Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2199(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0114/2009

Testi mressqa :

A6-0114/2009

Dibattiti :

PV 25/03/2009 - 7
CRE 25/03/2009 - 7

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2009 - 4.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0193

Testi adottati
PDF 362kWORD 123k
Il-Ħamis, 26 ta' Marzu 2009 - Strasburgu
Ir-relazzjonijiet transatlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti
P6_TA(2009)0193A6-0114/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Marzu 2009 dwar l-istat tar-Relazzjonijiet Tranżatlantiċi wara l-elezzjonijiet fl-Istati Uniti (2008/2199(INI))

Il-Parlament Ewropew,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet tranżatlantiċi, b'mod partikulari ż-żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar it-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fil-qafas ta' Ftehima ta' Sħubija Tranżatlantika (1) u dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi tranżatlantiċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti(2) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta" April 2007 fuq ir-relazzjonijiet tranżatlantiċi(3), kif ukoll l-aktar waħda riċenti tal-5 ta" Ġunju 2008 dwar il-Laqgħa Għolja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Unti(4),

-   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Tranżatlantika dwar ir-Relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Unti tal-1990 u l-Aġenda Tranżatlantika l-Ġdida tal-1995,

–   wara li kkunsidra r-riżultat tal-Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Istati Uniti li saret fl-10 ta' Ġunju 2008 fi Brdo,

-   jinnota l-konklużjonijiet tal-laqgħa informali tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li saret fit-8 ta" Jannar 2009 dwar l-oqsma ta" prijorità għall-koperazzjoni tranżatlantika waqt il-Presidenza Ċeka (koperazzjoni ekonomika u finanzjarja, is-sigurtà tal-enerġija, il-preparazzjoni għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima u d-djalogu msaħħaħ dwar il-Lvant Nofsani, l-Afganistan u l-Iran),

-   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-64 Djalogu tal-Leġiżlaturi Tranżatlantiċi (TLD) li sar f'Mejju 2008 fi Ljubljana u tal-65 TLD Tranżatlantiċi li sar f'Diċembru 2008 f'Miami,

-   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008,

-   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Laqgħa Għolja tal-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana li sar f'Bukarest fit-3 ta" April 2008,

-   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-approċċ tal-UE lejn, inter alia, il-Lvant Nofsani, l-Afganistan, l-Iran u l-Iraq, fuq l-Unjoni Ewropea u l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) u fuq is-sigurtà tal-enerġija,

-   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

-   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l- Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A6-0114/2009),

A.   billi l-inawgurazzjoni tal-President il-ġdid tal-Istati Uniti fetħet epoka ġdida fl-istorja tal-Istati Uniti, intlaqgħet mad-dinja kollha bi stennijiet kbar u għandha l-potenzjal li tagħti spinta ġdida lis-sħubija tranżatlantika,

B.   billi kull ma jmur l-Unjoni Ewropea qiegħda ssir parteċipant dejjem aktar importanti fid-dinja u billi, ladarba t-Trattat ta" Liżbona u l-għodod tal-politika barranija tiegħu jidħlu fis-seħħ, l-UE se tkun tista' jkollha sehem iżjed b'saħħtu u koerenti fix-xena internazzjonali,

C.   billi skont l-istħarriġ il-biċċa l-kbira tal-Ewropej jappoġġjaw l-idea li l-UE għandu jkollha sehem iżjed prominenti fid-dinja; billi l-biċċa l-kbira tal-Ewropej u tal-Amerikani jħossu li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom jindirizzaw it-theddid internazzjonali fi sħubija flimkien,

D.   billi ħafna Ewropej jistennew approċċ koperattiv mill-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti fil-qasam internazzjonali kif ukoll tisħiħ fir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, ibbażata fuq rispett u ftehim reċiproku tar-restrizzjonijiet u l-prijoritajiet tal-imsieħba,

E.   billi s-sħubija tranżatlantika għandha tibqa" l-pedament tal-azzjoni esterna tal-Unjoni,

F.   billi l-isħubija tranżatlantika hija msejsa fuq valuri bażiċi komuni bħad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-multilariżmu kif ukoll għanijiet komuni bħalma huma s-swieq miftuħin, l-ekonomiji integrati u l-iżvilupp sostenibbli, billi dan is-sies jibqa' sod minkejja xi differenzi fl-aħħar snin,

G.   billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom sehem ewlieni fil-politika u l-ekonomija dinjija, u jaqsmu bejniethom ir-responsabilità għall-promozzjoni tal-paċi, ir-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem u l-istabilità u li jittrattaw diversi sfidi u perikli globali, bħall-kriżi finanzjarja profonda, it-tneħħija tal-faqar u t-twettieq tal-Għanijiet oħrajn ta' Żvilupp tal-Millenju, il-bidla fil-klima, is-sigurtà fl-enerġija, it-terroriżmu u l-proliferazzjoni nukleari,

H.   billi f'dinja li kull ma jmur qiegħda ssir dejjem aktar globali, kumplessa u li qed tinbidel, huwa fl-interess taż-żewġ partijiet, kemm tal-Unjoni Ewropea u kemm tal-Istati Uniti, li jagħtu forma lill-ambjent internazzjonali flimkien u li jikkonfrontaw flimkien it-theddidiet u l-isfidi komuni skont il-liġi internazzjonali u l-istituzzjonijiet multilaterali, b'mod partikulari s-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti, u biex jistiednu msieħba oħra biex jikkoperaw f'dan l-isforz,

I.   billi huwa neċessarju li l-parteċipanti emerġenti jiġu nvoluti fir-responsabilità għall-ordni dinjija, għax kif kien qal f'Berlin f'Lulju 2008 meta kien għadu kandidat presidenzjali, "ebda nazzjon, ikun kemm ikun kbir jew b'saħħtu", ma jista" jegħleb l-isfidi globali waħdu,

