Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2150(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0022/2009

Testi mressqa :

A6-0022/2009

Dibattiti :

PV 09/03/2009 - 21
CRE 09/03/2009 - 21

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2009 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0088

Testi adottati
PDF 398kWORD 74k
It-Tlieta, 10 ta' Marzu 2009 - Strasburgu
Pjan ta" azzjoni tal-Kummissjoni lejn qafas integrat tal-kontroll intern
P6_TA(2009)0088A6-0022/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 dwar il-Pjan ta" Azzjoni tal-Kummissjoni lejn qafas integrat tal-kontroll intern (2008/2150(INI))

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra t-Trattat KE,

-   wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 2/2004 tal-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej dwar il-mudell "verifika unika" (u proposta għal qafas Komunitarju ta' kontroll intern)(1),

-   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2005 dwar pjan direzzjonali għal qafas ta' kontroll intern integrat (COM(2005)0252),

-   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Jannar 2006 dwar il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni lejn qafas ta" kontroll intern integrat (COM(2006)0009),

-   wara li kkunsidra l-ewwel rapport ta" nofs is-sena dwar l-iscoreboard għall-applikazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni lejn qafas ta' kontroll intern integrat ippubblikat fid-19 ta" Lulju 2006 (SEC(2006)1009), skont talba tal-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2006 dwar il-kwittanza fir-rigward tas-sena finanzjarja 2004(2),

-   wara li kkunsidra r-rapport interim ta" progress tal-Kummissjoni ippubblikat fis-7 ta' Marzu 2007 (COM(2007)0086), li jiddeskrivi l-progress u li jħabbar xi azzjonijiet addizzjonali,

-   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Frar 2008 bit-titolu "Rapport dwar il-Pjan ta" Azzjoni tal-Kummissjoni lejn Qafas Integrat tal- Kontroll Intern" (COM(2008)0110) u l-karta ta" ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni annessa magħha (SEC(2008)0259),

-   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 2008 bit-titolu "Sintesi tal-kisbiet amministrattivi tal-Kummissjoni fl-2007" (COM(2008)0338),

-   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-awtorità ta' kwittanza dwar verifiki interni mwettqa fl-2007 (COM(2008)0499),

-   wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissjoni lill-awtorità ta' kwittanza dwar is-segwitu għad-deċiżjonijiet ta' kwittanza 2006 (COM(2008)0629 u COM(2008)0628) u karti ta" ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li jakkumpanjawh' (SEC(2008)2579 u SEC(2008)2580),

-   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2007, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Baġits (A6-0022/2009),

A.   billi skont l-Artikolu 274 tat-Trattat KE, il-Kummissjoni timplimenta l-baġit fuq responsabbiltà tagħha stess, fuq il-bażi tal-prinċipji ta' tmexxija finanzjarja soda, b'koperazzjoni mal-Istati Membri,

B.   billi l-prinċipju ta' kontroll intern effettiv huwa wieħed mill-prinċipji baġitarji stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (Regolament Finanzjarju)(4) bħala segwitu tal-emenda tiegħu permezz tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1995/2006 tat-13 ta' Diċembru 2006(5), kif propost mill-Kummissjoni fil-pjan ta' azzjoni lejn qafas integrat tal- kontroll intern ("il-Pjan ta' Azzjoni"),

C.   billi l-aktar mezzi effettivi għall-Kummissjoni sabiex turi li hija tassew impenjata li tiżgura trasparenza u tmexxija finanzjarja soda huwa li tagħmel kull ma tista' biex tappoġġja miżuri li jfittxu li jtejbu l-kwalità tat-tmexxija finanzjarja, bil-ħsieb li tinkiseb dikjarazzjoni ta' assikurazzjoni pożittiva (DAS(6)) mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA),

D.   billi fil-paragrafu 5 tal-konklużjonijiet tiegħu tat-8 ta" Novembru 2005, il-Kunsill ECOFIN qies li kien ta' importanza fundamentali li tiġi introdotta sistema ta' kontroll intern integrat u li tkun issimplifikata l-leġiżlazzjoni dwar il-kontrolli u talab "li l-Kummissjoni tevalwa l-ispiża tal-kontrolli mill-qasam tal-infiq",

