Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 dwar trattatament u aċċess ugwali għall-irġiel u n-nisa fl-ispettakli artistiċi (2008/2182(INI))
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra d-Dirtettiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali għall-irġiel u għan-nisa fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, it-taħriġ vokazzjonali u l-promozzjoni, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol(1),
- wara li kkunsidra d-Direttiva 97/80/KE tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 dwar il-piż tal-prova fil-każijiet ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess(2),
- wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti(3) u tat-3 ta' Settembru 2008 dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa - 2008(4),
- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta" Proċedura tiegħu,
- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0003/2009),
A. billi l-inugwaljanzi fil-possibiltajiet ta' impjiegi u l-opportunitajiet tan-nisa u l-irġiel huma qawwija u persistenti ħafna fl-ispettakli artistiċi,
B. billi jeħtieġ li jiġu analizzati bis-serjetà l-mekkaniżmi li joħolqu dawn l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa,
C. billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għandu japplika għal dawk kollha involuti fis-settur tal-ispettakli artistiċi, fid-dixxiplini kollha, fit-tipi kollha ta' strutturi (ta' produzzjoni, tixrid u tagħlim) u fis-setturi kollha ta' attività (artistika, teknika, amministrattiva),
D. billi l-irġiel u n-nisa m'humiex impenjati fl-istess proporzjoni fil-professjonijiet differenti tal-ispettakli artistiċi, u billi ma' din il-forma ta' inugwaljanza primarja trid tiżdied l-inugwaljanza ta' kundizzjonijiet ta' xogħol u ta' impieg, kif ukoll dik tar-remunerazzjoni,
E. billi l-inugwaljanza ta' aċċess għat-teħid ta' deċiżjonijiet, għall-mezzi ta' produzzjoni u għan-netwerks ta' diffużżjoni tinstab f'livelli differenti fid-dixxiplini kollha tal-ispettakli artistiċi,
F. billi l-iskop tal-ugwaljanza fil-professjonijiet tal-ispettakli artistiċi huwa li dan isir billi t-taħlit jiġi stabbilit sistematikament,
G. billi t-talent mhuwiex biżżejjed biex iwassal għal xogħol artistiku ta' kwalità jew għas-suċċess ta' karriera professjonali u billi konsiderazzjoni aħjar għar-rappreżentanza ta' rġiel u nisa fl-oqsma tal-ispettakli artistiċi jkollha l-effett li terġa' jagħti dinamiċità lis-settur kollu,
H. billi għalhekk jeħtieġ li jinbidlu s-sitwazzjonijiet attwali ta' segregazzjoni li għad baqa' fl-arti tal-ispettaklu, mhux biss permezz tal-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni tas-settur, imma wkoll billi jiġu ffissasti objettivi realistiċi rigward ugwaljanza li jippromwovu l-ġustizzja soċjali,
I. billi l-inugwaljanzi li hemm ma jħallux li jintużaw kompetenzi u talenti u huma ta' ħsara għad-dinamika artistika, l-influwenza u l-iżvilupp ekonomiku ta' dan is-settur ta' attività,
J. billi l-preġudizzji persistenti bosta drabi jwasslu għal imġiba diskriminatorja lejn in-nisa fil-proċess ta' għażla u ta' ħatriet, kif ukoll fir-relazzjonijiet fuq ix-xogħol, u billi n-nisa, minkejja li jkollhom livell ogħla ta' taħriġ, interess aqwa fit-taħriġ u netwerks aktar sodi, bosta drabi jkollhom dħul anqas minn dak tal-irġiel,
K. billi l-ostakoli għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f'dan is-settur ta' attività għandhom għeruq partikolarment fondi u jiġġustifikaw l-adozzjoni ta' approċċ speċifiku biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi, filwaqt li jitqies ukoll l-effett ta" lieva li dan jista" jkollu fuq is-soċjetà kollha kemm hi,
L. billi jeżistu nuqqasijiet kbar fil-protezzjoni soċjali tal-artisti kemm nisa u kemm irġiel, u billi speċjalment fil-każ tan-nisa dan iwassal għal sitwazzjoni ta' dħul anqas,
1. Jenfasizza l-firxa u l-persistenza tal-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa fl-ispettakli artistiċi u l-impatt li l-metodu inugwali kif inhu organizzat dan is-settur jista' jkollu fuq is-soċjetà kollha meta wieħed jikkunsidra in-natura partikulari tal-attivitajiet tiegħu;
2. Jisħaq fuq il-ħtieġa assoluta li jiġi promoss u mħeġġeġ l-aċċess tan-nisa għall-professjonijiet artistiċi kollha fejn huma għadhom f'minorità;
