Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2008/2329(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A6-0124/2009

Testi mressqa :

A6-0124/2009

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 02/04/2009 - 9.25
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2009)0217

Testi adottati
PDF 313kWORD 85k
Il-Ħamis, 2 ta' April 2009 - Brussell
Skejjel Aħjar: aġenda għal kooperazzjoni Ewropea
P6_TA(2009)0217A6-0124/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' April 2009 dwar Skejjel Aħjar: aġenda għal kooperazzjoni Ewropea (2008/2329(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 149 u 150 tat-Trattat KE dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali u ż-żgħażagħ,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar id-dritt għall-edukazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Lulju 2008 bit-titolu "Titjib tal-kompetenzi għas-Seklu 21: Aġenda dwar Koperazzjoni Ewropea dwar l-Iskejjel" (COM(2008)0425),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 bit-titolu 'Qafas strateġiku aġġornat għall-koperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ' (COM(2008)0865),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta" Novembru 2007 "L-għoti ta" tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni: Abbozz tar-rapport ta" progress konġunt tal-2008 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-"Programm ta" ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010" (COM(2007)0703),

–   wara li kkunsidra l-programm ta" ħidma fuq 10 snin Edukazzjoni u Taħriġ 2010(1) u r-rapporti interim konġunti sussegwenti dwar il-progress lejn l-implimentazzjoni tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1720/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi programm ta' azzjoni fil-qasam tat-tagħlim tul il-ħajja(2),

–   wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(3),

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-13-14 ta' Marzu 2008, b'mod partikolari l-parti dwar 'investiment fin-nies u mmodernizzar tas-swieq tax-xogħol',

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-15 ta" Novembru 2007 dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala mutur prinċipali tal-Istrateġija ta" Liżbona(4),

–   wara li kkunsidra r-rapport lill-UNESCO tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar l-Edukazzjoni għas-Seklu 21,

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2008, dwar it-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu 21: aġenda għall-koperazzjoni Ewropea dwar l-iskejjel(5),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta" Frar 2004 dwar l-irwol tal-iskejjel u tal-edukazzjoni skolastika sabiex ikun massimizzat l-aċċess pubbliku għall-kultura(6),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2005 dwar l-għażliet biex tiġi żviluppata Sistema għall-Iskejjel Ewropej(7),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta" Settembru 2007 dwar l-effiċjenza u l-ekwità tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ Ewropej(8),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2007 dwar l-irwol ta' l-isport fl-edukazzjoni(9),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta" Settembru 2008 dwar it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema(10),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-għoti ta' tagħlim tul il-ħajja għat-tagħrif, il-kreattività u l-innovazzjoni – l-implimentazzjoni tal-Programm ta' ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2010(11),

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A6–0124/2009),

A.   billi l-Istati Membri huma responsabbli għall-organizzazzjoni, il-kontenut u r-riforma tal-edukazzjoni fl-iskejjel; billi l-iskambju ta' informazzjoni u l-prattika t-tajba, u l-koperazzjoni dwar sfidi komuni, huma għodod eċċellenti biex jiġu appoġġjati r-riformi; billi l-Kummissjoni għandha rwol importanti fil-faċilitazzjoni ta' din il-koperazzjoni,

B.   billi l-bidliet ekonomiċi u soċjali fl-Unjoni Ewropea, il-fatturi li qed jikkundizzjonaw is-suq uniku u l-opportunitajiet u d-domandi l-ġodda ta' ekonomija globalizzata qed joħolqu sett ta' sfidi komuni għal kull sistema edukattiva nazzjonali u qed jagħmlu l-koperazzjoni fuq livell Ewropew fil-qasam tal-edukazzjoni u tat-taħriġ dejjem aktar meħtieġa,

C.   billi d-differenzi konsiderevoli bejn il-prestazzjonijiet rispettivi tas-sistemi edukattivi fl-UE jistgħu jżidu d-differenzi fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali bejn l-Istati Membri u jistgħu jipperikolaw l-ilħuq tal-objettivi ta' Liżbona,