E.   billi sabiex jiġi appoġġjat l-objettiv strateġiku li wieħed jirċievi DAS mill-QEA, il-Kummissjoni adottat f'Jannar tal-2006 il-Pjan ta' Azzjoni, li jimxi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-QEA(7), ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' April 2005 dwar il-kwittanza fir-rigward tas-sena finanzjarja 2003(8) u l-konklużjonijiet tal-ECOFIN tat-8 ta" Novembru 2005,

F.   billi f'dak iż-żmien il-Pjan ta' Azzjoni indirizza "qabżiet" fl-istrutturi ta' kontroll tal-Kummissjoni u identifika 16-il qasam għal azzjoni sal-aħħar tal-2007, filwaqt li kien ikkunsidrat il-fatt li titjib tat-tmexxija finanzjarja fl-Unjoni għandu jkun appoġġjat minn monitoraġġ mill-qrib tal-kontrolli fil-Kummissjoni u fl-Istati Membri,

G.   billi fil-paragrafu 2.29 fil-Kapitolu 2 tar-Rapport Annwali tagħha għall-2007(rigward is-sistema ta' kontroll intern tal-Kummissjoni), il-QEA tenfasizza li "ir-rapport fil-qosor tal-Kummissjoni għall-2007 jipprovdi evalwazzjoni kunfidenti tal-progress magħmul fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet sal-ġurnata tal-lum, filwaqt li jindika li l-provi tal-effettività tal-azzjonijiet f'termini tat-tnaqqis tal-livell ta' żbalji fit-tranżazzjonijiet ta' bażi jistgħu jkunu għadhom 'il bogħod",

H.   billi, skont ir-rispons tal-Kummissjoni għal paragrafu 2.30 tar-Rapport Annwali tal-QEA għall-2007, "l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet hija proċess kontinwu u qed tiġi segwita b'mod vigoruż. L-impatt tal-azzjonijiet huwa neċessarjament posterjuri għall-implimentazzjoni tagħhom matul is-snin 2006 u 2007 u l-ewwel rapport dwar l-impatt se jsir kmieni fl-2009 ",

1.  Jilqa b'sodisfazzjon il-progress ġenerali li sar fl-iżvilupp tal-Pjan ta' Azzjoni u l-fatt li l-maġġoranza tal-azzjonijiet ġew implimentati u li l-biċċa l-kbita tan-nuqqasijiet identifikati fil-Pjan ta' Azzjoni ssolvew;

2.  Jenfasizza li qafas ta" kontroll intern integrat effettiv kif previst fil-Komunikazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni se jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw aħjar il-baġit tal-UE skont l-għanijiet politiċi u l-prijoritajiet tal-Parlament;

3.  Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' lingwaġġ ċar, u jistieden lill-Kummissjoni biex tindika f'liema stadju tinsab fil-proċess għall-kisba ta' qafas ta" kontroll intern integrat, u meta qed tistenna li l-miżuri meħuda jkollhom effetti viżibbli u pożittivi fuq il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet;

4.  Jieħu nota tar-rapport dwar l-impatt adottat mill-Kummissjoni fl-4 ta' Frar 2009 (COM(2009)0043) u se jieħu kont ta' dak ir-rapport fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza għas-sena finanzjarja 2007;

5.  Jinnota l-isforzi magħmula mill-Kummissjoni iżda jiddispjaċih li, s'issa, il-Kummissjoni ma rnexxiliex tressaq ċifri kompleti u affidabbli dwar l-irkupri u korrezzjonijiet finanzjarji minħabba problemi ta' rappurtar min-naħa tal-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni biex issolvi dawn il-problemi u jistenna li hi tippreżenta skeda dettaljata għall-iżvilupp u l-applikazzjoni ta' iskema ta' rappurtar ġdida;

6.  Jiġbed l-attenzjoni li huwa l-impatt tal-azzjonijiet li se jifforma l-bażi tal-evalwazzjoni tas-suċċess tal-Pjan ta' Azzjoni permezz ta" tnaqqis fir-rati tal-iżbalji u tat-titjib tal-gradazzjonijiet imtejba ta' sistemi ta' kontroll ikkonfermati mill-QEA;

