Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2171(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0021/2009

Testi mressqa :

A6-0021/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 05/02/2009 - 5.8
CRE 05/02/2009 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0053

Testi adottati
PDF 424kWORD 107k
Il-Ħamis, 5 ta' Frar 2009 - Strasburgu
Ir-Relazzjonijiet Kummerċjali u Ekonomiċi maċ-Ċina
P6_TA(2009)0053A6-0021/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar ir-Relazzjonijiet Kummerċjali u Ekonomiċi maċ-Ċina (2008/2171(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Mekkaniżmu ta' Djalogu Ekonomiku u Kummerċjali ta' Livell Għoli bejn l-UE u ċ-Ċina (HLM) li ltaqa' għall-ewwel darba f'Beijing fil-25 ta' April 2008,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Għaxar Samit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar f'Beijing fit-28 ta' Novembru 2007,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni bit-titlu: "UE - Ċina: Imsieħba aktar mill-qrib, tkabbir tar-responsabbiltajiet" (COM (2006)0631) kif ukoll id-dokument ta' ħidma li jakkumpanjaha bit-titolu "Dokument ta' politika dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-UE u ċ-Ċina: Kompetizzjoni u Sħubija" (COM(2006)0632),

–   wara li kkunsidra d-deċiżjoni meħuda mir-Raba' Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f'Doha, il-Qatar mid-9 sal-14 ta' Novembru 2001 dwar id-dħul taċ-Ċina fid-WTO b'effett mill-11 ta' Novembru 2001 u t-Taipei Ċiniż b'effett mill-1 ta' Jannar 2002,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar iċ-Ċina, partikolarment ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(1) u tat-13 ta' Ottubru 2005 dwar il-prospetti għal relazzjonijiet ta' kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina(2),

–   wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-15 ta' Frar 2007 bit-titolu "Opportunitajiet u sfidi futuri fir-Relazzjonijiet ta' Kummerċ u ta' Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina 2006-2010",

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2008 dwar is-sitwazzjoni fiċ-Ċina wara t-terrromot u qabel il-Logħob Olimpiku(3),

–   wara li kkunsidra t-Tmien Rapport Annwali "Dokument ta' Pożizzjoni dwar in-Negozju Ewropew fiċ-Ċina 2008/2009" tal-Kamra tal-Kummerċ tal-Unjoni Ewropea fiċ-Ċina,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A6-0021/2009),

A.  Billi l-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina żdied sew sa mis-sena 2000, u billi l-UE kienet l-akbar sieħba taċ-Ċina fil-kummerċ sa mill-2006 u ċ-Ċina kienet it-tieni l-akbar sieħba tal-Ewropa fil-kummerċ sa mill-2007,

B.  Billi żvilupp akbar u sħubija fid-WTO ifissru, minbarra benefiċċji sostanzjali, aktar responsabilità għaċ-Ċina biex ikollha rwol sħiħ u pożittiv fl-ordni ekonomiku globali, anke fil-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) u l-Grupp tal-Bank Dinji,

C.  Billi, minkejja tkabbir kontinwu, il-kummerċ bilaterali bejn iċ-Ċina u l-UE, li għandha defiċit kummerċjali maċ-Ċina ta' aktar minn EUR 160 biljun fl-2007, jibqa' żbilanċjat,

D.  Billi l-iżbilanċ finanzjarju u makroekonomiku u l-waqgħa fid-domanda interna u fl-esportazzjoni huma l-kawża tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali attwali li taffettwa wkoll liċ-Ċina,

E.  Billi aċċess għas-suq Ċiniż hu kumplikat minħabba politiki industrijali mmexxija mill-istat, każi ta' ksur tar-regoli tal-brevetti u sistema ambigwa ta' standards u ta' konformità, li jwasslu għal ostakli tekniċi u mhux tariffarji (NTBs) għall-kummerċ għall-kumpaniji tal-UE,

F.  Billi l-produtturi tal-UE ta' oġġetti u servizzi huma ferm kompetittivi fis-swieq dinjija, waqt li aċċess ħieles u ġust għas-suq Ċiniż jippermetti lill-kumpaniji tal-UE li jżidu l-esportazzjonijiet u l-preżenza f'dan is-suq u jżidu wkoll il-kwalità u s-servizzi għall-konsumaturi Ċiniżi,

G.  Billi l-esportazzjonijiet tal-UE lejn iċ-Ċina żdiedu fl-2007 bi 18.7 fil-mija b'valur ta" EUR 231 biljun,

H.  Billi d-dimensjoni tal-produzzjoni ta' oġġetti foloz u illegali fiċ-Ċina tibqa' f'livell għoli u allarmanti u 60% tal-prodotti foloz ikkonfiskati mill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni Ewropea huma magħmula fiċ-Ċina; billi l-produzzjoni ta' dawn il-prodotti sikwit isseħħ f'faċilitajiet li jipproduċu wkoll għas-suq regolari u li ma josservawx kemm id-drittijiet tax-xogħol kif ukoll ir-rekwiżiti dwar is-saħħa u s-sikurezza, u huma ta' periklu għall-konsumaturi u, fil-każ tas-sustanzi kimiċi, għall-ambjent kollu,

