Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2009 dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil (2008/2288(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal rakkomandazzjoni lill-Kunsill magħmula minn Véronique De Keyser f'isem il-Grupp PSE dwar is-Sħubija Strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Brażil (B6-0449/2008),
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Qafas ta' Koperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Federattiva tal-Brażil(1),
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Qafas ta' Koperazzjoni Interreġjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-waħda, u s-Suq Komuni tan-Nofsinhar u l-Istati Membri tiegħu, min-naħa l-oħra(2),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta" Novembru 2001 dwar sħubija globali u strateġija komuni għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 t'April 2006 dwar sħubija msaħħa bejn l-Unjoni Ewropea u l-Amerika Latina(4),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Lejn Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil" (COM(2007)0281),
– wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tal-ewwel Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Brażil, li saret f'Liżbona, fl-4 ta' Lulju 2007,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 t'April 2008 dwar il-Ħames Laqgħa Għolja bejn l-Amerika Latina, il-Karibew u l-Unjoni Ewropea f'Lima(5),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Lima waqt il-Ħames Laqgħa Għolja bejn l-Amerika Latina, il-Karibew (LAC) u l-Unjoni Ewropea f'Lima, il-Peru', fis-16 ta' Mejju 2008,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta tat-tieni Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Brażil, li saret f'Rio de Janeiro, fit-22 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 114(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A6-0062/2009),
A. billi l-Brażil sar reġjun u protagonista globali dejjem aktar sinifikanti u wera li hu interlokutur prinċipali għall-UE,
B. billi l-Brażil u l-Unjoni Ewropea huma sħab li jħarsu lejn id-dinja bl-istess mod, u jistgħu jippromwovu bidliet u soluzzjonijiet mad-dinja kollha,
C. billi l-ewwel Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Brażil nediet is-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil, abbażi ta' rabtiet storiċi, kulturali u ekonomiċi mill-qrib tal-partijiet, u t-tieni Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Brażil adottat Pjan ta" Azzjoni Konġunt biex ikun il-qafas għal azzjoni fis-Sħubija Strateġika tagħhom fuq perjodu ta" tliet snin,
D. billi s-sieħba għandhom l-istess valuri u prinċipji fundamentali bħad-demokrazija, l-istat ta' dritt, u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-ekonomija tas-suq u l-koeżjoni soċjali, li jikkostitwixxu l-kundizzjonijiet bażiċi sabiex tiġi żviluppata s-Sħubija Strateġika,
E. billi l-prijoritajiet fuq l-aġendi taż-żewġ reġjuni nbidlu minħabba, inter alia, il-proċessi ta" integrazzjoni politika u ekonomika, ir-rata dejjem ikbar ta" globalizzazzjoni ekonomika u l-importanza tad-dibattitu dwar id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent,
F. billi l-Brażil kien minn ta" quddiem fl-integrazzjoni tal-Amerika t'Isfel permezz tat-twaqqif tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR),
G. billi s-Sħubija Strateġika se tipprovdi spinta sinifikanti biex sas-sena 2012 tiġi stabbilita zona ta' sħubija globali interreġjonali Ewro-Latina Amerikana proposta mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tas-27 ta' April 2006,
