Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2203(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0039/2009

Testi mressqa :

A6-0039/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/02/2009 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0060

Testi adottati
PDF 266kWORD 103k
Il-Ħamis, 19 ta' Frar 2009 - Brussell
Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE
P6_TA(2009)0060A6-0039/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2009 dwar post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE (2008/2203(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta" Frar 2008 bit-titolu "Post speċjali għat-tfal fl-azzjoni esterna tal-UE" (COM(2008)0055),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2008 intitolat "Tfal f'Sitwazzjonijiet ta' Emerġenza u ta' Kriżi (SEC (2008) 0135),

–   wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2008 bit-titolu "Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tat-Tfal f'Azzjoni Esterna" (SEC (2008) 0136),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 t'April 2008 intitolata "l-UE sieħba globali għall-iżvilupp ngħaġġlu l-progress lejn il-Miri għall-Iżvilupp għall-Millenju" (COM(2008)0177),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea – id-dimensjoni tal-iżvilupp u d-dimensjoni umanitarja" tas-26 ta' Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottata mill-Kunsill f'Diċembru 2007,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar it-Tfal u l-Kunflitti Armati, adottata mill-Kunsill f'Diċembru 2003 u aġġornata f'Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Lista ta" Kontroll għall-Integrazzjoni tal-Protezzjoni tat-Tfal li huma milquta mill-Kunflitti Armati fl-Operazzjonijiet tal-Politika Ewropea ta" Sigurtà u ta" Difiża, adottata mill-Kunsill f'Mejju 2006,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (CRC), adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-20 ta' Novembru 1989, u l-protokolli mhux obbligatorji tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE għall-Azzjoni dwar l-MDGs adottata mill-Kunsill fit-18 ta' Ġunju 2008,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU Nru 1612 (2005) dwar it-tfal u l-kunflitti bl-armi, adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fil-5235 laqgħa tiegħu tas-26 ta' Lulju 2005,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 138 dwar "L-età minima" adottata f'Ġinevra fis-26 ta' Ġunju 1973 u Nru 182 dwar "il-Projbizzjoni u l-Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar forom ta' Xogħol mit-Tfal" adottata f'Ġinevra fis-17 ta' Ġunju 1999,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) adottata mill-Assemblea Ġenerali fit-8 ta' Settembru 2000,

–   wara li kkunsidra d-dokument li ħareġ mis-Sessjoni Speċjali tan-NU dwar it-Tfal li saret fil-kwartieri ġenerali tan-NU f'Mejju 2002, intitolat "Dinja Tajba għat-Tfal",

–   wara li kkunsidra l-Istudju tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Vjolenza kontra t-Tfal, ippreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-11 ta' Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra r-rapport "It-tfal u l-Ghanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju" ippreparat mill-Fond tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tfal (UNICEF) għan-Nazzjonijiet Uniti f'Diċembru 2007,

–   wara li kkunsidra r-rapport "l-Istat tat-tfal tad-dinja 2008" ippubblikat mill-UNICEF f'Diċembru 2007,

–   wara li kkunsidra r-Rapport dwar l-Għanijiet għall-Iżvilupp tal-Millennju (MDGs) tal-2008 ippubblikat mid-Dipartiment għall-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-NU f'Awissu 2008,

–   wara li kkunsidra l-Impenji ta' Pariġi biex jiġu protetti t-tfal minn reklutaġġ kontra l-liġi jew użu mill-forzi armati jew gruppi armati u l-Prinċipji ta' Pariġi u l-Linji Gwida dwar it-Tfal Assoċjati mal-Forzi Armati jew Gruppi Armati, adottati mill-Ministri u r-rappreżentanti ta' pajjiżi li nġabru f'Pariġi fil-5 u 6 ta' Frar 2007,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal adottata mill-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana (OAU) fl-1990, li daħlet fis-seħħ fid-29 ta' Novembru 1999,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Cotonou(1) kif emendata(2), l-aktar l-Artikolu 9 dwar "L-elementi essenzjali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, u l-element fundamentali dwar tmexxija tajba" u l-Artikolu 26 dwar il-"Kwistjonijiet dwar iż-żagħżagħ",

–   wara li kkunsidra ir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Konġunta tal-Parlament tal-ACP-UE dwar id-drittijiet tat-Tfal u dwar it-tfal suldati(3), adottata f'Addis Ababa fid-19 ta' Frar 2004,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta dwar il-konsegwenzi soċjali tal-impjieg tat-tfal u dwar l-istrateġiji biex jiġi miġġieled l-impjieg tat-tfal, li ġiet adottata f'Port Moresby fit-28 ta" Novembru 2008,

