Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2246(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0023/2009

Testi mressqa :

A6-0023/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/02/2009 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0061

Testi adottati
PDF 317kWORD 73k
Il-Ħamis, 19 ta' Frar 2009 - Brussell
L-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea
P6_TA(2009)0061A6-0023/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE li tistabbilixxi l-qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (2008/2246(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 136 sa 145 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kapijiet tal-Istat tad-9 ta" Diċembru 1989 dwar il-Karta tal-Komunità dwar id-Drittijiet Soċjali tal-Ħaddiema u speċjalment l-Artikoli 17 u 18 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea tal-Kunsill tal-Ewropa, riveduta fl-1996 u speċjalment l-Artikolu 21 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea adottata f'Nizza fis-7 ta" Diċembru 2000 u ffirmata formalment fil-Parlament Ewropew f'Diċembru 2007 mill-kapijiet tal-istat u l-kapijiet tal-gvern tas-27 Stat Membru, u speċjalment l-Artikolu 27 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 135 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Protezzjoni u l-Faċilitajiet li għandhom jingħataw lir-rappreżentanti tal-ħaddiema fl-intrapriżi, adottata fit-23 ta" Ġunju 1971 u b' mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 94/45/KE tal-Kunsill tat-22 ta" Settembru 1994, dwar l-istabbiliment ta" Kumitat Ewropew tax-Xogħlijiet jew ta" proċedura fl-intrapriżi b'dimensjoni Komunitarja u l-gruppi ta" intrapriżi b'dimensjoni Komunitarja bil-għan li l-ħaddiema jkunu infurmati u kkonsultati(1),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 98/59/KE tal-Kunsill tal-20 ta" Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar is-sensji kollettivi(2),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/23/KE tal-Kunsill tat-12 ta" Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema f'każ ta" trasferiment ta" intrapriżi jew stabbilimenti, jew partijiet minn intrapriżi jew stabbilimenti(3),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) nru 2157/2001 tal-Kunsill tat-8 ta" Ottubru 2001 dwar l-istatut ta" kumpanija Ewropea (SE)(4),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/86/KE tal-Kunsill tat-8 ta" Ottubru 2001 li tissupplimenta l-istatut ta" kumpanija Ewropea fir-rigward tal-involviment tal-impjegati(5),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta" Marzu 2002 li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta" l-impjegati fil-Komunità Ewropea(6) u d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni dwar ir-rappreżentanza tal-impjegati(7),

–   wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/72/KE tal-Kunsill tat-22 ta" Lulju 2003 li tissupplimenta l-istatut ta" soċjetà koperattiva ewropea f'dak li jirrigwarda l-involviment tal-impjegati(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta" Mejju 2007 dwar it-tisħiħ tal-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema(9),

–   wara li kkunsidra l-proposta għad-Direttiva tal-Parlament u l-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (tfassil mill-ġdid) (COM(2008)0419), u l-anness tagħha (SEC(2008)2166),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Marzu 2008 dwar l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE fl-UE (COM(2008)0146) u d-dokument ta" ħidma tagħha (SEC(2008)0334),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0023/2009),

A.   billi t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE mill-Istati Membri ittardjat u billi xi Stati Membri llimitaw ruħhom li jittrasponu ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet minimi applikabbli,

B.   billi l-kriżi finanzjarja attwali se jkollha konsegwenzi fuq l-ekonomija tal-UE f'termini ta" ristrutturazzjonijiet, fużjonijiet (mergers) u rilokazzjonijiet ta" intrapriżi fuq il-livell tal-UE,

C.   billi d-Direttiva 2002/14/KE għandha l-għan li twaqqaf qafas ġenerali għall- informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati dwar il-futur tal-intrapriżi fejn huma jaħdmu, kif ukoll il-konsultazzjoni effettiva tal-ħaddiema biex ikunu antiċipati l-iżviluppi ekonomiċi ta' dawn l-intrapriżi,

D.   billi l-prinċipju tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema huwa ċentrali għall-ekonomija soċjali tas-suq u m'għandhomx jiġu kkunsidrati bħala ostaklu għall-iżvilupp ekonomiku tal-intrapriżi,

E.   billi l-Unjoni Ewropea għandha 23 miljun intrapriża li kull waħda tħaddem inqas minn 250 persuna (li jirrappreżentaw 99 % tal-intrapriżi u li bejniethom iħaddmu iktar minn 100 miljun persuna) u billi l-Istituzzjonijiet tal-UE għandhom id-dover li jiggarantixxu u jsaħħu d-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni,

