Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2009/2538(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0147/2009

Testi mressqa :

B6-0147/2009

Dibattiti :

PV 23/03/2009 - 14
CRE 23/03/2009 - 14

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2009 - 3.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0182

Testi adottati
PDF 251kWORD 87k
L-Erbgħa, 25 ta' Marzu 2009 - Strasburgu
KE - L-Afrika Ċentrali: Ftehima ta' Sħubija Ekonomika Interim
P6_TA(2009)0182B6-0147/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Marzu 2009 dwar il-Ftehima interim ta" Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li saret f'Cancún(1), tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni tar-Rawnd ta' Doha wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-1 ta' Awwissu 2004(2), tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-preparamenti għas-Sitt Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong(3), tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt fuq l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (EPAs)(4), tal-4 ta' April 2006 dwar il-valutazzjoni tad-Doha Round wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong(5), tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: it-tfassil ta' politiki kummerċjali biex ikun massimizzat il-kontribut tal-kummerċ għat-tnaqqis tal-faqar(6), tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha(7) (DDA), tat-23 ta' Mejju 2007 dwar Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku(8), tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku(9) u l-pożizzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, (KE) Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u (KE) Nru 1100/2006(10),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima interim ta" Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Afrika Ċentrali, min-naħa l-oħra,

–   wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u tal-Paċifiku (AKP) min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),

–   wara li kkunsidra l-Konkluzjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Generali u r-Relazzjonijiet Esterni (GAERC) ta' April 2006, Ottubru 2006, Mejju 2007, Ottubru 2007, Novembru 2007 u Mejju 2008,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku (COM(2007)0635),

–   wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV tagħha,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Ministerjali adottati rispettivament fir-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha u s-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO fit-18 ta' Diċembru 2005 f'Ħong Kong,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija Konġunta dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ adottata mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fil-15 ta' Ottubru 2007,

–   wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force tad-WTO dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, adottati mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-10 ta" Ottubru 2006,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabilixxi l-Għanijiet tal-Iżvilupp għall-Millennju (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod kollettiv mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,

–   wara li kkunsidra l-impenji tal-komunità dwar l-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) li ttieħdu fil-'Konsensus ta' Monterrey', adottat fit-22 ta' Marzu 2002 min-Nazzjonijiet Uniti waqt il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, fil-Communiqué ta' Gleneagles, adottat mill-G8 fit-8 ta' Lulju 2005, fil-Konkluzjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill dwar l-EPAs, adottati fis-27 ta' Mejju 2008 f'Addis Ababa, u fid-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp , adottata fit-2 ta' Diċembru 2008 min-Nazzjonijiet Uniti fis-segwitu tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp għar-Reviżjoni tal-Implimentazzjoni tal-Consensus ta' Monterrey,

–   wara li kkunsidra l-Aġenda għall-Azzjoni ta' Accra, adottata fl-4 ta' Settembru 2008 mill-Istati parteċipanti fit-Tielet Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċità tal-Għajnuna,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) konġuntement mal-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.   billi ma kienx possibbli li tiġi konkluża ftehima reġjonali mal-pajjiżi kollha tal-Afrika Ċentrali qabel tmiem l-2007, l-Unjoni Ewropea u l-Kamerun inizjalaw Ftehima interim għal Sħubija Ekonomiku fis-17 ta' Diċembru 2007; billi din il-ftehima kienet iffirmata fil-15 ta' Jannar 2009 f'Yaoundé,

B.   billi l-objettivi primarji ta' dik il-ftehima, bħal tal-EPAs kollha, għandhom ikunu l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli u l-qerda tal-faqar, kif ukoll l-appoġġ għall-integrazzoni reġjonali u l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomija globali,

C.   billi l-Kummissjoni għadha qed tinnegozja ftehima parallela mal-Istati kollha tal-Afrika Ċentrali,

D.   wara li kkunsidra d-diversità tal-profili ekonomiċi u soċjali tat-tmien Stati tal-Afrika Ċentrali, li sitta minnhom m'għandhomx aċċess għall-baħar u ħamsa minnhom huma pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) li jibbenefikaw minn aċċess liberu għas-suq Ewropew skont l-inizjattiva 'Kollox Barra Armi',

E.   billi l-ftuħ ta' dawn il-pajjiżi għall-esportazzjoni Ewropea jeħtieġ li jkun akkumpanjat mill-għajnuna għall-iżvilupp u għajnuna teknika sostanzjali,