–   wara li kkunsidra t-Trattat ta' Liżbona, li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea, iffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007 f'Liżbona, u l-verżjonijiet ikkonsolidati tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jgħid li l-Unjoni Ewropea "għandha tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, u għandha tippromwovi l-ġustizzja soċjali u l-protezzjoni, l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal", u li, fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-UE għandha "tikkontribwixxi għall-paċi, għas-sigurtà, għall-iżvilupp sostenibbli tad-Dinja, għas-solidarjetà u r-rispett reċiproku bejn il-popli, għall-kummerċ ħieles u ġust, għall-qerda tal-faqar u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari id-drittijiet tat-tfal",

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqa" fil-Kunsill, fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni dwar il-Politika għall-Iżvilupp tal-Unjoni Ewropea, "Il-Konsensus Ewropew"(4) u, b'mod partikolari, ir-rekwiżit li d-drittijiet tat-tfal ikunu integrati fl-implimentazzjoni tal-politika tal-iżvilupp tal-Komunità,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqa" fil-Kunsill, fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni Ewropea, "Il-Konsensus Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja"(5); b'mod partikolari ir-rekwiżit biex tingħata attenzjoni speċjali lit-tfal u biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom,

–   wara li kkunsidra il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 24 dwar id-drittijiet tat-tfal,

–   wara li kkunsidra l-programm ta" azzjoni stabbilit mid-Deċiżjoni Nru 293/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta" Jannar 2000 dwar l-adozzjoni ta" programm ta" azzjoni Komunitarja (il-programm Daphne) (2000 sa 2003) dwar miżuri preventivi biex tiġi miġġielda l-vjolenza kontra t-tfal, persuni żgħażagħ u nisa(6),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni politika adottata f'Berlin fl-4 ta' Ġunju 2007 fil-Forum Ewropew dwar id-Drittijiet tat-Tfal, itenni b'mod sistematiku ix-xewqa li jiġu kkunsidrati d-drittijiet tat-Tfal fil-politika interna u esterna tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra "Il-Qafas għall-Protezzjoni, il-Kura u l-Appoġġ għall-Orfni u t-Tfal Vulnerabbli li Jgħixu f'Dinja li fiha l-HIV u l-AIDS", ippubblikat mill-Forum tas-Sieħba Globali f'Lulju 2004,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-3 ta' Lulju 2003 dwar "It-traffikar tat-tfal u t-tfal suldati"(7),

–   wara li kkunsidra ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2005 dwar "L-esplojtazzjoni tat-tfal f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'fokus partikolari fuq ix-xogħol mit-tfal"(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2008 dwar "Lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal"(9),

–   wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6–0039/2009),

A.   billi t-twettiq tad-drittijiet tat-tfal huwa element prinċipali għall-opportunitajiet fil-ħajja individwali tagħhom kif ukoll biex isir progress biex jinqered il-faqar,

B.   billi r-rwoli tas-sessi li s-soċjetà tagħti lit-tfal tagħha għandhom effetti determinanti fuq il-futur tagħhom: l-aċċess tagħhom għall-ikel u l-edukazzjoni, il-parteċipazzjoni fis-suq tal-impjieg, l-istatus tagħhom fir-relazzjonijiet u s-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom,

C.  Billi l-għanijiet stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal għadhom "il bogħod milli jitwettqu,

D.   billi minn 2.2 biljun tifel u tifla fid-dinja, 1.9 biljun (86%) jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, u aktar minn 98% tat-tfal li jgħixu f'faqar estrem jgħixu f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,

E.   billi kull ġurnata, aktar minn 26,000 tifel u tifla taħt il-ħames snin imutu madwar id-dinja, l-aktar minn kawżi li setgħu ġew evitati u, skont ix-xejriet attwali, l-għan tal-MDG biex jitnaqqsu l-imwiet b'żewġ terzi mhux se jintlaħaq qabel l-2045,

F.   wara li kkunsidra l-punt 9 tal-programm ta" azzjoni adottata mir-Raba" Konferenza Dinjija dwar in-Nisa (li seħħet f'Beijing mill-4 sal-15 ta" Settembru 1995), li huwa wkoll prinċipju fundamentali stabbilit fil-konferenzi internazzjonali kollha li jikkonċernaw id-drittijiet tat-tfal fl-għaxar snin ta" qabel,

G.   billi jekk it-Trattat ta" Liżbona jiġi rratifikat mill-Istati Membri kollha, il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal se ssir objettiv speċifiku tal-politika esterna tal-Unjoni,

