Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2136(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0090/2009

Testi mressqa :

A6-0090/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2009 - 7.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0127

Testi adottati
PDF 201kWORD 39k
Il-Ħamis, 12 ta' Marzu 2009 - Strasburgu
L-iżvilupp ta' Żona Komuni tal-Avjazzjoni mal-Iżrael
P6_TA(2009)0127A6-0090/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2009 dwar l-iżvilupp ta' Żona Komuni tal-Avjazzjoni mal-Iżrael (2008/2136(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2007 intitolata 'L-Iżvilupp ta' Żona Komuni tal-Avjazzjoni mal-Iżrael' (COM(2007)0691),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2006 dwar l-iżvilupp tal-aġenda għall-politika esterna dwar l-avjazzjoni tal-Komunità(1),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat dwar it-Trasport u t-Turiżmu (A6-0090/2009),

A.   billi l-konverġenza tar-regolamenti hija meħtieġa biex il-ftehimiet komprensivi dwar l-ajru jiġu konklużi b'suċċess, b'mod speċjali fejn jidħlu r-regolamenti dwar is-sikurezza, is-sigurtà, il-kompetizzjoni, l-għajnuna statali, l-ambjent u d-drittijiet għall-impjieg tal-ħaddiema,

B.   billi waqt in-negozjati tal-ftehima komprensiva dwar it-trasport bl-ajru mal-Iżrael, il-Kummissjoni jkollha tistrieħ fuq il-ħila esperta u l-informazzjoni tal-Istati Membri u ta' partijiet oħra interessati u jkollha tinvolvihom qabel, matul u wara n-negozjati,

C.   billi l-Iżrael huwa l-aktar suq importanti għall-avjazzjoni fil-Lvant Nofsani b'potenzjal kbir ta' tkabbir, u billi għandu pożizzjoni strateġika bħala pont bejn l-Ewropa u l-Lvant Nofsani u lejn reġjuni li huma aktar imbiegħda,

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-bidu tan-negozjati mal-Iżrael fuq il-ftehima komprensiva dwar it-trasport bl-ajru;

2.  Jenfasizza l-importanza tal-ftehima minħabba li din toħloq il-kundizzjonijiet biex tiġi estiża ż-Żona Komuni tal-Avjazzjoni;

3.  Jenfasizza li l-ftehima ma għandhiex tillimita l-livell tal-aċċess tas-suq li diġà ntlaħaq fil-ftehimiet bilaterali eżistenti;

4.  Jenfasizza li l-ftehima għandha tkun ekwilibrata f'termini ta' aċċess għas-suq; barra minn hekk, il-ftuħ tas-suq jeħtieġ li jsir f'fażijiet, ikun reċiproku u jkun sostenibbli;

5.  Jenfasizza li l-ftuħ tas-swieq għandu dejjem isegwi l-konverġenza regolatorja fejn jidħlu s-sikurezza, is-sigurtà, l-ambjent, l-għajnuna statali u l-aspetti tal-liġi tal-kompetizzjoni, kif ukoll fejn jidħlu d-drittijiet għall-impjieg tal-ħaddiema, u li l-grad ta' liberalizzazzjoni għandu jkun marbut mal-grad li fih f'dawn l-oqsma jintlaħaq livell ugwali għall-parteċipanti kollha;

6.  Jirrikonoxxi li għal rotot tal-ajru fit-tul u medji, is-settur tal-avjazzjoni huwa l-aktar mod veloċi biex jiġu konnessi l-pajjiżi, il-postijiet u n-nies u sa jibqa' fil-ġejjieni l-mezz ta' trasport l-aktar attraenti fejn jidħlu l-ħeffa u l-ispejjeż;

7.  Jirrikonoxxi l-kontribut importanti tas-settur tal-avjazzjoni fil-ħolqien tax-xogħol, kemm direttament kif ukoll indirettament, b'mod partikolari billi jgħaqqad dawk il-postijiet fid-dinja fejn m'hemmx mezz ta' trasport ieħor kompetittiv; minkejja dan, huwa jħeġġeġ l-użu u l-iżvilupp tal-intermodalità u mezzi oħra ta' trasport;

8.  Jirrikonoxxi li s-settur tal-avjazzjoni għandu ċerti effetti negattivi fuq l-ambjent, b'mod partikulari bħala sors ta' ħsejjes u bħala kontributur sinifikanti fl-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu; iqis għalhekk li huwa importanti li l-ftehima tagħti l-possibilità li tittieħed azzjoni fl-Unjoni Ewropea f'dak li għandu x'jaqsam ma' kwistjonijiet ta' ambjent sabiex jittaffa l-impatt tal-avjazzjoni fuq l-ilma, il-kwalità tal-arja u l-livelli tal-ħsejjes;

9.  Jenfasizza li l-ftehima għandha tagħmel regoli stretti għas-sikurezza u s-sigurtà tal-ajru;

10.  Jenfasizza li n-negozjati għandhom isiru b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, billi dawn għandhom il-kompetenza u l-esperjenza meħtieġa biex jassistu f'negozjati bħal dawn;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Parlament u l-partijiet interessati relevanti kollha jiġu infurmati u kkonsultati matul in-negozjati;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex iressaq ir-riżoluzzjoni tiegħu lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvern u l-parlament tal-Istat ta' Iżrael.

(1) ĠU C 287 E, 24.11.2006, p. 84.

Avviż legali - Politika tal-privatezza