H. billi t-twaqqif tal-Assemblea Parlamentari Ewro-Latina Amerikana (EuroLat) kien pass deċiżiv lejn it-tisħiħ tal-leġittimità demokratika u d-dimensjoni politika tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Amerika Latina, u filwaqt li l-adeżjoni futura għal din l-Assemblea tal-Parlament Mercosur se ssaħħaħ lill-EuroLat fl-irwol tiegħu bħala forum permanenti għad-djalogu politiku bejn iż-żewġ reġjuni,
1. Jippreżenta dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill:
(a)
is-Sħubija Strateġika għandha tkun parti mill-approċċ bireġjonali, u mill-perspettiva globali, tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea,u l-Amerika Latina u l-Karibew (LAC), li huma l-bażi tal-Assoċjazzjoni Strateġika Bireġjonali li ġiet deċiża fil-Laqgħat Għolja bejn l-UE u l-LAC;
(b)
il-mekkaniżmi privileġġati għad-djalogu politiku li jiġu mis-Sħubija Strateġika għandhom jipprovdu spinta għar-relazzjonjiet ma' u bejn il-bosta proċessi ta' integrazzjoni reġjonali, bil-għan li jiġu salvagwardati l-valuri tas-Sħubija Strateġika u t-tisħiħ tar-relazzjonijiet multilaterali fir-relazzjonijiet internazzjonali;
(c)
is-Sħubija Strateġika għandha tipprovdi spinta ġdida għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Mercosur, objettiv strateġiku tal-UE għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali, kif ukoll l-espansjoni tad-djalogu politiku u l-koperazzjoni bejn iż-żewġ reġjuni;
(d)
is-Sħubija Strateġika għandha tipprovdi valur miżjud reali kemm fir-rigward tal-Ftehim ta' Qafas ta' Koperazzjoni attwali mal-Brażil, il-Ftehim ta' Qafas ta' Koperazzjoni attwali mal-Mercosur, kif ukoll il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni futura mal-Mercosur;
(e)
l-iffukar tal-aġenda politika tas-Sħubija Strateġika għandu jinkludi l-promozzjoni ta' strateġiji konġunti li jindirizzaw l-isfidi globali, inklużi inter alia l-paċi u s-sigurtà, id-demokrazija u d-drittitjiet tal-bniedem, il-bidla fil-klima, il-kriżi finanzjarja, id-diversità bijoloġika, is-sigurtà tal-enerġija, l-iżvilupp sostenibbli kif ukoll il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni;
(f)
multilateraliżmu effettiv iffukat fuq is-sistema tan- NU huwa l-aktar mod effiċjenti li bih jiġu indirizzati l-kwistjonijiet globali; is-sieħba għandhom ifittxu li jallinjaw il-pożizzjonijiet tagħhom permezz ta' koperazzjoni mill-qrib u b'konsultazzjoni sistematika qabel il-laqgħat tan-NU u ta' dawk ta' entitajiet internazzjonali oħra (eż. d-WTO) kif ukoll il-fora (eż. il-G20);
(g)
is-Sħubija Strateġika għandha tenfasizza l-importanza dwar l-implimentazzjoni tal-proċess ta' riforma adottat mil-Laqgħa Għolja tan-NU fl-2005, inkluża r-riforma tal-entitajiet prinċipali tagħha;
(h)
is-sieħba għandhom ifittxu li jsaħħu l-prevenzjoni tal-kunflitti u l-kapaċitajiet ta' mmaniġġjar tal-kriżijiet fin-NU, f'organizzazzjonijiet reġjonali u fil-livell bilaterali, u li jikkoordinaw l-isforzi fl-operazzjonijiet tan-NU għaż-żamma tal-paċi u ta' stabilizzazzjoni;
(i)
is-Sħubija Strateġika għandha tkun għodda li tippromwovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba fil-livell globali; is-sieħba għandhom jikkoperaw ukoll fil-Kunsill għad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u fit-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU biex jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha;
(j)
is-sieħba għandhom ikomplu jaħdmu biex tissaħħaħ is-sistema tal-kummerċ multilaterali fil-livell tad-WTO. bil-kriżi finanzjarja globali attwali, u r-rabtiet mill-qrib bejn il-finanzi u l-kummerċ, il-protezzjoniżmu għandu jiġi evitat; is-sieħba għandhom jikkoperaw bil-għan li jikkontribwixxu għall-konklużjoni b'suċċess tan-negozjati tal-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha;
(k)
is-Sħubija Strateġika għandha tintuża biex tippromwovi l-koperazzjoni bejn is-sieħba f'fora internazzjonali oħra, bħall-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-G20, bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżi finanzjarja globali attwali, li wriet il-bżonn urġenti li tkun riformata l-istruttura finanzjarja internazzjonali;