J.   billi, fid-dawl tal-importanza tar-relazzjoni tagħhom u tar-responsabilità tagħhom għall-ordni internazzjonali, u fid-dawl tal-bidliet li ż-żewġ partijiet u d-dinja jinsabu għaddejin minnhom, jeħtieġ li s-sħubija bejn l-UE u l-istati Uniti tkun imsejsa fuq bażi solida u aġġornata bħall-ftehima tas-sħubija l-ġdida,

K.   billi s-sħubija tranżatlantika u n-NATO huma indispensabbli għas-sigurtà kollettiva,

L.   billi x-xogħol tal-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku jeħtieġ li jibqa" għaddej lejn l-għan ta" suq ġenwin, tranżatlantiku integrat; billi fil-kriżi kurrenti jeħtieġ tmexxija konġunta biex issir riforma deċiżiva tal-istituzzjonijiet ekonomiċi internazzjonali,

M.   billi l-prodott gross domestiku tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti jirrappreżentaw iżjed minn nofs tal-prodott gross domestiku globali; billi ż-żewġ partijiet għandhom l-ikbar sħubija bilaterali fin-negozju u fl-investiment fid-dinja, skont il-Kummissjoni, kważi 14-il miljun impjieg fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti jiddependu fuq rabtiet ta" kummerċ u investiment tranżatlantiku,

Kwistjonijiet istituzzjonali bilaterali

1.  Jawgura lill-Barack Obama tas-suċċess billi ġie elett President tal-Istati Uniti tal-Amerika; ifakkar fl-impenn qawwi tiegħu għas-sħubija tranżatlantika li aċċenna għalih fid-diskors tiegħu f'Berlin f'Ġunju 2008, li fih qal li "l-Amerika m'għandhiex sieħeb aħjar mill-Ewropa" u żied li issa wasal iż-żmien li ningħaqdu flimkien ħalli negħlbu l-isfidi tas-seklu 21; itenni l-istedina tiegħu lill-President Obama biex jindirizza lill-Parlament Ewropew fis-sessjoni matul l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu fl-Ewropa;

2.   jistieden lill-Kunsill, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u lill-Kummissjoni biex itejbu l-koordinazzjoni u l-koerenza tal-politika tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal- amministrazzoni l-ġdida tal-Istati Uniti;

3.  Huwa konvint li r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti hija l-aktar sħubija strateġika importanti għall-Unjoni Ewropea; jemmen li l-azzjoni kkoordinata bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti hija ta' importanza fundamentali għall-komunità internazzjonali biex jiġu ndirizzati sfidi globali filwaqt li tiġi rrispettata l-liġi internazzjonali u t-tisħiħ tal-multilariżmu; iħeġġeġ lill-Presidenza Ċeka tal-Kunsill u lill-Kummissjoni biex flimkien mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti iwaqqfu aġenda komuni ta" għanijiet għal żmien qasir jew twil fir-rigward ta" kwistjonijiet bilaterali u ta" kwistjonijiet u kunflitti globali u reġjonali;

4.  Jilqa' bil-ferħ il-laqgħa għolja li se sseħħ fi Praga fil-5 ta' April 2009 bejn il-President Obama u s-27 Kap ta' Stat jew ta' Gvern tal-UE, u jittama li l-laqgħa tagħti spinta qawwija lit-tisħiħ tar-relazzjoni transatlantika u t-twaqqif ta' aġenda komuni;

5.  Jenfasizza li l-momentum kurrenti għandu jintuża wkoll sabiex jittejjeb u jiġġedded il-qafas tar-relazzjoni tranżatlantika; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-Aġenda Tranżatlantika l-Ġdida eżistenti tal-1995 tinbidel bi Ftehima ta" Sħubija Tranżatlantika Ġdida, li tipprovdi bażi aktar stabbli u aġġornata għar-relazzjoni tagħhom;

6.  Iqis li jkun xieraq li n-negozjati dwar il-ftehima l-ġdida jibdew wara li jidħol fis-seħħ it-Trattat ta" Liżbona, sabiex din titlesta qabel l-;

7.  Huwa konvint li l-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku, bħala l-korp responsabbli mit-tisħiħ tal-integrazzjoni ekonomika u tal-koperazzjoni regolatorja, għandu jiġi inkluż fil-ftehima l-ġdida; jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku jingħata pariri mingħand għadd ta" nies involuti, inkluż rappreżentanti tan-negozji, u jitlob li jingħata rwol simili lir-rappreżentanti tal-moviment tat-trejdunjins fuq kull naħa tal-Atlantiku;

8.  Jirrakkomanda li l-laqgħat għolja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti jsiru darbtejn fis-sena sabiex l-isħubija tingħatalha spinta u direzzjoni strateġika, u li dawn ikomplu xogħolhom billi jeżerċitaw monitoraġġ adegwat tal-implimentazzjoni tal-għanijiet identifikati aktar qabel;

9.  Huwa tal-fehma li l-ftehima l-ġdida għandha tistabbilixxi korp għal konsultazzjoni u koordinazzjoni sistematika u ta" livell għoli fir-rigward tal-politika barranija u ta" sigurtà; jirrakkomanda li dan il-korp ikun immexxi minn Rappreżentant Għoli/Viċi-President tal-Kummissjoni fuq in-naħa tal-Unjoni Ewropea u mis-Segretarju tal-Istat fuq in-naħa tal-Istati Uniti, u li dan il-korp jiltaqa" minn tal-anqas kull tliet xhur, bla ebda preġudizzju għal kuntatti informali; jissuġġerixxi li dan il-mekkaniżmu jista" jissejjaħ il-Kunsill Politiku Tranżatlantiku;

