosovo, lill-Gvern tas-Serbja, lill-Kap tal-Missjoni tal-UNMIK, lill-Kap tal-Missjoni tal-EULEX KOSOVO, lir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Treġija u lill-Kumitat tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 27 E, 31.1.2008, p. 207.
(2) ĠU L 42, 16.2.2008, p. 92.
(3) ĠU L 42, 16.2.2008, p. 88.

Avviż legali - Politika tal-privatezza