Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2209(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0034/2009

Testi mressqa :

A6-0034/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 19/02/2009 - 5.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0063

Testi adottati
PDF 319kWORD 91k
Il-Ħamis, 19 ta' Frar 2009 - Brussell
Is-Saħħa Mentali
P6_TA(2009)0063A6-0034/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Frar 2009 dwar is-Saħħa Mentali (2008/2209(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Konferenza ta" livell għoli tal-UE "Flimkien għas-Saħħa u l-Benessri Mentali" li saret fi Brussell fit-12-13 ta' Ġunju 2008, li stabbiliet "Il-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali",

–   wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar 'It-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni - Lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali', (COM(2005)0484),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2006 dwar it-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni - lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali(1),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali Ewropea tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tal-15 ta' Jannar 2005 dwar l-ittrattar tal-isfidi tas-saħħa mentali fl-Ewropa u l-bini ta' soluzzjonijiet,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta" Ġunju 2008, li enfasizzaw l-importanza li jitnaqqas id-distakk fis-saħħa u f'kemm jgħixu n-nies bejn l-Istati Membri u ġo fihom, u jenfasizza l-importanza ta" attivitajiet ta" prevenzjoni fil-qasam tal-mard kroniku ewlieni li ma jitteħidx,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2008 dwar l-istrateġija Komunitarja 2007–2012 għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol(2),

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 13 u 152 tat-Trattat KE,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A6-0034/2009),

A.   billi s-saħħa u l-benessri mentali huma importanti ħafna għall-kwalità tal-ħajja tal-individwi u s-soċjetà u huma fatturi essenzjali fl-għanijiet tal-Istrateġija ta" Liżbona tal-UE u l-istrateġija riveduta dwar l-iżvilupp sostenibbli, u billi l-prevenzjoni, id-dijanjożi fi stadju bikri, l-intervent u t-trattament ta" mard mentali jnaqqsu b'mod sinifikanti l-konsegwenzi personali, finanzjarji u soċjali tiegħu,

B.   billi ħafna dokumenti strateġiċi tal-UE enfasizzaw l-importanza tas-saħħa mentali sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u l-bżonn ta" miżuri prattiċi f'dan ir-rigward,

C.   billi l-valur miżjud fl-istrateġija tas-saħħa mentali tal-Komunità jinstab primarjament fil-qasam tal-prevenzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u dawk ċivili tal-persuni bi problemi ta" saħħa mentali,

D.   billi l-problemi ta" saħħa mentali huma mifruxa fl-Ewropa b'wieħed minn kull erba" persuni jesperjenza problemi ta" saħħa mentali tal-anqas darba f'ħajtu, filwaqt li ħafna oħrajn huma affettwati b'mod indirett u billi l-istandards tal-kura tas-saħħa mentali jvarjaw b'mod konsiderevoli bejn Stati Membri differenti, speċjalment bejn l-Istati Membri l-qodma u wħud mill-Istati Membri l-ġodda,

E.   billi l-aspetti speċifiċi għas-sessi għandhom jitqiesu meta jiġi kkunsidrat is-suġġett tas-saħħa mentali, u billi aktar nisa minn irġiel jbatu minn diżordnijiet mentali u aktar irġiel minn nisa jikkommettu suwiċidju,

F.   billi s-suwiċidju għadu kawża sinifikanti ta' mwiet prematuri fl-Ewropa, b'aktar minn 50 000 mewt fis-sena fl-UE, u billi, f'disa' minn kull għaxar każijiet, qablu jkun żviluppa mard mentali, li ta' spiss ikun id-dipressjoni, u billi, barra minn hekk, ir-rata ta' suwiċidju u tentattivi ta' suwiċidji fost il-persuni li qegħdin il-ħabs jew f'detenzjoni hija ogħla minn dik fost il-popolazzjoni ġenerali,

G.   billi t-tifsil ta' politiki li jnaqqsu l-inċidenza tad-dipressjoni u s-suwiċidju jmur id f'id mal-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem,

H.   billi, anke jekk id-dipressjoni hija waħda mill-mard l-aktar frekwenti u serji, il-miżuri kontriha ta" spiss għadhom inadegwati, u billi ftit Stati Membri biss implimentaw programmi ta" prevenzjoni,