10.  Afferma mill-ġdid li l-ftehim il-ġdid għandu jaġġorna d-Djalogu Tranżatlantiku tal-Leġiżlaturi f'assemblea tranżatlantika, li jservi bħala forum għad-djalogu parlamentari, l-identifikazzjoni tal-objettivi u skrutinju konġunt tal-implimentazzjoni tal-ftehim, u għall-koordinazzjoni tax-xogħol kemm tal-Parlament Ewropew u tal-Kungress tal-Istati Uniti fuq kwistjonijiet li jikkonċernaw iż-żewġ partijiet, li jinkludu koperazzjoni mill-qrib minn naħa tal-kumitati u tar-rapporteurs miż-żewġ naħat; jikkunsidra li din l-assemblea għandha tiltaqgħa fi plenarja darbtejn fis-sena u tiġbor fiha bażi ugwali kemm tal-Membri tal-Parlament Ewropew u tal-Membri taż-żewġ Kmamar tal-Kungress tal-Istati Uniti; huwa tal-fehma li l-assemblea tista' tistabbilixxi gruppi ta' ħidma biex tipprepara l-laqgħat plenarji; itenni li għandha tinħoloq sistema reċiproka leġiżlattiva ta" twissija bikrija fi ħdan dan il-Kumitat; jemmen li kumitat tat-tmexxija għandhu jkun responsabbli għat-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn il-kumitati leġiżlattivi u r-rapporteurs tal-Parlament Ewropew u tal-Kungress tal-Istati Uniti fuq leġiżlazzjoni li hija relevanti fir-rigward ta' aktar integrazzjoni tas-suq tranżatlantiku u b'mod parikulari għax-xogħol tal-Kunsill Politiku Tranżatlantiku;

11.  Jikkunsidra li l-assemblea tranżatlantika għandha tibqa' infurmata permezz tal-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku u l-Kunsill Politiku Tranżatlantiku rigward l-attivitajiet tagħhom, li jinkludu d-dritt li tmexxi s-smigħ mar-rappreżentattivi ta' dawn il-Kunsilli, u li għandha tkun tista' tagħmel il-proposti kemm lill-Kunsill kif ukoll matul il-Laqgħat Għolja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti; jitlob li, apparti t-tisħiħ tal-irwol tal-parlamentari fil-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku, iż-żewġ ko-chairpersons tal-assemblea għandhom jiġu mistiedna jipparteċipaw fis-sessjoni tal-ftuħ tal-laqgħat kemm tal-Kunsilli kif ukoll tal-Laqgħat Għolja bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti;

12.  Jistieden lill-Kungress tal-Istati Uniti, f'kooperazzjoni sħiħa mal-Parlament Ewropew biex jirriflettu dwar il-possibilità li jiġi mwaqqaf uffiċċju ta' kollegament tal-Kungress tal-Istati Uniti fi Brussell;

13.  Jistieden lis-Segretarju-Ġenerali tal-Parlament biex ikompli bħala kwistjoni tal-akbar urġenza, l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Bureau tal-11 ta" Diċembru 2006 biex jintbagħat uffiċjal Washington bħala Uffiċjal ta" Kollegament;

14.  Jinsisti fuq il-vantaġġi ta" programm konġunt ta" skambji tal-istaff u jistieden lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament jeżamina flimkien mal-iskrivani tal-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti u lis-Senat dwar il-possibilità li jsir memorandum konġunt dwar l-iskambji tal-istaff simili għal dak li ntlaħaq ftehim fuqu bejn il-Parlament u s-Segretarjat tan-Nazzjonijiet Uniti;

15.  Jenfasizza li din l-isħubija tranżatlantika għandha tkun appoġġjata bi fehim profond u aktar mill-qrib bejn is-soċjetajiet ċivili taż-żewġ partijiet; jinsisti fuq il-bżonn li jiżdiedu l-iskambji fost l-istudenti, l-akkademiċi u parteċipanti oħra tas-soċjetà ċivili miż-żewġ naħat, sabiex ikun żgurat li l-ġenerazzjonijiet tal-preżent u tal-ġejjieni jibqgħu impenjati f'din l-isħubija; iqis li l-appoġġ għal din l-inizjattiva għandu jingħata mill-baġit tal-Unjoni Ewropea tal-2010 u mill-baġits tal-istituzzjonijiet relevanti sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp effettiv tagħha;

16.  Jilqa" b'sodisfazzjon il-preżenza dejjem tikber ta" organizzazzjonijiet ta" nisel Amerikan fi Brussell u b'mod partikulari l-impenn tagħhom lejn l-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tagħha u t-tisħiħ tal-isħubija bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti; jenfasizza li l-organizzazzjonijiet Ewropej għandhom bżonn jagħtu impenn simili biex joperaw f'Washington DC sabiex jgħollu l-profil tal-Unjoni Ewropea u dak tal-perspettivi Ewropej fuq kwistjonijiet tranżatlantiċi u globali fil-komunità politika tal-Istati Uniti; huwa konxju li l-istituzzjonijiet Ewropej ħafna drabi m'għandhomx l-istess ammont ta" riżorsi disponibbli għall-partijiet korrispondenti Amerikani tagħhom; għaldaqstant jissuġġerixxi li jkun hemm fondi disponibbli u ta" prijorità għall-proġetti organizzati minn organizzazzjonijiet Ewropej immirati biex iżidu l-kuxjenza u l-fehma ta" kwistjonijiet u perspettivi Ewropej fl-Istati Uniti;

17.  Jitlob lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti biex isaħħu l-koperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-kultura, u biex ikomplu jrawmu u jippromwovu l-benefiċċji reċiproċi li jirriżultaw mill-iskambji kulturali;

18.  Jenfasizza l-importanza ta" koperazzjoni aktar mill-qrib fi programmi tal-ispazju, b'mod partikulari bejn l-Aġenzija Spazjali Ewropea u n-NASA;

Sfidi globali

19.  Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jinvolvu ruħhom f'multilateraliżmu effettiv, billi jinvolvu lill-parteċipanti emerġenti fi spirtu ta" responsabiltà maqsuma għall-ordni globali, għar-rispett lejn il-liġi internazzjonali u għall-problemi komuni; jinsisti li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għandhom isegwu l-isforzi tagħhom biex jiksbu l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti tar-Riforma, li tinkludi r-riforma tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u ta' fora multilaterali oħrajn fi ħdan l-arkitettura globali;