F.  billi kemm il-Kummissjoni u kemm l-Istati Membri impenjaw ruħhom f'Ottubru 2007 li jipprovdu EUR 1biljun (EUR1 000 000 000) addizzjonali kull sena skont l-iniżjattiva għall-Għajnuna għall-Kummerċ sabiex jgħinu lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw itejbu l-kapaċità għall-kummerċ tagħhom, kemm jekk iffirmaw EPAs u kemm jekk le, u billi r-reġjun tal-Afrika Ċentrali għandu għalhekk jirċievi proporzjon ġust u ekwu ta' din is-somma,

G.   billi s'issa kien hemm kompetizzjoni limitata bejn l-ekonomiji tal-UE u tal-Kamerun, minħabba li l-esportazzjoni tal-UE tikkonsisti prinċipalment fi prodotti li l-Kamerun ma jipproduċix iżda jkollu bżonn għall-konsum dirett jew għall-użu fl-industrija domestika; billi dan mhuwiex il-każ rigward il-kummerċ fi prodotti agrikoli fejn is-sussidji tal-UE għall-esportazzjoni jirrappreżentaw ostaklu serju għall-produtturi tal-ACP fis-setturi tal-agrikoltura, tat-trobbija tal-bhejjem u tal-prodotti tal-ħalib, billi jfixklu u sikwit jeqirdu s-swieq kemm lokali kif ukoll reġjonali, u għalhekk l-UE għandha twaqqaf kull xorta ta' sussidju għall-esportazzjoni bla dewmien; billi ż-żieda possibbli fl-esportazzjoni tal-UE lejn il-Kamerun wara l-Interim EPA (IEPA) m'għandhiex tkun ta' dannu għal produzzjoni lokali u għall-industriji li għadhom jibdew, ladarba l-EPAs għandhom jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-ekonomiji tal-AKP,

1.  Jenfasizza li ftehimiet bħal dawn ma jistgħux jitqiesu bħala sodisfaċenti sakemm ma jiksbux l-għanijiet li ġejjin: li joffru lill-pajjiżi AKP appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli; li jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ dinji; li jsaħħu l-proċess ta' reġjonalizzazzjoni; li jagħtu l-ħajja mill-ġdid għall-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi AKP; li jippromwovu d-diversifikazzjoni ekonomika tal-pajjiżi AKP;

2.  Jenfasizza b'mod partikulari r-raison d'être oriġinali ta' dawn il-ftehimiet, li tikkonsisti fl-iżvilupp, it-tnaqqis tal-faqar u l-kontribuzzjoni biex jintlaħqu l-MDGs;

3.  Jemmen li t-temma ta" dawn l-objettivi se tirrikjedi li l-pajjiżi AKP jingħataw ħarsien iffukat kontra ċerti konsegwenzi negattivi possibbli b'riżultat tal-implimentazzjoni tal-EPAs, bl-għoti ta' appoġġ biex jgħinhom jiksbu benefiċċju reali mill-preferenzi kummerċjali u li jippromwovi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu iktar għajnuna li tkun adegwata sabiex tiffaċilita t-tranżizzjoni ekonomika wara li jkunu inizjalati l-IEPAs;

4.  Iħeġġeġ lill-partijiet fin-negozjati biex itemmu n-negozjati kif ippjanat matul l-2009; jinkoraġġixxi lill-partijiet biex jieħdu kull miżura possibbli biex ikunu f'pożizzjoni li jiffinalizzaw EPA komprensiva bejn l-pajjiżi AKP u l-Unjoni Ewropea qabel it-tmiem tal-2009 kif ippjanat;

5.  Jirrikonoxxi li r-regoli tad-WTO kienu jirrikjedu l-konklużjoni tal-ftehima sal-31 ta' Diċembru 2007; jinnota madankollu li l-Kummissjoni għamlet pressjoni biex tikkonkludi EPAs komprensivi qabel dik id-data, meta l-limitazzjoni tal-ftehim għall-prodotti kienet tkun biżżejjed biex ikun hemm konformità mal-impenji li l-Komunità Ewropea ħadet mad-WTO;