I.   billi, madankollu, għad hemm nuqqas ta' għarfien u investiment fil-promozzjoni tas-saħħa mentali u l-prevenzjoni tal-mard u nuqqas ta" appoġġ għar-riċerka medika u għall-individwi bi problemi mentali,

J.   billi l-ispejjeż finanzjarji, għas-soċjetà, marbuta mal-mard mentali huma stmati bejn 3 % u 4% tal-Prodott Gross Domestiku (GDP) tal-Istati Membri u billi fl-2006 l-ispiża għall-UE tal-mard mentali kienet ta' EUR 436 000 miljun, u billi l-parti l-kbira ta" din l-ispiża tintefaq barra mis-settur tas-saħħa, primarjament minħabba assenza sistematika mix-xogħol, in-nuqqas ta" kapaċità għax-xogħol jew l-irtirar kmieni u l-istima tal-ispejjeż f'ħafna każijiet ma tirriflettix il-piż finanzjarju addizzjonali ta" komorbożità, li x'aktarx taffettwa aktar lil persuni bi problemi ta" saħħa mentali,

K.   billi d-differenzi soċjali u ekonomiċi jistgħu jżidu l-problemi ta" saħħa mentali u billi r-rati ta" mard mentali huma ogħla fost gruppi vulnerabbli u emarġinati bħalma huma l-persuni qegħda, l-immigranti, priġunieri jew persuni li kienu priġunieri, persuni li jagħmlu użu minn sustanzi psikotropiċi, persuni b'diżabilità u b'mard li jtul fiż-żmien, u billi huma meħtieġa azzjonijiet speċifiċi u politiki xierqa biex jgħinu l-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tagħhom,

L.   billi hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri u fihom fil-qasam tas-saħħa mentali, inkluż fir-rigward tal-oqsma tat-trattament u kif ukoll tal-integrazzjoni soċjali,

M.   billi persuni bi problemi ta" mard mentali huma aktar f'riskju mill-bqija tal-popolazzjoni, li jiżviluppaw marda fiżika u għandhom inqas ċans li jingħataw trattament għal dan il-mard fiżiku,

N.   billi, filwaqt li s-saħħa fiżika u mentali huma ta" importanza ugwali u li jaffettwaw lil xulxin, is-saħħa mentali ta" spiss tibqa" ma tiġix dijanjostikata jew tiġi ssottovalutata u tingħata trattament inadegwat,

O.   billi fil-maġġoranza tal-Istati Membri kien hemm ċaqliq mill-kura istituzzjonali li ttul fiż-żmien lejn appoġġ għall-għajxien fil-komunità, u billi, madankollu, dan il-proċess sar mingħajr ippjanar u riżorsi kif suppost, mingħajr mekkaniżmi ta" kontroll u ta" spiss bi tnaqqis fil-baġit, li qegħdin jheddu li jikkawżaw ir-riistituzzjonalizzazzjoni ta" eluf ta" ċittadini b'mard mentali,

P.   billi l-Pjattaforma Ewropea għas-Saħħa Mentali u Fiżika twaqqfet fl-2008, u fiha tiġbor rappreżentanti ta" livell għoli minn organizzazzjonijiet ewlenin,

Q.   billi l-bażi tas-saħħa mentali għal tul ħajjet il-bniedem hija stabbilita matul l-ewwel ftit snin tal-ħajja u billi l-mard mentali huwa komuni fiż-żgħażagħ, u li għalhekk huwa ta" importanza assoluta li ssirilhom dijanożi bikrija u jingħataw it-trattament,

R.   billi l-proċess tat-tixjiħ tal-popolazzjoni tal-UE jfisser li jkun hemm aktar spiss mard newrodeġenerattiv,

S.   billi d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali li jesperjenzaw il-persuni bi problemi ta" saħħa mentali u l-familji tagħhom huma l-konsegwenzi mhux biss ta" diżordni mentali iżda wkoll tal-istigma, it-twarrib u l-emarġinazzjoni li jiltaqgħu magħhom, u huma fatturi ta" riskju li jfixkluhom milli jfittxu għall-assistenza u t-trattament,

