Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2181(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0061/2009

Testi mressqa :

A6-0061/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2009 - 8.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0085

Testi adottati
PDF 305kWORD 64k
It-Tlieta, 10 ta' Marzu 2009 - Strasburgu
Il-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea u esperjenzi simili f'pajjiżi terzi
P6_TA(2009)0085A6-0061/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 dwar il-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea u esperjenzi simili f'pajjiżi terzi (2008/2181(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 intitolata 'It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea' (COM(2008)0069),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 intitolata 'Rapport dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp futur tal-Aġenzija FRONTEX' (COM(2008)0067),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2008 intitolata 'Eżaminazzjoni dwar il-ħolqien ta' Sistema Ewropea ta" Sorveljanza għall-Fruntieri (EUROSUR)' (COM(2008)0068),

–   wara li kkunsidra l-kummenti preliminari tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-3 ta' Marzu 2008 u l-kummenti konġunti tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data u tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja tad-29 ta' April 2008 dwar it-tliet komunikazzjonijiet imsemmija hawn fuq,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta" persuni minn naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)(1),

–   wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS)(2),

–   wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1104/2008 tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)(3) kif ukoll id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/839/ĠAI tal-24 ta' Ottubru 2008 dwar il-migrazzjoni mis-Sistema ta" Informazzjoni ta" Schengen (SIS 1+) għas-Sistema ta" Informazzjoni ta" Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)(4),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2005 dwar effettività aħjar, interoperabilità u sinerġiji mtejba fost id-databases Ewropej fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern (COM(2005)0597),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta" Diċembru 2008 dwar l-evalwazzjoni u l-iżvilupp fil-ġejjieni tal-Aġenzija FRONTEX u tas-Sistema ta" Sorveljanza Ewropea tal-Fruntieri (EUROSUR)(5),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A6-0061/2009),

A.   billi t-tneħħija tal-kontrolli interni tal-fruntieri fl-UE hija waħda mill-akbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea,

B.   billi żona bla fruntieri interni ma tistax tiffunzjona mingħajr responsabilità u solidarjetà kondiviżi fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni tagħha,

C.   billi għandha tingħata attenzjoni fir-rigward tal-koperazzjoni mal-awtoritajiet ta" pajjiżi terzi responsabbli għas-sigurtà tal-fruntieri f'konformità mal-politika esterna tal-UE,

D.   billi l-fruntiera esterna tal-UE tinqasam kull sena minn 160 miljun ċittadin tal-UE, 60 miljun ċittadin ta' pajjiżi terzi (TCNs) li m'għandhomx bżonn viża u 80 miljun li għandhom bżonn viża,

E.   billi l-miżuri biex tissaħħaħ is-sigurtà fil-fruntieri għandha tmur id f'id mal-faċilitazzjoni tal-flussi tal-passiġġieri u l-promozzjoni tal-mobilità f'dinja dejjem aktar globalizzata,

F.   billi fil-qafas tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri tal-UE, diversi strumenti u programmi diġà ġew stabbiliti, qed jitħejjew jew waslu fl-istadju tal-iżvilupp tal-politika,

G.   billi l-Kummissjoni ddikjarat li biħsiebha tkun lesta fl-2009-2010 biex tippreżenta proposti leġiżlattivi biex jiddaħħlu sistema ta' dħul/ħruġ, Programm ta' Reġistrazzjoni tal-Vjaġġaturi (RTP) u Sistema Elettronika ta' Awtorizzazzjoni tal-Ivjaġġar (ESTA),

H.   billi sistemi simili jeżistu fl-Awstralja u qed jiġu implimentati mill-Istati Uniti tal-Amerika bħala parti mill-programm US-VISIT,

I.   billi hemm nuqqas ta' pjan ewlieni komprensiv li jistabbilixi l-istruttura globali tal-istrateġija relatata mal-fruntieri tal-UE kif ukoll ta' evalwazzjoni bir-reqqa tas-sistemi eżistenti u ta' dawk li qed jitħejjew,

