Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Marzu 2009 dwar l-istudji artistiċi fl-Unjoni Ewropea (2008/2226(INI))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 149 u 151 tat-Trattat KE,
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta" Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(1),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1350/2008/KE tas-16 ta" Diċembru 2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward is-Sena Ewropea tal-Kreattività u l-Innovazzjoni (2009)(2),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 u l-25 ta" Mejju 2007 dwar il-kontribut tas-settur kulturali u dak kreattiv għall-ilħuq tal-objettivi ta" Liżbona u tal-21 u t-22 ta" Mejju 2008,
– wara li kkunsidra r-rapport konġunt dwar il-progress tal-2008 tal-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta" ħidma 2010 dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ - L-għoti tat-tagħlim tul il-ħajja għall-għarfien, il-kreattività u l-innovazzjoni(3),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta" Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti(4),
– wara li kkunsdra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta" April 2008 dwar l-aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja li qiegħda ssir waħda globalizzata(5),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta" April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa(6),
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet fil-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-20 ta" Ottubru 2005,
– wara li kkunsidra r-Regola 45 tar-Regoli ta" Proċedura,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6-0093/2009),
A. billi l-Unjoni Ewropea, fidila lejn il-motto tagħha "L-Għaqda fid-Diversità", għandha tirrikonoxxi l-istorja komuni tagħha, u billi tista" tagħmel dan permezz tal-istorja tal-Arti Ewropea minħabba n-natura universali intrinsika tagħha,
B. billi l-iskejjel għandhom għal darba oħra jsiru l-post ewlieni biex ikun demokratizzat l-aċċess għall-kultura,
C. billi l-edukazzjoni artistika u kulturali, li minnha tifforma parti l-edukazzjoni dwar ix-xbieha, hija element essenzjali tas-sistema edukattiva tal-Istati Membri,
D. billi l-edukazzjoni artistika u kulturali hija komponent essenzjali fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ, minħabba li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-volontà ħielsa, is-sensitività u l-aċċettazzjoni tal-oħrajn; billi hija kwistjoni ewlenija fl-opportunitajiet indaqs u prekundizzjoni biex l-aċċess għall-kultura jkun verament demokratizzat,
E. billi biex niffaċċjaw l-isfida tad-demokratizzazzjoni tal-aċċess għall-kultura, jeħtieġ li nippromwovu kuxjenza artistika fil-livelli kollha u għall-etajiet kollha, li nagħrfu l-importanza tal-attivitijiet artistiċi ta" gruppi u tad-dilettanti u li nippromwovu l-aċċess għall-edukazzjoni fid-diversi friegħi tal-arti,
F. billi, b'dispjaċir, l-Istati Membri sikwit iħossuhom imġiegħlin minn obbligi ekonomiċi li jnaqqsu l-importanza mogħtija lid-diversi friegħi tal-arti fil-politika tal-edukazzjoni in ġenerali,
G. billi l-edukazzjoni artistika hija l-bażi għat-taħriġ professjonali fil-qasam tal-arti u tippromwovi l-kreattività, kif ukoll l-iżvilupp fiżiku u intellettwali f'din l-isfera, filwaqt li tinkoraġġixxi relazzjonijiet iktar mill-qrib u li jagħtu aktar frott bejn l-edukazzjoni, il-kultura u l-arti,
H. billi l-iskejjel u ċ-ċentri tal-edukazzjoni għall-arti u d-disinn jgħinu fl-iżvilupp ta" filosofiji, biex jinħolqu stili u movimenti artistiċi ġodda u biex jinfetħu dinjiet kulturali differenti, ħaġa li ssaħħaħ l-immaġni tal-Unjoni Ewropea fid-dinja,
I. billi t-taħriġ huwa importanti ħafna għas-suċċess tal-professjonisti fis-settur artistiku u kreattiv,
J. billi l-istudji artistiċi li jiffukaw fuq l-iżvilupp ta" karriera u professjoni jitolbu mill-istudenti, minbarra t-talent, bażi kulturali soda li tista" tiġi akkwistata biss permezz ta" taħriġ multidixxiplinari u sistematiku; billi dan iżid l-opportunitajiet għall-aċċess għall-impjieġi fis-settur, sakemm jipprovdi edukazzjoni ġenerali, metodoloġija tar-riċerka, ħiliet intraprenditorjali u għerf tan-negozju, kif ukoll ħiliet f'diversi oqsma ta" attività li huma relevanti għall-arti kontemporanja,