It-tisħiħ progressiv tal-proċess tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fi ħdan l-UE

1.  Jirrikonoxxi li t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE damet wisq ma ddaħħlet f'ċerti Stati Membri u għalhekk, jeħtieġ aktar żmien għall-evalwazzjoni tagħha; jenfasizza, madanakollu li fl-Istati Membri fejn ma teżisti l-ebda sistema ġenerali ta" informazzjoni u ta" konsultazzjoni tal-ħaddiema, l-impatt ta" din id-Direttiva se jkun evidenti;

2.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma wettqux traspożizzjoni korretta tad-Direttiva 2002/14/KE biex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun;

3.  Jikkunsidra li l-inizjattivi tal-Kummissjoni f'din id-direzzjoni, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati u l-imsieħba soċjali, għandhom jippermettu li jiġu approfonditi u riżolti l-punti problematiċi marbuta mal-interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE jew il-konformità tal-miżuri tal-implimentazzjoni;

4.  Josserva li ċerti Stati Membri fil-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom tad-Direttiva 2002/14/CE ma ħadux kont tal-każ speċifiku tal-ħaddiema żgħażagħ, tan-nisa li jaħdmu b'sigħat imnaqqsa jew tal-ħaddiema impjegati għal żmien qasir b'kuntratti għal tul ta' żmien determinat; f'dawn il-kundizzjonijiet, jitlob lill-Istati Membri biex jadattaw id-dispożizzjonijiet tagħhom rigward il-kalkolu tal-għadd tal-impjegati fl-intrapriżi b'mod li jikkonforma mal-ispirtu u mat-test tad-direttiva, jiġifieri li l-kalkolu tal-limiti minimi jsir fuq il-bażi tal-għadd reali ta' ħaddiema, mingħajr kundizzjonijiet oħra;

5.  Jikkunsidra li huwa xieraq li l-Istati Membri jispeċifikaw preċiżament, filwaqt li jikkunsidraw il-prattiki nazzjonali, il-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet marbuta mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/14/KE dwar informazzjoni kunfidenzjali u jikkunsidraw dan li ġej:

   a) il-perjodu taż-żmien ta" dan l-obbligu wara l-iskadenza tal-mandat mogħti lil dawn rappreżentanti tal-ħaddiema;
   b) il-kriterji u l-istanzi fl-interess leġittimu tal-intrapriża li żżomm din l-informazzjoni kunfidenzjali jew dwar ir-riskju ta" ħsara għall-intrapriża jekk din l-informazzjoni tinkixef;

6.  Jitlob lill-Istati Membri biex fil-miżuri ta" traspożizzjoni tagħhom jiżguraw li:

   a) jiddefinixxu b'mod preċiż it-terminu "informazzjoni", mingħajr ma jħallu l-possibiltajiet ta' interpretazzjonijiet different, filwaqt li jirrispettaw l-ispirtu tad-Direttiva 2002/14/KE, jiġifieri li jagħtu l-possibiltà lir-rappreżentanti tal-ħaddiema li jeżaminaw l-informazzjoni mogħtija u ma jillimitawx irwieħhom billi jistennew it-tmiem tal-proċedura ta' informazzjoni jekk id-deċiżjonijiet tal-intrapriżi jkollhom konsegwenzi diretti fuq il-ħaddiema;
   b) jinkludu, f'rabta mal-kontenut tal-informazzjoni, referenzi għall-Artikolu 4(2)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2002/14/KE,
   c) jirrikjedu li l-informazzjoni tiġi pprovduta fi żmien xieraq qabel il-konsultazzjoni;
   d) jiggarantixxu r-rispett sħiħ tal-obbligi stipulati fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14/KE fir-rigward tad-drittijiet ta' informazzjoni u konsultazzjoni u biex jintlaħaq ftehim fis-sens tal-Artikolu 4(4)(e);
   e) jassoċjaw ukoll lit-trejdjunjins li huma preżenti fl-intrapriża, sabiex jikkonsolidaw id-djalogu soċjali;

7.  Jistieden lill-Istati Membri li ma għandhomx sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi, kif stipulati fl-Artikolu 6(3), f'każ ta' ksur tar-regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati, sabiex idaħħlu regoli ta' dan it-tip;

8.  Jistieden lill-Istati Membri li ma għandhomx sistema ta" protezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jistabbilixxu waħda;

9.  Jissuggerixxi lill-Istati Membri fejn tradizzjonalment il-protezzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema hija ggarantita permezz ta' ftehim negozjat bejn it-trejdjunjins u l-assoċjazzjonijiet ta' min iħaddem biex jipprovdu għal protezzjoni addizzjonali b'saħħitha għal dawn ir-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-każ li n-negozjati jfallu;