Sistema ta' dħul/ħruġ

1.  Huwa konxju mill-fatt li l-persuni li jibqgħu f'pajjiż wara li jiskadilhom il-permess (overstayers), li huma l-qofol tas-sistema proposta ta' dħul/ħruġ, suppost jirrappreżentaw l-akbar kategorija ta' immigranti illegali fl-UE; jitlob, madankollu, aktar informazzjoni dwar id-data miġbura minn kuntrattur estern li tistma li ' fl-2006, kien hemm sa 8 miljun immigrant illegali fl-UE25'(6); barra minn hekk, jinsisti wkoll dwar il-ħtieġa ta' definizzjoni ċara tal-frażi 'persuna li tibqa' f'pajjiż wara li jiskadilha l-permess', kif ukoll tal-eżenzjonijiet li jistgħu jsiru f'każijiet speċifiċi, u analiżi kwalitattiva u kwantitattiva iktar dettaljata dwar it-theddid/ir-riskji/l-ispejjeż għas-soċjetà Ewropea;

2.  Jiġbed l-attenzjoni li, minkejja li s-sistema proposta u l-informazzjoni ta' twissija jistgħu jgħinu biex jiskuraġġixxu lil ċittadini minn pajjiżi terzi (TCNs) milli jibqgħu f'pajjiż wara li jiskadilhom il-permess, kif ukoll biex jipprovdu data u informazzjoni dwar kif dan iseħħ, kuntatt ulterjuri mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jibqa' meħtieġ sabiex jinqabdu l-persuni li jibqgħu f'pajjiż wara li jiskadilhom il-permess, u għalhekk ma jaħsibx li s-sistema proposta se twaqqaf daqstant dan il-fenomenu;

3.  M'għandux biżżejjed informazzjoni dwar kif din is-sistema se tkun integrata fil-qafas eżistenti u kif se taħdem magħha, dwar il-bidliet li jistgħu jkunu meħtieġa fis-sistemi eżistenti u dwar l-ispejjeż reali li se tiġġenera; għalhekk huwa tal-fehma li l-ħtieġa assoluta li tiġi implimentata din is-sistema tibqa' dubjuża;

4.  Ifakkar li t-tħaddim tajjeb tas-sistema ta' dħul/ħruġ se jiddependi kemm materjalment kif ukoll operazzjonalment fuq is-suċċess tal-VIS u s-SIS II; jinnota li dawn iż-żewġ strumenti għadhom mhumiex qed jaħdmu b'mod sħiħ u li għaldaqstant għadu ma kienx possibbli li jiġu evalwati kif suppost; jenfasizza li qed jitqajmu dubji dwar l-operabilità u l-affidabilità tas-SIS II;

5.  Jinnota, bla dubju u wara t-tagħlimiet mill-Istati Uniti tal-Amerika, li hija sfida akbar li jiġu stabbiliti infrastrutturi ta' ħruġ milli ta' dħul, u b'mod partikulari fir-rigward tal-ħruġ bil-baħar u fuq l-art; barra minn hekk, wara dawn it-tagħlimiet, għandu preokkupazzjonijiet konsiderevoli dwar l-effiċjenza f'sens ta' nfiq ta' din is-sistema; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar l-investimenti reali ġġenerati minn din is-sistema;

Programm ta' Reġistrazzjoni tal-Vjaġġaturi (RTP)

6.  Bħala prinċipju jappoġġja l-kunċett ta' RTP għat-TCNs, kemm jekk ikunu suġġetti għall-obbligu ta' viża kif ukoll jekk ma jkunux, li jgħin biex jitħaffu l-flussi tal-vjaġġaturi u tiġi evitata l-konġestjoni fil-punti ta" dħul u ta" ħruġ kif ukoll il-possibiltà li jintużaw passaġġi awtomatiċi miċ-ċittadini tal-UE, peress li l-liġi Komunitarja kif inhi bħalissa ma tippermettix is-simplifikazzjoni tal-kontrolli tal-fruntieri ħlief fil-każ ta' TCNs li joqogħdu f'żoni qrib ta" fruntiera;

7.  Madankollu, jikkritika t-terminoloġija użata fil-Komunikazzjoni msemmija intitolata 'It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea (vjaġġaturi 'ta' riskju żgħir'/'bona fide'), billi timplika li għadd enormi ta' vjaġġaturi huma meqjusa a priori bħala 'ta' riskju kbir' jew 'mala fide', u jirrakkomanda t-terminu "vjaġġaturi frekwenti";