H.   billi l-Kummissjoni kellha l-mandat mill-Kunsill biex tanalizza l-impatt tal-inċentivi pożittivi dwar il-bejgħ ta' prodotti li ġew immanifatturati bla ma kien użat ix-xogħol mit-tfal, u biex tiġi eżaminata u rrappurtata l-possibilità ta' miżuri addizzjonali dwar prodotti li ġew immanifatturati bl-użu tal-agħar forom tax-xogħol mit-tfal,

I.   billi d-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni mhuwiex negozjabbli u t-taħriġ edukattiv u vokazzjonali għandu rwol importanti fl-istrateġija għall-eliminazzjoni gradwali tal-impjieg tat-tfal,

J.   billi l-isfruttament kummerċjali tat-tfal hu vjolazzjoni gravi tad-dinjità tagħhom bħala bnedmin u jmur kontra l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali,

K.   billi x-xerrejja ta" prodotti mill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jinsabu f'pożizzjoni prinċipali biex jindunaw u biex jirrifjutaw li jixtru prodotti li jkunu kompletament jew parzjalment magħmula mill-impjieg tat-tfal, u b'hekk jistgħu jagħmlu pressjoni ekonomika diretta u effettiva,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjoni il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq dwar "Post Speċjali għat-Tfal fl-Azzjoni Esterna tal-UE" u Dokumenti ta' Ħidma supplimentari tal-Istaff, kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill assoċjati magħhom, bħala passi importanti 'l quddiem lejn strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal;

2.  Jirrikonoxxi li l-istituzzjonijiet tal-UE qed jagħtu aktar importanza għad-drittijiet tat-tfal iżda jenfasizza li jrid isir iżjed biex l-impenji politiċi jitpoġġew fil-prattika, u jenfasizza li l-ebda pjan ma jista' jsir qabel ma jkun disponibbli finanzjament adegwat;

3.  Jenfasizza l-importanza biex jintlaħqu l-MDGs dwar l-isforzi biex jitħarsu d-drittijiet tat-tfal, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżommu l-wegħdiet tagħhom li jipprovdu finanzjament adegwat u li jista' jitbassar permezz ta' għajnuna baġitarja skedata imfassla biex jintlaħqu l-punti ta" riferenza tal-2010;

4.  Jistieden lill-Unjoni sabiex taħdem bil-qawwa favur l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta" diskriminazzjoni kontra l-bniet (sa mill-wild) u sabiex tiddedika biżżejjed riżorsi biex jiġu miġġielda d-diskrepanzi li jirriżultaw minn dan;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjoni l-erba' prinċipji ta' gwida tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal f'Azzjoni Esterna li jinkludu approċċ olistiku u koerenti bbażat fuq id-drittijiet tat-tfal;

6.  Jirrikonoxxi li approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal huwa bbażat fuq in-normi u l-prinċipji definiti fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u mmirat lejn it-twettiq tagħhom;

7.  Jistieden lill-Komunità Ewropea sabiex taderixxi għall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u konvenzjonijiet oħra li jikkonċernaw it-twettiq tad-drittijiet tat-tfal, l-adozzjoni, l-isfruttament sesswali, ix-xogħol mit-tfal, il-protezzjoni tat-tfal f'kunflitti armati u l-abbuż mit-tfal;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iħeġġu l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-protokolli tagħha, u biex iżidu l-appoġġ mogħti għar-riformi tas-sistemi legali ta' pajjiżi terzi li jkunu mfassla biex jipproteġu t-tfal;

9.  Jenfasizza li kwalunkwe azzjoni favur id-drittijiet tat-tfal għandha tirrispetta l-irwol ewlieni tal-ġenituri tat-tfal u tal-familjari l-aktar qrib kif ukoll il-persuni prinċipalment responsabbli mit-tfal u mill-kustodja tagħhom u, b'mod partikolari l-ħtieġa li tittejjeb il-pożizzjoni tal-ommijiet;

10.  Jirrimarka, madankollu, li jista" jkun fl-interess tat-tifel jew tifla bi problemi d-dar li dan jinfired għal xi żmien mill-familja tiegħu jew tagħha bħala miżuri protettiva, l-aktar meta l-ġenituri jkollhom problemi psikoloġiċi jew psikjatriċi jew ikun hemm evidenza ta" vjolenza fid-dar, trattament ħażin jew abbuż sesswali;

