Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija (2008/2196(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 192, it-tieni paragrafu, tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 43 u 48 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Mejju 2003 dwar "L-Immodernizzar tal-Liġijiet tal-Kumpaniji u t-Titjib tal-Governanza tal-Kumpaniji fl-Unjoni Ewropea - Pjan biex nimxu 'l quddiem" (COM(2003)0284),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' April 2004 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsillu lill-Parlament Ewropew: L-immodernizzar tal-liġijiet tal-kumpaniji u t-titjib tal-governanza tal-kumpaniji fl-Unjoni Ewropea - Pjan biex nimxu 'l quddiem(1),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2006 dwar żviluppi riċenti u prospettivi rigward il-liġi tal-kumpaniji(2),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2007 dwar il-Kumpanija Privata Ewropea u l-Erbatax-il Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpaniji dwar it-trasferiment tas-sede tal-kumpanija(3),
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-Daily Mail and General Trust(4), Centros(5), Überseering(6), Inspire Art(7), SEVIC Systems(8) u Cadbury Schweppes(9),
– wara li kkunsidra r-Regoli 39 u 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0040/2009),
A. billi l-kumpaniji għandhom igawdu mil-libertà tal-istabbiliment fis-suq intern kif imsemmi fit-Trattat tal-KE u interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja,
B. billi l-migrazzjoni transkonfinali tal-kumpaniji hija wieħed mill-elementi kruċjali fit-tlestija tas-suq intern,
C. billi t-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija m'għandux iwassal għax-xoljiment tagħha jew kwalunkwe interruzzjoni oħra jew telfien ta' personalità ġuridika,
D. billi t-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat m'għandux idur ma" kundizzjonijiet legali, soċjali u fiskali,
E. billi d-drittijiet ta' partijiet oħra interessati kkonċernati minħabba t-trasferiment, bħal ma huma l-azzjonisti tal-minoranza, impjegati u kredituri, eċċ., għandhom jiġu salvagwardjati,
F. billi l-acquis communautaire relevanti li jipprovdi għall-informazzjoni transkonfinali, il-konsultazzjoni u d-drittijiet ta' parteċipazzjoni tal-ħaddiema kif ukoll għall-protezzjoni tad-drittijiet diġà eżistenti tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema (Direttivi 94/45/KE(10) u 2005/56/KE(11)) għandu jinżamm għal kollox, u billi b'konsegwenza t-trasferiment ta' uffiċċju reġistrat m'għandux jirriżulta fit-telf tad-drittijiet eżistenti,
G. billi r-regola li tirrikjedi li kumpanija żżomm l-uffiċċju prinċipali tagħha u l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-istess Stat Membru tmur kontra l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-libertà tal-istabbiliment u għalhekk tikser il-liġi tal-KE,
1. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta lill-Parlament sal-31 ta" Marzu 2009, fuq il-bażi tal-Artikolu 44 tat-Trattat KE, proposta leġiżlattiva għal direttiva li tistipula miżuri għall-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jitħaffef it-trasferiment transkonfinali fil-Komunità tal-uffiċċju reġistrat ta' kumpanija mwaqqfa skont il-leġiżlazzjoni ta' Stat Membru ("l-14-il Direttiva tal-Liġi dwar il-Kumpaniji"), u jitlob li din il-proposta titfassal fil-qafas tad-deliberazzjonijiet interistituzzjonali u bħala segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dettaljati li jidhru hawn taħt;
