Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2691(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0105/2009

Testi mressqa :

B6-0105/2009

Dibattiti :

PV 11/03/2009 - 12
CRE 11/03/2009 - 12

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2009 - 7.10
CRE 12/03/2009 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0134

Testi adottati
PDF 417kWORD 109k
Il-Ħamis, 12 ta' Marzu 2009 - Strasburgu
Rapport ta' segwitu tal-2008 dwar it-Turkija
P6_TA(2009)0134B6-0105/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2009 dwar ir-rapport ta' segwitu tal-2008 dwar it-Turkija

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Progress tat-Turkija għall-2008 ippubblikat mill-Kummissjoni fil-5 ta' Novembru 2008 (SEC(2008)2699),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-27 ta" Settembru 2006 dwar il-progress tat-Turkija lejn l-adeżjoni(1), tal-24 ta' Ottubru 2007 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija(2) u tal-21 ta" Mejju 2008 dwar ir-rapport tal-progress tat-Turkija għall-2007(3),

–   wara li kkunsidra l-Qafas ta' tal-Innegozjar għat-Turkija, approvat fit-3 ta' Ottubru 2005,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta" Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kundizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija tal-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija(4) ( "ls-Sħubija tal-Adeżjoni"), kif ukoll għad-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill dwar is-Sħubija tal-Adeżjoni tal-2001, l-2003 u l-2006,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi n-negozjati għall-adeżjoni mat-Turkija nfetħu fit-3 ta' Ottubru 2005 wara l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-Qafas tal-Innegozjar, u billi l-ftuħ ta' dawn in-negozjati kien il-punt ta' tluq ta' proċess dewwiemi u li m'għandux limitu ta' żmien,

B.   billi t-Turkija impenjat ruħha li twettaq riformi, li tfittex relazzjonijiet tajba mal-ġirien u li progressivament tallinja ruħha mal-UE, u billi dawn l-isforzi għandhom jitqiesu bħala opportunità għat-Turkija stess biex tkompli timmodernizza ruħha,

C.   billi l-bażi għall-adeżjoni mal-UE tibqa" l-konformità sħiħa mal-kriterji ta' Kopenħagen u l-kapaċità ta' integrazzjoni tal-UE, f'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2006, li hi komunità bbażata fuq valuri komuni,

D.   billi l-Kummissjoni kkonkludiet li l-2008 kienet ikkaratterizzata b'tensjonijiet politiċi b'saħħithom, u li l-Gvern Tork, minkejja l-mandat tiegħu, ma ressaqx programm konsistenti u komprensiv ta" riformi politiċi,

E.   billi t-Turkija għadha ma implimentatx id-dispożizzjonijiet li tnisslu mill-Ftehima ta" Assoċjazzjoni KE-Turkija u mill-Protokoll Addizzjonali li hemm miegħu,

F.   billi fl-2008 kienu nfetħu erba' kapitoli ta" negozjati,

1.  Jinsab imħasseb minħabba li qed jinnota li fit-Turkija, għat-tielet sena konsekuttiva, hemm tnaqqis kontinwu fir-ritmu tal-proċess ta" riforma, u jistieden lill-Gvern Tork biex jagħti prova tar-rieda politika tiegħu li jkompli l-proċess ta" riforma li għalih ikkommetta ruħu fl-2005; jenfasizza li din il-modernizzazzjoni hija l-ewwel u qabel kollox fl-interess tat-Turkija stess u għall-benefiċċju tas-soċjetà Torka kollha;

2.  Jinsab imħasseb dwar il-polarizzazzjoni li hemm għaddejja fis-soċjetà Torka u bejn il-partiti politiċi ewlenin, li kompliet tikber matul l-2008 u affettwat b'mod negattiv l-iffunzjonar tal-istituzzjonijiet politiċi u l-proċess ta" riformi;

3.  Jenfasizza li r-riformi politiċi huma fil-qalba tal-proċess ta' riforma, u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-gvern Tork pprepara u approva l-Programm Nazzjonali għall-Adozzjoni tal-Acquis;

4.  Iħeġġeġ lill-mexxejja tal-partiti politiċi biex ifittxu bis-serjetà djalogu u biex jaqblu, fi spirtu ta" kompromess, dwar aġenda ta" riforma għall-modernizzazzjoni tat-Turkija lejn soċjetà stabbli, demokratika, pluralista, sekulari u prospera, immexxija bir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u bbażata fuq l-istat tad-dritt;

I.L-issodisfar tal-Kriterji ta" Kopenħagen
Id-demokrazija u l-istat tad-dritt

5.  Jiddispjaċih li l-isforzi inizjali għal riforma komprensiva tal-kostituzzjoni rriżultaw f'tilwima dwar il-kwistjoni tal-velu u ġġeneraw polarizzazzjoni ulterjuri tas-soċjetà; jistieden lill-Gvern Tork biex jerġa" jibda l-ħidma tiegħu fuq kostituzzjoni ċivili ġdida li tpoġġi l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-qalba tagħha, u jħeġġeġ lill-Gvern biex jiżgura li l-partiti politiċi u s-soċjetà ċivili, kif ukoll il-minoranzi etniċi u reliġjużi, ikunu involuti mill-qrib f'dan il-proċess kostituttiv;