11.  Jenfasizza l-bżonn urġenti li tingħata attenzjoni speċjali lill-bniet u s-subien li huma l-aktar vulnerabbli u li huma esklużi soċjalment, inkluż tfal b'diżabilità, tfal migranti, tfal minn minoranzi, tfal li ġew separati jew mhux akkumpanjati u tfal mingħajr il-kura tal-ġenituri;

12.  Jenfasizza li biex l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal jitpoġġa fil-prattika, l-UE trid tagħmel analiżi fil-fond tad-drittijiet tat-tfal, idealment meta jiġu adottati jew riveduti d-Dokumenti ta' Strateġija Tematika tal-Pajjiż u dawk Reġjonali, fuq il-bażi ta' liema azzjonijiet u programmi mmirati lejn il-kwistjonijiet tat-tfal li jistgħu jintgħażlu; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament, mill-aktar fis possibbli jew waqt ir-reviżjonijiet ta" nofs it-terminu tal-programmi ta" żvilupp, idea ġenerali tal-azzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-tfal u tal-allokazzjonijiet finanzjarji;

13.  Jenfasizza li d-drittijiet tat-tfal iridu jiġu inklużi sistematikament fid-djalogu politiku tal-UE u fid-diskussjonijiet ta' politika mal-pajjiżi sħab;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal rapport li jeżamina jekk fil-ftehimiet internazzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi terzi, hemmx diġà klawsola li torbot legalment fuq il-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal u, jekk dan mhux il-każ, klawsola bħal din tistax tiddaħħal fil-ftehimiet;

15.  Jemmen li l-parteċipazzjoni tat-tfal għandha tkun istituzzjonalizzata u jkollha finanzjament aħjar f'pajjiżi sħab u fil-livell tal-UE;

16.  Jappoġġja l-bini ta' netwerks eżistenti taż-żagħżagħ u tfal bħala pjattaformi sostenibbli biex jiġu attirati u kkonsultati t-tfal, u jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod sistematiku tistieden dawn in-netwerks biex jikkontribwixxu fid-diskussjonijiet dwar id-Dokumenti ta' Strateġija tal-Pajjiż, kif ukoll biex tinkoraġġixxi l-involviment tagħhom fl-iżvilupp ta' strumenti ta' ppjanar nazzjonali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tgħin lill-pajjiżi sħab jadottaw baġitjar favur it-tfal, b'mod speċjali meta l-Unjoni Ewropea tkun qed tipprovdi għajnuna baġitarja, u biex jiżviluppaw Pjanijiet ta" Azzjoni Nazzjonali għat-Tfal li jkunu komprensivi u integrati b'punti ta" referenza ċari, b'miri li jistgħu jitkejlu, b'kalendarji u b'mekkaniżmi ta" reviżjoni u ta" rappurtaġġ dwar d-drittijiet tat-tfal;

18.  Jinsisti li l-appoġġ baġitarju ġenerali tal-UE għandu jinkludi fondi għall-bini ta" kapaċitajiet għall-ministeri relevanti (bħall-Ministeri tas-Sigurtà Soċjali, tas-Saħħa, tal-Edukazzjoni u tal-Ġustizzja) biex jiżgura li jkollhom il-politiki u l-għodda xierqa biex jiffinanzjaw u jimplimentaw servizzi għat-tfal;

19.  Jenfasizza li, fl-azzjonijiet esterni tagħha, l-UE għandha tħeġġeġ bil-qawwa lill-gvernijiet ta" pajjiżi terzi biex jikkonformaw mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari fir-rigward tal-għoti ta" servizzi bażiċi ta' assistenza soċjali lit-tfal, bħat-tqassim tal-ikel bla ħlas fl-iskejjel u fil-kindergardens u l-aċċess għall-kura tas-saħħa; fl-istess ħin, jenfasizza li l-garanzija ta" aċċess ekwu għall-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta" kunflitt armat u f'sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt tikkostitwixxi investiment importanti fil-prevenzjoni tal-kunflitti;

20.  Jinnota li minkejja l-iżviluppi pożittivi riċenti fil-livell tal-UE r-riżorsi tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-istaff iddedikati għad-drittijiet tat-tfal jibqgħu mhux adegwati;

21.  Jirrakkomanda li biex jiġi żgurat li jkun hemm viżibilità u t-tmexxija dwar id-drittijiet tat-tfal, għandu jiġi appuntat Rappreżentant Speċjali tal-UE;