3. Ifakkar li l-proporzjoni ta" nisa fil-professjonijiet artistiċi u li jokkupaw karigi uffiċjali fil-qasam kulturali huwa baxx ħafna u li n-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed f'karigi ta' responsabbiltà fl-entitajiet kulturali jew fl-akkademji u fl-universtitajiet;
4. Jirrikonoxxi l-bżonn li jinbdew jittieħdu miżuri speċifiċi f'dan is-settur biex janalizzaw il-mekkaniżmi u l-imġiba li joħolqu dawn l-inugwaljanzi;
5. Ifakkar li l-imġiba tista' tindibdel biss meta rġiel u nisa jaħdmu flimkien u jkun hemm kumplimentarjetà ta' punti di vista, sensibilità, metodi u interessi;
6. Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġi promoss l-aċċess tan-nisa għall-professjonijiet artistiċi kollha u għall-professjonijiet kollha tal-ispettaklu fejn huma jinsabu f'minoranza u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex ineħħu kull ostakolu għall-aċċess tan-nisa għall-ogħla istituzzjonijiet kulturali, akkademiċi u universitarji;
7. Jenfasizza li d-diskriminazzjoni fil-konfront tan-nisa tippenalizza l-iżvilupp tas-settur kulturali billi ċċaħħdu mit-talent u l-kompetenzi, u jinnota l-fatt li t-talenti għandhom bżonn kuntatt mal-pubbliku biex jiġu rikonoxxuti;
8. Jitlob li jiddaħħlu miżuri li jkollhom l-iskop li jtejbu l-preżenza tan-nisa fil-bordijiet tad-diretturi tal-istituzzjonijiet, b'mod partikulari permezz tal-promozzjoni tal-ugwaljanza f'intrapriżi u fi stabbilimenti kulturali u organizzazzjonijiet professjonali;
9. Jistieden lil dawk attivi fil-qasam kulturali biex itejbu l-preżenza ta' nisa kreattivi u tax-xogħlijiet tagħhom fil-programmazzjonijiet, kollezzjonijiet, publikazzjonijiet jew konsulenzi;
10. Jinnota li l-progress li nkiseb rigward l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa jippermetti li tiddaħħal b'mod progressiv t-taħlita ta' rġiel u nisa fi gruppi tax-xogħol, l-ippjanar ta' programmi u l-laqgħat professjonali li attwalment ħafna drabi jaħdmu fuq sistema ta' seprazzjoni tas-sessi li ftit hi kompatibbli mal-ħtiġijiet tas-soċjetà tagħna;
11. Jenfasizza l-importanza li kull meta jkun possibbli tkun garantità l-anonimità tal-kandidati u jinsisti fuq il-ħtieġa li tinżamm l-użanza li fir-reklutaġġ ta' mużiċisti tal-orkestri, l-awdizzjonijiet isiru wara paraventu li għen biex in-nisa jidħlu f'orkestri;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex għall-ġlieda kontra l-inugwljanzi fl-arti tal-ispettaklu jipprevedu sa minn issa mira realista inizjali li tikkonsisti fl-iżgurar tal-preżenza ta' talanqas terz tal-persuni ta' sess minoritarju fil-fergħat kollha tas-settur:
13. Iħeġġeġ lill-Istati Membri:
a)
biex jikkunsidraw flimkien mal-istituzzjonijiet kulturali l-aħjar mod kif jidentifikaw il-mekkaniżmi li jipproduċu l-inugwaljanzi sabiex tiġi evitata kemm jista' jkun possibbli kull diskriminazzjoni marbuta mas-sess;
b)
biex ineħħu kull ostakolu għall-aċċess tan-nisa għall-ogħla pożizzjonijiet tal-istituzzjonijiet u organizzazzjhonijiet kulturali l-aktar magħrufa;
c)
biex f'dan is-settur jistabbilixxu modi godda ta' organizzazzjoni tax-xogħol, ta' delegar ta' responsabbiltajiet u ta' ġestjoni tal-ħin u li jikkunsidraw ir-restrizzjonijiet tal-ħajja personali tal-irġiel u n-nisa;
d)
biex jagħrfu li f'dan is-settur, fejn il-ħinijiet atipiċi huma ħaġa normali, ikun tajjeb li jinstabu soluzzjonijiet biex jiżguraw il-kura tat-tfal (ftuħ ta' crèches fl-intrapriżi kulturali b'ħinjiet li jkun adatti għas-sigħat tal-provi u tal-ispettakli);
14. Ifakkar lill-istituzzjonijiet kulturali fil-ħtieġa assoluta li jwettqu bil-fatti l-prinicpju demokratiku ta' paġa ugwali għal xogħol għal-irġiel u n-nisa, prinċipju li fil-qasam artistiku, kif ukoll f'għadd ta' setturi oħrajn, mhux dejjem jiġi applikat;
15. Fl-aħħar nett, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex fis-setturi tal-arti tal-ispettaklu jistabbilixxu analiżi komparattiva tas-sitwazzjonijiet attwali fil-pajjiżi differenti tal-Unjoni sabiex jiffaċilitaw il-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' politiki komuni u jitfasslu statistiċi biex il-progress li jsir ikun jista' jitkejjel u jitqabbel;
16. Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex itejbu l-qagħda soċjali fil-qasam tal-arti u tal-kultura, filwaqt li jikkunsidraw l-kategoriji differenti tax-xogħol, u sabiex jiggarantixxu protezzjoni soċjali aħjar;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti tal-Istati Membri.