Ġenerali

1.  Jenfasizza li l-kummerċ bejn l-UE u ċ-Ċina kiber b'mod enormi u huwa l-unika sfida l-aktar importanti għar-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE;

2.  Jenfasizza li r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Ewropa maċ-Ċina għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji tar-reċiproċità u tal-kompetizzjoni u l-kummerċ ġusti, skont il-valuri komuni tagħna u l-aderenza għar-regoli tad-WTO, filwaqt li jitqiesu l-iżvilupp sostenibbli, ir-rispett għal limiti ambjentali, u l-kontribut għal għanijiet globali fil-prevenzjoni tal-bidla fil-klima;

3.  Huwa tal-opinjoni li ċ-Ċina, bħala wieħed mill-muturi tat-tkabbir dinji, għandha tagħmel il-parti sħiħa tagħha biex tassigura li l-ordni ekonomiku globali jiżviluppa b'mod sostenibbli u bbilanċjat;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli l-politika ta' impenn u ta' djalogu maċ-Ċina; jilqa' b'sodisfazzjon l-għajnuna teknika marbuta mal-kummerċ, mogħtija liċ-Ċina mill-Kummissjoni; iqis din l-għajnuna bħala vitali biex tappoġġja l-integrazzjoni b'suċċess taċ-Ċina fl-ekonomija dinjija u, b'mod partikolari, fl-implimentazzjoni tal-obbligi u l-impenji tagħha fid-WTO u biex ittejjeb il-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali;

5.  Jenfasizza li bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina hemm bżonn ta' koperazzjoni li qatt ma kien hemm bħalha sabiex tinstab soluzzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali; iqis li din hi opportunità kbira għaċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea flimkien biex juru sens ta' responsabilità u jagħtu s-sehem tagħhom biex jgħinu ħalli tissolva din il-kriżi;

6.  Huwa tal-opinjoni, li jeħtieġ li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali maċ-Ċina jimxi id f'id mal-iżvilupp ta' djalogu politiku ġenwin, produttiv u effettiv, li jinkludi varjetà wiesgħa ta' suġġetti; iqis li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu parti essenzjali u integrali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina; jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti fuq it-tisħiħ tal-Klawsola tad-Drittijiet tal-Bniedem f'negozjati maċ-Ċina dwar Ftehima ta" Sħubija u Koperazzjoni (PCA) imġedda;

7.  Jemmen li s-sistema attwali ta" kummerċ miftuħ tista" tistimula l-attività ekonomika bejn iċ-Ċina u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-benefiċċju possibbli taż-żewġ naħat u tista" tkun opportunità bla preċedent għat-tkabbir ekonomiku u għall-integrazzjoni tagħhom fl-ekonomija dinjija, bil-kundizzjoni li l-politiki dwar il-kummerċ ikunu konformi mal-objettivi tal-iżvilupp u li t-tkabbir ekonomiku jissarraf fit-tnaqqis tal-faqar;

8.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tkompli b'atteġġjament miftuħ fil-kummerċ tal-UE maċ-Ċina; jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom ikomplu joffru aċċess miftuħ u ġust għall-esportazzjoni miċ-Ċina u jantiċipaw l-isfida kompetittiva miġjuba miċ-Ċina; iqis li ċ-Ċina għandha tirreċiproka billi ssaħħaħ l-impenn tagħha favur sistema ekonomika miftuħa u riforma tas-suq;

9.  Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tieħu rwol attiv fid-WTO, li jkun proporzjonat mal-importanza ekonomika u kummerċjali tagħha sabiex tinkoraġġixxi żvilupp sod tal-kummerċ globali f'qafas ta' regoli b'saħħtu u trasparenti;

10.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni taċ-Ċina fil-Laqgħa tal-G-20 li nżammet f'Washington fil-15 ta" Novembru 2008, li għandha tħejji t-triq għall-involviment definittiv tagħha fl-affarijiet tad-dinja ekonomika u finanzjarja u biex sussegwentement tieħu responsabiltajiet kbar fuq livell globali;

11.  Jenfasizza li l-protezzjoniżmu ma jistax ikun ir-risposta tal-Ewropa għat-tkabbir fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina; jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iħabirku b'mod aktar urġenti biex isir aktar progress fl-aġenda tar-riforma ta' Liżbona sabiex jiżviluppaw u jikkonsolidaw oqsma ta' vantaġġ komparattiv f'ekonomija globali u biex jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali;