22.  Jikkunsidra li r-responsabilità għall-kwistjonijiet tat-tfal għandha tingħata lil individwu f'kull delegazzjoni tal-Kummissjoni, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-istaff kollu fil-Kwartieri Ġenerali u l-Missjonijiet/Delegazzjonijiet ikun imħarreġ b'mod xieraq u fornut b'noti ta' gwida ta' kif jintegraw id-drittijiet tat-tfal f'azzjonijiet esterni, u ta' kif jagħmlu ġestjoni sigura u effikaċi tal-parteċipazzjoni tat-tfal;

23.   Jitlob li l-ħarsien tad-drittijiet tat-tfal, skont il-Konvenzjoni tan-NU għad-Drittijiet tat-Tfal, ikollu post ċentrali, fil-qafas pluriennali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali; jemmen li din l-aġenzija għandha twaqqaf netwerk ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-ombudsman tat-tfal u ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi, sabiex tieħu vantaġġ mill-għarfien u l-esperjenza tagħhom;

24.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni biex tindirizza l-ksur tad-drittijiet tat-tfal bħal ma hu x-xogħol mit-tfal, it-traffikar tat-tfal, suldati tfal, tfal milquta mill-kunflitti bl-armi u kull forma ta' vjolenza kontra t-tfal, inkluża l-esplojtazzjoni sesswali u prattiki tradizzjonali li jagħmlu l-ħsara; jinsisti, madankollu, li l-mira għandha tkun fuq il-kawżi fundamentali u l-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tat-tfal;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tinkludi l-ġlieda kontra l-impunità fl-azzjonijiet esterni u r-relazzjonijiet tagħha ma" pajjiżi terzi, bħala miżura importanti għall-prevenzjoni tal-ksur tad-drittijiet tat-tfal;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu bħala priorità l-iżvilupp ta' strateġiji u sistemi nazzjonali li jipproteġu t-tfal f'pajjiżi sħab li jistgħu jipprovdu lit-tfal u lill-familji b'servizzi ta' għajnuna qabel ma ssir ħsara lit-tfal;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw strutturi istituzzjonali fil-pajjiżi msieħba biex jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet tat-tfal, inklużi l-ombudspersons indipendenti;

28.  Jemmen li għandu jkun hemm sforzi wkoll biex ikun hemm aktar għarfien u rispett għad-drittijiet tat-tfal bejn il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsiebhom, kif ukoll għal dawk li jaħdmu mat-tfal bħall-għalliema u l-ħaddiema fis-settur tas-saħħa;

29.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jagħmlu r-reġistrazzjoni uffiċjali tat-twelid bħala parti mill-politika ta' koperazzjoni għall-iżvilupp bħala dritt bażiku u mezz importanti biex ikunu protetti d-drittijiet tat-tfal;

30.  Jirrikonoxxi li l-kura fl-istadji bikrija tat-tfulija u l-edukazzjoni huwa d-dritt tat-tfal - ikluż it-tilqim, li jkollhom ġenituri, l-aċċess għall-kindergartens u għall-iskejjel tat-tfal żgħar - u jirrikonoxxi li l-bidu tat-tfulija huwa żmien ta' żvilupp sinifikanti u li nutrizzjoni ħażina u nuqqas ta' kura jistgħu jwasslu kemm għal ħsara fiżika kif ukoll għal dik intelletwali;

31.  Jenfasizza li l-kisba tal-MDG 2 dwar l-edukazzjoni primarja universali u tal-MDG 3 dwar il-parità sesswali huma ċentrali biex ma jkunx hemm ksur tad-drittijiet tat-tfal;

32.  Jenfasizza li jinħtieġu interventi ffokati speċifikament fuq il-bniet biex jingħatawlhom l-istess opportunijiet bħas-subien biex jattendu l-iskola, biex jiksbu ikel biżżejjed, biex jitħallew jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa;

33.  Iħeġġeġ lill-Unjoni sabiex tipprijoritizza d-dritt għall-edukazzjoni, speċjalment għat-tfal bniet, fil-programmi ta" għajnuna u fid-djalogu politiku ma" pajjiżi sħab; Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni persistenti f'familji fqar li ma jifilħux iħallsu l-miżati tal-iskejjel għal uliedhom kollha u jagħżlu li jibagħtu l-iskola lis-subien a skapitu tal-bniet;

34.  Jenfasizza li l-faċilitajiet u l-programmi edukattivi jeħtieġ li jkunu "favur il-bniet", u joffru, pereżempju, forom alternattivi ta" edukazzjoni barra mill-istituzzjonijiet formali, jew sigħat flessibbli biex jipprovdu għall-bniet li jieħdu ħsieb ħuthom;