T.   billi l-Unjoni Ewropea għażlet l-2010 bħala s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali,

U.   billi r-riċerka qed tipproduċi dejta ġdida dwar id-dimensjonijiet mediċi u soċjali tas-saħħa mentali, u billi, madankollu, xorta għad hemm differenzi sinifikanti u konsegwentement għandha ssir attenzjoni biex ma jinħoloqx xkiel għall-isforzi tar-riċerka medika pubblika jew privata billi jiġu imposti għadd ta" rekwiżiti amministrattivi, ħafna drabi onerużi, jew restrizzjonijiet eċċessivi fuq l-użu ta" mudelli rilevanti għall-iżvilupp ta' medikazzjoni sikura u effettiva,

V.   billi d-diżabilitajiet li jfixklu t-tagħlim (diżabilità mentali) għandhom ħafna mill-istess karatteristiċi u jikkawżaw l-istess ħtiġijiet bħall-mard mentali,

W.   billi huwa essenzjali li jsir ħafna titjib fit-taħriġ tal-professjonisti mediċi li jiltaqgħu ma" persuni li jbatu minn mard mentali, inklużi t-tobba u l-membri tal-ġudikatura,

X.   billi l-mard mentali huwa l-ewwel wieħed ikklassifikat f'termini ta" morbożità tal-bniedem,

1.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali u r-rikonoxximent tas-saħħa u l-benessri mentali bħala bażi prijoritarja għall-azzjoni;

2.  Jappoġġa bis-sħiħ l-istedina biex ikun hemm koperazzjoni u biex titrawwem l-azzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u l-imsieħba soċjali dwar ħames oqsma ta" prijorità għall-promozzjoni tas-saħħa u l-benessri mentali tal-popolazzjoni, inklużi l-gruppi ta" kull età u l-ġeneri, l-oriġini etniċi u l-gruppi soċjoekonomiċi differenti, il-ġlieda kontra l-istigma u l-esklużjoni soċjali, it-tisħiħ fl-azzjoni ta" prevenzjoni u l-awtoassistenza u l-provvediment tal-għajnuna u t-trattament adegwat lill-persuni bi problemi ta" saħħa mentali u lill-familji tagħhom u dawk li jagħtuhom il-kura; jenfasizza li koperazzjoni bħal din għandha tkun konformi b'mod sħiħ mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw għarfien tal-importanza ta" saħħa mentali tajba, b'mod partikulari fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u gruppi ta" mira bħalma huma l-ġenituri, l-għalliema, dawk li jipprovdu s-servizzi soċjali u legali, min iħaddiem, dawk li jieħdu ħsieb lill-morda u, b'mod partikulari, il-pubbliku in ġenerali;

4.  Jistieden lill-Istati Membri, b'koperazzjoni mal-Kummissjoni u l-Eurostat, biex itejbu l-għarfien dwar is-saħħa mentali u dwar ir-relazzjoni bejn is-saħħa mentali u s-snin ta" ħajja bi stat tajjeb ta' saħħa, permezz tat-twaqqif ta" mekkaniżmi għall-iskambju u t-tixrid ta" informazzjoni b'mod ċar, b'aċċessibilità faċli u li jinftiehem;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi indikaturi komuni għat-titjib fit-tqabbil tad-dejta u biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-promozzjoni tas-saħħa mentali;

6.  Jikkunsidra li l-enfasi għandha tkun fuq il-prevenzjoni tal-mard mentali permezz ta" intervent soċjali, b'attenzjoni partikulari fuq l-aktar gruppi vulnerabbli; jenfasizza li, f'każijiet fejn il-prevenzjoni mhijiex biżżejjed, l-aċċess mingħajr diskriminazzjoni għall-kura terapewtika għandu jiġi mħeġġeġ u ffaċilitat u li l-persuni bi problemi ta' saħħa mentali għandu jkollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar forom innovattivi ta' trattament;