12.  Jinnota li pjan ta" rkupru Ċiniż ta' importanza kbira għat-tkabbir u l-impjiegi kien ippreżentat biex jittratta l-kriżi ekonomika attwali; jenfasizza li l-miżuri ta" appoġġ hemm bżonn li jkunu temporanji, għandhom jissodisfaw ir-regoli tad-WTO u m'għandhomx joħolqu distorsjoni għall-kompetizzjoni ġusta;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fondi ta" investimenti sovrani u l-intrapriżi li jappartjenu lill-Istat taċ-Ċina biex dawn jinvestu fl-Unjoni Ewropea, billi joħolqu impjiegi u tkabbir u jikkontribwixxu għall-benefiċċju reċiproku u l-bilanċ ta" flussi ta" investiment; ifakkar, madankollu, fin-nuqqas ta' trasparenza tas-swieq finanzjarji taċ-Ċina u jenfasizza l-importanza li għall-inqas tkun introdotta kodiċi ta' kondotta biex tassigura t-trasparenza tal-operazzjonijiet ta' investiment taċ-Ċina fis-suq tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Unjoni Ewropea u liċ-Ċina biex iżommu s-swieq rispettivi tagħhom ugwalment miftuħa għal investiment u biex jintroduċu dispożizzjonijiet trasparenti;

L-Aċċess għas-Suq

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li minn meta ssieħbet fid-WTO, iċ-Ċina rat żieda fin-numru ta' setturi industrijali li qed jiftħu għal investituri barranin; madankollu, hu mħasseb li fl-istess ħin xi setturi huma limitati jew miżmuma mill-aċċess għal investiment barrani u kienu introdotti miżuri diskriminatorji kontra kumpaniji barranin speċjalment f'inkorporazzjonijiet transkonfinali u f'akkwisti;

15.  Iqis li fiċ-Ċina l-prattiki protezzjonisti, il-burokrazija eċċessiva, it-tnaqqis tal-valur tar-Renminbi, is-sussidji taħt forom varji, u n-nuqqas ta" livell adegwat u miftiehem ta' infurzar tad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali (IPRs) ifixklu l-aċċess għas-suq għal ħafna kumpaniji tal-UE;

16.  Jistieden liċ-Ċina biex tiftaħ aktar is-swieq tagħha għal oġġetti u servizzi u biex tkompli bir-riformi ekonomiċi sabiex tistabbilixxi qafas legali stabbli, prevedibbli u trasparenti għall-kumpaniji tal-UE, speċjalment għall-impriżi ta' daqs żgħir u medju (SMEs);

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiddiskuti l-abbozz tal-Liġi Postali Ċiniża mal-Gvern Ċiniż sakemm dan l-abbozz jinkludi dispożizzjoni li tista" xxekkel servizzi espressi barranin; jemmen li qafas regolatorju bilanċjat għal servizzi postali espressi huwa meħtieġ sabiex titkompla l-politika taċ-Ċina ta" sostenn tal-investiment barrani u kompetizzjoni ġusta fis-settur ta" kunsinna espressa;

18.  Jirrikonoxxi l-passi li l-awtoritajiet Ċinżi ħadu biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq livell nazzjonali u l-progress fl-eGvern biex l-atti leġiżlattivi jkunu disponibbli għall-pubbliku, imma jinnota li jeħtieġ isir aktar progress sabiex ikun garantit aċċess ħieles u ugwali għas-suq Ċiniż għall-kumpaniji barranin;

19.  Jenfasizza li possibilitajiet akbar għall-aċċess għas-suq Ċiniż se jipprovdu opportunitijiet għall-kumpaniji tal-UE f'diversi oqsma bħall-produzzjoni tal-makkinarju, is-sustanzi kimiċi, is-settur tal-karozzi, il-farmaċewtiċi u l-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni, il-proġetti tal-Mekkaniżmu ta' Żvilupp Nadif, l-agrikultura, il-kostruzzjoni kif ukoll għas-servizzi finanzjarji, tal-assikurazzjoni, tat-telekomunikazzjoni u dawk bl-imnut;

Ostakli, standards

20.  Jinnota li l-NTBs jirrappreżentaw ostaklu kbir għall-kumpaniji tal-UE fiċ-Ċina u għal kumpaniji Ċiniżi u li mhumiex tal-UE fl-Unjoni Ewropea, partikolarment għall-SMEs;

21.  Jistieden liċ-Ċina biex tadotta standards internazzjonali għall-prodotti u s-servizzi bil-għan li tippromwovi aktar kummerċ bejn iċ-Ċina u pajjiżi oħra; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li ċ-Ċina qed iżżid il-parteċipazzjoni tagħha f'entitajiet internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards u jemmen li dan għandu jkun inkoraġġit u reċiprokat bil-parteċipazzjoni tal-UE fl-entitajiet taċ-Ċina li jistabbilixxu l-istandards tagħha stess; jenfasizza l-importanza li l-importazzjoni Ċiniża tkun konformi mal-istandards Ewropej għall-prodotti tal-ikel u dawk li mhumiex tal-ikel;