6.  Jinsab imħasseb minħabba l-każijiet ta" għeluq kontra żewġ partiti parlamentari fl-2008, speċjalment il-każ li għadu ma nqatax kontra l-Partit tas-Soċjetà Demokratika (DTP); jenfasizza l-ħtieġa li tiġi emendata, bħala kwistjoni ta" prijorità, il-leġiżlazzjoni dwar il-partiti politiċi sabiex tkun f'konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ECtHR) u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta" Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa;

7.  Jistieden lill-awtoritijiet Torok biex jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jippermettu lill-partijiet kollha li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet, ikunu rappreżentati fil-kummissjoni elettorali;

8.  Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress dwar it-twaqqif ta" funzjonijiet sħaħ ta" superviżjoni ċivili sistematiċi fuq il-militar u dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza parlamentari tal-politika militari u ta' difiża;

9.  Jinnota l-progress imwettaq fir-rigward tal-iżvilupp tal-istrateġija ta" riforma tal-ġudikatura; madankollu, jinnota l-ħtieġa urġenti ta" sforzi sistematiċi ulterjuri biex itejbu l-imparzjalità u l-professjonaliżmu tal-ġudikatura, u biex jiġi żgurat li l-membri tal-ġudikatura ma jindaħlux fid-dibattiti politiċi u jirrispettaw l-istandards tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (ECHR);

10.  Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress dwar it-twaqqif tal-kariga ta" Ombudsman; jieħu nota tad-deċiżjoni negattiva tal-Qorti Kostituzzjonali dwar il-Liġi tal-Ombudsman, u jħeġġeġ lill-gvern Tork sabiex kemm jista' jkun malajr jerġa jintroduċi l-leġiżlazzjoni meħtieġa biex tistabbilixxi dan l-uffiċċju, kif sostnuta kemm mill-gvern kif ukoll mill-parlament fil-passat;

11.  Jiddispjaċih li l-gvern Tork ma ppreżentax strateġija komprensiva kontra l-korruzzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ is-supervizzjoni parlamentari fuq in-nefqa pubblika u l-ħtieġa għal leġiżlazzjoni ġdida fir-rigward tal-Qorti tal-Awdituri;

12.  Jilqa" b'sodisfazzjoni il-bidu tal-proċess kontra dawk akkużati li huma membri tal-organizzazzjoni kriminali Ergenekon u jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu l-investigazzjonijiet u jiżvelaw kompletament in-netwerks tal-organizzazzjoni li huma mifruxa saħansitra fl-istrutturi statali; jinsab imħasseb dwar ir-rapporti fir-rigward tat-trattament tal-konvenuti f'dan il-każ; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex jipprovdulhom proċess ġust u biex iħarsu b'mod strett il-prinċipji tal-istat tad-dritt;

Id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għal u l-protezzjoni tal-minoranzi

13.  Jiddispjaċih li fit-Turkija, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa għadhom mhux protetti kompletament; huwa tal-fehma li l-libertà tal-istampa f'soċjetà demokratika u pluralista, la hija moqdija minn projbizzjonijiet frekwenti ta" websites u lanqas minn pressjonijiet fuq u taħrik kontra stampa kritika; huwa wkoll tal-fehma li l-emenda tal-Artikolu 301 tal-Kodiċi Penali, adottata f'April tal-2008, ma kinetx biżżejjed, minħabba li n-nies għadhom jiġu ppersegwitati talli jesprimu fehmiet mhux vjolenti fuq bażi ta" dan l-artikolu u artikoli oħra tal-Kodiċi Penali, tal-Liġi Kontra t-Terroriżmu jew tal-Liġi tal-Istampa, bħar-rebbieħa tal-Premju Sakharov tal-1995 għal-Libertà tal-Espressjoni Leyla Zana; itenni li jeħtieġ li l-Artikolu 301 jiġi rrevokat kif ukoll li ssir riforma fundamentali tal-Kodiċi Penali, flimkien ma" reviżjoni tal-liġijiet l-oħra użati għar-restrizzjoni arbitrarja tal-fehmiet mhux vjolenti, sabiex jiġi żgurat li l-libertà tal-espressjoni tiġi rrispettata b'mod sħiħ f'konformità mal-istandards tal-ECHR;