7.  Jistenna bi sħiħ li titjib bħal dan se jkollu impatt reali fuq r-Rapport Annwali tal-QEA għall-2008;

8.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza fl-evalwazzjoni ta' impatt tal-Pjan ta' Azzjoni u biex tissorvelja b'mod sħiħ l-implimentazzjoni tagħha;

Azzjonijiet 4, 10 u 10N: indiċi ta" żbalji jew riskju ta' żbalji aċċettabbli - analiżi tal-bilanċ eżistenti bejn in-nefqa operattiva u l-ispiża tas-sistema ta' kontroll

9.  Jiddispjaċih għall-fatt li fi tnejn mill-aktar azzjonijiet importanti għal dan il-Parlament hemm ċertu ta' dewmien fir-rigward tal-kalendarju previst;

10.  B'mod speċjali jiddispjaċih għall-fatt li l-Azzjoni 4 tal-Pjan ta' Azzjoni dwar it-tnedija ta' inizjattiva interistituzzjonali dwar il-prinċipji bażiċi li għandhom jitqiesu rigward ir-riskji li għandhom ikunu tollerati fit-tranżazzjonijiet involuti, għadha ma ġietx implimentata; jaqbel mad-dikjarazzjoni magħmula mill-QEA fl-Opinjoni tagħha Nru 4/2006(9) li anke jekk huwa kunċett vitali għas-sistema ta' kontroll integrat, kif għandu jiġi determinat "livell aċċettabbli tar-riskju" għadu mhux iċċarat;

11.  Jirrimarka li fil-paragrafi 2.9 u 2.10 tar-Rapport Annwali tagħha għall-2005(10), il-QEA diġà qieset li, fir-rigward tal-istabbiliment ta' qafas ta" kontroll integrat, "wieħed mill-aktar objettivi importanti approvati mill-Kummissjoni huwa rappreżentat mill-proporzjonalità u mill-effettività għall-ispiża tal-kontrolli ";

12.  Ifakkar, barra minn hekk, fil-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq tal-Kunsill ECOFIN tat-8 ta" Novembru 2005, li jiddikjaraw li "Il-Kunsill jemmen, bi qbil mal-opinjoni tal-Qorti 2/2004, li għandu jasal għal fehim mal-Parlament Ewropew dwar ir-riskji li għandhom jiġu tollerati fit-transazzjonijiet ikkonċernati, fejn jitqiesu l-ispejjeż u l-benefiċċji tal-kontrolli għall-oqsma differenti tal-politika u l-valur tal-ispejjeż ikkonċernati";

13.  Jirrimarka li fil-paragrafu 2.42, punt (c) tar-Rapport Annwali tagħha għall-2007, il-QEA tirrakkomanda li jsir progress sabiex isir avvanz fil-kunċett ta' riskju tollerabbli, u fil-paragrafu 1.52, punt (c) fil-Kapitolu 1 (dwar id-Dikjarazzjoni ta' Assikurazzjoni u informazzjoni ta" sostenn) ta" dan ir-rapport, hija tindika li "il-bilanċ bejn l-ispiża u r-riskju residwu għal oqsma individwali ta' infiq huwa ta' tali importanza li għandu jiġi approvat mil-livell politiku (jiġifieri mill-baġit/awtoritajiet ta" kwittanza) f'isem iċ-ċittadin tal-Unjoni";

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tadotta malajr il-komunikazzjoni mwiegħda dwar din il-kwistjoni, bl-għan li terġa titnieda d-diskussjoni interistituzzjonali dwar riskju tollerabbli kif diġà mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu ta' kwittanza tas-24 ta' April 2007 għas-sena finanzjarja 2005(11) u r-riżoluzzjoni tiegħu ta' kwittanza tat-22 ta' April 2008 għas-sena finanzjarja 2006(12); jistieden lill-Kummissjoni tiżvela bi sħiħ lill-pubbliku l-metodi li jintużaw sabiex jiġu determinati r-rati ta' żbalji;

15.  Iqis, għalhekk, li l-Kummissjoni, f'konformità mal-prinċipji ta' proporzjonalità u l-effiċjenza meta mqabbla man-nefqa (valur għall-flus) ta' sistemi ta" kontroll, għandha tevalwa r-relazzjoni bejn, fuq naħa waħda, ir-riżorsi disponibbli għal kull politika partikolari, u, min-naħa l-oħra, il-parti tar-riżorsi ddedikata għall-sistemi ta' kontroll skont il-qasam tal-infiq, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu fir-rigward tas-sena finanzjarja 2005;