D.   billi hemm bżonn ta' miżuri sistematiċi biex ikun konsolidat l-irwol tal-edukazzjoni fit-"triangolu tal-għarfien" (riċerka, innovazzjoni u edukazzjoni), li għalih l-Unjoni Ewropea tipprovdi appoġġ għall-istrateġija fit-tul għall-iżvilupp, il-kompetittività u l-koeżjoni soċjali fil-futur u għall-inklużjoni tal-edukazzjoni fost il-prijoritajiet tar-rawnd ta' taħdidiet li jmiss skont il-Proċess ta' Liżbona,

E.   billi l-benchmarks huma għodda importanti biex jitmexxew 'il quddiem riformi ulterjuri, peress li jippermettu li jitkejjel il-progress lejn għanijiet komuni definiti sew,

F.   billi l-Kunsill adotta tliet punti ta" referenza għall-2010 li għandhom x'jaqsmu mal-edukazzjoni skolastika, dwar żgħażagħ li jitilqu mill-iskola kmieni, il-kapaċità tal-qari u t-tlestija tal-edukazzjoni sekondarja ogħla; billi l-progress lejn dawn il-punti ta' referenza għadu mhux suffiċjenti,

G.   billi l-kisba ta' ħiliet bażiċi u kompetenzi fundamentali miż-żgħażagħ kollha u t-titjib tal-livelli edukattivi li jridu jintlaħqu huma kruċjali biex jiġu ssodisfati l-għanijiet tal-aġenda ta' Liżbona,

H.   billi l-livell edukattiv li jilħqu ż-żgħażagħ għandu effett dirett fuq il-prospetti ta' impjieg , il-parteċipazzjoni soċjali, l-edukazzjoni jew it-taħriġ ulterjuri u d-dħul finanzjarju tagħhom iktar 'il quddiem f'ħajjithom,

I.   billi l-edukazzjoni tan-nisa hija partikolarment influwenti fuq il-prestazzjoni edukattiva tal-komunitajiet; billi edukazzjoni mhux kompluta jew mhux sodisfaċenti tal-bniet tista" mhux biss taffettwa lilhom, iżda tista' tittrasmetti l-iżvantaġġi għall-ġenerazzjoni li jmiss,

J.   billi l-inġustizzji u t-tluq bikri mill-iskola joħolqu spejjeż soċjali u ekonomiċi għolja u għandhom effett detrimentali fuq il-koeżjoni soċjali, u billi l-forom kollha ta" segregazzjoni skolastika jdgħajfu l-livell tas-sistemi edukattivi nazzjonali kollha kemm huma,

K.   billi attwalment qed tiġi osservata żieda allarmanti fil-vjolenza fl-iskejjel, akkumpanjata minn manifestazzjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija fl-ambjent skolastiku, bħala riżultat ta' żewġ tendenzi bażiċi fi ħdan l-istabbilimenti edukattivi – il-multikulturaliżmu u t-twessigħ tad-diviżjoni bejn il-klassijiet soċjali – aggravati min-nuqqas ta' kwalunkwe intervent jew appoġġ lill-istudent u mekkaniżmi ta' kuntatt xierqa fi ħdan is-sistema edukattiva,

L.   billi l-mudelli edukattivi inklużivi jħeġġu l-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati ta' studenti u ta' studenti bi bżonnijiet edukattivi speċjali, u jżidu s-solidarjetà bejn l-istudenti minn sfondi differenti,

M.   billi edukazzjoni ta' qabel il-primarja li tkun żviluppata sew tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-integrazzjoni ta' gruppi żvantaġġati (bħal tfal minn sfondi soċjali bi dħul baxx u minn minoranzi), tista' tgħin biex tgħolli l-livelli tal-ħiliet ġenerali, tnaqqas id-differenzi edukattivi, u hija kruċjali biex tiżdied l-ekwità u jonqsu r-rati ta' studenti li jitilqu mill-iskola kmieni,