6.  Iqis li li tintalab liberalizzazzjoni ta' 80% f'valur ta' kummerċ hija interpretazzjoni tal-Artikolu XXIV tal-GATT li ma tikkkunsidrax biżżejjed il-fatt li l-UE qed ikollha negozjati ma' wħud mill-aktar pajjiżi fqar tad-dinja, li għandhom differenzi fil-livell ta' żvilupp u fis-setturi sensittivi tagħhom;

7.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji li kellu l-iffirmar tal-IEPA għall-esportaturi, billi żied il-possibilitajiet għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea wara li skadew it-tariffi preferenzjali kif dispost fil-Ftehima ta' Cotonou fil-31 ta' Diċembru 2007, u b'hekk evita l-ħsara li setgħet saret lill-esportaturi tal-AKP li kieku kellhom ikunu obbligati li joperaw skont sistemi kummerċjali anqas favorevoli;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Unjoni Ewropea qed toffri lill-pajjiżi AKP aċċess sħiħ għas-suq tal-Unjoni Ewropea mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-maġġoranza tal-prodotti, biex tappoġġa l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-pajjiżi AKP u l-Unjoni Ewropea;

9.  Jirrimarka li, jekk il-ftehim ikun ikkonfermat, ikun hemm bżonn ta' sforzi kbar kif ukoll għajnuna u assistenza teknika tal-UE sostanzjali sabiex l-ekonomija tal-Kamerun tilħaq l-istandard meħtieġ;

10.  Jemmen li, minkejja li l-prodotti agrikoli tal-Kamerun se jkollhom aċċess preferenzjali għas-suq Ewropew, l-EPA ma tistax twassal għall-iżvilupp tal-produzzjoni agrikola tal-Kamerun ħlief jekk il-kapaċità ta' produzzjoni tissaħħaħ u tiġi modernizzata permezz ta' investiment tekniku u finanzjarju;

11.  Jinnota li d-distakk kbir bejn il-livelli ta' nefqa pubblika fuq sussidji agrikoli bejn l-ekonomija tal-UE u dawk tal-pajjiżi AKP huwa ta' żvantaġġ għall-bdiewa fil-pajjiżi AKP billi jnaqqsilhom il-kompetittività kemm f'pajjiżhom u kemm barra, minħabba li l-prodotti tagħhom huma aktar għaljin f'termini reali;

12.  Jappoġġa għalhekk l-esklużjonijiet ta' linji tariffarji miftiehma, li jiffukaw fuq il-prodotti agrikoli u xi prodotti agrikoli proċessati, ladarba dawn huma bbażati l-aktar fuq il-ħtieġa li jiġu mħarsa l-industriji li għadhom jibdew jew il-prodotti sensittivi f'dawn il-pajjiżi;

13.  Iqis li sabiex tiġi garantita s-sikurezza alimentari fil-Kamerun u fir-reġjun jeħtieġ li tiġi implimentata politika ta' appoġġ bi skadenza fit-tul għall-bżonnijiet agrikoli, inklużi strumenti politiċi li jippermettu regolamentazzjoni tas-suq u l-ħarsien ta' agrikultura tal-familja sostenibbli; iqis li m'għandħiex tiġi ristretta l-kapaċità ta' intervent Statali f'dan il-qasam; jenfasizza li dawn is-suġġetti għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tan-negozjati sabiex tiġi garantita l-koerenza tal-politika kummerċjali u l-politiki kollha tal-UE fir-rigward tas-sovranità tal-ikel u d-dritt għall-ikel;

14.  Iħeġġeġ lin-negozjaturi ta' kull EPA komprensiva biex ikunu responsabbli għall-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u li jispjegaw l-aħjar prattiki sabiex il-pajjiżi rilevanti jkunu jistgħu jiksbu l-ogħla dħul minn riżorsi bħal dawn;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara kif il-fondi tal-wegħda ta' nfiq prijoritarju fil-kuntest tal-baġit imkabbar tal-Għajnuna għall-Kummerċ fil-fatt ikunu distribwiti madwar ir-reġjun tal-AKP;

16.  Jitlob li jkun deċiż u pprovdut minn kmieni s-sehem tar-riżorsi tal-Għajnuna għall-Kummerċ; jenfasizza li dawn il-fondi għandhom jirrappreżentaw riżorsi addizzjonali u mhux ikunu biss fondi mill-EDF ippreżentati f'pakket ġdid, u li għandhom jikkonformaw mal-prijoritajiet tar-reġjun tal-Afrika Ċentrali u li l-għoti tagħhom isir f'waqtu, b'mod prevedibbli u skont l-iskedi ta' twettiq tal-pjanijiet strateġiċi ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali; jopponi kull xorta ta" kundizzjonament marbut mal-iffirmar tal-EPAs fil-kwistjoni tal-għoti ta" għajnuna tal-UE u jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi li l-aċċess għall-fondi tal-Għaxar EDF jinżamm separat mir-riżultati u r-ritmu tan-negozjati;