Materja prima

22.  Jikkundanna l-użu persistenti ta" restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li jistgħu jostakolaw il-kummerċ bħal taxxi fuq l-esportazzjoni għal materja prima mill-Gvern Ċiniż; jistieden lill-Kummissjoni biex tinsisti fuq it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni kollha eżistenti fin-negozjati bilaterali kollha maċ-Ċina; jenfasizza li t-tneħħija ta" dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni jikkostitwixxu element essenzjali ta" kummerċ ġust bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina; jenfasizza li huwa se jevalwa l-ftehimiet futuri kollha ta' kummerċ maċ-Ċina f'dan ir-rigward;

Għajnuna mill-Istat

23.  Hu mħasseb dwar l-intervent kontinwu tal-istat fil-politika industrijali kif ukoll ir-restrizzjonijiet diskriminatorji espliċiti, bħal fondi statali mingħajr limitu għall-finanzjament tal-esportazzjoni u limiti għal-livell ta' sjieda barranija f'ċerti setturi, li joħolqu distorsjoni fis-suq Ċiniż għall-kumpaniji tal-UE;

L-akkwist pubbliku

24.  Jistieden liċ-Ċina biex tingħaqad mal-Ftehima dwar l-Akkwist Pubbliku (GPA) kif miftiehem fl-2001 u biex taħdem b'mod kostruttiv f'negozjati dwar il-ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku tagħha, u, fil-każ li jkun hemm konklużjoni b'suċċess tan-negozjati, tapplika proċeduri trasparenti, prevedibbli u ġusti meta jingħataw kuntratti pubbliċi sabiex kumpaniji barranin ikunu jistgħu jipparteċipaw fuq bażi ugwali; jistieden liċ-Ċina biex tipprovdi aċċess immedjat lill-kumpanniji tal-UE li huma stabbiliti u li joperaw fiċ-Ċina;

Munita

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tlugħ fil-valur tar-Renminbi li sar fl-2008; iħeġġeġ liċ-Ċina biex tkompli tħalli r-Renminbi jitla' fil-valur, sabiex il-valur tiegħu fis-swieq finanzjarji internazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-Euro, jirrifletti aħjar il-pożizzjoni ekonomika taċ-Ċina; iħeġġeġ liċ-Ċiniżi biex ma jżommu ebda waħda mir-riżervi tal-iskambju tal-munita tagħhom bl-Euro;

Preżenza/għajnuna tal-UE

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fit-twaqqif taċ-Ċentru tal-UE f'Beijing, li se jgħin lill-SMEs, u jagħmel permanenti l-linja tal-baġit li tiffinanzja ċ-Ċentru, sabiex ikun assigurat il-futur tiegħu; jenfasizza l-bżonn li jkun żgurat li dan iċ-Ċentru jkollu mandat ċar, li jevita l-ħolqien ta" strutturi doppji u li jwassal għal sinerġiji ma" istituzzjonijiet eżistenti pubbliċi u privati minn Stati Membri; jilqa' b'sodisfazzjon ix-xogħol li sar mill-Helpdesk IPR SME biex jipprovdi informazzjoni u taħriġ lill-SMEs tal-UE dwar il-ħarsien u l-infurzar tal-IPR fiċ-Ċina;

27.  Jenfasizza l-importanza li tingħata għajnuna partikolarment lill-SMEs biex jingħelbu l-ostakli għall-aċċess għas-suq; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jassiguraw it-tħaddim b'suċċess ta' Gruppi Komunitarji speċjalizzati fl-Aċċess għas-Suq fiċ-Ċina;

L-enerġija, l-enerġija sostenibbli

28.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u liċ-Ċina biex jieħdu passi ħalli jippromwovu l-kummerċ f'oġġetti u servizzi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, it-tkabbir ta' investiment fi proġetti sostenibbli u fl-infrastruttura u biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp tal-industrija li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju;

29.  Jisħaq fuq l-opportunitajiet għas-settur tan-negozju Ewropew tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-enerġija rinnovabbli emerġenti taċ-Ċina ; jistieden liċ-Ċina biex ittejjeb l-aċċess għas-suq f'dan il-qasam;

30.  Jitlob koperazzjoni ikbar bejn l-UE u ċ-Ċina biex jiġi promoss it-trasferiment ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju, b'mod partikulari fir-rigward tal-effiċjenza tal-enerġija kif ukoll is-sorsi tal-enerġija li jiġġeddu; jenfasizza l-importanza kruċjali tal-iżvilupp u l-użu tal-qbid u l-ħażna tal-karbonju fiċ-Ċina, minħabba l-importanza tal-faħam għall-ekonomija tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina mezzi għall-appoġġ ulterjuri tal-iskambju tal-aħjar prattika maċ-Ċina dwar il-kwistjoni tal-iżvilupp sostenibbli;

Is-servizzi finanzjarji

31.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-investiment fiċ-Ċina għadu qed jirrestrinġi kumpaniji tal-UE, speċjalment fis-settur bankarju u tal-assigurazzjoni, minħabba spejjeż u regoli diffiċli u diskriminatorji ta' liċenzji meħtieġa għal impriżi konġunti ma' kumpaniji Ċiniżi; jistieden liċ-Ċina biex b'mod urġenti tindirizza dawn il-kwistjonijiet;