N.   billi l-iskejjel għandhom importanza kruċjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħajja soċjali u tat-tagħlim u tal-iżvilupp personali tat-tfal; kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mat-trażmissjoni lit-tfal tal-għarfien, il-ħiliet u l-valuri għall-parteċipazzjoni f'soċjetà demokratika u għal ċittadinanza attiva,

O.   billi, fil-kriżi finanzjarja u ekonomika globali attwali, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom irwol ewlieni fl-iżvilupp ta' ħiliet u għarfien innovattivi u fl-iżgurar tal-moviment ħieles tal-għarfien bħala l-istrument ideali għall-irkupru ekonomiku u għall-konsolidazzjoni tas-suq tal-impjiegi; waqt li jinnota, madankollu, li l-għan primarju tat-tfassil tal-politika fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ mhuwiex li jinkisbu l-ħtiġijiet tas-suq u l-kriterji tal-impjegabilità, iżda li jkun żgurat li l-istudenti jiksbu standard ġenerali ta' għarfien li jissodisfa kriterji edukattivi uniformi, li jirriżulta f'personalitajiet kompletament ekwilibrati,

P.   billi l-kurrikuli kif ukoll il-metodi ta' tagħlim u ta' assessjar għandhom jippermettu li l-istudenti kollha jiksbu kompetenzi fundamentali u jiżviluppaw il-potenzjal kollu tagħhom; billi l-benessri fiżiku u mentali tat-tfal, kif ukoll ambjent ta' tagħlim pjaċevoli, huma kruċjali għal riżultati ta' tagħlim pożittivi,

Q.   billi edukazzjoni estensiva li tinkludi suġġetti bħall-arti u l-mużika tista" tikkontribwixxi għat-trawwim tas-sodisfazzjon personali, tal-fiduċja fik innifsek u tal-iżvilupp tal-kreattività u l-ħsib innovattiv,

R.   billi n-nefqa fl-edukazzjoni għandha tkun diretta b'mod partikolari lejn l-oqsma li jipproduċu l-aktar titjib fil-prestazzjoni u l-iżvilupp tal-istudenti,

S.   billi l-kwalità tat-tagħlim hi rikonoxxuta bħala l-aktar fattur importanti fl-ambjent skolastiku li jaffettwa l-livell li jilħqu l-istudenti,

T.   billi l-mobilità u l-iskambji jistgħu jrawmu kompetenzi interkulturali, lingwistiċi, soċjali u dawk relatati mas-suġġett, isaħħu l-motivazzjoni kemm għall-għalliema u kemm għall-istudenti, u jgħinu biex jitjiebu l-ħiliet pedagoġiċi tal-għalliema,

U.   billi l-iskejjel waħidhom jiffurmaw biss parti minn grupp ta' atturi li jaqsmu bejniethom ir-responsabilità kollettiva għall-edukazzjoni taż-żgħażagħ,

V.   billi hemm bżonn li tinħoloq kultura ta' evalwazzjoni fl-edukazzjoni u fis-sistemi ta" taħriġ biex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv fit-tul tal-iżvilupp tagħhom,

W.   billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tat-8 ta' Settembru 2005, il-Parlament enfasizza l-bżonn li tiġi riformata s-sistema ta' governanza tal-iskejjel Ewropej bħala reazzjoni għall-isfidi tal-lum li b'mod partikulari huma marbuta mat-tkabbir u l-konsegwenzi tiegħu,

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tat-3 ta' Lulju 2008, u l-oqsma li fuqhom qed tipproponi li tiġi ffukata l-koperazzjoni futura;

2.  Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tas-16 ta" Diċembru 2008 u l-miżuri li tissuġġerixxi;

3.  Japprova l-fehma li l-edukazzjoni skolastika għandha tkun prijorità fundamentali għaċ-ċiklu li jmiss tal-istrateġija ta' Liżbona;

4.  Jilqa' l-qbil tal-Istati Membri li jikkoperaw fuq l-edukazzjoni skolastika f'oqsma fundamentali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex javvantaġġaw ruħhom kompletament minn din l-opportunità biex jitgħallmu minn xulxin;