20.  Jistieden liż-żewġ partijiet biex jippromwovu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja bħala element prinċipali tal-politiki tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa għall-koordinazzjoni intensiva fid-diplomazija tal-prevenzjoni u tal-kriżi, kif ukoll fir-reazzjoni b'mod ikkoordinat u effiċjenti għall-pandemiji u għall-emerġenzi umanitarji; jitlob lill-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti biex tirratifika u tiffirma l-Istatut ta" Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jirrepeti l-appell tiegħu favur it-tneħħija tal-piena tal-mewt;

21.  Jistieden liż-żewġ partijiet biex jagħtu kontribut b'mod deċiżiv fil-kisba tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju, b'mod partikulari fl-Afrika. li m'għandhiex titpoġġa f'periklu minħabba l-kriżi ekonomika, u biex jiġu mistħarrġa l-possibilitajiet li tittieħed azzjoni kkoordinata f'dawk l-oqsma; jistieden liż-żewġ imsieħba jonoraw l-impenn tagħhom biex jonfqu 0.7% tal-Prodott Gross Domestiku tagħhom fuq il-koperazzjoni għall-iżvilupp;

22.  Jistieden liż-żewġ partijiet biex imexxu b'mod konġunt l-isforzi multilaterali, li tniedew fil-Konferenza ta" Washington fil-15 ta" Novembru 2008, biex isolvu l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali u biex jirriformaw is-sistema finanzjarja internazzjonali, il-Bank Dinji u l-Fond Monetarju Internazzjonali, billi jinvolvu l-potenzi li qed jikbru, filwaqt li jirreżistu l-protezzjoniżmu u jippromwovu l-konklużjoni b'suċċess tar-rawnd ta' Doha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;

23.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-impenn qawwi tal-President il-ġdid tal-Istati Uniti li jittratta l-bidla fil-klima; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti biex jieħdu r-riedni f'idejhom u biex jilħqu ftehima ambizzjuża għal wara l- fil-Konferenza ta' Kopenħagen li se ssir fl-2009, billi jinvolvu lill-pajjiżi rilevanti kollha li jarmu l-gass ħalli jimpenjawhom biex jilħqu miri vinkolanti, kemm fuq perjodu medju u kemm fuq perjodu twil;

24.  Jitlob biex ikun hemm koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fil-qasam tal-enerġija; iħeġġeġ biex il-kordinazzjoni effiċjenti tal-approċċi tagħhom lejn il-pajjiżi produtturi u t-tisħiħ tad-diversità fil-provvista, fir-riżorsi u t-trasportazzjoni jitqiesu bħala prijorità; huwa favur koperazzjoni xjentifika u teknoloġika eqreb fuq l-enerġija u l-effiċjenza tal-enerġija;

25.  Jiġbed l-attenzjoni rigward ir-rapport tal-Kunsill tal-Intelliġenza Nazzjonali bl-isem "Xejriet Globali 2025: Dinja Trasformata", u, fid-dawl tal-ħtieġa li jkun hemm ħsieb strateġiku għat-tul dwar kwistjonijiet ta" politika fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, iħeġġeġ lill-Presidenza Ċeka (minn Jannar sa Ġunju 2009) u lill-Presidenza Svediża (minn Lulju sa Diċembru 2009) biex jistinkaw sabiex jistabbilixxu sistema ta' analiżi simili għal dik li juża l-Kunsill tal-Intelliġenza Nazzjonali, sabiex jiġu identifikati x-xejriet fit-tul minn perspettiva tal-UE, billi jaħdmu b'koperazzjoni mill-qrib mal-Istitut għall-Istudji tas-Sigurtà tal-Unjoni Ewropea; huwa konvint li dan il-pass se jħaffef id-djalogu dwar il-kwistjonijiet strateġiċi prinċipal li se tiffaċċja fiż-żmien li ġej l-isħubija tranżatlantika;

Kwistjonijiet reġjonali

26.  Jenfasizza li arranġament paċifiku u ġust tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani huwa fundamentali, u jilqa" b'sodisfazzjon il-fatt li dan jirrappreżenta waħda mill-prijoritajiet l-aktar urġenti tal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti; jitlob lill-amministrazzjoni tal-Istati Uniti biex tikkoordina mill-qrib mal-Unjoni Ewropea u tinvolvi ruħha fil-Kwartett; jilqa" b'sodisfazzjon il-ħatra bikrija tal-ex Senatur George Mitchell bħala mibgħut speċjali tal-Istati Uniti għal-Lvant Nofsani; jenfasizza li ż-żewġ imsieħba għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jintensifikaw in-negozjati bbażati fuq il-pjan direzzjonali u fuq il-kisbiet tal-Konferenza ta" Annapolis, bil-għan ta" soluzzjoni taż-żewġ stati; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex jgħinu ħalli l-waqfien mill-ġlied attwali f'Gaza jsir wieħed solidu u għal tul ta' żmien, filwaqt li jinvolvi l-parteċipanti reġjonali u jikkontribwixxi biex jinkisbu l-għanijiet tar-Riżoluzzjoni 1860 tat-8 ta' Jannar 2009 (S/RES/1860(2009)) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, bħall-għajnuna umanitarja immedjata għall-popolazzjoni ta" Gaza u li tiġi żgurata l-prevenzjoni tat-traffiku illegali tal-armi u l-munizzjon u li l-imblokk fuq Gaza jitwaqqaf; jistieden lill-imsieħba tranżatlantiċi biex jappoġġjaw l-isforzi għar-rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana, u jinnota l-importanza tat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-Palestinjani kemm fix-xatt tal-Punent u f'Gaza, li jinkludi r-rikostruzzjoni ta' Gaza;