2. Jinnota li bħalissa l-impriżi jistgħu jittrasferixxu s-sede tagħhom biss jekk jiddikjaraw xoljiment u joħolqu entità legali ġdida fl-Istat Membru ta' destinazzjoni, jew jistabilixxu entità legali ġdida fl-Istat Membru ta' destinazzjoni u wara jgħaqqdu ż-żewġ impriżi; jinnota, barra minn hekk, li din il-proċedura tinvolvi ostakli amministrattivi, spejjeż u konsegwenzi soċjali u ma toffri l-ebda sikurezza legali;
3. Jiġbed l-attenzjoni għal-libertà tal-istabbiliment li hija garantita għall-impriżi skont l-Artikolu 48 tat-Trattat tal-KE, kif ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej(12);
4. Jinnota li t-trasferiment tas-sede ta' kumpanija jimplika trasferiment ta' superviżjoni; jinnota li, fil-kuntest tat-tfassil tal-14-il Direttiva tal-Liġi dwar il-Kumpaniji dwar it-trasferiment transkonfinali tal-uffiċċji reġistrati, iż-żamma tad-drittijiet eżistenti tal-azzjonisti, tal-kredituri u tal-ħaddiema għandha tkun garantita u li l-ekwilibriju eżistenti fil-ġestjoni tal-kumpanija ("il-governanza tal-kumpanija") għandu jiġi preservat;
5. Jipproponi li fid-Direttiva l-ġdida ssir referenza għad-Direttiva 94/45/KE u d-Direttiva 2005/56/KE, sabiex tiġi garantita l-koerenza u n-natura sostantiva ta" proċeduri tal-parteċipazzjoni tal-impjegati fl-applikazzjoni tad-direttivi tal-liġi dwar il-kumpaniji tal-UE;
6. Huwa tal-fehma li t-trasferiment tas-sede ta" kumpanija għandu jsir wara li jitfassal pjan dwar it-trasferiment kif ukoll rapport fejn jiġu spjegati u jingħataw raġunijiet rigward l-aspetti legali u ekonomiċi kif ukoll il-konsegwenzi tat-trasferiment għall-azzjonisti u l-ħaddiema; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kemm il-pjan ta" trasferiment kif ukoll ir-rapport għandhom ikunu aċċessibbli fil-ħin għal dawk kollha involuti;
7. Jenfasizza l-effetti pożittivi tal-kompetizzjoni fiskali fuq it-tkabbir ekonomiku fil-kuntest tal-Istrateġija ta' Liżbona;
8. Jinnota li t-trasferiment ta' sede għandu jsir f'kundizzjonijiet fiskali newtrali;
9. Jissuġġerixxi li l-iskambju ta' informazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet fiskali għandhom jittejbu;
10. Jitlob għal trasparenza fl-applikazzjoni tad-direttiva l-ġdida fl-Istati Membri u għalhekk jipproponi rekwiżit ta' rappurtaġġ għall-Istati Membri fil-konfront tal-Kummissjoni, b'hekk l-impriżi li jittrasferixxu l-uffiċċju reġistrat tagħhom skont id-direttiva jkollhom jitniżżlu f'reġistru Ewropew tal-kumpaniji; jindika li, fl-interess tat-tfassil aħjar tal-leġiżlazzjoni, għandha tiġi evitata l-informazzjoni żejda ("overkill") fit-traspożizzjoni tar-rekwiżit ta' rappurtar fil-liġi nazzjonali sakemm tkun iggarantita informazzjoni suffiċjenti;
11. Jikkonferma li r-rakkomandazzjonijiet jirrispettaw il-prinċipji ta' solidarjetà u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini;
12. Jikkunsidra li l-proposta mitluba m'għandhiex implikazzjonijiet finanzjarji;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati mehmużin magħha lill-Kummissjoni u lill-Kunsill u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.
Id-Direttiva tal-Kunsill 94/45/KE tat-22 ta' Settembru 1994 dwar l-istabbiliment ta' Kunsill Ewropew tax-Xogħol jew proċedura f'impriżi fuq skala tal-Komunità u gruppi ta' impriżi fuq skala tal-Komunità għall-għanijiet li l-impjegati jiġu nfurmati u kkonsultati (ĠU L 254, 30.9.1994, p. 64).