Titjib tal-kompetenzi ta' kull student

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu liż-żgħażagħ kollha bil-ħiliet bażiċi li huma fundamentali għal tagħlim ulterjuri, u biex ikomplu l-isforzi biex tiġi implimentata r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE, kif ukoll l-isforzi ħalli jinkisbu l-punti ta' referenza li ġew miftiehma qabel;

6.  Jinsab imħasseb dwar it-tendenza attwali ta' tnaqqis fil-livell tal-ħiliet ta' qari u kitba u tal-ħiliet matematiċi u xjentifiċi tal-istudenti u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha li hemm bżonn biex ireġġgħu lura din it-tendenza;

7.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri biex ikomplu jikkunsidrau strateġiji biex jitnaqqsu l-iżbilanċi bejn is-sessi fil-ħiliet bażiċi;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ikomplu l-isforzi ħalli jitnaqqas in-numru ta' persuni li jħallu l-iskola kmieni; jenfasizza l-bżonn li jiġu identifikati l-istudenti f'riskju kemm jista' jkun malajr u biex jiġu pprovduti b'appoġġ addizzjonali u attivitajiet ta' tagħlim wara l-ħin tal-iskola, kif ukoll biex jiġu appoġġjati matul it-tranżizzjoni minn livell skolastiku għall-ieħor u jiġu provduti approċċi ta" tagħlim personalizzat għal dawk fil-bżonn;

9.  Jinnota li fl-Unjoni, iż-żgħażagħ juru nuqqas preokkupanti ta' kapaċità biex jikkonċentraw; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni sabiex twettaq studju biex tinvestiga r-raġunijiet prinċipali għal dan in-nuqqas ta' konċentrazzjoni fost l-istudenti;

10.  Hu tal-fehma li l-iskejjel għandhom jipprovdu edukazzjoni ta' kwalità għolja għat-tfal kollha u għandu jkollhom għanijiet ambizzjużi għall-istudenti kollha, filwaqt li joffru firxa ta' għażliet għall-istudju u appoġġ addizzjonali biex jitqiesu l-bżonnijiet tal-istudenti individwali;

11.  Jistieden għalhekk lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-politiki edukattivi tagħhom jilħqu bilanċ bejn l-ugwaljanza u l-kwalità, b'enfasi fuq il-miżuri ta' faċilitazzjoni soċjali għall-istudenti żgħar u kbar minn sfondi soċjali żvantaġġati u li l-proċess tat-tagħlim jiġi adattat għall-bżonnijiet individwali tagħhom, u b'hekk jiġu offruti opportunitajiet ugwali f'dak li għandu x'jaqsam mal-aċċess għall-edukazzjoni;

12.  Iħeġġeġ barra minn hekk lill-Istati Membri sabiex isaħħu l-aċċess ta' gruppi żvantaġġati għat-taħriġ vokazzjonali u għall-istudji universitarji skont l-ogħla standards, inter alia billi jitfasslu u jiġu rriklamati skemi ta" boroż ta" studju xierqa;

13.  Jargumenta favur il-mudelli edukattivi inklużivi fejn il-komunitajiet skolastiċi jirriflettu s-soċjetà f'dak li għandu x'jaqsam mad-diversità, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe tip ta' segregazzjoni;

14.  Iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri biex jippruvaw jilħqu l-għan li jkun hemm desegregazzjoni sħiħa tal-klassijiet/istituzzjonijiet tar-Roma fl-iskejjel primarji, kif ukoll biex jimmonitorjaw u jabolixxu l-prattika illegali li t-tfal Roma jitqiegħdu fi klassijiet għal persuni b'diżabilità mentali;

15.  Jikkunsidra li huwa importanti għaż-żgħażagħ li, matul iż-żmien tagħhom fi skejjel, kulleġġi u universitajiet, jitħejjew biex ikunu flessibbli fis-suq tax-xogħol minħabba l-mutabilità tiegħu, (fis-sens li r-rekwiżiti ta" min iħaddem jistgħu jinbidlu malajr);

