Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta' April 2009 dwar it-talba għall-ħarsien tal-immunità u l-privileġġi ta' Aldo Patriciello (2008/2323(IMM))
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba ta" Aldo Patriciello għall-ħarsien tal-immunità tiegħu fil-qafas ta" proċeduri legali pendenti quddiem il-Qorti Distrettwali f'Campobasso, bid-data 11 ta" Novembru 2008, ikkomunikata waqt is-seduta plenarja fl-20 ta" Novembru 2008,
– wara li sema' lil Aldo Patriciello bi qbil mal-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 9 u 10 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, tat-8 ta' April 1965, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986 u tal-21 ta" Ottubru 2008(1),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 6(3) u 7 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A6-0196/2009),
A. billi Aldo Patriciello huwa Membru tal-Parlament Ewropew li l-kredenzjali tiegħu ġew ivverifikati mill-Parlament fil-15 ta" Ġunju 2006,
B. billi, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Parlament Ewropew u l-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali għandhom jikkoperaw sabiex jevitaw kwalunkwe kunflitt fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll; billi konsegwentementfejn xi azzjoni tkun tressqet kontra Membru tal-Parlament Ewropew quddiem qorti nazzjonali u din il-qorti tkun infurmata li tkun inbdiet proċedura għall-ħarsien tal-privileġġi u immunitajiet ta" dak il-Membru, kif previst fl-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta' Proċedura, dik il-qorti għandha tissospendi l-proċeduri ġudizzjarji u titlob lill-Parlament biex jagħti l-opinjoni tiegħu kemm jista' jkun malajr(2),
C. billi, skond l-Artikolu 10 tal-Protokoll, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Membri tiegħu jgawdu fit-territorju tal-istat tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom u billi l-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fl-att li jikkommetti reat; billi dan ma jżommx lill-Parlament milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta" wieħed mill-Membri tiegħu,
D. billi, għalhekk, id-dispożizzjoni applikabbli għall-każ in kwistjoni hija l-Artikolu 68(2) tal-Kostituzzjoni Taljana, li tippermetti li jitressqu proċeduri kriminali kontra Membri tal-Parlament mingħajr ebda formalitajiet speċjali, minħabba d-dispożizzjoni tagħha li, mingħajr il-permess tal-Kamra li għaliha jappartjeni l-Membru, tfittxija ma tkunx tista" ssir fuq il-persuna jew id-domiċilju ta' Membru tal-Parlament u Membru ma jistax ikun arrestat jew b'xi mod ieħor imċaħħad mil-libertà personali tiegħu jew tagħha jew miżmum f'detenzjoni, ħlief biex jinforza kundanna finali jew fejn il-Membru jinqabad fl-att li jwettaq reat li għalih l-arrest ikun obbligatorju f'każ ta" flagrante delicto,
E. billi bħalissa, il-Protokoll ma jippermettix li l-Parlament Ewropew ikollu l-mezzi biex jieħu azzjoni li torbot sabiex jipproteġi lil Aldo Patriciello,
1. Jiddeċiedi li ma jiddefendix l-immunità u l-privileġġi ta' Aldo Patriciello;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Taljana.
Il-Każ 101/63 Wagner v Fohrmann u Krier [1964] ECR 195, Każ 149/85 Wybot v Faure u Oħrajn [1986] ECR 2391 u Każi Konġunti C-200/07 u C-201/07 Marra v De Gregorio u Clemente, għad mhux irrappurtati fl-ECR.