7.  Jistieden lill-UE biex tuża l-faċilitajiet ta" ffinanzjar disponibbli fis-Seba" Programm ta" Qafas għal aktar riċerka fil-qasam tas-saħħa u l-benessri mentali u l-interazzjoni bejn il-problemi ta" saħħa mentali u dawk fiżiċi; jistieden lill-Istati Membri biex iħarsu sew lejn il-faċilitajiet ta' ffinanzjar għal inizjattivi favur is-saħħa mentali fil-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali;

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi tal-Komunità u dawk nazzjonali disponibbli biex jippromwovu kwistjonijiet ta' saħħa mentali u jorganizzaw programmi ta" għarfien u ta" taħriġ għal kull min qiegħed f'pożizzjoni importanti biex tiġi promossa dijanjożi bikrija, intervent immedjat u mmaniġjar kif suppost tal-problemi tas-saħħa mentali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq u tippubblika stħarriġ dwar is-servizzi għall-mard mentali u l-politiki ta" promozzjoni tas-saħħa mentali madwar l-UE;

10.  Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw ir-Riżoluzzjoni 46/119 tan-NU dwar 'il-ħarsien ta" persuni b'mard mentali u t-tijib fil-kura tas-saħħa mentali' mħejjija mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fl-1991;

11.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu lill-persuni bi problemi ta" saħħa mentali d-dritt għal aċċess ugwali, sħiħ u xieraq għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-impjieg, skont il-prinċipji tat-tagħlim matul il-ħajja, u biex jassiguraw li dawn jirċievu appoġġ adegwat għall-ħtiġijiet tagħhom;

12.  Jenfasizza l-bżonn ta' ppjanar ċar fuq żmien twil għall-forniment ta" servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità u fl-isptarijiet, li jkunu ta" kwalità għolja, effettivi, aċċessibbli u universali, u l-bżonn tal-adozzjoni ta" kriterji għall-monitoraġġ minn entitajiet indipendenti; jitlob li jkun hemm koperazzjoni u komunikazzjoni aħjar bejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa primarja u professjonisti tas-saħħa mentali biex jittrattaw b'mod effettiv il-problemi assoċjati mas-saħħa mentali u fiżika, billi jinkoraġġixxu approċċ olistiku li jqis il-profil ġenerali tal-individwi mil-lat tas-saħħa fiżika u mentali;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu screening għal problemi ta' saħħa mentali fis-servizzi tas-saħħa ġenerali u għal problemi ta' saħħa fiżika fis-servizzi tas-saħħa mentali; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu mudell komprensiv ta" kura;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tfittex u tirreġistra l-esperjenzi tal-pazjenti dwar l-effetti kollaterali tal-medikazzjoni permezz tal-linji gwida tal-EMEA (l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini);

15.  Jitlob lill-Kummissjoni biex testendi l-mandat taċ-Ċentru Ewropew għal Prevenzjoni u Kontroll tal-Mard biex tkun inkluża s-saħħa mentali;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex ixxerred ir-riżultati tal-konferenzi tematiċi li se jsiru sabiex jiġu implimentati l-għanijiet tal-Patt Ewropew u biex jiġi propost 'Pjan ta" Azzjoni Ewropew għas-Saħħa u l-Benessri Mentali taċ-Ċittadini u r-Riċerka Medika';

17.  Jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta" Pjattaforma tal-UE dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali għall-implimentazzjoni tal-Patt Ewropew, li tkun tikkonsisti f'rappreżentanti tal-Kummissjoni, il-Presidenza tal-Kunsill, il-Parlament, id-WHO, dawk li jużaw is-servizzi, persuni bi problemi ta" saħħa mentali, il-familji, dawk li jipprovdu l-kura, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-industrija farmaċewtika, l-akkademiċi u partijiet interessati rilevanti oħra, filwaqt li jikkundanna n-nuqqas li tiġi adottata direttiva fil-livell Ewropew kif imħeġġeġ fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew hawn fuq imsemmija dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar is-saħħa mentali;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-proposta għal Strateġija Ewropea dwar is-Saħħa u l-Benessri Mentali bħala l-għan tagħha għall-futur imbiegħed;