27.  Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti biex jaħdmu flimkien għat-tiġdid tal-istrateġiji biex jippromwovu l-isforzi għat-tisħiħ tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fil-Lvant Nofsani, ibbażati fuq dak il-ftit poter li jgawdu u l-poter ekonomiku li għandhom fir-reġjun;

28.  Jenfasizza li l-valuri, is-sigurtà u l-kredibilità tal-komunità tranżatlantika fl-Afganistan jinsabu fil-periklu; iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Uniti, lin-NATO u lin-nazzjonijiet uniti biex ifasslu kunċett strateġiku konġunt ġdid li jintegra b'mod komprensiv il-komponenti tal-ingaġġ internazzjonali, sabiex tiżdied is-sigurtà fir-reġjuni kollha, jissaħħu l-istituzzjonijiet lokali u governattivi Afgani u tingħata għajnuna fil-binja tan-nazzjon u tal-prosperità b'koperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ġirien; jikkunsidra li l-għan aħħari għandu jkun l-għoti gradwali tar-responsabilità għas-sigurtà u għall-istabiltà f'idejn l-awtoritajiet Afgani; ifakkar fir-Riżoluzzjoni 1833 tat-22 ta' Settembru 2008 (S/RES/1833(2008)) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1833 (2008), li tħeġġeġ lill-partijiet u lill-gruppi Afgani kollha biex jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv fid-djalogu politiku u biex jevitaw li jerġgħu lura għall-vjolenza;

29.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti biex jiżviluppaw strateġija konġunta fir-rigward tal-Pakistan, li jkollha l-għan li ssaħħaħ l-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-kapaċità tiegħu li jiġġieled kontra t-terroriżmu, filwaqt li tinkuraġġixxi l-involviment tal-Pakistan fir-responsabiltà għall-istabilità fir-reġjun, li tinkludi s-sigurtà fil-fruntiera Afgana u l-kontroll sħiħ mill-gvern tal-provinċji tal-fruntieri tal-Pakistan u taz-zoni tribali; jilqa' b'sodisfazzjon in-nominazzjoni ta' Richard Holbrooke bħala l-uniku mibgħut speċjali għar-reġjun Pakistan-Afgan;

30.  Jenfasizza li l-programm nukleari Iranjan iqiegħed f'periklu kemm lis-sistema ta' non-proliferazzjoni u kemm lill-istabilità fir-reġjun u fid-dinja; jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjoni tal-President Obama li se jagħti konsiderazzjoni lill-kuntatti diretti man-naħa Iranjana u jappoġġja l-objettiv, segwit miż-żewġ naħat, li tinstab soluzzjoni nnegozjata mal-Iran, wara l-istrateġija doppja tad-djalogu u tas-sanzjonijiet, f'koordinazzjoni ma' membri oħrajn tal-Kunsill tas-Sigurtà u l-Aġenzija għall-Enerġija Atomika Internazzjonali; jikkunsidra li kwalunkwe inizjattiva li tista' tniedi waħda mill-imsieħba rigward l-Iran għandha tkun ikkoordinata bejniethom mill-qrib fi spirtu ta" fiduċja u ta' trasparenza; jitlob lill-imsieħba tranżatlantiċi biex jiddefinixxu malajr kemm jista" jkun approċċ komuni lejn l-Iran, mingħajr ma jistennew sakemm il-kwistjoni jkollha bżonn tiġi kkonfrontata b'mod urġenti;

31.  Jilqa" b'sodisfazzjon ir-ratifikazzjoni tal-ftehima bejn l-Istati Uniti u l-Iraq rigward il-preżenza fl-Iraq tal-forzi militari tal-Istati Uniti; jenfasizza r-rieda tal-Unjoni Ewropea li tkompli tgħin fil-bini mill-ġdid tal-Iraq, b'mod partikulari l-attenzjoni fuq l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-ikkonsolidar tal-istituzzjoniijiet tal-istat u l-appoġġ għall-iżvilupp ekonomiku tal-Iraq u r-integrazzjoni mill-ġdid tiegħu fl-ekonomija dinjija; jistieden liż-żewġ partijiet biex permezz ta" sforzi kkoordinati jkomplu jaħdmu mal-gvern tal-Iraq u man-Nazzjonijiet Uniti sabiex itejbu l-istabiltà u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali u biex jagħtu kontribut favur l-għaqda u l-indipendenza tal-Iraq;

32.  Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jikkoordinaw mill-qrib il-politiki tagħhom favur ir-Russja; jagħraf ir-rilevanza tar-Russja bħala pajjiż ġarr, tal-interdipendenza tiegħu mal-Unjoni Ewropea u l-irwol tiegħu bħala parteċipant ewlieni fil-livell reġjonali u globali, jenfasizza l-importanza tat-titjib fil-koperazzjoni mar-Russja rigward l-isfidi, it-theddid u l-opportunitajiet ta' interess reċiproku, inklużi l-kwistjonijiet ta' sigurtà, id-diżarmament u non-proliferazzjoni, filwaqt li jirrispetta l-prinċipji demokratiċi, l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi internazzjonali; f'dan ir-rigward jenfasizza l-bżonn li tiġi mtejba l-fiduċja reċiproka bejn l-imsieħba tranżatlantiċi u r-Russja u biex tintensifika l-koperazzjoni fi ħdan il-Kunsill NATO-Russja; jistieden liż-żewġ partijiet tranżatlantiċi biex jikkoordinaw mill-qrib l-approċċ tagħhom lejn kwalunkwe riforma fl-arkitettura tas-sigurtà Ewropea, filwaqt li jħarsu l-prinċipji tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u jżommu l-koerenza tan-NATO; jikkunsidra li l-iżviluppi f'din l-arkitettura, li tinvolvi wkoll arranġamenti internazzjonali bħalma huwa t-Trattat dwar il-Forzi Konvenzjonali fl-Ewropa, għandhom bżonn jiġu indirizzati fi djalogu mar-Russja u kif ukoll mal-pajjiżi membri tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa li mhumiex fl-Unjoni Ewropa;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjonijiet riċenti li saru mill-Viċi President tal-Istati Uniti fil-Konferenza Ewropea tas-Sigurtà fi Munich li jindikaw li l-Istati Uniti se jkomplu l-konsultazzjonijiet mal-alleati tiegħu tan-NATO u r-Russja dwar is-sistema ta' difiża bil-missili tal-Istati Uniti u jżid li l-amministrazzjoni l-ġdida se tikkunsidra l-ispejjeż u l-effiċjenza tas-sistema; jinnota xi sinjali mir-Russja li hija tista' tissospendi l-pjanijiet biex jiġu stazzjonati missili Iskander li ma jwasslux 'l bogħod (short-range) f'Kaliningrad;