14.  Jilqa" l-apoloġiji li offra l-Ministeru għall-Ġustizzja Mehmet Ali Sahin f'isem il-gvern lill-familja ta' Engin Ceber, li miet fil-ħabs b'konsegwenza ta' abbuż; jissieħeb mal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Parlament Tork fit-tħassib tiegħu dwar il-falliment tal-ġudikatura biex jiġu pproċessati l-każi ta' tortura u ta" trattament ħażin, li n-numru tagħhom qed jikber; jistieden lill-Gvern Tork biex iwettaq sforzi sistematiċi ulterjuri biex jiġu eliminati t-tortura u t-trattament ħażin, ġewwa u barra l-postijiet uffiċjali ta' detenzjoni, u sabiex tintemm il-kultura tal-impunità; f'dan ir-rigward jenfasizza li r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Protokoll Fakultattiv tan-NU kontra t-Tortura jżidu b'mod konsiderevoli l-kredibilità ta" dawn l-isforzi; jinsab imħasseb ukoll dwar l-użu eċċessiv tal-forza mill-pulizija fl-ittrattar ta' dimostrazzjonijiet pubbliċi;

15.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-ħidma mwettqa mill-Kumitat ta" Investigazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Għolja Nazzjonali Torka fl-investigazzjonjiet tagħha dwar it-tortura u t-trattament ħażin fil-ħabsijiet u dwar il-qtil tal-ġurnalist Hrant Dink; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex iwettqu segwitu sħiħ fir-rigward tas-sejbiet tar-rapporti tal-Kumitati kif ukoll is-sejbiet tar-rapport tal-Bord tal-Ispezzjoni tal-Prim Ministru; huwa tal-fehma wkoll li l-ipoteżi tal-involviment ta" Ergenekon għandha tittieħed aktar bis-serjetà meta jiġu kkunsidrati każijiet mhux solvuti oħra, bħall-qtil ta" Hrant Dink;

16.  Jilqa" l-liġi li ġiet adottata fi Frar tal-2008 dwar il-Fundazzjonijiet u juri l-apprezzament tiegħu għall-fatt li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-Liġi dwar il-Fundazzjonijiet tindirizza għadd ta" kwistjonijiet pendenti relatati mal-proprjetà li jikkonċernaw komunitajiet mhux Musulmani; iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jiżgura li l-liġi tiġi implimentata f'konformità mal-każistika tal-ECtHR, u biex jindirizza l-kwistjoni li s'issa għadha ma ġietx solvuta tal-proprjetajiet maħtufa u mibjugħa lil partijiet terzi kif ukoll il-kwistjoni dwar il-proprjetajiet ta' fundazzjonijiet amalgamati qabel l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida;

17.  Itenni li jeħtieġ li jiġi żviluppat qafas legali f'konformità mal-każistika tal-ECtHR sabiex il-komunitajiet reliġjużi kollha jkunu jistgħu jiffunzjonaw mingħajr restrizzjonjiet bla bżonn, b'mod partikulari fir-rigward tal-istatus legali tagħhom, it-taħriġ tal-kleru, l-elezzjoni tal-ġerarkija tagħhom, l-edukazzjoni reliġjuża u l-bini ta' postijiet ta' qima; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok, lill-partiti politiċi kollha, lis-soċjetà ċivili u lill-komunitajiet ikkonċernati biex jinvolvu ruħhom fil-ħolqien ta" ambjent li jwassal għar-rispett sħiħ tal-libertà tar-reliġjon fil-prattika; itenni t-talba tiegħu biex is-seminarju Grieg Ortodoss ta' Halki jerġa" jinfetaħ immedjatament u biex it-titolu ekkleżjastiku ta' Patrijarka Ekumeniku jkun jista" jintuża pubblikament; jilqa" l-inizjattivi reċenti mill-gvern u t-taħditiet li għaddejjin bejn il-gvern u l-kapijiet tal-Alevi dwar kwistjonijiet li ilhom għaddejjin, bħall-postijiet ta" qima tal-Alevi u t-twaqqif ta" lapida ta" tifkira li tfakkar il-massakru ta" Sivas, u jistieden lill-Gvern Tork biex jindirizza l-preokkupazzjonijiet tagħhom bla dewmien u li l-korsijiet immexxija mill-istat dwar reliġjon ma jkunux obbligatorji; jiddispjaċih dwar l-esproprjazzjoni ppjanata tal-monasteru Sirjan-Ortodoss ta' San Gabrijel f'Tur Abdin u dwar il-proċeduri tal-qorti kontra r-rappreżentanti tal-monasteru;

18.  Jitlob lill-Gvern Tork biex iniedi, bħala kwistjoni ta" prijorità, inizjattiva politika li tiffavorixxi soluzzjoni dewwiema tal-kwistjoni Kurda, liema soluzzjoni għandha tindirizza l-opportunitajiet ekonomiċi u soċjali taċ-ċittadini ta' oriġini Kurda, u li ttejjeb b'mod tanġibbli d-drittijiet kulturali tagħhom, inklużi possibilitajiet reali li wieħed jitgħallem l-ilsien Kurd fi ħdan is-sistema tal-iskejjel pubbliċi u privati u li jintuża fix-xandir u fl-aċċess għas-servizzi pubbliċi, u jħalli lill-uffiċjali eletti jagħmlu użu mit-tieni lingwa barra t-Tork meta jikkomunikaw mal-kostitwenti tagħhom; jilqa' t-tnedija ta' stazzjon televiżiv pubbliku li jxandar għal 24 siegħa kuljum bil-lingwa Kurda mill-1 ta' Jannar 2009;