32.  Jemmen li swieq finanzjarji profondi, likwidi, miftuħa, trasparenti u regolati tajjeb għandhom ħila jkattru t-tkabbir ekonomiku u jqis li s-setturi Ċiniżi tal-ishma, tal-banek u tal-assigurazzjoni huma sottożviluppati, u jħeġġeġ liċ-Ċina tipparteċipa bis-sħiħ fid-dibattitu globali dwar it-titjib tal-qafas regolatorju u superviżorju għas-swieq finanzjarji;

33.  Jenfasizza l-importanza tal-involviment u l-koperazzjoni taċ-Ċina mal-IMF fl-iżvilupp ta' kodiċi globali ta' kondotta għall-fondi sovrani, li aktarx iwassal għal livell ogħla ta' trasparenza;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tevalwa, kmieni kemm jista' jkun, l-impatt tal-kriżi finanzjarja u ekonomika fuq is-setturi tal-industrija u tas-servizzi Ewropej rilevanti, li għandhom irwol kruċjali fid-definizzjoni tar-relazzjoni bejn l-esportazzjoni u l-importazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina; jitlob li din l-evalwazzjoni tintbagħat lill-Parlament hekk kif tintgħaraf xejra ċara;

Il-kummerċ ħieles u ġust
L-anti-dumping u l-istatus tal-ekonomija tas-suq

35.  Jikkunsidra li djalogu permanenti bejn l-awtoritajiet tal-kummerċ jista" jkun ta" għajnuna biex jevita u jsib tarf it-tilwim kummerċjali; jinnota, madankollu, li użu effettiv u effiċjenti tal-istrumenti tad-difiża tal-kummerċ jikkontribwixxi biex ikunu assigurati kundizzjonijiet ġusti ta' kummerċ bejn iċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea minħabba n-numru dejjem jikber ta' każi ta' anti-dumping imressqa kontra produtturi Ċiniżi;

36.  Hu tal-fehma li f'ħafna oqsma l-ekonomija Ċiniża għadha ma tissodisfax il-kriterji li permezz tagħhom tista' tkun meqjusa bħala ekonomija tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni biex taħdem mal-Gvern Ċiniż sabiex tegħleb l-ostakli għal status ta' ekonomija tas-suq u sabiex tagħti dan l-istatus liċ-Ċina biss meta hi tissodisfa l-kriterji rilevanti;

L-IPRs u l-iffalsifikar

37.  Jinnota bi tħassib li, għalkemm iċ-Ċina għamlet progress fl-integrazzjoni tal-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-proprjetà intellettwali, l-infurzar effettiv tal-IPRs jibqa' problematiku sew;

38.  Jistieden liċ-Ċina biex iżżid l-isforzi tagħha biex tindirizza n-nuqqas ta' implimentazzjoni u ta' infurzar tal-IPRs; jenfasizza l-importanza tal-armonizzazzjoni tal-politika ċentrali u reġjonali kif ukoll tar-regolamentazzjoni fiċ-Ċina u l-implimentazzjoni unifikata fil-pajjiż kollu;

39.  Hu mħasseb dwar id-dimensjoni tal-produzzjoni ta' oġġetti foloz u illegali fiċ-Ċina, li għadu f'livell għoli u allarmanti; jistieden lill-Kummissjoni, f'koperazzjoni mal-awtoritajiet Ċiniżi fuq livell nazzjonali u reġjonali, biex tkompli l-ġlieda kontra l-iffalsifikar;

40.  Jesprimi tħassib kbir dwar in-numru li dejjem jikber ta" liċenzji ta" mudell u disinn ta" utilità fiċ-Ċina li huma ħafna drabi kopji jew modifikazzjonijiet żgħar ta" teknoloġija eżistenti Ewropea u ma jikkontribwixxux għal innovazzjoni reali;

41.  Jemmen li, filwaqt li ċ-Ċina qiegħda ssir aktar innovattiva, ikun fl-aħjar interessi tagħha li tħares id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali; jemmen, madankollu, li regolamenti li jeħtieġu r-reġistrazzjoni esklużiva tal-innovazzjonijiet fiċ-Ċina jistgħu jillimitaw sew l-attivitajiet tan-negozju, jimpedixxu liċ-Ċina milli tibbenefika mill-innovazzjoni u jiżvalutaw il-marka "Made in China";

Dwana

42.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar ta' Pjan ta' Azzjoni konġunt dwar l-Infurzar tad-Dwana għall-IPR, bil-għan li tissaħħaħ il-koperazzjoni tad-dwana fuq konfiski ta' oġġetti ffalsifikati u jkunu implimentati miżuri konkreti biex jonqos il-bejgħ ta' oġġetti ffalsifikati; jistieden lill-Kummissjoni biex tidħol f'negozjati maċ-Ċina dwar il-kondizzjonijiet tagħha biex tieħu sehem fil-Ftehima Kummerċjali Kontra l-Iffalsifikar (ACTA);