Implimentazzjoni u titjib tal-miżuri ta" traspożizzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE

10.  Jikkunsidra li jeħtieġ li titfassal u titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri firxa ta" sanzjonijiet possibbli li jistgħu jittieħdu kontra min iħaddem u ma jirrispettax id-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema kif stipulat fid-Direttiva 2002/14/KE;

11.  Jenfasizza li s-sussidjarjetà m'għandhiex tkun argument li bih l-Istati Membri jonqsu mill-obbligi tagħhom li jiddeterminaw sanzjonijiet li jkunu qawwija biżżejjed sabiex iżommu lil min iħaddem milli jikser id-Direttiva 2002/14/EC;

12.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-8 ta' Ġunju 1994(10), li tistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li dawk l-Istati Membri li għandhom sistemi ta' teknika proċedurali u istituzzjonali insuffiċjenti huma obbligati li joħolqu dispożizzjonijiet statutorji xierqa kif ukoll sanzjonijiet adegwati, effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-konfront ta' min iħaddem u ma jirrispettax l-obbligi ta' informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema;

13.  Jitlob lill-Istati Membri biex isegwu l-ispirtu tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-tfassil tal-miżuri ta' reviżjoni amministrattiva u ġudizzjarja u s-sanzjonijiet fir-rigward ta' min iħaddem u ma jirrispettax l-obbligi tiegħu ta' informazzjoni u konsultazzjoni tal-ħaddiema, sakemm issir reviżjoni tad-Direttiva 2002/14/EC;

14.  Jikkunsidra li l-miżuri ta' traspożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dritt għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tar-rappreżentanti tal-ħaddiema jibqa' dritt awtomatiku, b'konformità mal-interpretazzjoni korretta tad-Direttiva 2002/14/KE;

15.  Jikkunsidra li jeħtieġ li jitfasslu l-arranġamenti għat-twettiq tal-obbligi tar-rappreżentant tal-ħaddiema, b'mod li dawn il-ħidmiet ikunu jistgħu jitwettqu fil-ħinijiet tax-xogħol u jiġu remunerati kif xieraq;

16.  Jikkunsidra li jeħtieġ li jkunu ggarantiti lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-amministrazzjoni pubblika u ħaddiema minn intrapriżi tas-settur pubbliku u finanzjarju l-istess drittijiet għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni li jingħataw lill-ħaddiema l-oħra;

17.  Jikkunsidra li jeħtieġ li tiġi rriveduta l-possibilità li wieħed jirrikorri għall-konsultazzjoni diretta, meta tkun teżisti struttura ta' rappreżentazzjoni eletta jew trejdjunjonistika, u b'hekk jiġi evitat li min iħaddem ma jindaħalx permezz tal-konsultazzjoni diretta f' oqsma koperti mid-dritt tat trejdjunjins li jagħmlu- ftehim kollettiv, bħal fil-każ ta' salarji;

18.  Jitlob li tiġi eżaminata l-ħtieġa li jiġu modifikati l-limiti minimi tal-ħaddiema fl-intrapriża jew l-istabbiliment li minnhom tibda tapplika d-Direttiva 2002/14/KE, biex ikunu l-mikro-intrapriżi biss li jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha;

19.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri li, għalkemm jibqa' dubju dwar id-definizzjoni preċiża tat-terminu "intrapriża" fid-Direttiva 2002/14/EC, teżisti każistika komprensiva tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar dan is-suġġett, u jistieden lill-Istati Membri biex jirreferu għaliha fil-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom, sabiex jevitaw rikors kontrihom għan-nuqqas ta' twettiq tal-obbligi tagħhom;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tadotta, mill-aktar fis possibbli, miżuri li jiggarantixxu traspożizzjoni tajba tad-Direttiva 2002/14/KE mill-Istati Membri, filwaqt li tivverifika l-punti kollha li jippreżentaw nuqqasijiet jew diffikultajiet, bħad-dispożizzjonijiet u prattiki nazzjonali applikabbli għall-kalkolu tal-għadd ta' impjegati fl-intrapriżi, l-użu ta' dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati fl-Artikolu 3 (2) u (3), u l-garanziji li għandhom jiġu applikati għall-klawżola ta' kunfidenzjalità stipulata fl-Artikolu 6; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri li ma wettqux it-traspożizzjoni tad-direttiva jew li ma għamlux dan b'mod korrett;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta' evalwazzjoni dwar ir-riżultati miksuba bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/14/KE, fir-rigward tat-tisħiħ tad-djalogu soċjali u l-kapaċità ta' antiċipazzjoni, prevenzjoni u l-kapaċità ta' impjegar fis-suq tax-xogħol kif ukoll fir-rigward tal-kapaċità tagħha li tevita diffikultajiet amministrattivi, legali u finanzjarji fost l-intrapriżi żgħar u medji u, jekk ikun meħtieġ, iżżid proposti oħra xierqa;