19.  Jikkundanna bil-qawwi l-vjolenza mwettqa mill-Partit Kurdistan tal-Ħaddiema (PKK) u minn gruppi terroristiċi oħra fit-territorju Tork; itenni s-solidarjetà tiegħu mat-Turkija fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u għal darb'oħra jistieden lill-PKK sabiex jiddikjara u jirrispetta waqfien immedjat u bla kundizzjonijiet mill-ġlied;

20.  Iħeġġeġ lid-DTP u lill-membri eletti kollha tiegħu biex ibiegħdu lilhom infushom b'mod ċar mil-PKK terrorist u mill-użu tagħhom tal-vjolenza, u jappella għall-partiti kollha biex jikkontribwixxu għal soluzzjoni li ssaħħaħ l-istabilità, il-prosperità u l-integrità tal-istat Tork;

21.  Jinnota li l-Gvern Tork iddeċieda li jlesti l-Proġett tal-Anatolja tax-Xlokk (GAP) għall-iżvilupp tax-Xlokk tat-Turkija; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, lejn il-konsegwenzi soċjali, ekoloġiċi, kulturali u ġeopolitiċi inklużi dawk fuq il-provvisti tal-ilma tal-pajjiżi ġirien, l-Iraq u s-Sirja, u jitlob lill-gvern biex iqis bis-sħiħ dawn il-kwistjonijiet, biex iħares id-drittijiet tal-popolazzjoni affettwata u biex jiżgura li jkun hemm kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali waqt li jkompli l-ħidma tiegħu fuq il-pjan; jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta studji dwar il-GAP u l-konsegwenzi tiegħu;

22.  Itenni li l-valuri Ewropej tal-pluraliżmu u d-diversità jinkludu r-rispett għal definizzjoni ferm iktar wiesgħa ta" minoranzi, fuq il-bażi tat-Trattat ta' Lausanne (1923), milli dik adottata mit-Turkija; huwa mħasseb dwar l-ostilità u l-vjolenza kontinwa kontra l-minoranzi; huwa mħasseb li t-Turkija ma wettqet l-ebda progress biex tiġi żgurata d-diversità kulturali u għall-promozzjoni tar-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom, b'konformità mal-istandards tal-ECHR; iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jibda d-djalogu li missu ilu li beda mal-Kummissarju Għoli tal-OSCE għall-MinoranziNazzjonali dwar kwistjonijiet bħall-parteċipazzjoni tal-minoranzi fil-ħajja pubblika u x-xandir fil-lingwi tal-minoranzi;

23.  Jitlob lill-gvern Tork biex jieħu azzjoni kontra organizzazzjonijiet u gruppi li jqanqlu ostilità kontra l-minoranzi u biex jipproteġi lil dawk kollha li huma mhedda u li għandhom ħajjithom fil-periklu, filwaqt li jagħmel sforzi għal tul ta" żmien ħalli joħloq ambjent li jgħin biex ikun hemm rispett sħiħ tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-bniedem;

24.  Jitlob lill-gvern Tork biex ifittex soluzzjonijiet biex jippreserva l-karattru bikulturali tal-gżejjer Torok Gökçeada (Imvros) u Bozcaada (Tenedos), u biex jindirizza l-problemi li jiffaċċjaw membri tal-minorità Griega fl-edukazzjoni u fid-drittijiet dwar il-proprjetà;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal-'Kummissjoni għall-Opportunitajiet Indaqs bejn in-Nisa u l-Irġiel' fil-Parlament Tork; jilqa" b'sodisfazzjon l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tafferma li l-qafas legali li jiggarantixxi d-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza tas-sessi jinsab, b'mod ġenerali, fis-seħħ; iħeġġeġ lill-gvern Tork, madankollu, biex jiżgura li dan jiġi implimentat sabiex ikollu effett pożittiv fuq is-sitwazzjoni tan-nisa fit-Turkija; jagħmel refenza għall-elezzjonijiet lokali li ġejjin bħala opportunità biex tiġi rimedjata r-rappreżentanza baxxa tan-nisa fil-politika;