35.  Jenfasizza li meta wieħed jinvesti fl-edukazzjoni tal-bniet huwa jkun qiegħed jagħmel investiment li jkollu l-akbar impatt f'termini ta" eradikazzjoni tal-faqar, ta" tnaqqis taż-żieda fil-populazzjoni, ta" mortalità aktar baxxa tat-trabi u tat-tfal, ta" malnutrizzjoni anqas imxerrda, ta" attendenza ogħla fl-iskejjel u ta" titjib tas-saħħa;

36.  Jenfasizza li l-edukazzjoni ta' kwalità għandha tkun ta' prijorità inkluż f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta" fraġilità, u jilqa' b'sodisfazzjon il-pjan tal-Kummissjoni biex tindirizza l-edukazzjoni fl-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja tagħha; jenfasizza l-ħtieġa ta" linji gwida operattivi li jġiegħlu lill-UE tinkludi l-edukazzjoni f'kull stadju tar-risposta umanitarja tagħha, skont l-istandards minimi mfassla mill-Interagency Network for Education in Emergencies, u jappella għal fondi u għal staff suffiċjenti f'livell tal-UE għall-implimentazzjoni tal-impenn ta" politika ġdid;

37.  Jinsisti li l-ebda tifel jew tifla m'għandu jiġi mċaħħad mid-dritt fundamentali għall-edukazzjoni minħabba nuqqas ta" riżorsi ekonomiċi u jerġa" jitlob lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw biex ifasslu skeda ċara għat-tneħħija malajr tal-miżati diretti jew indiretti tal-iskola għal edukazzjoni bażika, waqt li fl-istess ħin iżommu livell għoli ta" edukazzjoni;

38.  Jenfasizza li, fir-relazzjonijiet tal-UE ma' pajjiżi terzi, huwa tal-akbar importanza li jkun hemm proġetti għall-iżvilupp tal-kompetenzi soċjali tat-tfal, tat-tolleranza, tas-solidarjetà u u tar-responsabilità għall-ambjent tagħhom, speċjalment fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

39.  Ifakkar li impenn politiku biex isiru għażliet ta' politika koerenti fl-oqsma tat-tnaqqis tal-faqar, tal-edukazzjoni ta' kwalità u tad-drittijiet tal-bniedem, huwa fundamentali biex jitnaqqsu l-inċentivi għax-xogħol mit-tfal;

40.  Jistieden lill-Komunità Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu aktar appoġġ għall-kummerċ ġust u għal inizjattivi li jikkonċernaw l-ittikkettar li jħeġġu lill-kumpaniji sabiex ma jużawx ix-xogħol mit-tfal; jirrakkomanda li l-konformità mal-kodiċijiet volontarji ta" kondotta dwar id-drittijiet fundamentali tax-xogħol għandha tkun kkontrollata aħjar u tkun trasparenti għall-konsumaturi Ewropej; jemmen li l-kuntratti ta" akkwist pubbliku għandhom ikunu suġġetti għall-konformità mal-istandards internazzjonali tax-xogħol mit-tfal;

41.  Jilqa" l-inizjattiva tal-Kunsill li tniedi studju dwar l-impatt ta" inċentivi posittivi fuq il-bejgħ ta" prodotti mingħajr ma kien hemm impjieg tat-tfal u dwar il-possibiltà ta" miżuri oħra, inklużi miżuri li jirrigwardaw il-kummerċ; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinforma lill-Parlament dwar it-tfassil, l-implimentazzjoni u l-eżitu ta" dan l-istudju;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta għal metodu uniformi għall-ittikkettar tal-prodotti impurtati fl-Unjoni Ewropea sabiex ikun aċċertat li dawn ikunu nħadmu mingħajr l-użu tal-impjieg tat-tfal fi kwalunkwe stadju fil-katina tal-produzzjoni, pereżempju, permezz tat-tqegħid tal-indikazzjoni "mingħajr l-impjieg tat-tfal" fuq il-pakkett tal-prodotti kkonċernati u għalhekk jaċċertaw li din is-sistema tkun skont ir-regoli kummerċjali internazzjonali tad-WTO;

43.  Jenfasizza l-MDG 4 dwar it-tnaqqis tal-imwiet fit-tfal u l-MDG 6 dwar il-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, il-malarja u mard ieħor, u jħeġġeġ lil-Komunità u donaturi oħra biex isaħħu s-sistemi tas-saħħa pubblika li joffru servizzi effettivi f'sens ta" nefqa lil popolazzjonijiet sħaħ fir-rigward tas-saħħa materna, is-saħħa tat-trabi tat-twelid u s-saħħa tat-tfal, u li jkun hemm l-integrazzjoni ta' interventi speċifiċi għal marda, bħal ma hi l-provvista ta' xbieki għas-sodda kontra l-malarja u pilloli antiretrovirali, f'dawn is-servizzi tas-saħħa;