16.  Jitlob li l-kurrikuli skolastiċi jiġu mmodernizzati u mtejba sabiex jirriflettu r-realtajiet soċjali, ekonomiċi, kulturali u tekniċi tal-lum u sabiex jintrabtu mill-qrib mal-industrija, in-negozju u s-suq tax-xogħol;

17.  Hu tal-fehma, madankollu, li r-riforma tas-sistema edukattiva għandha tkun fundamentalment immirata lejn l-iżvilupp sħiħ u multidimensjonali tal-individwu, waqt li jitrawwem ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-ġustizzja soċjali, it-tagħlim tul il-ħajja għal għanijiet ta' żvilupp personali u titjib professjonali, il-protezzjoni tal-ambjent u l-benessri personali u kollettiv; hu tal-fehma li, f'dan il-kuntest, it-tqabbil tal-għarfien li nkiseb b'dan il-mod mar-rekwiżiti tas-suq huwa, bla dubju, prijorità għas-sistemi edukattivi iżda mhux l-għan primordjali u fundamentali tagħhom;

18.  Jemmen li l-iskejjel m'għandhomx biss jagħmlu ħilithom biex itejbu l-impjegabilità, imma anke biex jagħtu liż-żgħażagħ kollha l-opportunità li jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom, skont il-kapaċitajiet inerenti personali tagħhom; jenfasizza l-importanza li jinħoloq ambjent ta' tagħlim fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiksbu l-kompetenzi demokratiċi bażiċi li jippermettulhom li jieħdu sehem attiv fis-soċjetà ċivili;

19.  Jikkunsidra li t-tfal kollha għandhom, mill-iktar età żgħira, jingħataw l-opportunità li jiksbu kompetenzi mużikali, artistiċi, manwali, fiżiċi, soċjali u ċiviċi; għalhekk, jemmen bis-saħħa li l-edukazzjoni mużikali, artistika u fiżika għandha tkun parti obbligatorja mill-kurrikulu skolastiku;

20.  Jinsab konvint li, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta" Barċellona tal-2002, it-tfal għandhom jitgħallmu lingwi barranin minn età żgħira; jilqa' l-proposta ta' punt ta' referenza ġdid, li skontu mill-inqas 80% tal-istudenti f'edukazzjoni sekondarja iktar baxxa jridu jiġu mgħallma mill-inqas żewġ lingwi barranin; jenfasizza l-importanza li t-tagħlim tal-lingwi barranin jitkompla fl-edukazzjoni sekondarja għolja biex jiġi assigurat li ż-żgħażagħ jiksbu livell għoli ta' kompetenzi lingwistiċi; jistieden lill-Istati Membri biex jirriflettu fuq il-possibilità li jimpjegaw iktar kelliema nattivi biex jgħallmu l-lingwi;

21.  Jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u fil-litteriżmu medjatiku; jikkunsidra li hu importanti li l-istudenti jitħarrġu fl-użu u fl-applikazzjonijiet tat-teknoloġiji ta" komunikazzjoni u t-teknoloġiji diġitali l-ġodda;

22.  Japprezza l-kontribut ta' edukazzjoni mhux formali sabiex iż-żgħażagħ jiġu provduti b'ħiliet prezzjużi li jikkumplimentaw lil dawk miksuba fl-iskejjel u jistieden lill-iskejjel biex jikkoperaw b'mod aktar intensiv ma' min jipprovdi edukazzjoni mhux formali bħall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

Skejjel u għalliema ta' kwalità għolja

23.  Jikkunsidra l-edukazzjoni ta" kwalità bħala dritt ta' kull tifel u tifla, u li l-ewwel pass importanti sabiex tkun garantita jkun Karta Ewropea dwar id-drittijiet tal-istudenti;