8.  Jiġbed l-attenzjoni li diversi Stati Membri diġà waqqfu jew qed iħejju biex iwaqqfu RTP bħal dan għat-TCNs, u jenfasizza r-riskju li nsibu ruħna b'mużajk ta' sebgħa u għoxrin sistema bbażati fuq kriterji differenti, fosthom dawk dwar il-protezzjoni tad-data u l-ħlasijiet; huwa konxju mill-fatt li l-Olanda, kif ukoll il-Ġermanja, ir-Renju Unit u l-FRONTEX, qed jippruvaw jippromwovu l-programm 'International Expedited Traveller' bħala mudell possibbli għall-Istati Membri l-oħra;

9.  Huwa favur approċċ armonizzat u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħaffef il-proċess, fuq il-bażi tal-aqwa prattiki fl-Istati Membri u sabiex tiżgura li l-Istati Membri jibqgħu jaġixxu b'konformità mal-liġi Komunitarja;

10.  Jinnota li fil-fatt l-RTPs għat-TCNs huma differenti mill-RTPs għaċ-ċittadini tal-UE; għaldaqstant jenfasizza li għandha ssir distinzjoni ċara u l-ħin kollu bejn dawn it-tnejn;

Sistema Elettronika ta' Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar (ESTA)

11.  Jirrikonoxxi li ma jkunx għaqli, fir-rigward tal-miżuri ta' sigurtà, li wieħed jiffoka l-attenzjoni biss fuq it-TCNs li jivvjaġġaw lejn l-UE minn pajjiżi b'obbligu ta' viża; jistaqsi, madankollu, jekk is-sistema proposta hijiex assolutament meħtieġa u jixtieq spjegazzjoni bir-reqqa tar-raġuni fundamentali għaliha; huwa konvint li l-koperazzjoni mill-qrib bejn is-servizzi ta' intelliġenza b'mod partikulari hija l-mod tajjeb kif għandna nimxu, aktar milli ġabra massiva ta' data b'mod ġenerali;

12.  Jixtieq li jkun infurmat dwar il-kalendarju eżatt u d-dettalji eżatti tal-istudju previst mill-Kummissjoni;

Preokkupazzjonijiet dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Bijometrika

13.  Huwa inaċċettabbli li l-Kummissjoni naqset milli tikkonsulta jew lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS), minkejja li dan kien esprima numru ta' preokkupazzjonijiet, jew lill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 qabel l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni intitolata 'It-tħejjija tal-passi li jmiss fil-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea'; għaldaqstant, jitlob lill-Kummissjoni biex tikkonsulta lit-tnejn li huma fir-rigward ta' kwalunkwe azzjoni li tkun se tittieħed taħt dik il-Komunikazzjoni, peress li l-elementi bażiċi proposti jinvolvu l-ipproċessar ta' ammonti kbar ta' data personali;

14.  Huwa konxju mill-fatt li l-bijometrika teoretikament tikkonsisti f'identifikaturi personali effettivi għaliex il-karatteristiċi mkejla huma meqjusa uniċi għal kull persuna; madankollu, jenfasizza l-fatt li l-affidabilità tal-bijometrika qatt mhija assoluta u mhijiex dejjem eżatta; għalhekk jiġbed l-attenzjoni li għandu jkun hemm proċeduri alternattivi l-ħin kollu u li l-profili tar-riskju għandhom ikunu elaborati aħjar;

15.  Jinsisti fuq protokoll standard għall-użu u l-iskambju ta' informazzjoni bijometrika kif ukoll fuq ftehimiet dwar il-kontroll tal-interface biex jiġi deskritt kif se jintuża l-protokoll; barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-użu tal-bijometrika għandu jkun suġġett għal standard ta' kwalità sabiex ikunu evitati d-diverġenzi fl-aċċettazzjoni tas-sistemi differenti użati mill-Istati Membri;

16.  Iqis li approċċ ibbażat fuq it-teknoloġija "privacy by design" (il-privatezza mħarsa fl-istruttura nnifsha) huwa karatteristika essenzjali ta' kwalunkwe żvilupp li jista' jipperikola l-informazzjoni personali tal-individwi u l-fiduċja tal-pubbliku f'min ikollu informazzjoni dwarhom;

Konklużjonijiet

17.  Iqis li l-objettiv tal-ġestjoni verament integrata tal-fruntieri tal-UE huwa leġittimu u jaqbel li huwa importanti li tkun żviluppata u msaħħa kontinwament politika komuni tal-UE dwar il-ġestjoni tal-fruntieri;