22.  Jilqa' b' sodisfazzjoni l-proposta għal-regolament tal-Kunsill dwar l-istatut tal-kumpanija privata ewropea (COM (2008)0396), li tieħu kont tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-intrapriżi ż-żgħar;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni li hija responsabbli mill-monitoraġġ ta' għaqdiet u ta' akkwiżizzjonijiet, biex tiżgura li, meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-għaqdiet jew l-akkwisti, dawn isiru skont ir-regoli li hemm fil-liġi nazzjonali u fil-liġi Komunitarja rigward l-informazzjoni u l-konsultazzjoni mal-ħaddiema;

24.  Huwa tal-fehma li dik l-informazzjoni, li jekk tiġi żvelata tista' tkun ta' ħsara ekonomika enormi għal kumpanija, għandha tibqa' kunfidenzjali b'mod assolut sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar kwistjonijiet ekonomiċi sostanzjali li għandhom x'jaqsmu mal-kumpanija (eż. b'forma ta' ittra ta' impenn);

25.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel pubbliku b'mod regolari t-titjib fid-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u konsultazzjoni u biex tpoġġi din il-kwistjoni fuq l-aġenda tad-Djalogu Soċjali Ewropew, kemm fil-livell transsettorjali kif ukoll dak speċifiku għas-settur;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-imsieħba soċjali biex jinfluwenzaw l-implimentazzjoni fuq livell nazzjonali b'mod proattiv u pożittiv, permezz tat-tixrid ta' prattiki tajba, fost affarijiet oħra;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tieħu inizjattivi kemm jista' jkun malajr biex issaħħaħ il-kultura effikaċi ta' kooperazzjoni bejn l-imsieħba soċjali fir-rigward tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema fl-Unjoni, filwaqt li tikkunsidra n-natura tat-tema kif ukoll il-karatteristiċi partikolari u d-daqs tal-intrapriżi;

28.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-ftehim konkluż bejn l-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien ta' Bastimenti tal-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006 jagħmel referenza għall-konsultazzjoni fir-rigward ta' kwistjonijiet varji, bħar-riskji għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u t-terminazzjoni bikrija tal-kuntratti tal-impjieg;

29.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tinkludi, fil-komunikazzjoni tagħha tal-10 ta' Ottubru 2007 dwar il-"valutazzjoni mill-ġdid tal-qafas soċjali regolatorju għal impjiegi aktar u aħjar fl-UE fil-qasam tat-tbaħħir" (COM(2007)0591), id-Direttiva 2002/14/KE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq għall-evalwazzjoni l-possibilità ta' deroga għall-applikazzjoni tad-direttiva 2002/14/KE stipulata fl-Artikolu 3(3) tiegħu;

30.  Jitlob lill-Kummissjoni biex teżamina l-ħtiġijiet ta' koordinazzjoni tad-direttivi 94/45/KE, 98/59/KE, 2001/23/KE, 2001/86/KE, 2002/14/KE, 2003/72/KE u tar-Regolament (KE) nru 2157/2001, sabiex tiġi studjata l-ħtieġa li jsiru xi modifiki eventwali bil-għan li jiġu eliminati d-duplikazzjonijiet u l-kontradizzjonijiet; jikkunsidra li l-modifiki eventwali għandhom isiru b'mod simultanju;

o
o   o

31.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.

(1) ĠU L 254, 30.9.1994, p. 64.
(2) ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.
(3) ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16.
(4) ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1.
(5) ĠU L 294, 10.11.2001, p. 22.
(6) ĠU L 80, 23.3.2002, p. 29.
(7) ĠU L 80, 23.3.2002, p. 34.
(8) ĠU L 207, 18.8.2003, p. 25.
(9) ĠU C 76 E tas-27.3.2008, p.138.
(10) Sentenza tat-8 ta' Ġunju 1994, Kummissjoni/Renju Unit (C-382/92, ECR 1994, p. I-2435); sentenza tat-8 ta' Ġunju 1994, Kummissjoni/Renju Unit (C-383/92, ECR 1994, p. I-2479).

Avviż legali - Politika tal-privatezza