26.  Huwa mħasseb li l-għadd tal-hekk imsejħa "qtil minħabba l-unur" irrapportati qed jikber fit-Turkija u jistieden lill-awtoritajiet Torok u lis-soċjetà ċivili biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jevitaw dan il-qtil, il-vjolenza domestika u ż-żwiġijiet sfurzati; jilqa" ż-żieda fin-numru ta" postijiet li joffru kenn, imma jitlob li b'urġenza jsiru politiki effettivi u sostenibbli dwar kwistjonijiet baġitarji u dwar l-istaff, u li tingħata għajnuna lin-nisa u lit-tfal tagħhom wara li dawn jitilqu mill-postijiet fejn ikunu sabu kenn; jitlob lill-gvern Tork jiġġieled kontra t-traffikar tan-nisa b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri;

27.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Appell li ma tappoġġax id-deċiżjoni li jiġi pprojbit il-grupp ta' interess Lambda Istanbul; iħeġġeġ lill-gvern biex jiżgura li l-ugwaljanza tkun iggarantita irrispettivament mis-sess, oriġini etnika jew razzjali, reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali;

L-eżistenza ta' ekonomija tas-suq li qed tiffunzjona

28.  Jilqa' l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fejn it-Turkija ġiet ikklassifikata bħala ekonomija tas-suq li qed tiffunzjona;

29.  Jinnota li minkejja li fl-2008 r-ritmu tat-tkabbir ekonomiku fit-Turkija naqas, ir-rendiment ekonomiku globali tal-pajjiż wera li l-pedamenti u r-reżiljenza tal-ekonomija Torka huma sostanzjalment iktar b'saħħithom minn xi snin ilu; jinnota li l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-sistema bankarja Torka s'issa baqa' limitat, iżda huwa mħasseb dwar l-effett tal-kriżi fuq it-tkabbir ekonomiku; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta speċifikament dwar il-konsegwenzi tal-kriżi għall-ekonomija Torka; jinkoraġġixxi lill-Gvern Tork biex ikompli l-koperazzjoni mill-qrib tiegħu mal-Fond Monetarju Internazzjonali u ma" istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u Ewropej oħra;

Il-ħila li tassumi l-obbligi tas-sħubija

30.  Jiddispjaċih li numru ta' impenji li daħlet għalihom it-Turkija fl-unjoni doganali UE-Turkija għadhom ma ġewx issodisfati, u qed joħolqu distorsjoni fir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali;

31.  Jinnota li l-unjoni doganali tobbliga lit-Turkija li tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet ta" kummerċ ħieles (FKĦ) ma" pajjiżi terzi li l-UE kkonkludiet FKĦ magħhom; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkludu lit-Turkija fl-istudji ta' evalwazzjoni tal-impatt ta' FKĦ prospettivi bejn l-UE u pajjiżi terzi u biex tkompli ssaħħaħ it-trażmissjoni tal-informazzjoni tal-pożizzjoni tal-UE u s-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tal-FKĦ;

32.  Jiddispjaċih li l-Ftehima ta' Assoċjazzjoni UE-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali tagħha għadhom ma ġewx kompletament implimentati b'mod sħiħ mill-gvern Tork; ifakkar li jekk it-Turkija ma twettaqx l-impenji tagħha sa Diċembru 2009 dan jista' wkoll jaffettwa serjament il-proċess tan-negozjati; jistieden lill-Kunsill sabiex ikompli jsegwi u jevalwa l-progress li jsir fil-kwistjonijiet koperti mid-dikjarazzjoni tal-Komunità u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005 bi qbil mal-konklużjonijiet tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2006;

33.  Jifraħ lit-Turkija għall-progress li għamlet fil-qasam tal-edukazzjoni u l-kultura; jisħaq li l-provediment ta" aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd mhuwiex biss strateġija tajba għall-inklużjoni tal-minoranzi imma wkoll is-sies għal soċjetà prospera u moderna; iqis il-pjan li jinfetħu dipartimenti għall-istudji Armeni u Kurdi f'universitajiet Torok bħala għelm ta" rieda tajba li għandu jiġi segwit b'azzjoni konkreta;

II.It-Tisħiħ tal-prosperità
It-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali u tal-propsperità

34.  Jirrimarka f'dan ir-rigward li ekonomija tas-suq li tkun soċjalment orjentata hija l-bażi għal soċjetà koerenti u waħda mill-punti ewlenin biex ikun hemm l-istabilità u l-prosperità; jilqa" b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward l-adozzjoni tal-Liġi dwar is-Sigurtà Soċjali u s-Saħħa Ġenerali bħala kontribut għat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali tas-soċjetà Torka;

35.  Jilqa' b'sodisfazzjon wkoll l-adozzjoni tal-pakkett għall-impjieg f'Mejju 2008 mill-parlament Tork, immirat lejn il-promozzjoni tan-nisa, taż-żgħażagħ u tal-persuni b'diżabilità; jinsab imħasseb, madankollu, dwar id-dgħjufija kontinwa tas-suq tax-xogħol, li jħaddem biss 43% tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol, u jinsab partikolarment imħasseb dwar ir-rata ġenerali ta' nisa li jaħdmu li qed tonqos; iħeġġeġ lill-gvern Tork biex jieħu aktar azzjoni sabiex jitratta l-problema tal-ekonomija informali;