18.  Madankollu, huwa tal-fehma li fil-qafas tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-immigrazzjoni, il-proposti fuq skala kbira qed jiżdiedu b'rata tal-iskantament; għaldaqstant jitlob lill-Kummissjoni biex taħseb f'termini tal-ħtieġa tal-loġistika tal-fruntieri u l-ispiża tagħha;

19 Barra minn hekk, jikkundanna l-kunċett li l-politika tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE għandha tkun ibbażata fuq l-idea li l-vjaġġaturi kollha huma potenzjalment issuspettati u li jridu jippruvaw il-bona fede tagħhom;

20.  Jikkritika n-nuqqas ta' pjan ewlieni komprensiv li jistabbilixxi l-istruttura u l-objettivi globali tal-istrateġija tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE kif ukoll in-nuqqas ta" dettalji li juru kif il-programmi u l-iskemi kollha relatati (li diġà qegħdin fis-seħħ, li qed jitħejjew jew li waslu fl-istadju tal-iżvilupp ta' politika) għandhom jaħdmu flimkien u kif jistgħu jittejbu r-rabtiet ta" bejniethom; huwa tal-fehma li, meta titqies l-istruttura tal-istrateġija tal-ġestjoni tal-fruntieri tal-UE, il-Kummissjoni għandha qabel kollox tanalizza l-effettività tas-sistemi eżistenti tal-Istati Membri għall-ġestjoni tal-fruntieri, sabiex jintlaħqu s-sinerġiji ottimali ta" bejniethom;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' evalwazzjoni tas-sistemi eżistenti u, qabel kollox, ta' dawk li qed jitħejjew, u jenfasizza li l-abilità tal-UE li tilħaq l-għanijiet strateġiċi tagħha tiddependi ħafna mis-suċċessi tagħha fil-ġestjoni tal-interdipendenzi fost il-programmi relatati, peress li d-duplikazzjoni u l-inkonsistenza bejniethom ikollhom impatt negattiv fuq ir-rendiment organizzattiv u fuq ir-riżultati bħala konsegwenza; huwa tal-fehma li l-ebda strument jew sistema ġdida m'għandu jiġi varat sakemm l-għodod eżistenti jkunu qed jaħdmu b'mod sħiħ, sikuri u affidabbli;

22.  Huwa tal-fehma li, qabel ma jsir kwalunkwe investiment, huwa importanti ħafna li jkun hemm kuntest operattiv definit b'mod ċar għall-konformità tal-miżuri u l-inizjattivi ġodda kollha; barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni li għandu jkun ċar ħafna liema modifiki huma meħtieġa sabiex ikun żgurat li t-teknoloġija u l-proċessi jaħdmu flimkien, u jenfasizza li l-investimenti kollha għandhom ikunu ġustifikati ekonomikament;

23.  Jesprimi dubji dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri proposti, meta jitqies kemm huma għaljin u r-riskji potenzjali li jippreżentaw għall-ħarsien tad-data; għalhekk huwa tal-fehma li għandhom jiġu evalwati fir-rigward ta" dawn il-kriterji qabel ma tiġi prevista kwalunkwe proposta formali;

24.  Jirrikonoxxi li l-ilħuq ta" bilanċ bejn l-iżgurar tal-moviment ħieles ta' għadd dejjem jiżdied ta' persuni bejn il-fruntieri u l-iżgurar ta' sigurtà akbar għaċ-ċittadini tal-Ewropa huwa eżerċizzju kumpless, u ma jiċħadx li l-użu tad-data joffri vantaġġi ċari; fl-istess ħin, huwa tal-fehma li l-fiduċja tal-pubbliku fl-operat tal-gvern tista' tinżamm biss jekk fil-qasam tal-protezzjoni tad-data jkun hemm salvagwardji, sorveljanza u mekkaniżmi ta' rimedju suffiċjenti;

o
o   o

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta" Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (FRONTEX).

(1) ĠU L 105 13.4.2006, p. 1.
(2) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.
(3) ĠU L 299, 8.11.2008, p. 1.
(4) ĠU L 299, 8.11.2008, p. 43.
(5) Testi adottati, P6_TA(2008)0633.
(6) SEC(2008) 0153.

Avviż legali - Politika tal-privatezza