19.  Jistieden lill-Istati Membri biex iħejju leġiżlazzjoni aġġornata dwar is-saħħa mentali li tkun konformi mal-obbligi internazzjonali fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem – l-ugwaljanza u l-eradikazzjoni tad-diskriminazzjoni, l-invjolabilità tal-ħajja privata, l-awtonomija, l-integrità fiżika, id-dritt għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni – u li tikkodifika u tinkorpora l-prinċipji, il-valuri u l-għanijiet tal-politika dwar is-saħħa mentali;

20.  Jitlob li jiġu adottati linji gwida komuni Ewropej li jiddefinixxu d-diżabiltà skont id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabiltà;

Il-Prevenzjoni tad-dipressjoni u s-suwiċidju

21.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw programmi transsettorjali għall-prevenzjoni tas-suwiċidju, speċjalment fost iż-żgħażagħ u l-adoloxxenti, li jippromwovu stil ta' ħajja li ma jagħmilx ħsara lis-saħħa, li jnaqqsu l-fatturi ta" riskju bħalma huma l-aċċess faċli għall-farmaċewtiċi, id-drogi, sustanzi kimiċi ta" ħsara u l-abbuż mill-alkoħol; jikkunsidra li huwa partikolarment meħtieġ li tkun iggarantita l-provvista ta' trattament għall-persuni li ppruvaw jikkommettu suwiċidju u ta' trattament psikoterapewtiku għall-familji tal-persuni li ppruvaw jikkommettu suwiċidju;

22.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiffurmaw netwerks ta" informazzjoni reġjonali bejn il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, dawk li jużaw is-servizzi u persuni bi problemi ta" saħħa mentali, il-familji tagħhom, l-istabbilimenti edukattivi u l-postijiet tax-xogħol tagħhom, flimkien mal-organizzazzjonijiet lokali u l-pubbliku sabiex titnaqqas id-dipressjoni u l-aġir suwiċidali;

23.  Jitlob li l-informazzjoni dwar in-numru uniku Ewropew 112 għall-emerġenzi, bħalma huma tentattivi ta" suwiċidju jew kriżijiet mentali, issir ħafna iktar disponibbli sabiex ikun possibbli intervent rapidu u l-provvista ta" għajnuna medika ta" emerġenza;

24.  Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu korsijiet ta" taħriġ speċifiċi għat-tobba u għall-persunal tas-servizzi psikjatriċi, inklużi t-tobba, il-psikologi u l-infermiera, dwar il-prevenzjoni u t-trattament ta" diżordnijiet marbuta mad-dipressjoni u l-għarfien u l-ġestjoni tar-riskju ta" suwiċidju;

Is-saħħa mentali fiż-żgħażagħ u l-edukazzjoni

25.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu appoġġ lill-persunal tal-iskejjel biex jiżviluppaw ambjent b'saħħtu, u jibnu relazzjonijiet bejn l-iskejjel, il-ġenituri, dawk li jipprovdu s-servizzi tas-saħħa u l-komunità sabiex tisaħħaħ l-integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ;

26.  Jistieden lill-Istati Membri biex jorganizzaw programmi ta" appoġġ għall-ġenituri, b'mod partikulari għall-familji żvantaġġati, u biex jippromwovu l-allokazzjoni ta" impjiegi bħala counsellors f'kull skola sekondarja biex jassistu l-ħtiġijiet soċjoemozzjonali taż-żgħażagħ, b'enfasi speċjali fuq programmi ta" prevenzjoni bħalma huma t-tisħiħ tal-awtostima, u l-immaniġġjar tal-kriżijiet;

27.  Jenfasizza l-bżonn ta" ppjanar tas-sistemi tas-saħħa li jissodisfa l-bżonn ta" speċjalisti tas-servizzi tas-saħħa mentali għat-tfal u l-adoloxxenti, filwaqt li titqies il-bidla mill-kura istituzzjonalizzata fuq perjodu ta' żmien twil għal appoġġ lill-persuna biex tgħix ħajjitha fil-komunità;

28.  Jenfasizza l-bżonn li ssir djanjosi u li jingħata trattatament bikri fir-rigward ta' problemi tas-saħħa mentali fi gruppi vulnerabbli, b'referenza partikolari għall-persuni minorenni;