K. billi l-potenzjal ekonomiku u l-potenzjal f'dawk li huma impjiegi li huma rrappreżentati minn kumpaniji u industriji kreattivi, kulturali u artistiċi fl-Unjoni Ewropea jinfluwenzaw fil-biċċa l-kbira l-iżvilupp tas-settur artistiku,
L. billi r-rivoluzzjoni teknoloġika rriżultat f'żieda fil-kompetittività fil-pajjiżi u anki bejniethom, u li dan il-fatt kien ifisser li l-ħiliet intellettwali u l-kreattività jokkupaw post dominanti fl-Istrateġija ta" Liżbona,
M. billi l-bidliet mgħaġġla u li l-ħin kollu għaddejjin li qed iseħħu fi ħdan is-soċjetajiet tagħna jitolbu aktar adattabilità, flessibilità, kreattività, innovazzjoni u komunikazzjoni bejn in-nies fl-isfera tax-xogħol; billi dawn il-kwalitajiet għandhom ikunu promossi mis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fid-diversi Stati Membri, skont l-objettivi tal-programm Edukazzjoni u Taħriġ 2010 msemmi hawn fuq,
N. billi għandu jitqies il-fatt li jeżistu disparitajiet sinifikanti bejn il-mudelli tal-edukazzjoni artistika li jeżistu fid-diversi Stati Membri,
O. billi għandu jitqies il-fatt li, bħala riżultat tal-globalizzazzjoni u ż-żieda fil-mobilità taċ-ċittadini, kif ukoll it-tkabbiriet suċċessivi tal-Unjoni Ewropea, l-edukazzjoni dwar il-kultura u dwar id-diversità tagħha hija element importanti għall-preservazzjoni tal-identità u l-promozzjoni tal-fehim interkulturali u interreliġjuż; billi l-għan tas-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali li titqajjem kuxjenza dwar il-kultura u li l-kultura tkun promossa għandhom ikomplu lil hinn mill-2008,
1. Iqis li l-edukazzjoni artistika għandha tkun element obbligatorju fis-sillabi edukattivi fil-livelli kollha tal-iskola, biex tkun promossa d-demokratizzazzjoni tal-aċċess għall-kultura;
2. Jenfasizza l-importanza li hemm kemm fil-kurrikuli tal-iskejjel u fil-programmi ta' taħriġ vokazzjonali u ta" tagħlim tul il-ħajja ta' korsijiet li jkomplu għaddejjin biex tkun promossa u żviluppata l-kreattività fl-etajiet kollha bħala parti mill-proċess ta" tagħlim tul il-ħajja;
3. Ifakkar li waħda mill-miri tal-edukazzjoni artistika u kulturali hija li jkun hemm kontribut għall-edukazzjoni ċivika u li wieħed mill-irwoli tagħha huwa t-tisħiħ tal-kapaċità li għandna li naħsbu u li nikkontribwixxu għall-iżvilupp personali mil-lat intellettwali, emozzjonali u fiżiku;
4. Jirrikonoxxi l-irwol tal-arti bħala kontributriċi importanti għall-innovazzjoni fis-soċjetà u l-ekonomija fis-Sena Ewropea għall-Kreattività u l-Innovazzjoni 2009;
5. Jiġbed l-attenzjoni tal-Kunsill u tal-Istati Membri lejn l-irwol li l-kultura Ewropea u d-diversità tagħha għandhom bħala fattur fl-integrazzjoni, u l-importanza tal-edukazzjoni artistika u kulturali f'livell Ewropew, inkluża s-salvagwardja tal-valuri kulturali tradizzjonali f'reġjuni differenti;
6. Jinnota l-għadd li kulma jmur dejjem jikber ta" studenti ta" suġġetti tal-arti li huma interessati li jmorru jistudjaw fi Stat Membru li ma jkunx tagħhom u, għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkoordinaw il-politika tagħhom fir-rigward tal-edukazzjoni artistika fil-livell tal-Unjoni Ewropea, biex jiskambjaw l-aħjar prattika u biex iżidu l-mobiltà kemm tal-istudenti u kemm tal-għalliema f'dan is-settur;
7. Jissuġġerixxi li tittejjeb il-mobilità tal-professjonisti fis-settur artistiku billi tingħata aktar attenzjoni lill-kwistjoni tal-għarfien tal-kwalifiki. Dan għandu jsir billi istituzzjonijiet ta" taħriġ u dawk li jħaddmu jkunu inkuraġġiti jifhmu l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, biex kompetenzi u kwalifiki fis-settur ikunu jistgħu jitqabblu fil-livell Ewropew;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni f'dan r-rigward li taħdem flimkien mal-Istati Membri fit-twaqqif ta" qafas ta" mobilità għall-Ewropej li jwettqu attività artistika u kreattiva, b'enfasi partikulari fuq il-mobilità għall-artisti żgħażagħ u studenti ta" suġġetti tal-arti;
9. Filwaqt li jirrikonoxxi li din hija kwistjoni għall-Istati Membri, iqis li l-politika dwar l-edukazzjoni artistika għandha tkun ikkoordinata f'livell tal-UE, b'mod partikulari f'dak li jirrigwarda:
-
id-deskrizzjoni tax-xorta, tal-kontenut u tat-tul tal-istudji artistiċi, għat-tipi ta" "pubbliku" differenti tiegħu,
-