44.  Jiddeplora l-pressjoni li teżisti biex jiddgħajfu l-politiki dwar id-drittijiet tas-saħħa sesswali u dik riproduttiva, li qed tirriżulta fiż-żieda ta' tqaliet mhux mixtieqa u aborti perikolużi għan-nisa żgħażagħ, u jħeġġeġ lill-UE biex iżomm il-livelli ta' finanzjament għal firxa sħiħa ta' servizzi ta' saħħa marbuta mas-sess u r-riproduttività biex jintlaħqu l-MDG 5 dwar it-tisħiħ tas-saħħa materna;

45.  Jinnota l-effetti partikularment ħżiena tal-kriżi tal-prezzijiet tal-ikel fuq it-tfal, u jenfasizza l-ħtieġa ta" strateġiji wiesgħa biex isaħħu s-sigurtà tan-nutrizzjoni, u dan ma jfissirx biss li jkun hemm aċċess għal ikel adegwat, imma li jkun hemm ukoll aċċess għal mikronutrijenti xierqa, ilma tajjeb, iġjene u kundizzjonijiet sanitarji tajbin, kura tas-saħħa u kura tat-tfal adegwata u ambjent li jagħti s-saħħa;

46.  Jirrikonoxxi l-qafas ta' politika impressjonanti tal-Unjoni Ewropea biex tiffaċċja t-traġedja ta' tfal milquta minn konflitt bl-armi, u jitlob għal monitoraġġ imsaħħaħ, it-tkabbir tal-għarfien u mekkaniżmi ta' taħriġ biex jiġi żgurat li din tiġi implimentata b'mod xieraq fuq il-post;

47.  Jemmen li l-konsulent tal-protezzjoni tat-tfal għandu jkun parti mill-missjonijiet ESDP kollha, u jsostni li t-taħriġ għall-istaff tal-missjoni tal-ESDP għandu jkopri kwistjonijiet ta" protezzjoni tat-tfal;

48.  Jenfasizza li l-programmi ta" Diżarm, Demobilizzazzjoni u Riitengrazzjoni appoġġjati mill-missjonijiet tal-ESDP għandhom iqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal;

49.  Jappella li tiġi mogħtija attenzjoni speċjali lill-bżonnijiet tal-ommijiet li għadhom żgħar li jinsabu f'sitwazzjonijiet ta" kunflitt u postkunflitt u tar-refuġjati u bniet mċaqilqa internament, kif ukoll tal-bniet li huma vittmi ta" stupru u vjolenza sesswali;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tinvesti fi programmi li għandhom l-għan li jipprevedu l-vjolenza sesswali u l-vjolenza bbażata fuq is-sess fuq il-bniet u s-subien, jew li għandhom l-għan ta" intervent f'każ li dawn isseħħu, li għandhom jinkludu l-għoti ta" kits ta' profilassi ta" wara l-esponiment (PEP) li jipprevjenu l-infezzjoni tal-HIV, appoġġ għall-irkupru u għas-servizzi ta" integrazzjoni soċjali mill-ġdid, u mekkaniżmi tar-rappurtaġġ ta" natura kunfidenzjali;

51.  Jenfasizza li l-UE għandha tappoġġja wkoll miżuri biex tegħleb l-istigma u d-diskriminazzjoni, minħabba li ta" spiss bniet vulnerabbli u nisa żgħażagħ – bħal dawk li huma infettati bl-HIV, li huma vittmi ta" stupru jew ta" vjolenza sesswali, li kellhom tfal minħabba stupru, jew li wettqu abort – jigu mwarrba mill-komunitajiet tagħhom;

52.  Jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tat-tfal infettati bl-HIV, tfal bl-AIDS u orfni tal-AIDS; jikkundanna b'mod partikulari, l-istupru ta" nisa u bniet minħabba l-idea li relazzjoni sesswali ma" mara verġni tista" tfejjaq l-AIDS, u jappella għal kampanji lokali ta" informazzjoni biex tinqered din l-idea żbaljata u b'hekk tingħata protezzjoni akbar, partikolarment lill-bniet;

53.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rrispettata l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri kollha tal-Familja tagħhom, sabiex jitħarsu d-drittijiet tat-tfal ta" familji migranti;