(l)
l-opinjoni li ngħatat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Settembru 2008 bit-titolu "Il-Multilingwiżmu: vantaġġ għall-Ewropa u impenn komuni"(COM(2008)0566), li tenfasizza l-valur strateġiku għall-UE tad-"dimensjoni esterna tal-multilingwiżmu" fid-dinja globalizzata tal-lum, għandha tkun imsaħħa; il-fatt li "ċerti lingwi tal-UE huma mitkellma f'numru kbir ta' Stati mhux Membri f'kontinenti differenti", li "jikkostitwixxu rabta importanti bejn il-popli u n-nazzjonijiet" u "għodda ta' komunikazzjoni siewja għan-negozju" b'mod partikolari fi "swieq ġodda bħall-Brażil", u għandu jkun affermat li huma għodda ta' siwi rilevanti għall-koperazzjoni u l-iżviluppp ukoll;
(m)
is-sieħba għandhom jaħdmu flimkien biex jindirizzaw l-isfidi l-aktar urġenti fil-livell dinji fil-qasam tal-paċi u tas-sigurtà, inkluż inter alia, id-diżarm, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi, speċjalment dawk nukleari, kimiċi u bijoloġiċi u l-mezzi li bihom jitwasslu, il-korruzzjoni, il-kriminalità organizzata transnazzjonali u, b'mod speċifiku t-traffikar tad-droga, il-ħasil tal-flus, it-traffikar tal-armi żgħar, l-armi ħfief u l-munizzjoni, it-traffikar tan-nies kif ukoll it-terroriżmu; huma għandhom juru impenn sħiħ fil-Mekkaniżmu dwar id-Drogi tal-UE-LAC;
(n)
is-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Federali tal-Brażil għandha tkun imsejsa fuq ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi finali;
(o)
is-sieħba għandhom jaħdmu mill-qrib biex jippromwovu u jimplimentaw l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju (MDGs) biex jindirizzaw il-problema tal-faqar u l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali fil-livell globali; huma għandhom isaħħu l-koperazzjoni fil-qasam tal-għajnuna għall-iżvilupp, inkluża l-għajnuna triangolari, u għandhom jaħdmu flimkien ukoll kontra t-terroriżmu internazzjonali, it-traffikar tad-droga u l-kriminalità;
(p)
l-isforzi tal-Brażil biex jilħaq l-MDGs għandhom jintlaqgħu b'sodisfazzjon, u għandu jiġi kkongratulat u għall-iżviluppi pożittivi f'oqsma bħal ma huma t-tnaqqis tal-faqar, it-tnaqqis ta' nutrizzjoni ħażina lit-tfal, u l-edukazzjoni bażika; għandu jkun enfasizzat li l-Brażil għad għandu bżonn jagħmel sforzi konsiderevoli biex jilħaq l-MDGs kollha sal-2015, pereżempju billi jiżgura kwalità suffiċjenti fl-edukazzjoni bażika għall-bniet u s-subien kollha u jkompli jnaqqas il-mortalità tat-tfal taħt il-ħames snin; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi hija dritt fundamentali u strument għall-kisba tal-MDGs li jeħtieġ li jkun preżenti fis-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Brażil;
(q)
għandu jkun innutat li, minkejja l-iżvilupp ekonomiku u l-akkumulazzjoni tal-ġid, il-Brażil għad għandu numru kbir ta" nies foqra; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi appoġġjat il-gvern Brażiljan fl-isforzi tiegħu biex jindirizza l-faqar fl-ifqar reġjuni u fl-ifqar livelli tas-soċjetà, filwaqt li jitqies il-fatt li 65% tal-ifqar Brażiljani huma suwed jew b'etniċità mħallta, filwaqt li 86% ta" dawk fl-aktar klassi privileġġjata huma bojod;
(r)
is-Sħubija Strateġika għandha tinkludi forum għad-dibattitu u għall-iskambju tal-aħjar prattiki tas-sieħba dwar il-koeżjoni soċjali u reġjonali; f'dan ir-rigward, l-impatt verament pożittiv tal-programm Brażiljan "Bolsa Familia" fit-tnaqqis tal-faqar tal-pajjiż u ż-żieda tal-indikaturi fil-qasam tal-iżvilupp uman għandu jiġi rikonoxxut;
(s)
djalogu miftuħ dwar l-immigrazzjoni għandu jkun stabbilit, bl-għoti ta' prijorità għall-kwistjonijiet ta' migrazzjoni regolari u irregolari, flimkien mal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem tal-immigranti u l-faċilità biex jintbagħtu l-flus;
