Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2009 dwar ir-Rapporti dwar il-politika tal-kompetizzjoni għall-2006 u l-2007 (2008/2243(INI))
Il-Parlament Ewropew,
- wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-2006 tal-25 ta' Ġunju 2007 (COM(2007)0358) u r-Rapport tagħha dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-2007 tas-16 ta' Ġunju 2008 (COM(2008)0368),
- wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni għall-Għajnuna mill-Istat tas-7 ta' Ġunju 2005 dwar "Għajnuna mill-Istat imnaqqsa iżda mmirata aħjar: pjan direzzjonali għar-riforma tal-għajnuna mill-istat 2005-2009" (COM(2005)0107),
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2006 dwar ir-riforma tal-għajnuna mill-istat 2005-2009(1),
- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1998/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis(2),
- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta" għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament Ġenerali għall-Eżenzjoni ta" Kategorija) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat(3),
- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta" Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta" ftehimiet vertikali u prattika miftiehma fis-settur tal-karozzi(4) (Regolament dwar Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur),
- wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-għajnuna nazzjonali għar-reġjuni għall-2007-2013(5),
- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1627/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 fir-rigward tal-formoli standard għan-notifikazzjoni tal-għajnuna(6),
- wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta' Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna nazzjonali għall-investiment reġjonali(7),
- wara li kkunsidra l-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni(8),
- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta" April 2006 dwar aspetti settorjali tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Għajnuna mill-Istat: għajnuna għall-innovazzjoni(9),
- wara li kkunsidra l-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-istat għall-ħarsien tal-ambjent(10),
- wara li kkunsidra l-Linji Gwida Komunitarji dwar għajnuna mill-Istat għall-promozzjoni ta' investimenti ta' kapital ta' riskju f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju(11),
- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tal-Qafas dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-bini tal-vapuri(12),
- wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji(13),
- wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont(14),
- wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/111/KE tas-16 ta" Novembru 2006 dwar it-trasparenza tar-relazzjonijiet finanzjarji bejn l-Istati Membri u l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dwar it-trasparenza finanzjarja f'ċerti intrapriżi(15),
- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2008 dwar l-investigazzjoni u r-rimedji kontra l-abbuż ta" pożizzjoni ta" saħħa mis-supermarkits il-kbar li jinsabu fl-Unjoni Ewropea(16),
- wara li kkunsidra l-inkjesti settorjali tal-Kummissjoni fis-setturi tal-enerġija u tas-servizzi bankarji għall-pubbliku ġenerali ("retail banking"),
- wara li kkunsidra l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-metodu kif jiġu ffissati multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003(17),
- wara li kkunsidra l-Avviż tal-Kummissjoni dwar Immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell(18),
- wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tat-2 ta' April 2008 dwar Azzjonijiet għall-irkupru tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust (COM(2008)0165),
- wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-Isport (COM(2007)0391),
- wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0011/2009),
1. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-Rapporti tal-Kummissjoni dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-2006 u l-2007;
2. Ikompli jappoġġja rwol aktar proattiv għall-Parlament fl-iżvilupp tal-politika tal-kompetizzjoni permezz tal-introduzzjoni tal-proċedura ta' kodeċiżjoni;