36.  Itenni t-talbiet tiegħu lill-gvern Tork biex jieħu iktar passi tanġibbli biex tingħata setgħa lin-nisa fis-setturi politiċi, ekonomiċi u soċjali, permezz ta', per eżempju, miżuri temporanji biex iżidu l-involviment attiv tagħhom fil-politika; jiġbed l-attenzjoni biex jieħu miżuri effettivi biex ikabbar l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni, li b'dispjaċir jibqa' l-iktar baxx fost il-pajjiżi OECD;

37.  Jieħu nota tal-progress li sar fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa; madanakollu, jinsab imħasseb li ma sar ebda progress fis-saħħa mentali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok sabiex jagħmlu aktar riżorsi disponibbli għall-kura tas-saħħa mentali, u sabiex isibu soluzzjoni għall-problemi ta' kura u trattamenti mediċi ġenerali inadegwati ta' persuni b'diżabilitajiet mentali fi sptarijiet tal-moħħ u f'ċentri ta' riabilitazzjoni; jitlob għat-trattament tat-tfal u l-adulti b'diżabilitajiet fl-istituzzjonijet biex id-drittijiet tagħhom jiġu rrispettati b'mod sħiħ;

38.  Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress biex tiġi emendata l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tat-trejdunjins, u jitlob lill-Parlament Tork biex jadotta liġi ġdida dwar it-trejdunjins li tkun konformi mal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol; jiddispjaċih li, minkejja l-fatt li r-regolamenti dwar il-formazzjoni ta" unjins u s-sħubija fihom irtabu fl-2004, l-attivitajiet trejdjunjonistiċi għadhom suġġetti għal restrizzjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet Torok biex isibu soluzzjoni, flimkien mat-trejdunjins, li tippermetti li jsiru demostrazzjonijiet paċifiċi fl-1 ta" Mejju fi Pjazza Taksim f'Istanbul, b'tali mod li tiġi rispettata l-libertà ta' assoċjazzjoni;

39.  Jinnota, għal darba oħra, il-bżonn li tiġi indirizzata l-problema tad-disparitajiet tal-iżvilupp qalb ir-reġjuni Torok u bejn iż-żoni rurali u urbani, li hija ostaklu ewlieni għall-prosperità tas-soċjetà Torka; għalhekk jiddispjaċih, li s'issa ma ġiet ippreżentata l-ebda strateġija komprensiva lill-gvern Tork biex tiġi ttrattata din il-problema, u jinsab iddiżappuntat li l-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda informazzjoni dwar il-kontribut tal-UE skont l-Istrument għal Għajnuna ta' Qabel is-Sħubija għal dan l-ippjanar strateġiku, kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu kif imsemmi hawn fuq tal-21 ta' Mejju 2008;

III.Il-bini ta' relazzjonijiet tajbin mal-ġirien

40.  Jisħaq dwar il-ħtieġa li jkun hemm soluzzjoni komprensiva tal-kwistjoni dwar Ċipru bbażata fuq ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u fuq il-prinċipji li fuqhom hija msawra l-Unjoni Ewropea; jilqa' l-impenn mill-ġdid taż-żewġ kapijiet politiċi fuq iż-żewġ naħat għal soluzzjoni nnegozjata u jappoġġja n-negozjati diretti li għaddejjin bħalissa bejn il-mexxejja taż-żewġ komunitajiet f'Ċipru u jaċċetta kwalunkwe ftehima li dawn jilħqu sakemm din tkun konformi mal-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-UE, inklużi l-erba' libertajiet fundamentali, ħlief għal derogi temporanji tranżitorji, u li din il-ftehima tiġi aċċettata wara referendum; jistieden lit-Turkija sabiex tiffaċilita l-ħolqien ta' klima adattata għan-negozjati billi tirtira l-forzi Torok u tippermetti liż-żewġ mexxejja sabiex jinnegozjaw fil-libertà l-futur ta' pajjiżhom;

41.  Jitlob lit-Turkija biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont il-liġi internazzjonali, ir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar ir-Raba' Applikazzjoni Interstatali minn Ċipru kontra t-Turkija rigward investigazzjonijiet dwar x'sar minn persuni li għebu; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE kollha biex jitolbu lit-Turkija tieħu azzjoni xierqa dwar dik li hi prinċipalment kwistjoni umanitarja;

42.  Iħeġġeġ kooperazzjoni transkonfinali akbar bejn l-awtoritajiet lokali, in-negozjanti u msiħbin oħra lokali fir-rigward tal-membri ġirien tal-UE tal-Greċja u l-Bulgarija;