17.  Jemmen li l-iskadenzi sabiex il-fondi tal-UE ikunu impenjati u mħallsa għandhom ikunu rrispettati, kif maqbul fil-programmi indikattivi reġjonali u nazzjonali, ladarba fondi bħal dawn huma essenzjali biex jakkumpanjaw lill-pajjiżi AKP fil-proċess ta' liberalizzazzjoni;

18.  Ifakkar fit-talbiet ripetuti tal-Parlament sabiex l-EDF jigi inkorporat fil-baġit tal-UE; jikkritika l-użu tal-EDF bħala sors primarju ta' finanzjament għall-Fond Reġjonali tal-EPA meta kien antiċipat finanzjament addizzjonali; jinnota li l-ammonti allokati taħt il-Programm Nazzjonali Indikattiv għall-Kamerun u l-Programm Reġjunali Indikattiv mhumiex biżżejjed sabiex jwasslu li l-ekonomija tkun tal-livell mistenni, li l-iffirmar ta' EPA jkun jeżiġi;

19.  Jenfasizza li l-finanzjament Ewropew għandu jgħin sabiex l-ekonomiji tal-pajjiżi AKP jilħqu l-istandard meħtieġ, kif ukoll jagħmel tajjeb għad-dħul li se jintilef mid-dwana; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tindika kemm jista' jkun malajr il-metodi li tuża biex tikkalkula l-impatt fiskali nett tal-EPAs;

20.  Jinsisti li, f'konformità mal-Prinċipji stabbiliti fid-Dikjrazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, l-għajnuna għandha tkun, fost affarijiet oħra, ibbażata fuq id-domanda, u jistieden lill-pajjiżi AKP, għalhekk, biex jiddikjaraw kemm fondi addizzjonali marbuta mal-EPA jeħtieġu, b'mod partikulari fir-rigward ta" oqfsa regolatorji, miżuri ta" salvagwardja, faċilitazzjoni tal-kummerċ, appoġġ fl-ilħiq ta" standards internazzjonali sanitarji u fitosanitarji u ta" proprjetà intellettwali u l-kompożizzjoni tal-mekkaniżmu ta" monitoraġġ tal-EPA;

21.  21 Iħeġġeġ lill-pajjiżi rilevanti biex jipprovdu informazzjoni ċara u trasparenti dwar is-sitwazzjoni ekonomika u politika u l-iżvilupp f'dawn il-pajjiżi, sabiex tittejjeb il-koperazzjoni mal-Kummissjoni;

22.  Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ intrareġjonali u l-ħtieġa ta' iktar rabtiet kummerċjali fir-reġjun sabiex ikun żgurat it-tkabbir sostenibbli fir-reġjun; jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni u l-qbil bejn l-entitajiet reġjonali differenti;

23.  Jinkoraġġixxi iktar tnaqqis fit-tariffi bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-gruppi reġjonali, li llum jammontaw għal bejn 15% u 25% tal-valur tal-kummerċ, sabiex ikun inkoraġġit il-kummerċ bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, it-tkabbir ekonomiku u l-integrazzjoni reġjonali;

24.  Jenfasizza l-fatt li EPA ġejjiena mal-Afrika Ċentrali taħt ebda ċirkustanza m'għandha tipperikola l-koeżjoni jew idgħajjef l-integrazzjoni reġjonali ta' dawn il-pajjiżi;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kulma tista' sabiex terġa' tibda n-negozjati dwar id-DDA u sabiex tiżgura li l-ftehimiet ta" liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikomplu jippromwovu l-iżvilupp fil-pajjiżi l-fqar;

26.  Huwa konvint li EPAs komprensivi għandhom ikunu komplementari għall-ftehim dwar id-DDA u mhux alternattiva għall-pajjiżi AKP;