29.  Jipproponi li s-saħħa mentali għandha tkun inkorporata fi programmi ta" studju tal-professjonisti kollha tal-kura tas-saħħa u li wieħed jaħseb għal edukazzjoni u taħriġ kontinwi f'dan is-settur;

30.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea jikkoperaw biex iqajmu kuxjenza dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar tas-saħħa mentali tat-tfal li għandhom ġenituri emigranti, u biex jintroduċu programmi skolastiċi mmirati biex jgħinu lil dawn it-tfal jaffrontaw il-problemi psikoloġiċi b'rabta mal-assenza tal-ġenituri tagħhom;

Is-saħħa mentali fil-postijiet tax-xogħol

31.  Jiddikjara li l-postijiet tax-xogħol għandhom rwol ċentrali fl-integrazzjoni soċjali tal-persuni bi problemi ta" saħħa mentali u jitlob li jingħata appoġġ għar-reklutaġġ, iż-żamma, ir-riabilitazzjoni u r-ritorn tagħhom għax-xogħol, b'enfasi fuq l-integrazzjoni tal-gruppi l-aktar vulnerabbli, inklużi l-komunitajiet li huma minoranzi etniċi;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu r-riċerka fil-kundizzjonijiet tax-xogħol li jistgħu jżidu l-inċidenza tal-mard mentali, partikolarment fost in-nisa;

33.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu u jimplimentaw korsijiet speċifiċi ta' taħriġ vokazzjonali għall-persuni bi problemi ta' saħħa mentali filwaqt li jiġu kkunsidrati l-abilitajiet u l-potenzjal tagħhom, sabiex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tal-impjiegi kif ukoll jiżviluppaw programmi ta' riintegrazzjoni fil-post tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa għal taħriġ adattat għal min iħaddem u għall-impjegati tagħhom biex jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta' persuni bi problemi ta' saħħa mentali;

34.  Jistieden lil min iħaddem biex jippromwovi ambjent ta" xogħol li jqis il-benessri tal-ħaddiema, joqgħod attent għall-istress ikkaġunat mix-xogħol, il-kawżi li huma responsabbli għall-mard mentali fuq il-post tax-xogħol, u jindirizza dawn il-kawżi;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrikjedi li kull sena n-negozji u l-korpi pubbliċi jippubblikaw rapport dwar il-politika u x-xogħol tagħhom għas-saħħa mentali tal-impjegati tagħhom fuq l-istess bażi li biha jirrapportaw dwar is-saħħa fiżika u s-sikurezza fuq ix-xogħol;

36.  Jinkoraġġixxi lil min iħaddem, bħala parti mill-istrateġiji tiegħu ta" saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol, biex jadotta programmi biex jippromwovu s-saħħa emozzjonali u mentali tal-impjegati tiegħu, jipprovdi opportunitajiet ta" appoġġ li jkunu kunfidenzjali u li ma joħolqux stigma u jintroduċi politiki kontra l-bullying; jistieden lill-Kummissjoni biex ixxerred mudelli pożittivi billi tippubblika programmi bħal dawn fuq l-Internet;

37.  Jistieden lill-Istati Membri biex jassiguraw li l-persuni li huma intitolati għall-benefiċċji tal-mard jew tad-diżabilità minħabba problemi ta" saħħa mentali ma jkunux imċaħħdin mid-dritt tagħhom għall-aċċess għall-impjieg u li ma jitilfux il-benefiċċji relatati mad-diżabilità jew il-mard hekk kif isibu impjieg ġdid;

38.  Jitlob li l-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ u effettiv, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta" Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(3);

Is-saħħa mentali tal-anzjani

39.  Jitlob lill-Istati Membri biex jadottaw il-miżuri xierqa biex itejbu u jżommu livell għoli tal-kwalità tal-ħajja għall-anzjani, u biex jippromwovu s-saħħa u tixjieħ attiv permezz tal-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-komunità, li tinkludi l-iżvilupp ta" skemi flessibbli ta" rtirar;