34.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti biex jiżviluppaw strateġija komuni dwar is-sitt pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant (ir-Repubblika tal-Moldova, il-Ġorġia, l-Armenja, l-Ażerbajġan u l-Belarus), li jaqgħu taħt il-Politika Ewropea tal-Viċinat, sabiex jintlaħqu riżultati sostanzjali u dejjiema fl-implimentazzjoni tas-Sħubija tal-Lvant il-ġdida u tas-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed;

35.  Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jagħtu attenzjoni speċjali lill-Amerika Latina u lill-organizzazzjonijiet reġjonali tagħha b'mod partikolari, billi jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-ikkonsolidar tad-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, iggvernar tajjeb, il-ġlieda kontra l-faqar, it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, l-ekonomiji tas-suq, l-istat tad-dritt li jinkludi l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-traffikar tad-droga u l-appoġġ għall-integrazzjoni reġjonali kif ukoll koperazzjoni fir-rigward tat-tibdil tal-klima;

36.  Jirrakkomanda wkoll li jkun hemm promozzjoni ta" approċċ komuni lejn parteċipanti ġeopolitiċi ewlenin oħrajn bħaċ-Ċina, l-Indja jew il-Ġappun, kif ukoll il-kriżijiet u l-problemi varji fl-Afrika Subsaħarjana;

Id-difiża, l-kuntroll fuq l-armi u l-kwistjonijiet tas-sigurtà

37.  Jenfasizza l-importanza tan-NATO bħala l-pedament tas-sigurtà tranżatlantika; jilqa" b'sodisfazzjon id-deċiżjoni li ħa l-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2008 biex tiġi msaħħa s-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u n-NATO, u jistieden liż-żewġ partijiet biex iħaffu l-pass tal-ħolqien ta' grupp ta' livell għoli bejn l-Unjoni Ewropea u n-NATO sabiex tittejjeb il-koperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet; jissuġġerixxi li jsiru diskussjonijiet dwar il-valur ta" Strateġija għas-Sigurtà Ewro-Atlantika li tkun tista" tiddefinixxi kwistjonijiet u interessi tas-sigurtà komuni;

38.  Jenfasizza l-importanza dejjem tikber tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża u l-ħtieġa li jitkompla t-titjib il-kapaċitajiet ċivili u militari tal-Ewropa; jilqa" b'sodisfazzjon ir-rikonoxximent mil-laqgħa għolja tan-NATO li saret f'Bukarest f'April 2008 tal-valur tat-tisħiħ tal-kapaċità tad-difiża Ewropea għat-tisħiħ tas-sigurtà tranżatlantika;

39.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Uniti biex jadottaw strateġija komuni fil-fora internazzjonali kollha, b'mod partikulari n-Nazzjonijiet Uniti, rigward id-diżarmament tal-armi tal-qerda tal-massa u tal-armamenti konvenzjonali; iħeġġeġ lill-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti biex terġa" tinvolvi ruħha mar-Russja fil-qasam tal-kontroll fuq l-armi u d-diżarmament, billi ġġedded il-ftehimiet bilaterali kurrenti ta" bejn iż-żewġ pajjiżi; jenfasizza l-ħtieġa ta' koperazzjoni eqreb sabiex ikun żgurat li l-progress fit-tħejjija għall-Konferenza ta" Evalwazzjoni tan-Non-Proliferazzjoni Nukleari tal-2010, u jilqa" b'sodisfazzjon l-impenn tal-President il-ġdid tal-Istati Uniti favur ir-ratifikazzjoni tat-Trattat Komprensiv dwar il-Projbizzjoni tat-Testijiet Nukleari;

40.  Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-koperazzjoni tranżatlantika fil-ġlieda kontra t-terroriżmu li tkun ibbażata fuq ir-rispett sħiħ għal-liġi internazzjonali u għad-drittijiet tal-bniedem, u l-importanza li jingħata appoġġ lis-sehem tan-Nazzjonijiet Uniti fil-ġlieda kontra din it-theddida; jiġbed l-attenzjoni dwar il-bżonn ta' koperazzjoni mill-qrib meta l-ħajja tal-ostaġġi tkunu f'riskju;

41.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-President tal-Istati Uniti Barack Obama biex jagħlaq il-faċilità ta' detenzjoni fil-Bajja ta' Guantánamo, kif ukoll ordnijiet eżekuttivi oħra li għandhom x'jaqsmu ma' interrogazzjonijiet legali u faċilitajiet ta' detenzjoni tas-CIA, u jinkoraġġixxi l-amministrazzjoni tal-istati Uniti biex jagħlqu kull ċentru ta' detenzjoni li jinsab il-barra mill-Istati Uniti li ma jkunux konformi mal-liġi internazzjonali, u jwaqqaf b'mod espliċitu l-politika ta' rendiment straordinarju; jistieden lill-Istati Membri, sabiex jekk l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti titlob dan, jikkoperaw sabiex jinsabu, fuq bażi ta' każ b'każ, soluzzjonijiet rigward il-kwistjoni li jiġu aċċettati wħud mill-priġunieri ta' Guantánamo fl-Unjoni Ewropea filwaqt li jiġi rrispettat id-dmir tal-koperazzjoni leali fil-konsultazzjoni taż-żewġ partijiet fir-rigward ta' effetti possibbli fuq is-sigurtà pubblika madwar l-Unjoni Ewropea;