Id-Direttiva 2005/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-26 ta' Ottubru 2005 dwar 'mergers' transkonfinali ta' kumpanniji ta' responsabbiltà limitata (ĠU L 310, 25.11.2005, p. 1).
RAKKOMANDAZZJONIJIET DETTALJATI DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
Il-Parlament Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għal Direttiva li għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:
Rakkomandazzjoni 1 (l-effetti ta' trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat)
It-trasferimenti transkonfinali ta' uffiċċji reġistrati m'għandhomx iwasslu għax-xoljiment tal-kumpanija kkonċernata jew għal kwalunkwe interruzzjoni jew telfien tal-personalità legali tagħha; konsegwentement, il-kumpanija għandha żżomm l-identità legali tagħha, filwaqt li l-assi, ir-responsabilitajiet u r-relazzjonijiet kuntrattwali kollha tagħha m'għandhomx ikunu affettwati. Barra minn hekk, it-trasferiment m'għandux jaħrab il-kundizzjonijiet legali, soċjali u fiskali. It-trasferiment għandu jidħol fis-seħħ fid-data tar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Mid-data ta' reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti, il-kumpanija għandha tobdi l-leġiżlazzjoni ta' dak l-Istat.
Rakkomandazzjoni 2 (proċedura ta' trasferiment fil-kumpanija)
Il-maniġment jew bord ta' kumpanija li jkun qed jippjana trasferiment huwa mitlub ifassal proposta ta' trasferiment. Il-proposta għandha tkopri għall-inqas:
(a)
il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju;
(b)
il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat previsti tal-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;
(c)
il-memorandum u l-artikoli ta' assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;
(d)
l-iskeda prevista għat-trasferiment;
(e)
id-data li minnha t-tranżazzjoni tal-kumpanija li bi ħsiebha titrasferixxi l-uffiċċju reġistrat tagħha se titqies għal raġunijiet ta' kontabilità bħala stabbilita fl-Stat Membru ospitanti;
(f)
fejn xieraq, l-informazzjoni dettaljata dwar it-trasferiment tal-amministrazzjoni ċentrali jew tal-post ewlieni tan-negozju;
(g)
id-drittijiet garantiti għall-membri, l-impjegati u l-kredituri tal-kumpanija jew il-miżuri relevanti proposti;
(h)
jekk il-kumpanija hija mmaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti ma timponiex skema bħal din, għandha tiġi ddeterminata l-informazzjoni dwar il-proċeduri li permezz tagħhom jiġu determinati l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.
Il-proposta tat-trasferiment għandha tiġi ppreżentata lill-membri u lir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-kumpanija għal kunsiderazzjoni f'perjodu xieraq qabel id-data tal-laqgħa ġenerali tal-attivisti tal-kumpanija.
Kumpanija li tkun qed tippjana trasferiment għandha tintalab li għall-inqas tippubblika d-dettalji li ġejjin skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, bi qbil mad-Direttiva 68/151/KEE(1):
(a)
il-forma legali, l-isem u l-uffiċċju reġistrat tal-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju kif ukoll dawk previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti;
(b)
ir-reġistru fejn id-dokumenti u d-dettalji msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 68/151/KEE huma ppreżentati fir-rigward tal-kumpanija u n-numru tad-dħul f'dak ir-reġistru;
(c)
indikazzjoni tal-arranġamenti fejn il-kredituri u l-azzjonisti tal-minoranza tal-kumpanija jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u l-indirizz li fih tista' tinġabar l-informazzjoni kollha dwar dawk l-arranġamenti bla ħlas.
Il-maniġment jew bord ta' kumpanija li jkun qed jippjana trasferiment huwa mitlub ifassal rapport li fih jispjega u jiġġustifika l-aspetti legali u ekonomiċi tal-proposta u jindika l-konsegwenzi għall-membri, il-kredituri u l-ħaddiema tal-kumpanija, sakemm ma jkunx hemm ftehim mod ieħor.