3. Jifraħ lill-Kummissjoni talli qed tisfida b'mod effettiv it-tħaddim ta' kartelli 'hardcore' illegali u għall-multi rekord imposti fuq dawk responsabbli;
4. Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex, fir-rigward tar-reviżjoni tal-Kummissjoni dwar il-Funzjonament tar-Regolament (KE) Nru 1/2003(19), jinkludu l-prinċipji dwar l-għoti tal-multi fir-Regolament (KE) Nru 1/2003 u biex ikomplu jtejbu u jispeċifikaw dawk il-prinċipji sabiex jikkonformaw mal-istandards tal-prinċipji legali ġenerali;
5. Jappoġġja l-użu tal-avviż u l-proċedura tal-klemenza riveduti biex jiġi inkoraġġit l-għoti ta' informazzjoni dwar l-operat ta' kartelli 'hardcore' illegali;
6. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-White Paper dwar azzjonijiet ta" rkupru tad-danni għal ksur tar-regoli tal-KE dwar l-antitrust iżda jħeġġeġ sabiex ir-riforma titkompla b'mod li jiġi żgurat li l-effetti negattivi tas-sistema Amerikana ma jirripetux ruħhom fl-Unjoni Ewropea;
7. Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni aħjar fir-rapporti ġejjienin tagħha dwar l-irwol u l-involviment tal-Uffiċjal tal-Kummissjoni għar-Relazzjonijiet mal-Konsumaturi f'każijiet dwar il-kompetizzjoni;
8. Jinsab imħasseb dwar il-ħtieġa li jiġu evitati l-abbuż ta" pożizzjonijiet dominanti fis-suq mill-korporazzjonijiet il-kbar, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq analiżi tal-effetti fuq il-kompetizzjoni ta" rapporti mhux ugwali bejn il-fornituri, jiġifieri min jipproduċi l-prodotti tal-ikel, u d-distributuri, fid-dawl tal-probabbiltà ta" abbużi ta" pożizzjoni ta" dominanza; jistenna r-rapport tal-grupp ta" ħidma tal-Kummissjoni dwar is-saħħa tax-xerrej;
9. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tanalizza l-operazzjoni ta' prattika abbużiva fis-settur tas-servizzi, li tista' twaqqaf lin-negozji ż-żgħar milli jkunu jistgħu jagħmlu offerti għal xogħol; jinnota l-problema li l-persuni li jaħdmu għal rashom u l-ħaddiema freelance kultant jiġu mċaħħda mill-possibilità li japplikaw tariffi standard f'każijiet fejn huma jkunu kważi esklużivament jiddependu fuq wieħed jew ftit utenti kbar tar-riżorsi tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistudja modi kif dawn jistgħu jorganizzaw ruħhom, jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi li jkunu konformi mal-prinċipji tal-liġi tal-kompetizzjoni;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-proċeduri interni tagħha għall-għażla ta" suġġetti għal inkjesti settorjali;
11. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra twettaq inkjesta settorjali dwar ir-riklamar fuq l-internet;
12. Jistiden lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi dwar id-differenzi nazzjonali li jista" jkun hemm fl-applikazzjoni tar-regoli tal-akkwist pubbliku u l-probabbiltà tat-tagħwiġ tal-kompetizzjoni li tirriżulta minnhom;
13. Jinnota li l-Kummissjoni tirrapporta attività rekord fir-rigward ta' dawn it-tliet setturi li ġejjin: multi tal-antitrust għall-kartelli, in-numru ta' każijiet ta' amalgamazzjonijiet notifikati lill-Kummissjoni, u n-numru ta' notifiki ta' għajnuna mill-Istat lill-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex twettaq analiżi urġenti tar-riżorsi tal-persunal biex tiżgura li d-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Kompetizzjoni għandu numru xieraq ta' ħaddiema biex ilaħħaq mal-ammont ta' xogħol tiegħu li qed jiżdied;
14. Jenfasizza li l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-mergers u l-akkwisti ta" kumpaniji għandhom jiġu evalwati mill-perspettiva tas-suq intern kollu, mhux ta" partijiet minnu biss;
15. Jilqa' b'sodisfazzjon l-evidenza, fir-Rapporti tal-Kummissjoni għall-2006 u l-2007 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, tal-effettività tar-ristrutturar tal-unità għall-Kontroll tal-Megers fid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni skont linji settorjali b'analiżijiet ekonomiċi msaħħa u evalwazzjoni bejn il-pari;