43.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-koperazzjoni mal-awtoritajiet Ċiniżi fil-Ftehima dwar il-Koperazzjoni tad-Dwana bil-għan li tiffaċilita l-kummerċ;

44.  Jitlob lill-Kummissjoni, bħala segwitu għall-Memorandum ta' Ftehim 2005 dwar it-tessuti, biex tkompli tiddiskuti l-iżviluppi fid-djalogu tal-kummerċ tat-tessuti UE-Ċina u fil-Mekkaniżmu ta' Djalogu Ekonomiku u Kummerċjali ta' Livell Għoli (HLM); jistieden lill-Kummissjoni sabiex issegwi mill-qrib l-importazzjoni tat-tessuti li joriġinaw miċ-Ċina;

L-impatt soċjali u ambjentali

45.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar livelli għolja ta' tniġġis ikkawżati mill-industrija Ċiniża u mill-konsum tagħha li qed jikber tar-riżorsi naturali, partikolarment dawk li jinkisbu minn sorsi mhux sostenibbli; huwa konxju tal-koresponsabilità Ewropea għas-sitwazzjoni, minħabba li sehem għoli ta" produzzjoni industrijali Ċiniża tappartjeni lill-kumpaniji Ewropej jew hija ordnati minn kumpaniji u bejjiegħa bl-imnut Ewropej għall-konsum fl-Ewropa;

46.  Jinnota li s-snin riċenti ta" tkabbir ekonomiku għoli fiċ-Ċina ma kienux ta' benefiċċju għas-segmenti kollha tal-popolazzjoni Ċiniża u li l-qabża soċjali bejn is-sinjuri u l-fqar qatt ma kienet kbira daqs illum;

47.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-attivitajiet taċ-Ċina fil-qasam tal-ambjent fil-kuntest tal-preparazzjoni għal-Logħob Olimpiku tal-2008; jistieden lill-gvern Ċiniż biex jikkontribwixxi attivament għas-suċċess tal-Konferenza dwar il-Klima tan-Nazzjonijiet Uniti (COP 15) li se ssir mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2009 f'Kopenħagen, billi jħajjar lis-settur finanzjarju tiegħu jħejji ruħu għad-dħul ta' skema internazzjonali ta' skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet;

48.  Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tipparteċipa fil-COP 15 u taċċetta r-responsabilitajiet tagħha billi tagħti s-sehem globali tagħha biex jonqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra u billi tiġġieled kontra l-bidla fil-klima;

49.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jieħdu passi konkreti sabiex jadottaw u jinkoraġġixxu l-użu ta' teknoloġiji u prattiki li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra; jinnota li hu importanti ferm li jiġu promossi teknoloġiji tan-negozju favur l-ambjent jekk il-Gvern Ċiniż irid li jżomm it-tkabbir ekonomiku waqt li jħares l-ambjent tiegħu; jirrikonoxxi li ċ-Ċina ma tistax tkun mistennija li titlob lill-popolazzjoni tagħha ġġorr il-piż ta" limitazzjoni ta" emissjonijiet tal-gass b'effett serra mingħajr azzjoni mill-Punent;

50.  Hu mħasseb dwar ix- xogħol mit-tfal fiċ-Ċina; jitlob lill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni malajr kemm jista" jkun u jitlob lill-Gvern Ċiniż biex jimmassimizza l-isforzi tiegħu biex jelimina l-kawżi bażiċi sabiex jintemm dan il-fenomenu;

51.  Iħeġġeġ liċ-Ċina biex tirratifika l-Konvenzjonijiet ewlenin tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), partikolarment il-Konvenzjoni Nru 87 dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt ta' Organizzazzjoni; kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi li ċ-Ċina ffirmat iżda għadha ma rratifikatx;

52.  Jilqa" b'sodisfazzjon it-traspożizzjoni mic-Ċina tal-Istandards Internazzjonali dwar ir-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) fil-liġi domestika tagħha; jinkoraġġixxi liċ-Ċina biex tkompli tadotta l-IFRS filwaqt li tiżgura l-implimentazzjoni tagħha fil-prattika; jitlob lill-Kummissjoni biex timmonitorja mill-qrib l-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-IFRS fiċ-Ċina;

53.  Jistieden lin-negozjanti Ewropej li joperaw fiċ-Ċina biex japplikaw l-ogħla standards internazzjonali u l-aħjar prattiki tar-responsabilità soċjali korporata fir-rigward tal-ħaddiema u tal-ambjent;

54.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiema fiċ-Ċina; jistieden liċ-Ċina biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex jinġiebu għal-livell tal-istandards ewlenin tal-ILO;

55.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u liċ-Ċina biex jikkoperaw dwar standards għall-karozzi, għat-trakkijiet, għall-vetturi tqal, għall-avjazzjoni u l-bastimenti, sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u jiġu stabbiliti standards aktar favur il-klima;