27.  Iqis li l-inċertezzi rigward ir-riżultati tar-Rawnd ta' Doha u s-soluzzjoni għall-kwistjoni dwar il-banana fid-WTO jeħtieġu li l-Unjoni Ewropea tagħti attenzjoni partikulari u tieħu passi prijoritarji sabiex tħares il-futur tas-settur tal-banana fil-Kamerun u fir-reġjun tal-Afrika Ċentrali;

28.  Jilqa' l-miżuri ta' protezzjoni li tipprovdi l-ftehima, iżda jinnota li l-istrumenti pprovduti sabiex dawn jiġu adottati huma kkumplikati, u jistgħu jillimitaw il-possibilità li dawn jiġu implimentati; jistieden lill-Kummissjoni biex taċċetta, fil-qafas tan-negozjati kontinwi għall-konklużjoni ta' EPA komprensiva, reviżjoni tas-salvagwardji li jinsabu fl-EPA interim sabiex ikun hemm garanzija ta' utilizzazzjoni xierqa, trasparenti u ta' malajr sakemm ikunu ntlaħqu l-kriterji għall-applikazzjoni tagħhom;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-evalwazzjoni tal-impatt globali tal-EPA, wara l-implimentazzjoni tagħha, mill-parlamenti nazzjonali, mill-Parlament Ewropew u mis-soċjetà ċivili; jitlob biex jkun hemm il-possibilità biex il-kalendarju jiġi rivedut jekk ikun hemm bżonn;

30.  Jitlob li jingħata appoġġ għall-produzzjoni u l-esportazzjoni ta' prodotti pproċessati ta' valur miżjud aktar għoli, b'mod partikulari billi jiġu simplifikati u jkunu magħmula aktar flessibbli r-regoli dwar l-oriġini, li għandhom jikkunsidraw id-differenzi fl-iżvilupp industrijali kemm bejn l-UE u l-pajjiżi AKP, kif ukoll bejn l-istess pajjiżi AKP;

31.  Jirrikonoxxi l-istabbiliment ta" perjodi ta" tranżizzjoni fl-IEPA għal intrapriżi żgħar u medji (SMEs) sabiex ikunu jistgħu jadattaw għal bidliet stipulati mill-ftehima, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-istati kkonċernati biex ikomplu jappoġġjaw l-interessi tal-SMEs fin-negozjati tagħhom dwar EPA komprensiva;

32.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi iktar għajnuna tat-tip adegwat lill-awtoritajiet fil-pajjiżi AKP, kif ukoll lis-settur privat sabiex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni ekonomika tagħhom wara l-iffirmar tal-IEPA;

33.  Jenfasizza li l-EPA reġjunali ma tistax sempliċement tittrasponi l-IEPA mal-Kamerun; jirrimarka li l-Kamerun mhux rappreżentattiv tad-diversità tat-tmien pajjiżi tar-reġjun, li m'għandhomx l-istess prijoritajiet u bżonnijiet rigward kalendarji ta' liberalizzazzjoni, perjodi ta' tranżizzjoni u listi ta' prodotti sensittivi; jistieden li l-EPAs reġjunali jkunu flessibbli biżżejjed sabiex iqisu dawn il-fatturi speċifiċi;

34.  Iqis li l-offerta attwali tar-reġjun tal-Afrika Ċentrali li jilliberalizza 71% tal-kummerċ tiegħu tul perjodu ta' 20 sena, b'perjodu preparatorju ta' ħames snin, hija raġjonevoli u għandha tiġi kkunsidrata bir-reqqa mill-parti Ewropea;

35.  Jirrakkomanda approċċ flessibbli, asimmetriku u prammatiku fin-negozjati li għaddejjin bħalissa għal EPA sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex tqis b'mod partikolari t-talba tar-reġjun tal-Afrika Ċentrali rigward l-aspetti tal-iżvilupp tal-ftehima; jilqa" f'dan ir-rigward il-Konklużjonijiet tal-GAERC ta Mejju 2008;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispondi bla ebda kundizzjoni u b'mod flessibbli għat-talbiet tal-pajjiżi AKP biex jirrevedu l-kwistjonijiet kontenzjużi fl-IEPAs, inkluża d-definizzjoni ta' 'sostanzjalment il-kummerċ kollu'; il-klawżola dwar il-Nazzjon l-Iktar Iffavorit (MFN), l-obbligi dwar it-tneħħija tat-taxxi fuq l-esportazzjoni, il-klawżola ta' waqfien totali u salvagwardji bilaterali u speċjali;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-każ li Stati tal-Afrika Ċentrali li mhumiex fost l-LDCs ma jixtiqux jiffirmaw EPA, teżamina l-possibilitajiet alternattivi kollha sabiex tipprovdi lil dawk il-pajjiżi b'qafas ġdid għall-kummerċ li jkun konformi mar-regoli tad-WTO;