16. Jilqa" t-tħabbira tat-tnedija ta" reviżjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet(20); itenni li jqis li d-dispożizzjonijiet attwali m'humiex biżżejjed fid-dawl ta" swieq tal-UE dejjem aktar integrati u kumplessi u li għandha titwettaq reviżjoni bil-għan li jinstab approċċ konsistenti fl-evalwazzjoni ta" operazzjonijiet ta" meger komparabbli;
17. Jinnota l-livell rekord ta' notifiki ta' għajnuna mill-Istat, u jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa biex ikunu koperti l-intrapriżi Żgħar u ta' daqs Medju (SMEs), l-għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp għall-benefiċċju tal-SMEs, l-għajnuna għall-impjiegi, l-għajnuna għat-taħriġ u l-għajnuna reġjonali;
18. Jilqa", b'mod partikulari, il-possibilità li min iħaddem jiġi ssussidjat fir-rigward tal-ispejjeż li l-impjegati tiegħu ikollhom fejn tidħol kura tat-tfal u tal-ġenituri;
19. Huwa mħasseb dwar iż-żieda fil-konċentrazzjoni tas-suq u fil-konflitti ta" interess fis-settur bankarju; iwissi kontra r-riskji sistematiċi globali li jistgħu jinħolqu mill-kunflitti ta" interess u mill-konċentrazzjoni tas-suq;
20. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reviżjoni tat-tabella ta' valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex twettaq analiżi tal-effettività tal-għajnuna mill-Istat u jħeġġeġ sabiex ir-reviżjoni tat-tabella ta' valutazzjoni tidentifika dawk l-Istati Membri li naqsu milli jfittxu b'mod adegwat li jerġgħu jiġbru għajnuna mill-Istat li kienet illegali;
21. Jilqa' b'sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-linji gwida Komunitarji riveduti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent, li jiggarantixxu li l-Istati Membri jistgħu jappoġġjaw il-produzzjoni tal-enerġija li tiġġedded u l-koġenerazzjoni effiċjenti tal-enerġija billi jagħtu għajnuna li tkopri b'mod sħiħ id-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-prezz tas-suq;
22. Iġedded is-sejħa tiegħu għal progress akbar biex jiġu ċċarati kemm ir-regoli tal-kompetizzjoni fis-seħħ u kemm l-applikazzjoni prattika tagħhom b'rabta mas-servizzi ta" interess ekonomiku ġenerali, minħabba d-differenzi konsiderevoli li hemm fil-politika li jadottaw l-Istati Membri;
23. Jiddispjaċih li l-konsumaturi tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea għadhom qed ibatu minn żidiet sproporzjonati fil-prezzijiet u minn suq tal-enerġija li fih distorsjonijiet, u li l-inkjesta settorjali tal-Kummissjoni wriet li ma kienx qed jiffunzjona sewwa; jerġa" jenfasizza l-importanza tat-tlestija ta" suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb;
24. Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex tkompli tiżviluppa s-swieq tal-UE tal-gass u l-elettriċità, fejn element kruċjali tagħhom huwa s-separazzjoni tan-netwerks ta' bgħit min-naħa, u l-attivitajiet ta" produzzjoni u provvista (unbundling) min-naħa l-oħra;
25. Juri t-tħassib tiegħu għan-nuqqas ta" trasparenza fl-iffissar tal-prezzijiet tal-fjuwil fis-swieq Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li jkun hemm viġilanza kif jixraq fuq l-imġiba kompetittiva f'dawn is-swieq;
26. Jappella sabiex jitwaqqfu mekkaniżmi li jiżguraw li l-adozzjoni tal-Iskema għall-Iskambji tal-Kwoti tal-Emissjonijiet ma toħloqx tagħwiġ fil-kompetizzjoni kemm internament kif ukoll fir-rigward ta" kompetituri barranin;
27. Jinnota li sa mid-9 ta' Ottubru 2007 il-Kunsill kien stieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra proċeduri ta' simplifikazzjoni biex wieħed jiffoka fuq kif l-inkjesti tal-għajnuna mill-Istat ikunu jistgħu jiġu ttrattati malajr f'ċirkostanzi kritiċi;
28. Jilqa" b'sodisfazzjon il-kjarifika u r-reazzjonijiet urġenti min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tal-immaniġġjar tal-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-użu tal-għajnuna Statali; jinnota l-ammont li qed jikber ta' għajnuna statali u jilqa' b'sodidfazzjon il-linji gwida dettaljati ulterjuri bl-għan li jkun hemm għajnuna Statali ffukata aħjar;
29. Jirrikonoxxi l-applikabilità tal-Artikolu 87(3)b tat-Trattat għaċ-ċirkostanzi li qed jaffaċċjaw bħalissa l-ekonomiji tal-Istati Membri b'konsegwenza tat-taqlib fis-swieq finanzjarji; madankollu, iħoss li jeħtieġ li l-Kummissjoni tibqa" tagħmel sorveljanza stretta fir-rigward ta" pakketti ta" salvataġġ finanzjarju biex tiżgura li jkun hemm kompatibbiltà fl-azzjonijiet ta" emerġenza mal-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta;