ir-rabta bejn l-edukazzjoni artistika, il-kreattività u l-innovazzjoni,
-
l-effiċjenza tal-politika ta' edukazzjoni artistika mill-perspettiva tal-impatt soċjoekonomiku tagħha,
-
il-kisba ta" bilanċ bejn studju teoretiku u bidu prattiku, biex ikun żgurat li l-edukazzjoni artistika ma tkunx astratta,
-
l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-metodi u l-istrateġiji tal-edukazzjoni artistika, b'konformità mal-ħtiġijiet tas-soċjetà tal-informazzjoni,
-
it-taħriġ ta" għalliema speċjalizzati u ta" "inġiniera artisti" ta' media ġodda flimkien ma" dak tal-għalliema speċjalizzati tradizzjonali;
10. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex:
-
jirrikonoxxu l-importanza tal-promozzjoni tal-edukazzjoni artistika u l-kreattività fil-kuntest ta" ekonomija bbażata fuq il-għerf, f'konformità mal-Istrateġija ta" Liżbona,
-
jiddefinixxu l-irwol tal-edukazzjoni artistika bħala għodda pedagoġika essenzjali biex issaħħaħ il-valur tal-kultura f'dinja globalizzata u multikulturali,
-
jistabbilixxu strateġiji komuni għall-promozzjoni ta" politika ta" edukazzjoni artistika u politika għat-taħriġ tal-għalliema li jispeċjalizzaw f'din id-dixxiplina,
-
jirrikonoxxu l-irwol importanti tal-artisti fis-soċjetà u l-ħtieġa li jistabbilixxu kompetenzi speċifiċi għall-edukazzjoni artistika fil-proċess edukattiv,
-
jinkoraġġixxu lir-rappreżentanti nazzjonali fil-Grupp ta" Ħidma għall-Edukazzjoni u l-Kultura li twaqqaf dan l-aħħar fil-qafas tal-Metodu Miftuħ ta" Koordinazzjoni (MMK) għall-Kultura biex jiddiskutu l-funzjoni tal-arti f'kuntesti differenti tal-edukazzjoni (formali, informali u mhux formali) u fil-livelli edukattivi kollha (minn qabel il-primarja sat-taħriġ professjonali u lil hinn minnu fl-edukazzjoni għolja fl-arti) kif ukoll it-taħriġ meħtieġ għall-għalliema speċjalisti,
-
jinkoraġġixxu lir-rappreżentanti nazzjonali fil-Gruppi ta" Ħidma tal-MMK dwar l-Industriji Kulturali biex jindirizzaw it-taħriġ professjonali u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-artisti, maniġers, għalliema, faċilitaturi u professjonisti oħra fis-settur kulturali bħala tema ċentrali,
-
jistiednu lill-partijiet interessati relevanti fis-soċjetà ċivili biex jaqsmu dak kollu li jafu u l-kompetenza esperta tagħhom f'dan il-qasam fir-rigward tal-proċess li qed iseħħ fil-MMK,
-
itejbu l-għoti tat-taħriġ professjonali fis-settur artistiku billi jagħrfu l-edukazzjoni għolja fl-arti f'kull wieħed mit-tliet livelli kif indikat fil-proċess tad-Dikjarazzjoni ta' Bolonja (Baċellerat, Master, Dottorat), u b'hekk itejbu l-mobilità tal-artisti fi ħdan l-UE,
–
jintroduċu arranġamenti speċjali biex tkun promossa l-edukazzjoni artistika fil-kuntest tal-programm kulturali pluriennali,
-
jirrikonoxxu l-importanza ta" attivitajiet artistiċi ta" gruppi u ta" dilettanti;
11. Jinsisti li t-tagħlim tal-istorja tal-arti għandu jinvolvi wkoll laqgħat ma" artisti u żjarat f'postijiet ta" kultura, biex titqanqal il-kurżità u titħeġġeġ ir-riflessjoni min-naħa tal-istudenti;
12. Jenfasizza l-importanza li jintużaw ir-riżorsi pprovduti minn teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-Internet bħala mezzi għal tagħlim modern immirati lejn prattika kontemporanja meta tkun qed tiddaħħal id-dimensjoni artistika fil-kurrikuli skolastiċi;
13. Jenfasizza f'dan ir-rigward il-kontribut essenzjali ta' intrapriżi bħal m'hi l- Europeana, il-librerija diġitali Ewropea;
14. Jirrakkomanda li jiġi żviluppat b'mod konġunt portal Ewropew għall-edukazzjoni artistika u kulturali u li l-edukazzjoni artistika tkun inkluża fil-kurrikuli edukattivi tal-Istati Membri, biex ikunu salvagwardjati l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-mudell kulturali Ewropew, li huwa speċjalment apprezzat internazzjonalment;
15. Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmoniterjaw il-progress li jsir fl-inkorporazzjoni tal-edukazzjoni artistika fil-kurrikuli tal-iskejjel; jissuġġerixxi b'mod partikulari lill-Kummissjoni li tippromwovi studji meħtieġa biex joħroġ tagħrif ta" min joqgħod fuqu dwar l-impatt li jkollu tagħlim bħal dan fuq il-livell tal-edukazzjoni u l-kompetenza tal-istudenti fl-Unjoni Ewropea;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni i lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.