38.  Ifakkar li l-EPAs għandhom ikunu kompatibbli mar-regolamenti tad-WTO li ma jeħtiġux jew jipprojbixxu l-impenji ta' liberalizzazzjoni tas-servizzi jew dawk magħrufa bħala l-Kwistjonijiet ta' Singapore;

39.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar proprjetà intellettwali fl-EPAs, li jfixklu l-aċċess għall-mediċini essenzjali; jitlob lill-Unjoni Ewropea sabiex tuża l-qafas tal-EPAs sabiex tgħin pajjiżi AKP japplikaw il-flessibilitajiet previsti fid-Dikjarazzjoni ta' Doha dwar l-Aspetti relatati mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Propjetà Intellettwali (TRIPS) u s-Saħħa Pubblika;

40.  Jenfasizza li l-EPAs għandhom jinkludu kapitoli mtejba dwar l-iżvilupp sabiex jintlaħqu l-MDGs u sabiex jiġu promossi u msaħħa d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet soċjali bażiċi;

41.  Jenfasizza li kwalunkwe EPA sħiħa għandha tinkludi wkoll dispożizzjonijiet rigward tmexxija tajba, trasparenza fil-karigi politiċi, u d-drittijiet tal-bniedem;

42.  Jenfasizza li l-Parlament għandu jinżamm infurmat fuq bażi regolari u jipparteċipa attivament fil-proċess ta' negozjati tal-EPA; jindika f'dan il-kuntest, l-irwol tal-Parlament ta' skrutinju u twissija bikrija, kif ukoll ir-rieda tal-Membri biex iħarrku djalogu aktar profond bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u r-rappreżentanti tal-pajjiżi AKP u s-soċjetà ċivili;

43.  Jirrakkomanda li l-kalendarju tal-Parlament, fil-waqt li jżomm ċerta flessibilità, għandu jikkonsidra l-opinjonijiet tal-parlamenti tal-pajjiżi tal-AKP dwar ir-riżultati tan-neguzjati tal-EPA qabel ma' jagħti l-kunsens tiegħu;

44.  Jitlob li jkun hemm mekkaniżmi ta' monitoraġġ xierqa u trasparenti - bi rwol u influwenza ċari - biex jiġi segwit l-impatt tal-EPAs, b'iktar sjieda min-naħa tal-AKP u b'konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati;

45.  Jenfasizza b'mod partikolari l-irwol kruċjali tal-parlamenti tal-AKP u tal-parteċipanti mhux tal-istat fil-monitoraġġ u l-immaniġġjar tal-EPAs, u jitlob lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi l-involviment tagħhom fil-proċeduri tan-negozjati li għaddejjin; huwa tal-fehma li dan jirrikjedi aġenda ċara għal negozjati ulterjuri, li għandha tkun miftiehma bejn il-pajjiżi AKP u l-Unjoni Ewropea u bbażata fuq approċċ parteċipattiv;

46.  Iqis li hu importanti li l-implimentazzjoni tal-EPAs għandha tistabbilixxi sistema adegwata ta" monitoraġġ li tkun kkoordinata mill-kumitat parlamentari rilevanti u li tkun tinvolvi l-membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp, hekk li tiżgura bilanċ adegwat bejn iż-żamma tal-irwol ewlieni tal-Kumitat tal-Kummerċ Internazzjonali u l-konsistenza ġenerali fil-politiki għall-iżvilupp u dawk kummerċjali; iqis li dan il-kumitat parlamentari għandu jopera b'mod flessibbli u għandu jikkoordina b'mod attiv mal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (JPA); iqis li dan il-monitoragg għandu jibda wara l-adozzjoni ta" kull EPA interim;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi AKP, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) ĠU C 77 E, 26.3.2004, p. 393.
(2) ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 397.
(3) ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 126.
(4) ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.
(5) ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.
(6) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.
(7) ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 244.
(8) ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.
(9) ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 361.
(10) Testi adottati, P6_TA(2008)0252.

Avviż legali - Politika tal-privatezza