30. Iwissi kontra s-sospensjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni; jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġu studjati fid-dettall l-operazzjonijiet ta" salvataġġ biex jiġi żgurat li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tagħti rapport komprensiv ex post lill-Parlament u lill-parlamenti tal-Istati Membri dwar l-applikazzjoni ta" regoli tal-kompetizzjoni f'kull każ individwali fir-Rapport annwali tagħha li jmiss dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni;
31. Juri t-tħassib tiegħu dwar tnaqqis kontinwu fl-attività ekonomika fl-Unjoni Ewropea, li mistenni jkompli sal-2009; iqis li jkun xieraq li fil-qafas tar-regoli tal-kompetizzjoni, jiġu applikati mekkaniżmi ta" rispons adegwati, bħall-għajnuna għar-ristrutturar jew il-fond tal-aġġustament għall-globalizzazzjoni, biex jaffrontataw l-impatt tal-kriżi tal-kreditu fuq it-tkabbir u l-impjiegi;
32. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tagħraf il-ħtieġa li jibdew jitħaddmu mekkaniżmi li jimminimizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-abbuż potenzjali tas-sitwazzjonijiet preferenzjali tal-benefiċjarji kkawżati minn garanziji Statali;
33. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tinforza r-restrizzjonijiet ta" imġiba fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji li qed jirċievu għajnuna mill-Istat sabiex jiġi żgurat li istituzzjonijiet bħal dawn ma jikbrux b'mod aggressiv billi jinqdew bil-garanzija, bi ħsara għall-kompetituri;
34. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnaqqis sinifikanti fid-differenzi fil-prezzijiet ta' karozzi ġodda madwar l-Unjoni Ewropea li seħħ minn meta ġie implimentat ir-Regolament dwar l-Eżenzjoni Sħiħa għall-Vetturi bil-Mutur u jistenna bil-ħerqa l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-effettività ta' dak ir-regolament;
35. Jilqa" b'sodisfazzjon l-azzjoni tal-Kummissjoni biex tnaqqas il-ħlasijiet għar-'roaming' fit-telekomunikazzjoni; madankollu jinnota li l-prezzijiet qed jibqgħu eżatt taħt il-massimu tal-prezz permess; jitlob li jittieħdu miżuri li jaġevolaw il-kompetizzjoni fil-prezzijiet flok miżuri ta' kontroll tal-prezzijiet;
36. Jilqa' b'sodisfazzjon il-kontribuzzjoni tad-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni għall-White Paper dwar l-Isport inkluż li, fost l-oħrajn, tiġbed l-attenzjoni għall-każistika stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, u l-prattika tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE għas-settur tal-isport;
37. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti aktar importanza lid-dimensjoni internazzjonali tal-politika tagħha dwar il-kompetittività tal-Unjoni Ewropea fil-livell globali u biex titlob l-applikazzjoni u r-rispett tal-prinċipju tar-reċiproċità fin-negozjati kummerċjali;
38. Iqis li hu kruċjali li l-politika tal-kompetizzjoni tkun indirizzata sew fil-qafas tan-negozjati għal ftehimiet ta" kummerċ bilaterali; jistieden lid-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni sabiex jinvolvi ruħu b'mod attiv f'dawk in-negozjati biex ikun żgurat li jinkiseb għarfien reċiproku tal-prattika kompetittiva, l-aktar fl-oqsma tal-għajnuniet tal-istat, l-akkwist pubbliku, is-servizzi, l-investiment u l-faċilitazzjoni tal-kummerċ;
39. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tanalizza l-istruttura tal-parteċipazzjoni tagħha fin-Netwerk Internazzjonali tal-Kompetizzjoni u fil-Jum Ewropew tal-Kompetizzjoni sabiex jiġi żgurat li l-pubbliku ikun infurmat aħjar u b'mod aktar wiesa' dwar l-importanza kruċjali tal-politika tal-kompetizzjoni biex jissaħħu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi;
40. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni stipulate fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).
Regolament tal-Kunsill (KE)139/2004 tal-20 ta" Jannar 2004 dwar il-kontroll ta" konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (Regolament KE dwar kl-Amalgamazzjonijiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).