42.  Jenfasizza l-importanza tad-dħul fis-seħħ bla dewmien tal-Ftehimiet Attwali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar l-Għajnuna Legali u l-Estradizzjoni Reċiproka, u jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma rratifikawhomx biex jagħmlu dan kemm jista" jkun malajr; jenfasizza li l-implimentazzjoni effettiva ta' dawk il-ftehimiet tirrikjedi livell għoli ta' fiduċja reċiproka mibnija fuq ir-rispett sħiħ mill-partijiet kollha tal-obbligi relatati mad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal kawża ġusta u l-istat tad-dritt domestiku u internazzjonali;

43.  Jenfasizza li l-qsim tad-data u tal-informazzjoni hija għodda ta" valur fil-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu u l-kriminalità tranżnazzjonali, iżjda jisħaq li dan għandu jsir fi ħdan qafas legali xieraq li jiżgura l-ħarsien tal-libertajiet ċivili, li jinkludu d-dritt għall-privatezza, u li dan għandu jkun ibbażat fuq ftehima internazzjonali vinkolanti, kif miftiehem fi l-Laqgħa Għolja ta' bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-2008;

44.  Jilqa" b'sodisfazzjon l-estensjoni riċenti tal-Programm għat-Tneħħija tal-Viża għal seba' Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea; madankollu, iħeġġeġ lill-Istati Uniti biex tneħħi r-reġim tal-viża għall-ħames Stati Membri li fadal u biex titratta liċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea b'mod ugwali skont il-bażi ta" reċiproċità sħiħa; jistaqsi lill-Kummissjoni biex tittratta din il-kwistjoni bħala waħda prijoritarja mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti;

45.  Huwa tal-fehma li koperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fil-qasam tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni hija meħtieġa wkoll għall-binja gradwali ta" spazju tranżatlantiku ta" libertà, sigurtà u ġustizzja;

Kwistjonijiet ekonomiċi u kummerċjali

46.  Iħeġġeġ liż-żewġ partijiet biex jużaw il-potenzjal kollu tal-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku biex jegħlbu l-ostakoli eżistenti li qed ixekklu l-integrazzjoni ekonomika u biex jiksbu suq tranżatlantiku magħqud sal-2015; jitlob lill-Kummissjoni, biex skont l-istudju awtorizzat u ffinanzjat mill-Parlament Ewropew fil-Baġit tiegħu tal-2007, jitfassal pjan ta" direzzjoni dettaljat tal-ostakoli eżistenti li hemm bżonn jitneħħew bil-għan li tintlaħaq id-data mmirata;

47.  Jenfasizza l-importanza li l-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku jiġi użat wkoll bħala qafas għall-koperazzjoni makro-ekonomika bejn iż-żewġ imsieħba, u jinkoraġġixxi l-istituzzjonijiet montetarji kompetenti biex issaħħu l-koordinazzjoni tagħhom;

48.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar f'dawn l-aħħar xhur biex titħeġġeġ l-integrazzjoni ekonomika tranżatlantika; jikkunsidra, b'mod partikulari, li f'oqsma bħal mhuma l-investiment, l-istandards tal-kontabilità, il-kwistjonijiet regolatorji, is-sikurezza tal-prodotti importati u l-infurzar tad-drittijiet fuq il-propjetà intellettwali, it-titjib fil-koperazzjoni diġà rriżulta fi progress sinifikanti u għandu jitkompla;

49.  Jemmen, fl-istess ħin, li l-koperazzjoni tranżatlantika ekonomika għandha ssir aktar marbuta li tagħti rendikont, trasparenti u prevedibbli; iqis li għandu jintlaħaq qbil bejn il-partijiet interessati prinċipali mill-aktar fis possibbli dwar skedi ta' laqgħat, aġendi, pjanijiet direzzjonali u rapporti ta' progress u wara għandhom ikunu pubblikati f'sit web;

50.  Huwa tal-fehma li hemm potenzjal kbir għall-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea biex jieħdu pożizzjonijiet u inizjattivi konġunti fil-fora internazzjonali, minħabba l-ħafna interessi kummerċjali komuni, pereżempju, l-aċċess mhux diskriminatorju għall-materja prima fis-suq globali, l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-armonizzazzjoni tal-brevetti globali; jissuġġerixxi li huwa fl-interess taż-żewġ partijiet li jisfruttaw aħjar dan il-potenzjal;

51.  Kien imħasseb dwar l-abbozz ta' liġi l-ġdid tal-Istati Uniti għall-istimular li joħnoq il-kummerċ, jinnota, madankollu, li dan ġie emendat biex ikunu konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerc u jinsisti fuq il-bżonn assolut ta' reazzjoni reċiproka għall-kriżi attwali aktar mill-adozzjoni ta' miżuri li jżommu lill-UE u lill-Istati Uniti 'l bogħod minn xulxin;

52.  Huwa favur l-integrazzjoni gradwali tas-swieq finanzjarji permezz ta' rikonoxximent reċiproku flimkien ma' livell ta' konverġenza tal-oqfsa regolatorji attwali u permezz tal-istabbiliment ta' eżenzjonijiet okkażjonali kull meta jkun possibbli; ifakkar li l-prinċipji bażiċi għal integrazzjoni b'suċċess huma l-aċċess liberu għas-swieq, regolamenti li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali, l-applikazzjoni uniformi ta" dawn ir-regolamenti u djalogu kostanti mal-partijiet ikkonċernati tas-suq; jistieden kemm lill-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll lil dawk tal-Istati Uniti tal-Amerika biex jevitaw xkiel għal investimenti minn barra u leġiżlazzjoni b'impatt extraterritorjali mingħajr konsultazzjoni jew ftehim minn qabel;