16.  Ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-importanza li titwettaq l-analiżi komparattiva li waħidha se tippermetti l-istabbiliment ta' livell aċċettabbli ta" riskju ta' żbalji, u li tgħaddi din l-analiżi lill-Parlament, lill-Kunsill u lill-QEA;

17.  Jemmen li l-proporzjon spiża-benefiċċju eżistenti bejn ir-riżorsi ddedikati għall-attivitajiet ta' kontroll u r-riżultati miksuba mill-kontrolli għandu jkun element ewlieni li għandu jitqies mill-QEA;

18.  Jenfasizza l-osservazzjoni importanti ħafna magħmula mill-QEA fil-paragrafu 1.52, punt (d), tar-Rapport Annwali tagħha għall-2007 li "Jekk skema ma tistax tiġi implimentata b'mod sodisfaċenti fuq livell aċċettabbli ta' spiża u b'riskju tollerabbli, għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid";

19.  Jitlob lill-Kummissjoni rigward l-Azzjonijiet 10 u 10N, biex tippreżenta informazzjoni affidabbli dwar l-ispejjeż tas-sistemi ta" kontroll u dwar mezzi possibbli ta" simplifikazzjoni bil-għan li jinstab bilanċ aħjar bejn il-bżonn għall-kontrolli u l-għan li jkun hemm tnaqqis tal-piż amministrattiv għall-applikanti u l-benefiċjarji tal-fondi tal-UE;

20.  Ifakkar fl-opinjoni tiegħu u fl-opinjoni tal-Qorti tal-Awdituri li regoli kumplikati jew mhux ċari u rekwiżiti legali kumplessi jkollhom impatt negattiv fuq il-legalità u r-regolarità tal-infiq tal-UE; iqis neċessarju li tkun trattata l-kwistjoni ta" simplifikazzjoni bħala punt importanti għar-riforma li jmiss tar-Regolament Finanzjarju u għal bażi legali futura tal-programmi ta" infiq tal-UE;

Azzjonijiet 1, 3, 3N, 5, 10, 10a, 11N, 13 u 15: Meħtieġa koperazzjoni mal-Istati Membri

21.  Jenfasizza li rigward l-implimentazzjoni ta" Azzjonijiet 1, 3, 3N, 5, 10, 10a, 11N, 13 u 15, il-Kummissjoni hija dipendenti wkoll fuq koperazzjoni mal-Istati Membri; jenfasizza li jappoġġja b'mod sħiħ dawn l-azzjonijiet u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża kull strument possibbli li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex timplimenthom b'mod sħiħ malajr kemm jista" jkun;

22.  Ifakkar fl-istqarrija magħmula mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tal-2008 imsemmija hawn fuq (COM(2008)0110) li l-Azzjonijiet 1, 3, 3N, 5, 8 u 13 ġew mitmuma;

23.  Jiġbed l-attenzjoni madanakollu li sa issa ma kienx konxju ta" dokumenti ta" evidenza jew ta" dikjarazzjonijiet li jiġġustifikaw dikjarazzjoni bħal din; huwa sfurzat għalhekk biex jiddubita serjament jekk dawn il-miżuri intemmux u jekk ġewx implimentati jew jekk kellhomx impatt fuq il-progress tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta" Azzjoni;

24.  Jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex tirrapporta f'iktar dettall dwar koperazzjoni mal-kontrapartijiet nazzjonali tagħha u biex tipprevedi meta din il-koperazzjoni se jkollha effetti pożittivi;

Azzjonijiet 5 u 13: il-promozzjoni tal-użu ta" sommarju annwali u ta" dikjarazzjonijiet ta' mmaniġġjar

25.  Jilqa" b'sodisfazzjon is-sommarji annwali tar-rapporti tal-verifika disponibbli u ta" dikjarazzjonijiet f'livell nazzjonali, preżentati għall-ewwel darba fil-15 ta" Frar 2008, pass konsiderevoli "l quddiem lejn il-mira biex jitjieb l-immaniġġjar tal-fondi tal-UE; jiddispjaċih madanakollu, għan-nuqqas ta' trasparenza rigward dawn is-sommarji annwali, li l-Kummissjoni ma bagħtitx lill-Parlament;