43.  Jilqa' l-komunikazzjoni u l-koperazzjoni li żviluppaw fl-aħħar sena bejn l-awtoritajiet Torok u dawk Iraqini, inklużi l-kuntatti bejn it-Turkija u l-gvern reġjonali Kurd fit-Tramuntana tal-Iraq; iħeġġeġ lil dawk l-awtoritajiet sabiex japprofondixxu iżjed il-kooperazzjoni tagħhom, sabiex jiżguraw li l-attakki terroristiċi minn territorju Iraqin jiġu evitati taħt responsabilità Iraqina, sabiex tiġi garantita stabilità u sabiex dan iservi ta' kontribuzzjoni għall-iżvilupp ekonomiku taż-żona kollha tal-viċinanzi bejn it-Turkija u l-Iraq; ifakkar it-talbiet li għamel aktar kmieni lill-gvern Tork sabiex, meta jkun qiegħed iwettaq operazzjonijiet għal kontra t-terroriżmu, jirrispetta l-integrità territorjali tal-Iraq, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, u sabiex ikun żgur li vittmi ċivili jiġu evitati;

44.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żjara li l-President Gül għamel fl-Armenja f'Settembru 2008 wara stedina mill-President Sarkisian, u jittama li din trawwem klima favorevoli għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi tagħhom; jistieden lill-Gvern Tork biex jerġa' jiftaħ il-fruntiera tiegħu mal-Armenja u biex jerġa' jistabbilixxi r-relazzjonijiet ekonomiċi u politiċi mal-Armenja b'mod sħiħ; għal darba oħra jitlob lill-gvernijiet tat-Turkija u tal-Armenja biex jibdew proċess ta' rikonċiljazzjoni, fir-rigward tal-preżent u tal-passat, li jippermetti diskussjoni sinċiera u miftuħa tal-avvenimenti li ġraw fil-passat; jistieden lill-Kummissjoni biex tiffaċilita dan il-proċess ta' rikonċiljazzjoni;

45.  Japprezza l-isforzi kontinwi min-naħa tal-gvernijiet Torok u Griegi sabiex itejbu r-relazzjonijiet bilaterali; jirrepeti li l-irtirar tal-casus belli ddikkajrat mill-Assemblea Nazzjonali l-Kbira Torka fl-1995 jipprovdi impetu importanti għal aktar titjib f'dawk ir-relazzjonijiet; ifakkar li t-Turkija impenjat ruħha lejn relazzjonijiet tajbin mal-pajjiżi ġirien u jitlob lill-gvern tat-Turkija biex jagħmel sforzi serji u intensivi sabiex tissolva kwalunkwe tilwima li fadal b'mod paċifiku u bi qbil mal-Karta tan-NU, u ma' konvenzjonijiet internazzjonali u ftehimiet u obbligi bilaterali oħrajn rilevanti;

IV.It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bilaterali bejn l-UE u t-Turkija

46.  Jitlob lill-Kunsill biex iqis li jagħmel progress fil-ftuħ tan-negozjati dwar kapitoli li fihom it-Turkija, skont l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, issodisfat il-kundizzjonijiet għall-ftuħ;

47.  Jirrikonoxxi l-ambizzjoni tat-Turkija li ssir ċentru tal-enerġija għall-Ewrażja u l-irwol li jista' jkollha fil-kontribut għas-sigurtà fl-enerġija tal-Ewropa; ifaħħar il-progress li t-Turkija kisbet fil-qasam tal-enerġija; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmi hawn fuq tal-24 ta' Ottubru 2007 li tappoġġja l-ftuħ ta' negozjati dwar dan il-kapitolu u jiddispjaċih li ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar dan fil-Kunsill; iħeġġeġ lit-Turkija biex tingħaqad mal-Komunità Ewropea tal-Enerġija bħala membru sħiħ, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-enerġija bejn l-UE u t-Turkija, li tista' tkun ta' benefiċċju għall-partijiet kollha involuti; jistieden lit-Turkija sabiex tappoġġja bis-sħiħ il-proġett ta' konnessjoni ta' pajpijiet Nabucco, li huwa proġett prijoritarju Ewropew, u jistenna li l-ftehima intergovernattiva li timmira li tibda topera l-konnessjoni ta' pajpijiet tiġi konkluża dalwaqt;

48.  Jieħu nota tal-progress li sar fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil; madankollu jiddispjaċih li minn Diċembru 2006 'l hawn, it-Turkija ma komplietx bin-negozjati dwar ftehima ta' riammissjoni mal-KE, li l-iffirmar tagħha huwa kundizzjoni għal ftehima dwar l-iffaċilitar tal-viżi; u jitlob lill-gvern Tork sabiex jintensifika l-koperazzjoni tiegħu mal-UE fir-rigward ta' mmaniġġjar tal-migrazzjoni, inkluż permezz tal-implimentazzjoni xierqa tal-ftehimiet u l-protokolli bilaterali ta' riammissjoni eżistenti mal-Istati Membri; jinnota li ma jista" jiġi rrappurtat ebda żvilupp dwar il-konformità mal-listi tal-viża tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Gvern Tork biex jibdew in-negozjati dwar ftehima għall-iffaċilitar tal-viżi; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrilaxxaw ir-restrizzjonijiet fuq il-viża għal vjaġġaturi bona fide bħal ma huma studenti, akkademiċi u negozjanti; jitlob għal rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni li jitolbu kenn politiku u r-refuġjati, inkluż l-aċċess miftuħ u liberu għaċ-ċentri kollha ta" detenzjoni mill-Kummissjoni Għolja għar-Refuġjati tan-NU;