53.  Jappoġġja t-tneħħija tal-ostakli li jxekklu l-investiment u s-servizzi finanzjarji tranżatlantiċi u huwa favur it-titjib tal-integrazzjoni tas-swieq tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti tal-Amerika sabiex jikkompetu dejjem aħjar mas-swieq emerġenti, dejjem jekk jiġi stabbilit qafas sodisfaċenti għar-regoli prudenzjali biex ikun evitat li kriżi fuq naħa minnhom tal-Atlantiku tolqot lin-naħa l-oħra;

54.  Jiġbed l-attenzjoni li l-integrazzjoni tas-swieq tas-servizzi finanzjarji mingħajr reviżjoni parallela tal-qafas regolatorju u tal-istandards ta' sorveljanza tagħmilha aktar iebsa biex l-awtoritajiet jeżerċitaw superviżjoni effettiva; għalhekk huwa favur l-adozzjoni ta' regolamenti li jiggarantixxu l-kompetizzjoni, jiżguraw żieda fit-trasparenza u superviżjoni effettiva tal-prodotti, tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq u li joħolqu mudelli komuni għall-immaniġġjar tar-riskju, f'konformità mal-ftehimiet tal-Laqgħa Għolja ta" Novembru 2008;

55.  Jirrikonoxxi li l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Uniti tal-Amerika wettqu progress fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet Basel II fir-rigward tal-banek il-kbar, iżda jikkritika d-diskrepanzi li għad iridu jiġu korretti minħabba li jitfgħu piż addizzjonali fuq is-sussidjari Amerikani tal-banek Ewropej, u b'hekk titnaqqas il-kompetittività tagħhom, u jinnota li għad hemm xi punti (azjendi finanzjarji u banek żgħar) li jeħtieġ li jiġu ċċarati kemm jista' jkun malajr; għalhekk, iħeġġeġ lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika biex jikkunsidra struttura superviżorja aktar koerenti fis-setturi bankarji u tal-assigurazzjoni sabiex il-koordinazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika tkun tista" ssir b'mod aktar faċli;

56.  Jitlob koperazzjoni akbar bejn il-korpi superviżorji fir-rigward tas-superviżjoni tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji transkonfinali u biex ikunu evitati azzjonijiet minn entitajiet domiċiljati f'ġurisdizzjonijiet li ma jikkoperawx u li għandhom nuqqas ta" trasparenza u jitlob biex jitneħħew ir-refuġji fiskali;

57.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti tal-Amerika biex jirregolaw l-aġenziji ta' klassifikar tal-kreditu f'konformità ma' prinċipji u metodi rrispettati mit-tnejn sabiex terġa" titrawwem fiduċja fil-klassifikar u tiġi garantita s-solidità ta" dan il-klassifikar; madankollu jinnota li l-Unjoni Ewropea teħtieġ li tiżviluppa l-qafas regolatorju tagħha stess minħabba li jekk dan ma jsirx l-applikazzjoni extraterritorjali tal-istandards tal-Kummissjoni għat-Titoli u l-Kambju tal-Istati Uniti tal-Amerika għall-aġenziji tal-Istati Uniti tal-Amerika li joperaw fis-suq Ewropew ma tkunx aċċettabbli;

58.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-istituzzjonijiet li joriġinaw il-kreditu għandhom ikunu obbligati jżommu parti mill-kreditu maħruġ sabiex ikunu sfurzati jaċċettaw is-sehem tagħhom tar-riskji trasferiti; jitlob li din il-kwistjoni titqajjem fid-djalogu transatlantiku sabiex jinżammu kundizzjonijiet ugwali fil-livell internazzjonali u jiġu llimitati r-riskji sistemiċi fis-swieq finanzjarji dinjija; jikkunsidra li għandu jkun hemm ftehim dwar Kodiċi ta' Kondotta għall-fondi li jappartjenu lill-pajjiż (sovereign wealth funds);

59.  Jistieden lill-Kungress il-ġdid biex jimmodifika r-regolament tal-Istati Uniti li jipprovdi għall-iskanning ta' 100% tal-merkanzija li tkun dieħla u jħeġġu biex jaħdem mill-qrib mal-Unjoni Ewropea biex jiżgura l-implimentazzjoni ta' approċċ b'ħafna saffi li jkun ibbażat fuq ir-riskju reali; jinnota li l-kummerċ sikur huwa partikolarment importanti f'ekonomija globali li dejjem qed issir iktar integrata, imma huwa tal-opinjoni li dil-miżura riġida tista' tkun potenzjalment ostaklu ġdid għall-kummerċ, billi timponi spejjeż sinifikanti fuq l-operaturi ekonomiċi, li mhux ħa jġibu ebda benefiċċju fil-kuntest tas-sigurtà tal-katina tal-forniment;

60.  Jemmen li l-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku jista' b'mod utli jorganizza seminars fi Brussell u f'Washington dwar il-kwistjoni tal-iskannjar ta' 100% tal-merkanzija sabiex jitrawwem ftehim iktar profond bejn il-leġiżlaturi tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti u biex titħeġġeġ riżoluzzjoni bikrija u aċċettabbli miż-żewġ naħat għal din il-problema;

61.  Jirrakkomanda li fil-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku għandu jiġi diskuss jekk l-integrazzjoni ta' aktar suġġetti tekniċi fl-ambjent tal-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku tkunx ta' għajnuna u jekk aktar koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti hijiex essenzjali sabiex tintlaħaq sistema ta' emissjonijiet b'limiti massimi u skambju li taħdem; jirrakkomanda li l-limiti ta' referenza (benchmarks) komuni internazzjonali attwali għall-industriji li jużaw ħafna enerġija għandhom jiġu żviluppati jew integrati fil-proċess tal-Kunsill Ekonomiku Tranżatlantiku;

o
o   o

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.

(1) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 226.
(2) ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 235.
(3) ĠU C 74 E, 20.3.2008, p. 670.
(4) Testi adottati, P6_TA(2008)0256.

Avviż legali - Politika tal-privatezza