24.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali kompetenti biex jinvestu fl-edukazzjoni ta' qabel il-primarja, biex jiggarantixxu istituzzjonijiet ta' kwalità għolja għal qabel il-primarja u għall-kura tat-tfal, b'għalliema u carers li jkunu mħarrġa b'mod adegwat, u biex jiggarantixxu li jkunu għall-but ta' kulħadd; jappoġġja l-proposta għal punt ta' referenza ġdid dwar ir-rata ta' parteċipazzjoni fl-edukazzjoni ta' qabel il-primarja;

25.  Jemmen li l-edukazzjoni pubblika għandha tibqa' settur primarjament iffinanzjat mill-istat, settur li jikkontribwixxi għall-ekwità u għall-inklużjoni soċjali; jilqa', madankollu, l-inizjattivi mmirati lejn l-iżvilupp ta' koperazzjoni siewja mas-settur privat u lejn l-esplorazzjoni ta' modi potenzjali ġodda ta' finanzjament kumplimentari;

26.  Jikkunsidra li l-istituzzjonijiet edukattivi li jinsabu f'sitwazzjoni finanzjarja aktar żvantaġġata, b'mod partikulari dawk li jinsabu f'reġjuni ifqar tal-UE, għandhom jingħataw appoġġ addizzjonali;

27.  Jemmen li ambjent ta' tagħlim ta" kwalità tajba, li jipprovdi infrastruttura, materjali u teknoloġija moderni, huwa prerekwiżit biex tinkiseb edukazzjoni ta' kwalità għolja fl-iskejjel;

28.  Jemmen li l-kwalità tal-edukazzjoni u l-livell ta' riżultati tagħha jirrikjedu ulterjorment kurrikuli ta' natura eżiġenti u rigoruża u assessjar tal-istudenti fuq bażi regolari, fejn l-assessjar jimplika r-responsabbli tal-istudenti nfushomgħall-progress li jagħmlu;

29.  Jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu lill-iskejjel l-awtonomija li hemm bżonn biex jinstabu soluzzjonijiet għall-isfidi speċifiċi li jaffaċċjaw fil-kuntest lokali tagħhom, kif ukoll il-flessibilità xierqa fil-kurrikuli, il-metodi ta' tagħlim u s-sistemi ta' assessjar, waqt li jiġi rikonoxxut il-bżonn li jiġi żgurat li s-sistemi ta' kwalifiki jkunu jistgħu jitqabblu bejniethom fl-Ewropa kollha;

30.  Jikkunsidra l-evalwazzjoni bħala strument utli għat-titjib tal-kwalità tas-sistemi edukattivi; jenfasizza, madankollu, li kull sistema ta' evalwazzjoni u assessjar m'għandhiex tkun immirata biss lejn ir-riżultati u l-kisbiet kwantitattivi tal-istudenti, li twassal għall-ħolqien ta" ġerarkija soċjali ta' stabbilimenti edukattivi, akkumpanjata minn sistemi edukattivi "b'diversi veloċitajiet", iżda anke lejn is-sistema nnifisha u l-metodi li tuża, filwaqt li jitqiesu b'mod ċar iċ-ċirkustanzi soċjoekonomiċi speċifiċi li fihom kull skola tkun qed topera;

31.  Jemmen li l-kwalità tal-edukazzjoni u tal-livell ta' riżultati tagħha tiddependi wkoll fil-biċċa l-kbira tagħha mir-rispett għall-awtorità tal-għalliem fil-klassi;

32.  Jikkunsidra li l-kompożizzjoni tal-istaff tal-għalliema għandha tirrifletti, sakemm jista' jkun, id-diversità dejjem tiżdied tas-soċjetajiet Ewropej, sabiex jiġu pprovduti mudelli li jappellaw għall-istudenti kollha; f'dan ir-rigward, jinkoraġġixxi riflessjoni dwar il-ħtieġa li jiġu attirati aktar irġiel għall-professjoni tat-tagħlim, partikolarment fil-livell primarju;