26.  Jilqa" b'sodisfazzjon id-dispożizzjoni mill-2008 "l quddiem tas-sommarji annwali u l-evalwazzjoni u d-dikjarazzjonijiet stipulati fir-Rapporti ta" Attività Annwali 2006 u 2007 tad-Direttorati-Ġenerali li jittrattaw il-Fondi Strutturali, iżda għadu lura milli jikkunsidra li l-Azzjonijiet 5 u 13 intemmu minħabba li hemm nuqqas ta" informazzjoni lill-Parlament;

27.  Jiddispjaċih li l-Parlament sa issa għadu ma rċevix informazzjoni sħiħa mill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni u l-analiżi komparattiva tal-ewwel sommarji annwali ppreżentati;

28.  Jiġbed l-attenzjoni madanakollu li fir-Rapport Annwali tagħha għall-2007, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri qalet li minħabba d-disparità tal-preżentazzjoni, is-sommarji annwali għadhom ma jipprovdux evalwazzjoni affidabbli tat-tħaddim u l-effettività tas-sistema;

Azzjoni 11N: l-iżvilupp ta" tipoloġija ta" żball u relazzjoni ma" rkupri u korrezzjonijiet finanzjarji

29.  Jiddispjaċih għall-fatt li, minkejja l-isforzi konsiderevoli magħmula mill-Kummissjoni, skont il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kummissjoni ma setgħetx tippreżenta ċifri kompleti jew turi li ċ-ċifri li eventwalment kienu preżentati jistgħu jkunu rikonċiljati b'mod ċar mar-rendikonti finanzjarji ppubblikati;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex ittemm l-implimentazzjoni ta" din l-azzjoni importanti sabiex tikseb grad ikbar ta" konformità mar-rekwiżiti ta" rappurtar u biex ittejjeb il-preċiżjoni tad-data provduta mill-Istati Membri;

Azzjoni 8N: Koperazzjoni mal-Istituzzjonijiet tal-Verifika Supremi Nazzjonali u kif il-ħidma tagħhom tista" tintuża biex tipprovdi assikurazzjoni

31.  Jiġbed l-attenzjoni li, għalkemm mhumiex parti mill-qafas ta" kontroll intern, l-Istituzzjonijiet tal-Verifika Supremi indipendenti, bħala awdituri esterni tal-infiq pubbliku nazzjonali, jistgħu jkollhom irwol ewlieni fil-verifika ta" fondi ;

32.  Jappoġġja bi sħiħ il-koperazzjoni mibdija mill-Kummissjoni ma' wħud mill-Istituzzjonijiet tal-Verifika Nazzjonali Supremi, u jinkoraġġixxi kuntatt kontinwu ma' istituzzjonijiet bħal dawn bl-għan li jiddeterminaw kif ix-xogħol tagħhom jista' jintuża sabiex tiżdied l-assikurazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta' programmi fl-Istati Membri;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjoni l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata strateġija strutturata biex ikunu appoġġjati kuntatti ma' Istituzzjonijiet tal-Verifika Nazzjonali Supremi u barra minn hekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tlesti l-implimentazzjoni ta' din l-azzjoni f'koperazzjoni mill-qrib mal-QEA;

o
o   o

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 107, 30.4.2004, p. 1.
(2) ĠU L 340, 6.12.2006, p.5.
(3) ĠU C 286, 10.11.2008, p. 1.
(4) ĠU L 248, 16.9.2002, p.1.
(5) ĠU L 390, 30.12.2006, p.1.
(6) Taqsira tat-terminu Franċiż "Déclaration d'assurance".
(7) Opinjoni Nru 2/2004 (ĠU C 107, 30.4.2004, p. 1) (l-Opinjoni tal-"Verifika Unika").
(8) ĠU L 196, 27.7.2005, p.4.
(9) ĠU C 273, 9.11.2006, p.2.
(10) ĠU C 263, 31.10.2006, p.1.
(11) ĠU L 187, 15.7.2008, p.25.
(12) Testi adottati, P6_TA(2008)0133.

Avviż legali - Politika tal-privatezza