(t)
is-sieħba għandhom jaħdmu flimkien f'fora internazzjonali għall-avvanz tat-taħditiet bil-għan li fl-2009 jiġi ffirmat ftehim globali u komprensiv għal wara l-2012, dwar il-bidla tal-klima, ibbażata b'mod partikolari fuq il-prinċipju tar-responsabilitajiet komuni iżda differenzjati;
(u)
is-sieħba għandhom ukoll jaħdmu mill-qrib għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u għall-kisba tal-mira tal-bijodiversità għall-2010;
(v)
is-sieħba għandhom isaħħu l-koperazzjoni internazzjonali dwar il-konservazzjoni u l-immaniġġjar sostenibbli tat-tipi kollha ta' foresti, inkluża l-foresta tal-Amażonja; huma għandhom iwettqu skambji tal-aħjar prattiki dwar l-immaniġġjar tal-foresti sostenibbli u l-infurzar tal-liġi dwar il-foresti;
(w)
is-sieħba għandhom jiżviluppaw tekonoloġiji tal-enerġija b'użu baxx ta' karbonju u jiżguraw il-produzzjoni sostenibbli kif ukoll jużaw l-enerġiji rinnovabbli, inklużi l-bijofjuwils sostenibbli li ma jaffettwawx il-produzzjoni tal-prodotti tal-ikel u l-bijodiversità; huma għandhom iżidu l-perċentwal tal-enerġiji rinnovabbli fl-enerġija globali tagħhom, jippromwovu l-effiċjenza tal-enerġija u l-aċċess għall-enerġija u jiksbu sigurtà ikbar tal-enerġija;
(x)
koperazzjoni fir-riċerka nukleari għandha tissaħħaħ sabiex il-Brażil ikun jista" jipparteċipa fil-proġett ITER (Reattur Esperimentali Internazzjonali Termonukleari) li jikkonċerna l-ġenerazzjoni tal-enerġija termonukleari;
(y)
billi l-aċċess għall-mediċini u għas-saħħa pubblika huma għanijiet prijoritarji jagħti l-appoġġ tiegħu għall-isforzi tal-Brażil biex jikkumbatti l-AIDS b'mediċini rħas, u jistieden lill-UE biex tkompli tinvestiga dwar il-liċenzji obbligatorji għal mediċini maħsuba għal mard pandemiku traskurat li jbatu minnu n-nies foqra;
(z)
l-ammont disponibbli fil-qafas tal-Istrument ta' Koperazzjoni għall-Iżvilupp(6) (DCI) għall-Brażil għandu jintuża għal miżuri li jappoġġjaw il-Brażil fil-ġlieda tiegħu kontra l-faqar u għall-kisba tal-MDGs u miżuri oħra li jistgħu jitqiesu bħala għajnuna ġenwina għall-iżvilupp, bħal fil-qasam ambjentali;
(aa) id-djalogi eżistenti għandhom jissaħħu, u djalogi ġodda għandhom jitnedew b'mod partikolari għall-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija, it-trasport, is-sigurtà tal-ikel, ix-xjenza u t-teknoloġija, is-soċjetà tal-informazzjoni, l-impjiegi u l-kwistjonijiet soċjali, il-finanzi u l-makroekonomija, l-iżvilupp reġjonali, il-kultura u l-edukazzjoni;
(ab) is-Sħubija Strateġika għandha tinkoraġġixxi kuntatti bejn l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, fora għall-imsieħba kummerċjali u soċjali, u għandha tippromwovi l-iskambji fuq livell edukattiv u kulturali;
(ac) azzjonijiet favur is-sħubija bejn l-UE u l-Brażil, għarfien u ftehim reċiproku u programmi ta' skambju għandhom jiġu ffinanzjati minn strument apparti mid-DCI;
(ad) is-Sħubija Strateġika għandha tipprovdi għat-twaqqif ta" djalogu regolari strutturat bejn il-Membri tal-Kungress Nazzjonali Brażiljan u dak tal-Membri tal-Parlament Ewropew;
(ae) għandu jsir provvediment għall-istituzzjonijiet tal-UE u l-Gvern Brażiljan biex il-Parlament Ewropew u l-EuroLat jiġu pprovduti b'tagħrif regolari u dettaljat dwar il-qagħda tas-Sħubija Strateġika;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u, għall-informazzjoni, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-President u l-Kungress Nazzjonali tar-Repubblika Federattiva tal-Brażil.
Regolament (KE) Nru 1905/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat 18 ta' Diċembru 2006li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-koperazzjoni għall-iżvilupp (ĠU L 378, 27.12.2006, p.41).