Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Frar 2009 dwar iċ-ċaħda għall-estradizzjoni mill-Brażil ta" Cesare Battisti
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill magħmula minn Véronique De Keyser f'isem il-Grupp PSE dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil (B6-0449/2008),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta" Qafas għall-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Federali tal-Brażil,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Mejju 2007 bit-titolu "Lejn Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil" (COM(2007)0281),
– wara li kkunsidra l-każ taċ-ċittadin Taljan, Cesare Battisti, li l-estradizzjoni tiegħu mill-Brażil qed tintalab mill-Italja iżda li qed tiġi miċħuda mill-awtoritajiet Brażiljani,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 115(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Cesare Battisti instab ħati in absentia, f'deċiżjonijiet finali tal-qrati Taljani, tal-qtil ta" erba" persuni u tal-involviment fi grupp armat, ta" serq, ta" pussess ta" armi tan-nar u ta" atti ta" vjolenza bl-armi,
B. wara li kkunsidra l-ħarba ta" Cesare Battisti lejn Franza fl-1990 u d-deċiżjoni finali fl-2004 tal-Kunsill tal-Istat u tal-Qorti tal-Kassazzjoni Franċiżi li awtorizzaw li Battisti jiġi mogħti f'idejn l-awtoritajiet Taljani,
C. billi, wara dik id-deċiżjoni Cesare Battisti staħba mill-ġustizzja sakemm kien arrestat fil-Brażil f'Marzu 2007,
D. billi Cesare Battisti għamel rikors quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Italja, u billi dak ir-rikors kien iddikjarat inammissibbli f'Diċembru 2006,
E. billi fis-17 ta" Jannar 2009 Cesare Battisti kien iddikjarat refuġjat politiku mill-Gvern Brażiljan, u billi l-estradizzjoni tiegħu ġiet miċħuda għar-raġunijiet li s-sistema tal-ġustizzja Taljana tonqos li tagħti biżżejjed garanziji fir-rigward tad-drittijiet tal-priġunieri,
F. billi l-għoti ta" stejtus ta" refuġjat politiku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-liġi internazzjonali,
G. billi din id-deċiżjoni tista" tiġi interpretata bħala sinjal ta" nuqqas ta" fiduċja lejn l-Unjoni Ewropea, li, fost l-oħrajn, hija msejsa fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, li jinkludu d-drittijiet tal-priġunieri, u billi dawn il-prinċipji huma komuni bejn l-Istati Membri kollha,
H. billi r-rabtiet ekonomiċi, politiċi u ta" kummerċ bejn il-Brażil u l-Unjoni Ewropea huma eċċellenti, qegħdin jikbru u huma msejsa, fost l-oħrajn, fuq prinċipji komuni bħar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,
I. billi, bl-appoġġ sħiħ tal-Istati Membri kollha tal-UE, il-Brażil qed jieħu rwol ewlieni fil-livell internazzjonali, u billi l-parteċipazzjoni tiegħu fil-laqgħa tal-G-20 f'Washington f'Novembru 2008 u l-parteċipazzjoni tiegħu fil-ġejjieni f'dawn il-laqgħat huma sinjal ta" din ir-responsabilità li dejjem qiegħda tikber fuq livell internazzjonali,
1. Jinnota li l-proċedimenti legali għadhom għaddejjin u li għad trid tittieħed deċiżjoni aħħarija mill-awtoritajiet Brażiljani fil-ġimgħat li ġejjin;
2. Jinsab fiduċjuż li l-eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni dwar l-estradizzjoni tas-Sur Battisti se tqis is-sentenza mogħtija minn Stat Membru tal-UE fir-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea;
3. Jesprimi t-tama tiegħu li, fid-dawl ta" dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-awtoritajiet Brażiljani se jilħqu deċiżjoni bbażata fuq prinċipji komuni li l-Brażil u l-Unjoni Ewropea jikkondividu;
4. Jirrimarka li l-isħubija bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federali tal-Brażil hija bbażata fuq il-fehim reċiproku li ż-żewġ partijiet jiddefendu l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, inkluż id-dritt ta" difiża u d-dritt għal proċeduri ġudizzjarji ġusti u ekwi;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Brażiljan, lill-President tar-Repubblika Federali tal-Brażil, lill-President tal-Kungress Brażiljan u l-President tal-Parlament tal-Mercosur.