33.  Jinsab konvint li hemm bżonn li jiġu pprovduti kemm edukazzjoni inizjali ta' kwalità għolja għall-għalliema bbażata fuq it-teorija u l-prattika, kif ukoll proċess koerenti ta' żvilupp u appoġġ professjonali kontinwi sabiex l-għalliema jinżammu aġġornati bil-ħiliet meħtieġa fis-soċjetà bbażata fuq l-għarfien (knowledge-based society) matul il-karrieri tagħhom; jemmen li l-edukazzjoni għall-għalliema u l-politiki ta' reklutaġġ għandhom jitfasslu b'mod li jattiraw l-iktar rekluti kapaċi u li l-għalliema għandhom jiġu offruti livelli ta' rikonoxximent soċjali, status u remunerazzjoni li jikkorrispondu mal-importanza ta' dmirijiethom;

34.  Jargumenta bis-saħħa favur il-fatt li kemm jista' jkun studenti u għalliema għandhom jingħataw l-opportunità li jipparteċipaw fi proġetti ta' mobilità u ta' sħubija tal-iskejjel; jisħaq fuq l-importanza tal-programm Comenius f'dan ir-rigward; jenfasizza l-bżonn li jitnaqqas ulterjorment il-piż amministrattiv għal skejjel applikanti; jilqa' t-twaqqif ta' Comenius Regio; jappoġġja l-proposta biex jiġi żviluppat punt ta' referenza ġdid dwar il-mobilità;

35.  Jirrakkomanda li l-għalliema, inklużi l-għalliema artistiċi, jitħeġġu biex jagħmlu użu massimu mill-programmi ta' mobilità Ewropej u nazzjonali, u li l-mobilità ssir parti integrali mit-taħriġ u l-karrieri tagħhom;

36.  Jirrakkomanda li l-ġenituri jiġu involuti fil-ħajja skolastika, u li titrawwem kuxjenza dwar l-impatt potenzjali tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-attivitajiet extrakurrikulari fuq il-kisba ta' ħiliet u kompetenzi fl-iskola, waqt li jirrikonoxxi l-fatt li ġie ppruvat li l-korrezzjoni tal-inugwaljanzi edukattivi permezz ta" politiki edukattivi biss ma kinitx suċċess;

37.  Jirrakkomanda b'mod qawwi l-ħolqien ta" sħubijiet bejn l-iskejjel u l-komunitajiet sabiex tiġi miġġielda l-problema tal-vjolenza fl-iskejjel, li qed thedded li tinfirex fis-soċjetà kollha;

38.  Jemmen li l-iskejjel kollha għandhom irawmu l-kisba ta' kompetenzi demokratiċi billi jkunu appoġġjati l-kunsilli tal-istudenti u l-istudenti jitħallew jassumu koresponsabilità għall-iskola fi sħubija mal-kunsilli tal-ġenituri, tal-għalliema u tal-iskejjel;

39.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jikkoperaw mill-qrib biex jippromwovu l-implimentazzjoni tas-sistema skolastika Ewropea fis-sistemi edukattivi rispettivi tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprevedi l-inklużjoni tal-Iskejjel Ewropej fil-ħidma tan-network Eurydice;

40.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tirrapporta regolarment dwar il-progress li jkun sar wara ż-żewġ komunikazzjonijiet msemmija hawn fuq, sabiex il-prestazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-UE jkunu jistgħu jiġu evalwati, waqt li tingħata attenzjoni partikolari biex l-istudenti jiksbu l-ħiliet fundamentali;

o
o   o

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 142, 14.6.2002, p. 1.
(2) ĠU L 327, 24.11.2006, p. 45.
(3) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(4) ĠU C 300, 12.12.2007, p. 1.
(5) ĠU C 319, 13.12.2008, p. 20.
(6) ĠU C 98 E, 23.4.2004, p. 179.
(7) ĠU C 193 E, 17.8.2006, p. 333.
(8) ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 300.
(9) ĠU C 282 E, 6.11.2008, p. 131.
(10) Testi Adottati, P6_TA(2008)0422.
(11) Testi Adottati, P6_TA(2008)0625.

Avviż legali - Politika tal-privatezza