56.  Jitlob aktar koperazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni, l-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi (REACH) bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina;

57.  Jinsab allarmat bil-għadd ta' inċidenti reċenti dwar prodotti Ċiniżi mhux sikuri u b'mod partikolari dawk dwar il-ġugarelli tat-tfal, l-ikel u l-mediċina; jilqa' b'sodisfazzjon id-determinazzjoni tal-Gvern Ċiniż li jittratta din il-problema; jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-appoġġ u l-koordinazzjoni mal-awtoritajiet Ċiniżi f'dan il-qasam;

58.  Jikkundanna b'mod qawwi l-kundanni għall-mewt li ngħataw mill-awtoritajiet Ċiniżi lil uħud minn dawk involuti fil-kontaminazzjoni tal-ħalib tat-trab tat-trabi bil-melamina;

59.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni f'dan il-qasam, permezz tas-sistema ta' rappurtar ta' kull tliet xhur dwar l-azzjonijiet ta' infurzar Ċiniżi sabiex jinqabdu fil-bidu oġġetti perikolużi nnotifikati fis-sistema Rapex-Ċina, biex b'hekk tiżdied is-sikurezza għall-konsumatur Ewropew;

60.  Jisħaq fuq l-importanza tal-kuntatti trilaterali bejn il-Kummissjoni, u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Uniti u ċ-Ċina bil-għan li titjieb il-governanza globali tas-sikurezza tal-prodotti; f'dan il-qasam, iqis li jkun utli immens li tingħata kemm jista' jkun malajr forma konkreta lill-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit grupp ta' ħidma konġunt dwar is-sikurezza tal-prodott u tal-importazzjoni fil-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku;

X'se jiġri 'l quddiem

61.  Jinnota li s-soċjetà Ċiniża nbidlet ħafna f'dawn l-aħħar 30 sena u l-progress dejjiemi jista' jseħħ biss bil-mod; jemmen li d-demokrazija teħtieġ soċjetà ċivili effettiva, li mbagħad tissaħħaħ bir-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi mal-UE; għalhekk jemmen li l-"bidla permezz tal-kummerċ" hija mod li jgħin it-trasformazzjoni taċ-Ċina biex issir soċjetà miftuħa u demokratika u li minnha jibbenefikaw it-taqsimiet kollha tas-soċjetà; filwaqt li jiddispjaċih li l-intensifikazzjoni tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina ma mxewx id f'id mal-progress sostanzjali fir-rigward tad-djalogu tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li aktar riformi, speċjalment fl-oqsma ambjentali u soċjali, huma meħtieġa sabiex ikun żgurat progress ġenerali u dejjiemi;

62.  Jiddispjaċih li ċ-Ċina pposponiet is-samit UE-Ċina li kellu jsir fl-1 ta' Diċembru 2008 f'Lyon meta wieħed iqis il-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u jenfasizza l-importanza kbira li jinbena djalogu dwar il-bidla fil-klima kif ukoll ftehim reċiproku dwar il-kwistjonijiet ewlenin tal-kummerċ f'mument daqshekk kritiku għall-ekonomija dinjija; jispera li dan is-samit isir malajr kemm jista" jkun;

63.  Jistieden liċ-Ċina biex tkompli tikkontribwixxi b'mod sħiħ għall-isforzi li jħaffu n-negozjati skont l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha;

64.  Jenfasizza li l-Ftehima l-ġdida ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni UE-Ċina għandha twassal biex tistabbilixxi kummerċ ħieles u ġust ibbażat fuq l-infurzar tal-klawsoli dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ambjent, l-iżvilupp sostenibbli u l-kwisjtonijiet soċjali;

65.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal- HLM bħala forum għal aktar żvilupp fir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina fuq livell strateġiku u jqis li element importanti ta' dan il-proċess hu li l-HLM iwassal għal riżoluzzjoni sodisfaċenti dwar punti li jirritaw il-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni biex tpoġġi iktar ambizzjoni fl-HLM billi tinnomina wieħed mill-Viċi Presidenti tagħha tal-Kummissjoni l-ġdida li se tkun stabbilita fl-2009 bħala l-Kummissarju ta" koordinazzjoni, li jmexxi d-delegazzjoni HLM;

66.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ftehimiet kollha eżistenti ta' Riċerka u Żvilupp (R&D) jaħdmu b'mod effettiv maċ-Ċina biex tiġi promossa l-koperazzjoni dwar l-R&D; jirrakkomanda li l-isforzi tar-Riċerka u l-Iżvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina jiġu kkonċentrati b'mod aktar strateġiku u b'mod aktar rilevanti f'termini ta' avvanzi teknoloġiċi, ħtiġijiet tas-soċjetà, diżastri ambjentali u żviluppi ekonomiċi futuri; jitlob liż-żewġ partijiet biex jiffaċilitaw it-trasferiment tat-teknoloġija u tal-kompetenza teknika billi jiffaċilitaw il-programmi ta' skambju tar-riċerkaturi u l-akkademiċi;