54.  Jistieden lill-UE biex tuża l-programm tematiku dwar l-ażil u l-migrazzjoni, li jifforma parti mill-Istrument ta" Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, biex tappoġġja l-gruppi partikolarment vulnerabbli, bħat-tfal tal-migranti u t-tfal li jgħixu fil-faqar;

55.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex, fl-azzjoni esterna tagħha, tagħti attenzjoni speċifika għas-sitwazzjoni ta" tfal li jħabbtu wiċċhom mad-diskriminazzjoni, inklużi dawk it-tfal f'kunflitt mal-liġi u t-tfal imċaħħda mil-libertà tagħhom u mitfugħin f'istituzzjonijiet magħluqa; jenfasizza li t-tfal għandu jkollhom aċċess aktar faċli għall-ġustizzja u għall-assistenza speċjalizzata u li l-età tagħhom għandha tiġi kkunsidrata matul il-proċedimenti ġudizzjarji permezz ta" miżuri ta" protezzjoni speċjali;

56.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex, meta jkunu qed ifasslu programmi ta" għajnuna u jinnegozjaw pjanijiet ta" azzjoni dwar il-ġustizzja u l-affarijiet interni ma" pajjiżi terzi, jindirizzaw il-kwistjoni tal-ġustizzja tal-minorenni, filwaqt li jqisu mhux biss ir-ratifika tal-istandards relevanti internazzjonali u reġjonali iżda wkoll l-implimentazzjoni effettiva tagħhom;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jippromwovu il-koerenza fil-politika fi kwistjonijiet li jikkonċernaw it-tfal, u li tiddaħħal il-kunsiderazzjoni tad-drittijiet tat-tfal f'oqsma ewlenin oħra ta' politiki, bħal ma hi s-sigurtà, il-bidla fil-klima, il-migrazzjoni u l-effikaċja tal-għajnuna;

58.  Jappella sabiex kull politika tal-UE, li għandha xi effett fuq it-tfal fil-pajjiżi terzi, tkun suġġetta għal studju konsistenti ta" impatt fuq id-drittijiet tat-tfal qabel ma tkun adottata, kif ukoll għal evalwazzjonijiet sussegwenti; jenfasizza li t-tfal għandhom jitqiesu bħala grupp separat u distint minħabba li huma ma jiġux affettwati bl-istess mod bħall-adulti;

59.  Jilqa" l-inizjattiva mnedija fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill imsemmija hawn fuq biex ittejjeb il-koordinazzjoni u biex issaħħaħ it-tqassim tax-xogħol fil-qasam tad-drittijiet tat-tfal, permezz tal-identifikazzjoni tal-politiki u tal-attivitajiet attwali tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fil-pajjiżi pilota;

60.  Jinsab imħasseb li l-pajjiżi pilota għadhom ma ntgħażlux, u jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni biex jiżguraw li dan l-eżerċizzju jiġi implimentat mill-aktar fis possibbli;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa proċeduri, punti ta" riferenza u indikaturi biex tiżgura li d-drittijiet integrati tat-tfal ma jitneħħewx mill-aġenda, u jaqbel mal-idea tal-Kummissjoni li minbarra l-integrazzjoni tad-drittijiet tat-tfal, jinħtieġu wkoll azzjonijiet speċifiċi taħt il-fondi ġeografiċi u l-Fond għall-Iżvilupp Ewropew, possibilment f'setturi mhux fokali;

62.  Jemmen li jista' jkollu rwol aktar koordinat u sistematiku fil-monitoraġġ tal-impenji tal-UE dwar it-tfal, permezz, pereżempju, tar-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

63.  Jissuġġerixxi li l-assembleji interparlamentari (ACP-EU JPA, Eurolat, Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja) jistiednu lill-organizzazzjonijiet tat-tfal tal-pajjiż ospitanti fil-laqgħat tagħhom, u jappoġġja l-ħolqien ta" forums ta" żgħażagħ interreġjonali, bħal Pjattaforma taż-Żgħażagħ tal-UE-Afrika;

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Ko-Presidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta tal-ACP-UE.

(1) Ftehima ta" Sħubija bejn il-membri tal-Gruppi ta" Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta" Ġunju 2000 (ĠU L 317, 15.12.2000, p.3).
(2) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.
(3) ĠU C 26, 29.1.2004, p. 17.
(4) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(5) ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1.
(6) ĠU L 34, 9.2.2000, p. 1.
(7) ĠU C 74 E, 24.3.2004, p. 854.
(8) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 84.
(9) Testi adottati, P6_TA(2008)0012.

Avviż legali - Politika tal-privatezza