49.  Jilqa' t-tnedija f'Settembru 2008 ta' ġenerazzjoni ġdida ta' proġetti mmirati li jtejbu d-djalogu bejn is-soċjetà ċivili fit-Turkija u fl-UE; jitlob lill-Kummissjoni biex tirrapporta dwar attivitajiet li jkunu saru fil-qafas tad-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili bejn l-UE u t-Turkija; ifakkar fit-talba tiegħu lill-gvern Tork biex jinvolvi s-soċjetà ċivili b'mod iżjed mill-qrib fil-proċess tar-riforma;

50.  Jinnota li l-Kummissjoni bi ħsiebha tipprovdi evalwazzjoni tal-impatt fuq ċertu oqsma biss ta' politika(5); iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex toħroġ studju tal-impatt iżjed komprensiv bħala segwitu għal dak ippreżentat fl-2004, u biex jiġi ppreżentat lill-Parlament mingħajr dewmien;

51.  Jitlob lill-gvern u l-awtoritajiet ġudizzjarji Torok biex jikkoperaw aħjar mal-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-UE f'każijiet kriminali fejn ċittadini u residenti tal-UE sfaw vittmi ta" frodi, bħal fil-każ tal-hekk imsejħa "Fondi Ħodor" (fondi ta" investiment Iżlamiċi bbażati fit-Turkija) u fil-każ tad-"Deniz Feneri", karità bbażata fil-Ġermanja;

Kooperazzjoni dwar kwistjonijiet internazzjonali u globali

52.  Japprezza l-isforzi tat-Turkija biex tikkontribwixxi għal soluzzjoni ta' ħafna mir-reġjuni tad-dinja li qegħdin fi kriżi, b'mod partikolari l-Lvant Nofsani u l-Kawkażu t'Isfel, u wkoll fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Afganistan u l-Pakistan; jilqa' b'mod partikolari l-involviment attiv u kostruttiv tat-Turkija, wara l-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ġorġja, immirat biex iħeġġeġ il-paċi u l-istabilità fil-Kawkażu t'Isfel, b'mod partikolari permezz tal-proposta tagħha Pjattaforma ta" Stabilità u Koperazzjoni fil-Kawkażu; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iżidu l-kooperazzjoni mat-Turkija u sabiex ifittxu sinerġiji fl-approċċ tal-UE u tat-Turkija għal dawn ir-reġjuni;

53.  Jifraħ lit-Turkija dwar l-elezzjoni tagħha għall-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jħeġġeġ lill-gvern Tork biex jadotta approċċ fin-NU li jkun ikkoordinat mill-qrib mal-pożizzjoni tal-UE;

54.  Jilqa' r-ratifika tal-Protokoll ta' Kyoto mill-parlament Tork;

55.  Jilqa' l-kontribuzzjoni kontinwa tat-Turkija lejn il-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża u l-operazzjonijiet tan-NATO; jesprimi dispjaċir, madanakollu, li l-koperazzjoni strateġika NATO-UE li testendi lil hinn mill-arranġamenti tal-"Berlin Plus" għadha qiegħda tiġi ostakolata mill-oġġezzjonijiet tat-Turkija, li għandhom konsegwenzi negattivi għall-ħarsien tal-istaff tal-UE li jkun fl-azzjoni, u jħeġġeġ lit-Turkija sabiex twarrab dawn l-oġġezzjonijiet kemm jista' jkun malajr: jistieden lill-Kunsill biex jikkonsulta t-Turkija, bħala waħda mill-akbar fornituri ta' truppi, fil-fażijiet tal-ippjanar u tat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar il-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża;

56.  Jitlob lill-gvern Tork biex jiffirma u jressaq għar-ratifika l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, b'hekk jiżdied iżjed il-kontribut tat-Turkija fis-sistema multilaterali globali u tkun imdaħħla iżjed fix-xogħol ta' din is-sistema;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-President tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.

(1) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 284.
(2) ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 452.
(3) Testi adottati, P6_TA(2008)0224.
(4) ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4.
(5) Kummissjoni Ewropea: Azzjoni meħuda dwar ir-riżoluzzjonijiet mhux leġiżlattivi tal-Parlament – Mejju II 2008.

Avviż legali - Politika tal-privatezza