67.  Jilqa' t-tqarrib bejn iċ-Ċina u t-Tajwan; iqis li t-Tajwan bħala entità ekonomika u kummerċjali, hi r-raba' l-ikbar imsieħeb kummerċjali tal-UE fl-Ażja; jappoġġja l-parteċipazzjoni tat-Tajwan bħala osservatur fl-organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti, fejn dan ma jirrikjedix l-istatus ta' stat pereżempju fl-ILO;

68.  Jilob aktar koperazzjoni bejn l-universitajiet Ewropej u Ċiniżi u aktar mobilità għax-xjenzjati, ir-riċerkaturi u l-istudenti bejn l-UE u ċ-Ċina;

69.  Jappoġġja l-iżvilupp kontinwu tal-koperazzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina dwar ix-xjenza, l-applikazzjonijiet u t-teknoloġija spazjali; iqis li l-kollaborazzjoni mill-qrib hija essenzjali għall-koeżistenza tal-programmi Compass u Galileo, partikolarment biex tkun żgurata l-kompatibilità tagħhom fl-interess tal-utenti globali;

70.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Gvern Ċiniż biex flimkien jesploraw mezzi biex tiġi żviluppata dimensjoni parlamentari għall-ħidma tal-Mekkaniżmu ta' Livell Għoli (HLM), bil-mandat li tintlaħaq il-komunità l-aktar wiesgħa tal-partijiet interessati u li tleħħen it-tħassib tagħha;

71.  Jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforzi li saru mill-Kummissjoni biex tistabbilixxi ambjent kummerċjali li jiffavorixxi l-SMEs bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni bl-isem "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir - Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa" (COM(2008)0394), u f'dan ir-rigward jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni biex titnieda skema bl-isem "It-Triq lejn iċ-Ċina", b'punt fokali partikulari fuq it-twaqqif ta' Programm ta' Taħriġ għall-Eżekuttiv fiċ-Ċina li jippromwovi l-aċċess tal-SMEs Ewropej għas-suq Ċiniż sal-2010;

72.  Jitlob liċ-Ċina biex tippromwovi koperazzjoni bejn l-universitajiet Ċiniżi u l-SMEs tal-UE biex tittejjeb l-innovazzjoni tal-SMEs fiċ-Ċina, u b'hekk jinħolqu aktar impjiegi u jiżdiedu l-kummerċ u l-prodott ekonomiku; jitlob ukoll liċ-Ċina biex tippromwovi l-koperazzjoni bejn iż-żewġ partijiet biex jitjiebu u jitkattru t-tekniki favur il-klima biex jiġu mminimizzati l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra kkawżati mill-SMEs tal-UE fiċ-Ċina;

73.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iġġib 'il quddiem il-koperazzjoni bejn negozju u negozju, biex iżżid l-għarfien tal-websajt tal-Bażi tad-Data dwar l-Aċċess għas-Swieq u biex ittejjeb il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim;

74.  Jinkoraġġixxi l-programmi mfassla biex tiżdied il-parteċipazzjoni fil-kummerċ bejn iċ-Ċina u l-UE, bħall-Programm għat-Taħriġ tal-Eżekuttiv; jistieden lill-Kummissjoni sabiex iżżid l-assistenza teknika liċ-Ċina sabiex jiġu implimentati regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza kif ukoll sabiex titjieb il-koperazzjoni doganali;

75.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina qed isiru aktar interdipendenti u li l-kumplessitajiet u l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina għandhom bżonn aktar koordinament fost l-Istati Membri u mal-Kummissjoni; ifakkar liċ-Ċina li għandha tissodisfa l-obbligi tagħha li joriġinaw mill-ftehimiet internazzjonali; jistenna bil-ħerqa li jkun hemm djalogu effettiv u orjentat lejn il-kisba ta' riżultati maċ-Ċina rigward l-isfidi globali; japprova s-sħubija strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza fin-negozjati u fil-Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina;

76.  Iqis li l-EXPO 2010 f'Shanghai, iċ-Ċina, se jkun opportunità kbira għas-settur tan-negozju tal-UE f'termini ta' riklamar, ta' netwerk u ta' preżentazzjoni tiegħu lill-pubbliku Ċiniż u lis-settur tan-negozju Ċiniż; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tassigura li s-settur tan-negozju tal-UE jkollu stand fl-EXPO 2010;

77.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti l-appoġġ tagħha għat-twaqqif ta' Kunsill tan-Negozju bejn iċ-Ċina u l-UE, fuq l-istess linji tal-Kunsill tan-Negozju bejn l-Istati Uniti u l-UE;

o
o   o

78.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Kungress Nazzjonali Popolari taċ-Ċina.

(1) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 219.
(2) ĠU C 233 E, 28.9.2006, p. 103.
(3) Testi adottati, P6_TA(2008)0362.

Avviż legali - Politika tal-privatezza