40.  Jenfasizza l-bżonn tal-promozzjoni tar-riċerka fil-prevenzjoni u l-kura fir-rigward ta" mard newrodeġenerattiv u mard mentali ieħor marbut mal-età u għal kwalunkwe azzjoni jew proposta fil-ġejjieni min-naħa tal-Kummissjoni biex issir distinzjoni bejn il-marda ta' Alzheimer jew mard newrodeġenerattiv simili u forom oħra ta" mard mentali;

41.  Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta" qafas li fih jiltaqgħu r-riċerka u l-politika fil-qasam tas-saħħa u l-benesseri mentali;

42.  Jinnota l-bżonn li jevalwa l-komorbidità tal-anzjani u l-bżonn għat-taħriġ tal-impjegati tal-kura tas-saħħa biex iżidu l-għarfien dwar il-bżonnijiet tal-adulti bi problemi ta" saħħa mentali;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-metodu miftuħ ta" koordinazzjoni dwar il-protezzjoni u l-integrazzjoni soċjali, biex jieħdu miżuri li jappoġġjaw lill-carers u biex jiżviluppaw linji gwidi għall-ħarsien ta" pazjenti u l-kura fuq perjodu twil sabiex jgħinu l-prevenzjoni tat-trattament ħażin lill-anzjani u biex jippermettulhom jgħixu b'dinjità f'ambjent adattat;

Il-ġlieda kontra l-istigma u l-esklużjoni soċjali

44.  Jitlob li jiġu organizzati kampanji ta" informazzjoni pubblika u ta" għarfien permezz tal-midja, l-Internet, l-iskejjel u l-postijiet tax-xogħol, sabiex jippromwovu s-saħħa mentali, iżidu l-għarfien dwar is-sintomi l-aktar komuni tad-dipressjoni u t-tendenzi suwiċidali, titneħħa l-istigma tal-mard mentali, iħeġġu lill-persuni jfittxu l-aħjar assistenza u l-aktar waħda effettiva u jippromwovu integrazzjoni attiva tal-persuni li qed jesperjenzaw problemi ta" saħħa mentali;

45.  Jenfasizza l-irwol kruċjali tal-midja sabiex jinbidlu l-perċezzjonijiet dwar il-mard mentali u jitlob l-iżvilupp ta" linji gwida Ewropej għar-rappurtar responsabbli tas-saħħa mentali mill-midja;

46.  Jitlob lill-Istati Membri biex jappoġġjaw u jħeġġu s-setgħa ta" organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lin-nies li jużaw is-servizzi u persuni bi problemi ta" saħħa mentali u lill-carers sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-formulazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politika u fl-istadji kollha tar-riċerka fis-saħħa mentali;

47.  Iqis li t-tneħħija tal-istigma tal-mard mentali jinvolvi l-waqfien tal-użu ta' prattiki invażivi u mhux umani kif ukoll dawk il-prattiki bbażati fuq l-approċċ ta' kustodja;

48.  Jikkunsidra li huma meħtieġa l-promozzjoni u l-appoġġ ta" attivitajiet ta" riabilitazzjoni psikoloġika u soċjali li jħejju ċentri residenzjali pubbliċi, privati u pubbliċi-privati żgħar li jipprovdu faċilitajiet ta' kura matul il-ġurnata jew kura kontinwa, huma simili fid-daqs u fl-etos għal unitajiet ta' familja u jinsabu f'kuntest urban, sabiex jinkoraġġixxu l-integrazzjoni tar-residenti f'kull stadju tal-proċess terapewtiku u tar-riabilitazzjoni;

49.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva ġdida kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta" reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentament sesswali lilhinn mis-settur tal-impjiegi u jitlob l-adozzjoni immedjata ta" din id-direttiva sabiex persuni bi problemi ta" saħħa mentali jkunu mħarsa b'mod effettiv, mid-diskriminazzjoni;

50.  Jitlob lill-Istati Membri jirratifikaw mingħajr dewmien il-Konvenzjoni tal-Aja tat-13 ta' Jannar 2000 dwar il-Ħarsien Internazzjonali tal-Adulti (2000);

o
o   o

51.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Uffiċċju Ewropew tad-WHO.

(1) ĠU C 305 Ε, 14.12.2006, p. 148.
(2) Testi adottati, P6_TA(2008)0009.
(3) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

Avviż legali - Politika tal-privatezza