Rakkomandazzjoni 3 (deċiżjoni tat-trasferiment b'laqgħa ġenerali tal-attivisti)
Il-laqgħa ġenerali tal-attivisti għandha tapprova l-proposta tat-trasferiment bi qbil mal-arranġamenti stipulati u bil-maġġoranza meħtieġa biex jiġu emendati l-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kumpanija fl-Istat Membru tad-domiċilju.
Jekk il-kumpanija tkun immaniġġjata fuq il-bażi tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti tista' tlesti t-trasferiment b'kundizzjoni li hija tapprova b'mod ċar l-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tal-ħaddiema.
Rakkomandazzjoni 4 (il-proċedura u l-verifika tat-trasferiment amministrattiv)
L-Istat Membru tad-domiċilju għandu jivverifika l-legalità tal-proċedura tat-trasferiment skont il-leġiżlazzjoni tiegħu. L-awtorità kompetenti identifikata mill-Istat Membru tad-domiċilju għandha toħroġ ċertifikat li jiddikjara b'mod konklużiv li l-atti u l-formalitajiet kollha meħtieġa jkunu ġew kompluti.
Iċ-ċertifikat, kopja tal-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni previsti għall-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti u kopja tal-proposta tat-trasferiment għandhom jiġu ppreżentati f'perjodu ta' żmien xieraq lill-entità responsabbli għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti. Dawn id-dokumenti għandhom ikunu suffiċjenti biex jippermettu l-kumpanija li tiġi rreġistrata fl-Istat Membru ospitanti. L-awtorità kompetenti għar-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet sostantivi u formali għat-trasferiment huma ssodisfati.
L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha immedjatament tavża l-awtorità rispettiva fl-Istat Membru tad-domiċilju dwar ir-reġistrazzjoni. Wara li jsir dan, l-awtorità tal-Istat Membru tad-domiċilju għandha tneħħi l-kumpanija mir-reġistru.
Ir-reġistrazzjoni fl-Istat Membru ospitanti u t-tneħħija mir-reġistru tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jiġu ppubblikati. Għandhom jiġu koperti għall-inqas dawn id-dettalji:
(a)
id-data tar-reġistrazzjoni;
(b)
in-numru tad-dħul il-ġdid u dak preċedenti fir-reġistri rispettivi tal-Istat Membru tad-domiċilju u ta' dak ospitanti.
Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema għandha tkun kontrollata mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti.
Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti mhix applikabbli:
(a)
fejn l-Istat Membru ospitanti ma jipprovdix għal mill-inqas l-istess livell ta' parteċipazzjoni kif inhu operat fil-kumpanija fl-Istat Membru ospitanti, jew
(b)
fejn il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti ma tikkonferixxix fuq l-impjegati tal-istabbilimenti tal-kumpanija li tkun tinsab fi Stati Membri oħra l-istess jedd li jeżerċitaw id-drittijiet ta' parteċipazzjoni bħal dawk li tali impjegati kellhom qabel it-trasferiment.
F'dawn il-każijiet, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2005/56/KE għandhom japplikaw kif xieraq.
Rakkomandazzjoni 6 (partijiet terzi kkonċernati minħabba t-trasferiment)
Kwalunkwe kumpanija li kontriha jittieħdu proċedimenti għax-xoljiment, likwidazzjoni, insolvenza jew sospensjoni ta' pagamenti jew proċedimenti simili oħra, m'għandhiex titħalla tagħmel trasferiment transkonfinali tal-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Komunità.
Minħabba raġunijiet ta" proċedimenti legali jew amministrattivi li jkunu għaddejjin u li jkunu bdew qabel it-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat, il-kumpanija għandha titqies li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Istat Membru tad-domiċilju.
L-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tad-9 ta' Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta' salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri tal-kumpanniji skont is-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, bl-iskop li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti fil-Komunità kollha (ĠU L 65, 14.3.1968, p. 8).